Language of document : ECLI:EU:F:2014:40

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

20 ta’ Marzu 2014

Kawża F‑44/13

Françoise Michel

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjal – Kawża għad-danni – Remunerazzjoni – Assenjazzjoni f’pajjiż terz – Allowance għall-kundizzjonijiet tal-ħajja – Kalkolu tal-allowance – Teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tat-taxxa fuq pensjoni tas-superstiti – Żball tal-Awtorità tal-Ħatra – Talba għal kumpens għad-dannu sostnut – Natura definittiva tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni effettiv kontra l-uffiċjal – Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Inapplikabbiltà – Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li permezz tiegħu F. Michel essenzjalment titlob l-annullament tad-deċiżjoni, tal-25 ta’ Jannar 2013, tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha din l-awtorità laqgħet l-ilment tagħha parzjalment billi rrifjutat, minħabba motiv ibbażat fuq it-tardività tat-talba, li tikkumpensaha integralment għal dannu marbut ma’ kalkolu żbaljat, fuq kważi għaxar snin, tal-ammont li kien dovut lilha bħala allowance għall-kundizzjonijiet tal-ħajja.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. F. Michel għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Motivi – Illegalità ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma ġietx ikkontestata fit-termini – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni – Invokazzjoni tad-diffikultajiet ta’ komprensjoni tar-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu sabiex tiġi ġġustifikata n-natura tardiva tat-talba – Inammissibbiltà – Ħlas volontarju mill-amministrazzjoni ta’ kumpens bl-użu tal-kalkolu mitlub minn min għamel it-talba – Applikabbiltà tat-terminu dwar it-talbiet għal irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 85, Artikolu 90(1))

4.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Dritt għal interessi moratorji – Kundizzjonijiet

1.      Uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun naqas milli jikkontesta atti li jikkawżawlu preġudizzju billi jippreżenta, fi żmien xieraq, ilment u, sussegwentement, rikors għal annullament, ma jistax jirrimedja għal din l-ommissjoni u għaldaqstant jikseb iktar ħin għal preżentata ta’ rikors, permezz ta’ talba għal kumpens imressqa sussegwentement li l-għan tagħha jkun b’mod ċar, li jikseb riżultat finanzjarju identiku għal dak li kien jirriżulta minn azzjoni, fi żmien xieraq, għal annullament kontra dawn l-atti.

(ara l-punt 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il-Kummissjoni, T-20/92, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Settembru 2011, Hecq vs Il‑Kummissjoni, F‑12/11, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      It-termini għat-tressiq ta’ lment u ta’ kawża, li huma ta’ ordni pubbliku u li la huma għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas għad-dispożizzjoni tal-qorti, għandhom l-għan li jipproteġu, fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iċ-ċertezza legali indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tagħhom, billi tiġi evitata l-opponibbiltà indefinita tal-atti tal-Unjoni li jikkawżaw effetti ta’ liġi kif ukoll li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għalhekk, il-possibbiltà li titressaq talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tippermetti lill-uffiċjal jinjora t-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq tal-ilment u tal-kawża, billi tiġi kkontestata indirettament, permezz ta’ talba sussegwenti, deċiżjoni preċedenti li ma tkunx ġiet ikkontestata fit-termini.

F’dan ir-rigward, minħabba n-natura ta’ ordni pubbliku tal-imsemmija termini, il-fatt li istituzzjoni taċċetta li tikkunsidra l-mertu ta’ kumpens parzjalment tardiv, u għaldaqstant inammissibbli, ma jistax ikollu l-effett li jidderoga mis-sistema tat-termini obbligatorji.

(ara l-punti 46 u 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il‑Kummissjoni, 232/85, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Jannar 1997, Adriaenssens et vs Il-Kummissjoni, T‑7/94, punti 27 u 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, 24 ta’ Marzu 1998, Meyer et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑181/97, punt 31, 5 ta’ Marzu 2008, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑414/06 P, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Uffiċjal ma jistax jiġġustifika t-tardività ta’ talba għal kumpens fir-rigward tal-bażi taxxabbli tas-salarju tiegħu billi jinvoka diffikultajiet li ltaqa’ magħhom sabiex jidentifika u jifhem il-modalitajiet tal-kalkolu. Fil-fatt, kull uffiċjal b’diliġenza normali huwa mistenni jkun jaf ir-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, b’mod purament volontarju, li tapplika b’mod retroattiv fir-rigward tal-persuna kkonċernata l-kalkolu korrett ta’ allowance li għaliha huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti u li kienet ġiet ikkalkolata qabel b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bażi taxxabbli kontenzjuża ma jistax jippermettilu li jagħmel użu, mutatis mutandis, mit-terminu ta’ ħames snin previst fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, istituzzjoni ma twettaq ebda żball amministrattiv meta ma tiġbidx l-attenzjoni tal-uffiċjal dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ benefiċċju. Is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni inkarigata sabiex tiżgura l-ħlas ta’ eluf ta’ salarji u ta’ allowances diversi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha ma tistax titqabbel ma’ dik tal-uffiċjal, li għandu interess personali li jivverifika l-ħlasijiet li jitħallsu lilu kull xahar.

(ara l-punti 52 sa 54 u 69 sa 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Marzu 1975, Acton et vs Il-Kummissjoni, 44/74, 46/74 u 49/74, punt 29, 27 ta’ Ottubru 1987, Houyoux u Guery vs Il‑Kummissjoni, 176/86 u 177/86, punti 9 u 14 sa 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Frar 1994, White vs Il-Kummissjoni, T‑107/92, punt 47, 5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T‑205/01, punt 52, 16 ta’ Mejju 2007, F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, punt 144, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Marzu 2014, CR vs Il-Parlament, F‑128/12, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Meta żball imwettaq mill-amministrazzjoni fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jmurx lil hinn mill-kuntest tal-iżbalji u r-rettifiki ta’ rutina li jistgħu jseħħu fil-kalkolu tas-salarji ta’ kull xahar, imwettqa jew b’vantaġġ għall-uffiċjal ikkonċernat, jew, għall-kuntrarju, bi żvantaġġ għalih, huwa normali li, meta dawn l-iżbalji jiġu kkoreġuti malli jsiru magħrufa, la jinħtieġu interessi moratorji mingħand l-uffiċjal u lanqas mingħand l-amministrazzjoni, peress li, ħlief għal każijiet eċċezzjonali li juru żball gravi tal‑Awtorità tal-Ħatra, ir-rettifiki mwettqa wara lment jew rikors ma jkunux differenti mir-rettifiki ta’ rutina.

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-għoti ta’ interessi moratorji fuq somma li l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni tirrimborsa b’mod volontarju jista’ biss jiġi kkunsidrat meta, minn naħa, id-dejn prinċipali jkun ċert fir-rigward tal-ammont tiegħu jew tal-inqas jista’ jiġi ddeterminat abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti u, min-naħa l-oħra, meta l-ħlas inkwistjoni sussegwentement jiddewwem b’mod irraġonevoli mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 80 u 82)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Ottubru 1977, Gelders-Deboeck vs Il‑Kummissjoni, 106/76, punti 26 sa 29

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Marzu 1996, Weir vs Il-Kummissjoni, T‑361/94, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata