Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi (il-Belġju) fil-5 ta’ Ġunju 2018 – Frank Casteels vs Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd

(Kawża C-368/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Justice de paix du troisième canton de Charleroi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Frank Casteels

Konvenuta: Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd

Domandi preliminari

It-talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 [hija] fformulata kif ġej:

Il-fatt inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri l-istrajk tal-impjegati tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar (handling company) fl-ajruport tat-tluq tat-titjira kkonċernata, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “avvenimentˮ fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771), jew taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanza straordinarjaˮ fis-sens tal-premessa 14 tal-imsemmi regolament, kif interpretat permezz tas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, EU:C:2013:43), jew dawn iż-żewġ kunċetti jingħaqdu?

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri l-istrajk tal-impjegati tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar fl-ajruport tat-tluq tat-titjira kkonċernata, għandu jitqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru, u, konsegwentement, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkostanza straordinarjaˮ li teżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu tiegħu li jagħti kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira operata mill-ajruplan ikkonċernat?

Jekk avveniment bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri l-istrajk tal-impjegati tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar fl-ajruport tat-tluq tat-titjira kkonċernata, għandu jitqies li jikkostitwixxi “ċirkostanza straordinarjaˮ, minn dan għandu jiġi dedott li għat-trasportatur bl-ajru din hija “ċirkostanza straordinarjaˮ li ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha?

Il-fatt li l-istrajk kien tħabbar għandu jitqies li għandu l-konsegwenza li avveniment bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri l-istrajk tal-impjegati tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar fl-ajruport tat-tluq tat-titjira kkonċernata, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarjiˮ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.