Language of document : ECLI:EU:T:2018:276

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

17 ta’ Mejju 2018 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Eżami mediku – Dikjarazzjonijiet mhux kompluti matul l-eżami mediku – Applikazzjoni retroattiva tar-riżerva medika – Ċaħda tal-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kienet annullat id-deċiżjoni inizjali”

Fil-Kawża T‑701/16 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal‑21 ta’ Lulju 2016, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑91/15, EU:F:2016:170), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn C. Berardis-Kayser, C. Ehrbar u T. Bohr, sussegwentement minn C. Ehrbar u T. Bohr, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

AV, ex membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni, irrappreżentat minn J.‑N. Louis u N. de Montigny, avukati,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, M. Prek (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat abbażi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal‑21 ta’ Lulju 2016, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑91/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:F:2016:170), li permezz tagħha annulla d-deċiżjoni tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2014 li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ AV għar-riżerva medika prevista mill-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma msemmija fil-punti 3 sa 30 tas-sentenza appellata kif ġej:

“3      Fit‑18 ta’ Marzu 2005, [AV] kien suġġett għall-eżami mediku ta’ reklutaġġ bil-għan li jiġi rreklutat mill-Kummissjoni bħala membru tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien determinat għall-perjodu mis‑16 ta’ April 2005 sal‑15 ta’ April 2009. Waqt dan l-eżami, [AV] iffirma formola li tindika li ma kellu l-ebda fattur ta’ riskju personali, għajr għal forma ta’ dislipidemija, li ma kellux anteċedenti patoloġiċi u li ma kien qed isegwi l-ebda terapija farmakoloġika.

4.      L-uffiċjal mediku li għamel l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, it-tabib A, esprima opinjoni ta’ kapaċità fiżika [ta’ AV] sabiex iwettaq il-funzjonijiet li għalihom huwa kellu jiġi rreklutat.

5.      Fis-16 ta’ April 2005, [AV] daħal fis-servizz tal-Kummissjoni u ġie ssekondat fiċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) ta’ Ispra (l-Italja).

6.      Fis-26 ta’ Ġunju 2005, l-uffiċjal mediku tas-servizz mediku ta’ Ispra ddijanjostika lil [AV] b’marda psikjatrika. Fl‑21 ta’ Lulju ta’ wara, il-persuna kkonċernata informat lill-kap tas-servizz mediku ta’ Ispra li kienet ilha tieħu kura għal madwar ħmistax-il sena b’rabta ma’ din il-marda. Barra minn hekk, skont rapport imħejji mill-kap tas-servizz mediku ta’ Ispra, f’intervista ma’ [AV] li seħħet fil‑5 ta’ Diċembru 2005, dan tal-aħħar iddikjara, bi tweġiba għal mistoqsija, li kien naqas li jitkellem dwar il-marda li kien isofri minnha waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ.

7      [AV] kien ħa ħafna leave tal-mard li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi fit‑12 ta’ Settembru 2008 li tpoġġih fuq leave mingħajr paga skont l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

8.      Fis‑17 ta’ Novembru 2008, il-konsulent [ta’ AV] talab sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidita.

9      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Frar 2009, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti infurmat lil [AV] li, b’deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2009, kienet iddeċidiet li tressaq il-każ tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Invalidità.

10      Fid‑9 ta’ Mejju 2009, il-Kumitat tal-Invalidità kkonkluda b’mod unanimu [li AV], minħabba l-marda psikjatrika tiegħu, kellu invalidità permanenti meqjusa bħala totali li għamlitha impossibbli għalih li jwettaq attività li tikkorrispondi mal-funzjonijiet tiegħu.

11      Fl‑24 ta’ Lulju 2009, il-kap tas-servizz mediku ta’ Ispra nnotifika lill-konsulent [ta’ AV] bil-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, bid-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti tad‑9 ta’ Lulju 2009 sabiex tapplika [għal AV] ir-riżerva medika b’effett retroattiv għall-jum tad-dħul fis-servizz tiegħu u bid-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti tat‑13 ta’ Lulju 2009 sabiex ittemm il-funzjonijiet [ta’ AV] minħabba l-invalidità permanenti tiegħu u li ma tagħtihx allowance tal-invalidità.

12      [AV] ressaq ilment kontra d-deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Lulju 2009 u tat‑13 ta’ Lulju 2009. Wara dan l-ilment, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti rtirat dawn id-deċiżjonijiet fil‑5 ta’ Frar 2010.

13      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Frar 2010, l-awtorità li għandha setgħa tikkonkludi l-kuntratti stiednet lil [AV] jesprimi l-fehma tiegħu dwar il-fatt li ma kienx iddikjara, matul l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, ‘marda li [sofra minnha] għal ħafna snin u li għaliha [kien qed] jirċievi kura fil-mument stess [meta kien iffirma l-formola matul il-eżami mediku ta’ reklutaġġ]’.

14      [AV] ta l-fehma tiegħu f’ittra datata 15 ta’ Frar 2010, li ġiet iċċarata b’ittra mill-konsulent tiegħu tas‑16 ta’ Frar ta’ wara. [AV] iddikjara, fost affarijiet oħra, li fiż-żmien tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ, l-istat tas-saħħtu kien ‘ottimali’, li kien ħadem ‘għal ħafna snin f’kumpanniji privati f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà’ u li, fil-ħin ta’ reklutaġġ, il-marda li minnha sofra ‘kienet biss memorja’.

15      Permezz ta’ nota interna tat‑3 ta’ Marzu 2010, il-kap tas-servizz mediku ta’ Ispra, it-tabib B, għarraf lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Riżorsi Umani u Sigurtà’ li, kieku [AV] kien tkellem, waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, dwar il-patoloġija li kien isofri minnha, it-tobba kienu joħorġu avviż ta’ ‘nuqqas ta’ kapaċità’ għall-post ta’ ħaddiem ikkwalifikat jew ta’ ‘kapaċità b’riżerva’ għal pożizzjoni purament amministrattiva (iktar ’il quddiem in-‘nota tat‑3 ta’ Marzu 2010’).

16      Fit‑12 ta’ April 2010, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ddeċidiet li tapplika [għal AV] ir-riżerva medika prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg b’effett retroattiv mid-data tar-reklutaġġ tiegħu, essenzjalment, billi qieset li kieku [AV] kien irrapporta l-kundizzjoni preeżistenti fl-eżami mediku ta’ reklutaġġ, ‘kien ikun is-suġġett tar-riżerva medika’ (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010’).

17      Fis‑16 ta’ April 2010, l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ddeċidiet, minn naħa, li ‘tissospendi fit‑30 ta’ April 2010 is-servizz [ta’ AV]’ minħabba l-invalidità tiegħu meqjusa bħala totali u min-naħa l-oħra, li ma jingħatax il-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità, billi l-invalidità ppreżentata minnu kienet ‘l-istess bħal dik li [kienet] is-suġġett tar-riżerva medika’ (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2010’).

18      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil‑31 ta’ Marzu 2011, u rreġistrat taħt ir-referenza F‑4/11, [AV] talab l-annullament tad-deċiżjonijiet tat‑12 ta’ April 2010 u tas‑16 ta’ April 2010.

19      B’sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96, iktar ’il quddiem is-‘sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012’), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 kif ukoll id-deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2010 peress li din tal-aħħar ċaħdet lil [AV] il-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità.

20      B’mod partikolari, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, fil-‘każ partikolari fejn, wara l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, ikun jidher li membru tal-persunal ma rrispondiex b’mod sinċier u komplet għad-domandi magħmula dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu mill-uffiċjal mediku matul dan l-eżami, huwa possibbli għall-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti li tirtira d-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tapplikax ir-riżerva medika u li tieħu deċiżjoni ġdida fejn tapplika retroattivament din ir-riżerva’. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żied jgħid li ‘l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti hija madankollu obbligata minn qabel li tosserva l-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri, minn naħa, li tirreferi l-każ lill-uffiċjal mediku sabiex dan tal-aħħar jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni jekk il-mard jew l-invalidità kinitx tiġġustifika li l-ingaġġ tal-persuna kkonċernata jkun akkumpanjat minn riżerva medika u, min-naħa l-oħra, li tikkomunika lill-membru tal-persunal id-deċiżjoni li hija ħadet fuq il-bażi ta’ din l-opinjoni, sabiex il-membru tal-persunal ikun jista’, jekk ikun il-każ, jippreżenta appell quddiem il-Kumitat tal-Invalidità’. Fil-fatt, dejjem skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ‘din il-mistoqsija, li tinvolvi d-determinazzjoni jekk dik il-marda jew id-disabbiltà kinux probabbli li jikkawżaw l-invalidità jew il-mewt tal-membru tal-persunal fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul tiegħu fis-servizz fl-istituzzjoni, hija kwistjoni ta’ natura medika u taqa’ taħt il-kompetenza stretta tal-uffiċjal mediku u, fl-appell, il-Kumitat tal-Invalidità’ (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, punt 34).

21      Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Kummissjoni kienet ġustifikata li ssostni [li AV] ma weġibx b’mod komplet u sinċier għall-mistoqsijiet magħmula mill-uffiċjal mediku waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, punt 36), iżda li la lill-uffiċjal mediku u lanqas lill-Kumitat tal-Invalidità ma kienet tressqet il-kwistjoni speċifika dwar jekk, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ mard waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, is-servizz mediku kienx iqis li din il-marda kienet waħda fost dawk, li minħabba l-effetti u l-konsegwenzi tagħhom, kienet meħtieġa għalihom riżerva medika (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, punti 37 sa 40). B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda n-nota tat‑3 ta’ Marzu 2010, it- Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-Kummissjoni kienet iddikjarat espressament li l-awtorità li kellha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ma kinitx qagħdet fuq dik in-nota sabiex tadotta d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, punt 39).

22      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni indikat [lil AV] li hija kienet tqis li ‘l-miżura ta’ eżekuzzjoni korretta tas-sentenza [tal‑10 ta’ Lulju 2012] tkun li l-Kumitat ta’ Invalidità jiltaqa’ mill-ġdid, sabiex ikun jista’ jwieġeb il-mistoqsija prevista fil-punti 37 [sa] 40 tal-motivi, li kienet dwar il-kwistjoni jekk, li kieku ġiet iddikjarata waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, [il]-marda [ta’ AV] kinitx tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ riżerva medika’. Permezz tal-istess ittra, il-Kummissjoni stiednet lil [AV] iqabbad tabib sabiex jirrappreżentah fil-Kumitat tal-Invalidità.

23      Fis-7 ta’ Frar 2013, [AV] qabbad tabib sabiex jirrappreżentah fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità. Il-Kummissjoni kienet ħatret tabib f’Marzu 2013 u l-Kumitat tal-Invalidità ltaqa’ fit‑30 ta’ April 2013.

24      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2013, [AV] talab lit-tabib li rrappreżenta lill-Kummissjoni fil-Kumitat tal-Invalidità sabiex jgħaddilu l-konklużjonijiet ta’ dak il-kumitat u, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni adottata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti.

25      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2014, il-Kummissjoni bagħtet [lil AV] il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità li qalu li, kieku [AV] kien iddikjara il-marda tiegħu matul l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, ‘l-uffiċjal mediku […] kien jitlob lill-[awtorità li kellha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti] sabiex tapplika […] riżerva medika [skont] l-Artikolu 32 tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg]’.

26      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2014, [AV] talab lill-Kummissjoni sabiex tindikalu r-raġunijiet għad-dewmien fin-notifika tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità u sabiex tiċċaralu jekk l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti kinitx adottat deċiżjoni wara dawn il-konklużjonijiet.

27      Fis‑16 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika [għal AV] ir-riżerva medika prevista fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għal perijodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-servizz tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, jiġifieri fis‑16 ta’ April 2005, u sabiex ma jingħatax il-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità, billi l-invalidità ppreżentata minnu kienet l-istess bħal dik li hija s-suġġett tar-riżerva medika (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni kontenzjuża”’).

28      Fit‑22 ta’ Diċembru 2014, [AV] ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, [AV] talab, ‘billi jibbaża ruħu fuq il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità tat‑30 ta’ April 2013’, li jiġi sospiż mis-servizz tiegħu u li jingħata l-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità. Fl-aħħar nett, huwa talab kumpens ta’ EUR 50 000 għall-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment [ta’ AV].

30      Fit‑22 ta’ Ġunju 2015, [AV] applika għal għajnuna legali fuq il-bażi tal-Artikolu 110 tar-Regoli ta’ Proċedura bil-għan li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. [AV] ngħata l-għajnuna legali b’digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑9 ta’ Settembru 2015.”

3        Il-kuntest ġuridiku rilevanti jidher fil-punt 2 tas-sentenza appellata.

 Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

4        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑19 ta’ Ottubru 2015, AV ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru F‑91/15, intiż, minn naħa, sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014 sabiex tiġi applikata fil-konfront tiegħu r-riżerva medika prevista fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u jiġi rrifjutat il-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014”) kif ukoll, minn naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu kumpens ta’ EUR 50 000 għad-dannu morali.

5        Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014 u kkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil AV s-somma ta’ EUR 2 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minnu kif ukoll li tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk li ġarrab AV.

6        L-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li “l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi [kien] jikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni li tiegħu l-qorti tal-Unjoni [kienet] tiżgura l-osservanza” u li dan id-dritt ittenna mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala “komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba” (sentenza appellata, punt 44).

7        Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika li, bħala regola ġenerali, “il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli ma [kienx] jiġġustifika […] l-annullament tad-deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva” u li “huwa biss meta [kien] għadda żmiem eċċessiv, [li seta’ kellu] effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata […], li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli [kien] affettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva” (sentenza appellata, punt 45).

8        It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, “id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi aċċertat jekk il-proċedura [kinitx] tlestiet f’terminu raġonevoli” ma kinitx is‑17 ta’ Novembru 2008 (id-data meta AV kien ressaq it-talba tiegħu sabiex tibda l-proċedura ta’ irtirar minħabba invalidità), imma “il‑5 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri d-data meta [AV] [kien] irrikonoxxa, b’mod ċar u mhux ambigwu, li kien naqas milli jsemmi l-marda psikjatrika tiegħu waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ” (sentenza appellata, punt 47).

9        Wara li fakkar li “ma kienx ikkontestat bejn il-partijiet li, mill-inqas minn dik l-aħħar data, l-[awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ] [kienet] taf […] bil-fatt li dak l-eżami msemmi kien ibbażat fuq informazzjoni mhux kompluta”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li “bħala konsegwenza ta’ din l-irregolarità importanti hekk evidenzjata, [dik l-awtorità] kienet b’mod ċar f’pożizzjoni li tiġbed il-konsegwenzi ġuridiċi għal dak li kien jirrigwarda l-validità tal-kuntratt [ta’ AV] u l-applikazzjoni eventwali tar-riżerva medika”. Madankollu, huwa innota li “l-ewwel pożizzjoni ta’ [din l-awtorità] fir-rigward tal-opportunità li tiġi applikata [għal AV] ir-riżerva medika b’effett retroattiv fil-jum tad-dħul tiegħu fis-servizz [seħħet] biss fid‑9 ta’ Lulju 2009, jiġifieri iktar minn tliet snin u seba’ xhur wara li [l-awtorità inkwistjoni] [kienet ġiet] infurmata li [AV] kien ammetta huwa stess li naqas milli jsemmi, waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, il-marda li kien qed isofri minnha” (sentenza appellata, punti 47 u 48).

10      Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li “tali perijodu, li l-Kummissjoni ma setgħetx tispjega, ma setax jiġi deskritt bħala raġonevoli u għalhekk [kien jikser] id-dritt għal amministrazzjoni tajba” (sentenza appellata, punt 49).

11      Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li “l-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg [kien] jippresupponi li [l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ] tieħu deċiżjoni finali fuq l-applikazzjoni jew le tar-riżerva medika fuq il-bażi ta’ informazzjoni miġbura mill-uffiċjal mediku waqt l-eżami ta’ reklutaġġ jew, fiċ-ċirkustanzi partikolari ħafna ta’ dan il-każ, hekk kif ikollha informazzjoni addizzjonali rilevanti li timmodifika sostanzjalment dik miġbura waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ”. Huwa rrimarka li, f’din il-kawża, “il-Kummissjoni [ħadet] l-ewwel deċiżjoni tagħha li tapplika r-riżerva medika [għal AV] fid‑9 ta’ Lulju 2009 biss, kważi tliet xhur wara l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu u madwar tmien xhur wara t-talba tiegħu għal riferiment lill-Kumitat tal-Invalidità” (sentenza appellata, punt 50).

12      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li dan id-dewmien “seta’ kellu effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009 li tiġi applikata fir-rigward [ta’ AV] ir-riżerva medika b’effett retroattiv sa fejn, mhux biss kienu ddekorrew tliet snin u seba’ xhur wara li l-[awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ kienet saret taf bil-marda [ta’ AV], iżda fuq kollox, wara li l-Kumitat tal-Invalidità kien ikkonkluda, fid-9 ta’ Mejju 2009, li [AV] kien milqut minn invalidità permanenti totali li tqiegħdu f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu”. Huwa qies li “d-deċiżjoni li tiġi applikata riżerva medika […] [kienet] ġiet ittrasformata, fil-fatt, f’deċiżjoni li teskludi b’effett immedjat [AV] mill-garanziji previsti fil-qasam tal-invalidità għal invalidità li diġà kienet teżisti” (sentenza appellata, punt 51).

13      Finalment, dwar id-deċiżjoni adottata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) fit‑12 ta’ April 2010 sabiex tapplika għal AV r-riżerva medika b’effett retroattiv fid-data tad-dħul fil-kariga tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010”), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika li “din id-deċiżjoni, li kienet sostanzjalment identika ma’ dik tad‑9 ta’ Lulju 2009, [kienet] seħħet erba’ snin u erba’ xhur wara li l-ASTK kienet konxja tal-marda [ta’ AV] u li l-ASTK kienet qed tipprepara, erbat ijiem wara, li tissospendi mis-servizz [lil AV] minħabba l-invalidità tiegħu” (sentenza appellata, punt 52).

14      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrimarka li, jekk id-dewmien mhux raġonevoli li huwa kkonstata “ipprekluda lill-Kummissjoni milli tapplika [għal AV] ir-riżerva medika”, “id-deċiżjoni [tas‑16 ta’ Settembru 2014], li [kienet sostanzjalment] identika għad-deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Lulju 2009 u tat‑12 ta’ April 2010, [kienet] ingħatat kważi disa’ snin wara li l-Kummissjoni kienet saret taf li l-eżami mediku ta’ reklutaġġ ma kienx żvolġa fuq bażi regolari” u li “din id-deċiżjoni [kienet] neċessarjament ivvizzjata bl-istess irregolarità” (sentenza appellata, punt 53).

15      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva f’dan ir-rigward li l-“fatt li d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 [kienet] ġiet annullata minħabba difett proċedurali ma jipprekludix lill-[AV] mill-possibbiltà li, fil-kuntest tas-sentenza għall-eżekuzzjoni tas-sentenza għal annullament, jinvoka motiv sostantiv li kien tqajjem fir-rikors li ta lok għas-sentenza għal annullament”. Huwa speċifika li “[kien] jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 [li AV kien] qajjem, fil-kuntest ta’ dik il-kawża, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali” (sentenza appellata, punt 54).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell.

17      Fl‑24 ta’ Frar 2017, AV ppreżenta risposta li fiha huwa ppreżenta wkoll appell inċidentali.

18      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni talbet li tkun tista’ tippreżenta replika, li l-President tal-Awla tal-Appell laqa’ permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ April 2017.

19      Fit‑12 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-replika.

20      Fit‑12 ta’ Lulju 2017, AV ppreżenta l-kontroreplika. Permezz ta’ ittra tal-istess jum, AV irrinunzja għall-appell inċidentali. Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni indikat li ma kellha l-ebda osservazzjonijiet dwar din ir-rinunzja għall-atti.

21      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Settembru 2017, AV talab, skont l-Artikolu 207 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jinstema fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura. Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda talba għal seduta fit-terminu previst minn din l-istess dispożizzjoni.

22      Fil‑21 ta’ Novembru 2017, it-Tieni Awla ddeċidiet, wara proposta mill-Imħallef Relatur, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sedenti fl-ewwel istanza;

–        tirriżerva l-ispejjeż.

24      AV jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala manifestament infondat;

–        għal dak li jirrigwarda l-appell inċidentali, tordna lill-Kummissjoni tħallsu EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu morali u materjali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Qorti Ġenerali tinnota li AV irrinunzja għall-appell inċidentali tiegħu. Għaldaqstant, ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi iktar dwar il-kap tat-talbiet ta’ Av sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tħallsu s-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu morali u materjali.

 Fid-dritt

26      Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, hija ssostni li, meta qieset li d-dewmien eċċessiv fit-teħid tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014 x’aktarx seta’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika ħażin il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata marbut mas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 fil-kawża AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96).

27      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju u, it-tieni nett, jiġi analizzat l-ewwel aggravju.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata

28      Fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96).

29      L-ewwel nett, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, sabiex tiġi ggarantita kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jsiru finali wara l-eżawriment tar-rimedji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rikorsi ma jistgħux jitqiegħdu fid-dubju (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38), li hija r-raġuni għaliex id-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi għandhom awtorità ta’ res judicata.

30      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew deċiżi effettivament jew neċessarjament mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Nijs vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑567/08 P, EU:T:2009:523, punt 32, u s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2015, Walton vs Il‑Kummissjoni, T‑261/14 P, EU:T:2015:110, punt 36) u li din l-awtorità ma hijiex marbuta biss mad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, imma testendi għall-motivi tagħha li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għad-dispożittiv tagħha u, għalhekk, huma indissoċjabbli (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87).

31      Fl-aħħar nett, ġie deċiż li, anki jekk l-ilmenti mqajma insostenn ta’ rikors jikkoinċidu parzjalment ma’ dawk imressqa fil-kuntest ta’ istanza preċedenti, it-tieni rikors ma jidhirx bħala ripetizzjoni tal-ewwel, imma bħala tilwima ġdida billi tkun bbażata wkoll fuq motivi oħra ta’ fatt u ta’ liġi (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Michail vs Il‑Kummissjoni, F‑100/09, EU:F:2011:132, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vsIl‑Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, EU:T:1996:193, punt 52).

32      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-annullament tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 u l-annullament tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014, rispettivament permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96), u mis-sentenza appellata, ma humiex ibbażati fuq l-istess motivi.

33      Fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96), li għandha l-awtorità ta’ res judicata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża d-deċiżjoni tiegħu li jannulla d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. F’dan il-kuntest, huwa enfasizza b’mod inekwivoku li ma kienx meħtieġ li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli.

34      Madankollu, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk, fil-motivi tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 fil-kawża AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96), li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għad-dispożittiv tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienx diġà ħa pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u, fejn xieraq, fuq l-effett ta’ dak il-ksur fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida skont il-proċedura tal-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

35      Għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżulta minn l-ebda punt tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96), li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu l-intenzjoni li jieħu pożizzjoni, direttament jew indirettament, fuq il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u, a fortiori, fuq il-konsegwenzi ta’ dak il-ksur.

36      Kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni l-Kummissjoni, il-fatt li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 fuq il-bażi ta’ ksur tal-Artikolu 32 tar-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistax jiġi interpretat bħala teħid ta’ pożizzjoni li permezz tagħha huwa impliċitament solva l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, b’dan il-mod, awtorizza lill-ASTK sabiex tirtira d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2010 u sabiex tadotta deċiżjoni ġdida skont il-proċedura tal-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi jiġi pprojbit b’mod definittiv kwalunkwe dibattitu eventwali fuq il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u, a fortiori, tal-konsegwenzi ta’ dak il-ksur.

37      Tali interpretazzjoni hija inqas u inqas difendibbli peress li tmur kontra il-punt 42 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96), li fiha, kif ġie mfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara espressament li ma qiesx li huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

38      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iddeċieda fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96).

39      Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnotat li, f’dan il-każ, il-motivi li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għad-dispożittiv tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96) jirrigwardaw biss l-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għaldaqstant, anki kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien eżamina l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u kien kkonkluda li ma kienx hemm tali ksur jew li l-ksur ma kellu l-ebda effett fuq id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, l-ebda motivazzjoni relatata ma’ dak l-motiv ma kienet tibbenefika mill-awtorità ta’ res judicata peress li din ma kinitx tikkostitwixxi l-appoġġ neċessarju għad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

41      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli. L-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-annullament ta’ deċiżjoni għall-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jseħħ biss b’mod eċċezzjonali. Sussegwentement, qies b’mod żbaljat li d-dewmien eċċessiv fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014 x’aktarx affettwa l-kontenut stess tagħha. Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma indikax il-motivi għaliex il-fatt li għadda żmien eċċessiv affettwa l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

42      AV jiċħad l-argumenti tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, huwa jqis li s-sentenza appellata hija mmotivata biżżejjed peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika b’mod ċar, fil-punti 44 sa 51 tagħha, il-motivi li abbażi tagħhom huwa ddeċieda li t-terminu raġonevoli kien inqabeż f’dan il-każ kif ukoll dawk li abbażi tagħhom huwa ddeċieda, peress li għadda żmien eċċessiv, x’aktarx ġie affettwat l-kontenut tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014. Sussegwentement, huwa jsostni li, minħabba li għadda żmien eċċessiv, kien impossibbli għalih li jagħti dettalji utli dwar id-dikjarazzjonijiet tiegħu li saru waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ. Huwa jilmenta li l-Kummissjoni ma talbitx lit-tabib li wettaq l-eżami mediku ta’ reklutaġġ u l-eżami mediku annwali tal-2006 sabiex jispeċifika l-mod li bih twettaq l-eżami u lanqas sabiex jiġu indikati r-raġunijiet għaliex ta opinjoni dwar il-kapaċità mingħajr riżerva fl‑2006, anki jekk kien jaf bil-marda tiegħu. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Kummissjoni ssuġġettat ir-reklutaġġ tiegħu għar-riżerva medika biss wara li kkonstatat li huma kien affettwat b’invalidità permanenti li kienet meqjusa bħala totali u li ma tħallihx jaqdi l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, huwa jisħaq li, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Kumitat tal-Invalidità ma ddeċidiex dwar il-kwistjoni separata dwar jekk il-marda tiegħu kinitx tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ riżerva medika. Huwa jsostni f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha għal tliet snin u seba’ xhur. Fl-aħħar nett, iżid jgħid li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE billi ma ħaditx il-miżuri li jirriżultaw mis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, AV vs Il‑Kummissjoni (F‑4/11, EU:F:2012:96), peress li hija illegalment astjeniet milli tibgħat uffiċjal mediku sabiex jeżamina jekk il-marda tiegħu kinitx tiġġustifika l-applikazzjoni tar-riżerva medika.

43      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fir-replika, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar u espliċitu li l-“konstatazzjoni [tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tinsab fis-sentenza appellata li tgħid li] t-terminu għall-adozzjoni tar-riżerva medika b’effett retroattiv kien eċċessiv ma [kinitx] ikkontestata” u ppreċiżat li l-“kritika tas-sentenza appellata [kienet tirrigwarda] l-konklużjonijiet li [l-imsemmi Tribunal] [kien] silet minn din il-konstatazzjoni, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża”.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li, sa tliet snin u seba’ xhur wara li hija ġiet informata li l-applikant innifsu rrikonoxxa li kien naqas li jsemmi, waqt l-eżami ta’ reklutaġġ, il-marda li kien isofri minnha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009, hija kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli. Għaldaqstant, hija ma tikkontestax ukoll li d-deċiżjonijiet tat‑12 ta’ April 2010 u tas‑16 ta’ Settembru 2014 lanqas ma ġew adottati fil-kuntest ta’ terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, tqajjem dubji dwar il-konstatazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata li jgħidu li l-fatt li kien għadda żmien eċċessiv x’aktarx affettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014.

45      Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tiegħu u li huwa meqjus bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenzi tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 162, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il‑Parlament, T‑390/10 P, EU:T:2012:652, punt 115).

46      Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli ma jiġġustifikax, bħala regola ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva. Huwa biss meta jkun għadda żmien eċċessiv li jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il‑Parlament, T‑390/10 P, EU:T:2012:652, punt 116, u tat‑12 ta’ Mejju 2016, Guittet vs Il‑Kummissjoni, F‑92/15, EU:F:2016:118, punt 76).

47      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, fil-każ partikolari fejn, wara l-eżami mediku qabel ir-reklutaġġ, ikun jidher li membru tal-persunal ma weġibx b’mod sinċier u komplet għall-mistoqsijiet magħmula dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu mill-uffiċjal mediku matul dan l-eżami, huwa possibbli għall-ASTK li tirtira d-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tapplikax ir-riżerva medika u li tieħu deċiżjoni ġdida li tapplika retroattivament din ir-riżerva (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, HC vs Il‑Kummissjoni, F‑132/15, EU:F:2016:158, punt 85).

48      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju.

49      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-ilment tal-Kummissjoni li jgħid li s-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement motivata, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra li l-fatt li kien għadda żmien eċċessiv seta’ jaffettwa l-kontenut tad-deċiżjoni tal‑16 ta’ Settembru 2014.

50      Għandu jiġi mfakkar li s-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom ikunu motivati biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-parti kkonċernata li tkun taf bir-raġunijiet għaliex il-qorti tal-ewwel istanza ma tkunx laqgħet l-argumenti tagħha u lill-qorti tal-appell li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑52/10 P, EU:T:2010:543, punti 83 u 84, u tat‑23 ta’ April 2015, BX vs Il‑Kummissjoni, T‑352/13 P, EU:T:2015:225 punt 44). Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, fejn din tal-aħħar taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑21 ta’ April 2004, M vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑172/01, EU:T:2004:108, punt 61).

51      F’dan il-każ, il-punti 50 sa 54 tas-sentenza appellata fihom il-motivi li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-fatt li għadda żmien eċċessiv seta’ affettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva, jiġifieri d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara li l-ewwel deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ AV għar-riżerva medika, jiġifieri id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009, waslet kważi tliet xhur wara l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, madwar tmien xhur wara t-talba tiegħu li l-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, iktar minn tliet snin u seba’ xhur wara li l-ASTK saret taf bil-marda tiegħu u wara konferma mill-Kumitat tal-Invalidità li kellu invalidità permanenti totali bħala riżultat ta’ din il-marda. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009 effettivament inbidlet f’deċiżjoni li teskludi lil AV b’effett immedjat mill-garanziji previsti fil-qasam tal-invalidità. Huwa għalhekk qies essenzjalment li l-fatt li kien għadda żmien eċċessiv bilfors kellu effett fuq il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

52      Għandu jitqies li tali motivazzjoni għandha tqiegħed lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u tippermetti lill-Kummissjoni li tkun taf ir-raġunijiet li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma laqax l-argumenti tagħha. Minn dan isegwi li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

53      Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi eżaminat jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku setax jikkunsidra ġustament li l-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli seta’ kellu effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014.

54      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014, l-ASTK indikat li hija kienet ibbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tat-tobba membri tal-Kumitat tal-Invalidità, adottati fit‑30 ta’ April 2013, li jgħidu li, “kieku [AV] kien iddikjara l-marda tiegħu lit-tabib interrogatur waqt l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, il-marda tiegħu kienet tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ riżerva medika, kif previst fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”. Għalhekk, mid-deċiżjoni tal-ASTK jirriżulta li d-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ AV għar-riżerva medika kienet ibbażata biss fuq il-marda li huwa kellu jiddikjara matul l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, imma mhux fuq l-evoluzzjoni tagħha wara dan l-eżami.

55      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza appellata, li l-fatt li kien għadda żmien eċċessiv bejn il-mument meta l-ASTK saret taf bl-eżistenza tal-marda ta’ AV u d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009, li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ dan l-aħħar għar-riżerva medika, kellu effett fuq il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni (u, konsegwentement, fuq il-kontenut ta’ dawk tat‑12 ta’ April 2010 u tas‑16 ta’ Settembru 2014). Fil-fatt, huwa identifika bosta ċirkustanzi li seħħew meta kien għadda żmien eċċessiv, jiġifieri li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009 seħħet wara l-iskadenza tal-kuntratt, wara t-talba sabiex il-każ jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità minn AV, diversi snin wara li l-ASTK saret taf bil-marda tiegħu u wara l-konferma mill-Kumitat tal-Invalidità li AV kellu invalidità totali permanenti. Huwa qies li, minħabba l-avvenimenti msemmija iktar ’il fuq matul dan il-perijodu twil, id-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ AV għar-riżerva medika b’effett retroattiv fil-jum tad-dħul fis-servizz tiegħu kienet fil-fatt inbidlet f’deċiżjoni li teskludi lil dan tal-aħħar, b’effett immedjat, mill-garanziji previsti fil-qasam tal-invalidità għal invalidità li diġà kienet teżisti.

56      Għandu jitqies li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkonkluda, abbażi taċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 55 iktar ’il fuq, li l-fatt li għadda żmien eċċessiv kellu effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014.

57      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-ASTK adottat żewġ deċiżjonijiet distinti, jiġifieri deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 33 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg intiża sabiex AV jirtira minħabba invalidità totali permanenti u deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg intiża sabiex tissuġġetta r-reklutaġġ tiegħu għal riżerva medika. Id-deċiżjonijiet ittieħdu fuq il-bażi tal-kriterji speċifiċi għal kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm, mill-perspettiva kronoloġika, id-deċiżjoni li tissuġġetta reklutaġġ għar-riżerva medika tittieħed waqt l-eżami ta’ reklutaġġ u għalhekk tiġi qabel, bħala prinċipju, il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll id-deċiżjoni tal-ASTK dwar l-irtirar ta’ membru tal-persunal minħabba invalidità, huwa biss minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ li d-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ għar-riżerva medika ngħatat biss wara l-konklużjonijiet dwar l-irtirar minħabba invalidità u wara t-tmiem tal-kuntratt.

59      Meta qies li d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014 “[kienet] inbidlet, fil-fatt” f’deċiżjoni li teskludi lil AV b’effett immedjat mill-garanziji previsti fil-qasam tal-invalidità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ibbaża ruħu, f’dan il-każ, fuq preżunzjoni li tgħid li, meta deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ għar-riżerva medika minħabba marda tingħata wara l-konklużjonijiet dwar l-irtirar minħabba invalidità kkawżata mill-istess marda u wara t-tmiem tal-kuntratt, dawn iċ-ċirkustanzi jkollhom awtomatikament effetti fuq il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. Issa, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ għar-riżerva medika kienet ibbażata biss fuq informazzjoni li r-rikorrent fl-ewwel istanza kellu jiddikjara matul l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, l-uniċi ċirkustanzi li d-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ għar-riżerva medika tkun ittieħdet wara t-tmiem tal-kuntratt u wara l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità dwar irtirar minħabba invalidità ma jippermettux fihom innifishom li jiġi konkluż li l-fatt li kien għadda żmien eċċessiv kellu effett fuq il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

60      Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li, fil-każ partikolari fejn, wara l-eżami mediku ta’ qabel ir-reklutaġġ, jidher li membru tal-persunal ma rrispondiex b’mod sinċier u komplet għall-mistoqsijiet dwar l-istat tas-saħħa tiegħu mill-uffiċjal mediku matul dan l-eżami, l-ASTK tista’ tirtira d-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tapplikax ir-riżerva medika u tieħu deċiżjoni ġdida billi tapplika retroattivament din ir-riżerva (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, HC vs Il‑Kummissjoni, F‑132/15, EU:F:2016:158, punt 85).

61      Is-sentenza appellata ma fiha l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkonstatat, bħalma tirrikjedi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, li l-fatt li jkun għadda żmien eċċessiv seta’ kellu effett, legali jew fattwali, fuq id-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ għar-riżerva medika.

62      Fi kliem ieħor, il-fatti li fuqhom ibbaża ruħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata ma jippermettux li jitqies li d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014 seta’ kellha kontenut differenti li kieku kienet ġiet adottata qabel il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità jew qabel it-tmiem tal-kuntratt.

63      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element konkreta li juri l-effett reali jew potenzjali tal-fatt li għadda żmien eċċessiv fuq id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014, l-esklużjoni ta’ AV mill-garanziji previsti fil-qasam tal-invalidità ma tistax titqies bħala r-riżultat ta’ trasformazzjoni, fil-fatt, tad-deċiżjoni li tissuġġetta r-reklutaġġ għar-riżerva medika. Għall-kuntrarju, l-imsemmija esklużjoni ma tistax tiġi spjegata f’dan l-istadju ħlief bħala konsegwenza ta’ żewġ deċiżjonijiet separati, fejn l-ewwel waħda hija dik li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ AV għar-riżerva medika minħabba l-marda li kienet teżisti qabel ir-reklutaġġ tiegħu u li dwarha l-Kumitat tal-Invalidità kien ikkonkluda li, kieku kienet ġiet iddikjarata waqt l-eżami ta’ reklutaġġ, kienet tiġġustifika l-applikazzjoni tar-riżerva medika, u fejn it-tieni waħda hija dik li permezz tagħha AV irtira minħabba invalidità totali permanenti kkawżata minn din il-marda.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju huwa fondat. Għalhekk hemm lok li l-appell jiġi milqugħ u s-sentenza appellata tiġi annullata.

 Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

65      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), meta l-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tqis li t-tilwima ma tinsabx fi stat li tiġi deċiża, hija għandha tibgħat lura l-kawża quddiem awla differenti minn dik li tkun iddeċidiet l-appell.

66      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eżaminax l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u lanqas it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ att li joħloq drittijiet suġġettivi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li ddeċidiet dan l-appell.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li ddeċidiet dan l-appell, hemm lok li l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal21 ta’ Lulju 2016, AV vs IlKummissjoni (F91/15), hija annullata.

2)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li ddeċidiet dan l-appell.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Jaeger

Prek

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Mejju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.