SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
12 ta’ Lulju 2018 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 7307 11 10, 7307 19 10 u 7307 19 90 – Aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali”
Fil-Kawżi magħquda C‑397/17 u C‑398/17,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2017, fil-proċeduri
Profit Europe NV
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Profit Europe NV, minn P. Diaz Gavier, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji 7307 11 u 7307 19 10 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Profit Europe NV u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut għal sistemi ta’ detezzjoni u ta’ tifi tan-nar.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, li ġiet imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll ta’ emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri ta’ din is-sistema armonizzata, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li jirrappreżentaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.
5 L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tirrigwarda r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, bit-titolu “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
6 It-Tieni Parti tan-NM hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XV, bit-titolu “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx” tinkludi l-Kapitoli 72 sa 83 tan-NM. Il-Kapitolu 73, bit-titolu “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”, jirrigwarda l-intestaturi 7301 sa 7326 tan-NM.
7 L-intestatura 7307 hija strutturata kif ġej:
“7307 | Tagħmir ta’ tubi u pajpijiet (per eżempju, couplings, liwjiet minkeb, sleeves), ta’ ħadid jew azzar: |
| – Tagħmir ta’ forma: |
7307 11 | – – Ta’ ħadid fondut mhux-malleabbli: |
7307 11 10 | – – – Ta’ tip użati f’sistemi ta’ pressjoni |
7307 11 90 | – – – Oħrajn |
7307 19 | – – Oħrajn: |
7307 19 10 | – – – Ta’ ħadid fondut malleabbli |
7307 19 90 | – – – Oħrajn |
| – Oħrajn, ta’ l-istainless steel: |
[…] |
|
| – Oħrajn:” |
8 In-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 137, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega”), dwar is-subintestaturi 7307 11 10 u 73 07 11 90 tan-NM, jipprovdu:
“L-espressjoni ‘mhux malleabbli’ tinkludi ħadid fondut tal-grafit lamellari
Dawn is-subtitli jkopru fitjaturi tal-ħadid fondut, bħal liwjiet minkeb, liwjiet, sleeves, ties, collars u tees. Huma magħqudin ma’ tubi jew pajpijiet ta’ ħadid fondut jew azzar permezz ta’ kamin, kuntatt jew permezz ta’ mmuntar mekkaniku.”
9 Skont in-Noti ta’ Spjega relatati mas-subintestatura 7307 19 10 tan-NM:
“Ħadid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut. Dan jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana. Matul it-trattament bis-sħana, il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu; huwa fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli li ma joħolqux koeżjoni metallika sa tali punt li l-grafit jitqaxxar fil-ħadid fondut griż.
Fejn il-kontenut ta’ karbonju ikun 2 % jew inqas mill-piż, il-prodotti jitqiesu li huma ta’ azzar fondut u jaqgħu f’subtitlu 7307 19 90 (ara Nota 1 għal dan il-kapitlu).
L-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali.
Ara wkoll in-Noti ta’ Spjega għal subtitli 7307 11 10 u 7307 11 90, tieni paragrafu.”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
10 Fix-xahar ta’ Marzu 2014, Profit Europe ressqet quddiem l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tas-Sisa (il-Belġju) (iktar’ il quddiem l-“Amministrazzjoni tad-Dwana”) diversi talbiet għal informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ diversi aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali għal installazzjonijiet kontra n-nar.
11 Fl‑14 ta’ Marzu 2014, l-Amministrazzjoni tad-Dwana ħarġet diversa informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika dawn il-prodotti fis-subintestatura 7307 11 10 tan-NM bħala aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli.
12 Fix-xahar ta’ Awwissu 2014, Profit Europe ressqet quddiem l-Amministrazzjoni tad-Dwana talbiet ġodda għal informazzjoni tariffarja vinkolanti, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ varjanti ta’ dawn il-prodotti.
13 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2015, l-Amministrazzjoni tad-Dwana ħarġet 20 informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika dawn il-prodotti fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM, bħala aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma magħmula mill-ħadid fondut malleabbli.
14 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2015, din l-amministrazzjoni rtirat l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fl‑14 ta’ Marzu 2014 u kklassifikat il-prodotti kkonċernati minn din tal-aħħar fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM.
15 Fis‑26 u fit‑30 ta’ Ġunju 2015 rispettivament, Profit Europe ppreżentat żewġ appelli amministrattivi mid-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ April 2015. Dawn tal-aħħar ġew ikkonfermati permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Amministrazzjoni tad-Dwana tas‑27 ta’ April 2016.
16 Fl‑10 ta’ Mejju 2016, Profit Europe ppreżentat, quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), rikors kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll kontra l-informazzjoni tariffarja vinkolanti kkonċernata.
17 Fil-kuntest taż-żewġ kawżi prinċipali, Profit Europe ssostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli u għalhekk jaqgħu taħt is-subintestatura 7307 11 10 tan-NM.
18 Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma għandux il-karatteristika oġġettiva tal-ħadid fondut malleablli, li abbażi tagħha l-malleabbiltà għandha tkun ir-riżultat ta’ trattament termiku.
19 In-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) tirrileva li n-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 7307 19 10 tan-NM jindikaw b’mod ċar li l-kunċett ta’ ħadid fondut malleabbli jkopri wkoll il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali.
20 Madankollu, ir-rapporti xjentifiċi prodotti minn Profit Europe jidhru li juru li l-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma huwiex ħadid fondut malleabbli.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kienet tqis li t-tilwimiet pendenti quddiemha jqajjmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑397/17 u C‑398/17:
“1) Is-subintestatura 7307 19 10 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-aċċessorji ta’ ħadid fondut graffit sferiku li għandhom il-karatteristiċi tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta mill-karatteristiċi oġġettivi tagħhom jirriżulta li huma sostanzjalment differenti mill-ħadid fondut malleabbli, peress li l-malleabbiltà tal-ħadid fondut graffit sferiku ma tirriżultax minn trattament termiku adegwat u li dan il-ħadid fondut jinkludi forma oħra ta’ graffit minbarra l-ħadid fondut malleabbli, jiġifieri l-graffit sferiku minflok il-graffit nodulari?
2) Is-subintestatura 7307 11 00 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi aċċessorji tal-ħadid fondut graffit sferiku li għandhom il-karatteristiċi tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta mill-karatteristiċi oġġettivi tal-ħadid fondut graffit sferiku jirriżulta li dan essenzjalment jikkorrispondi għall-karatteristiċi oġġettivi tal-ħadid fondut mhux malleabbli?
3) Għandhom jiġu mwarrba n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM marbuta mas-subintestatura 7307 19 10, li jindikaw li l-ħadid fondut malleabbli jkopri il-ħadid fondut graffit sferiku sa fejn dawn jindikaw li l-ħadid fondut malleabbli jinkludi l-ħadid fondut graffit sferiku ġaladarba huwa stabbilit li l-ħadid fondut graffit sferiku ma huwiex ħadid fondut malleabbli?”
22 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal—20 ta’ Lulju 2017, il-Kawżi C‑397/17 u C‑398/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
23 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 7307 11 10, bħala aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut mhux malleabbli, jew fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM, bħala aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut malleabbli.
24 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-subintestaturi tal-istess intestatura hija legalment iddeterminata skont il-kliem ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli għandha titqies li għandha biss valur indikattiv.
26 Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega mfassla mill-Kummissjoni Ewropea jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 19).
27 F’dan il-każ, l-intestatura 7307 tan-NM tirrigwarda l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet magħmula mill-ħadid fondut, mill-ħadid jew mill-azzar. Din tinkludi tliet kategoriji.
28 L-ewwel kategorija, ikkaratterizzata bl-espressjoni “[t]agħmir ta’ forma”, tinkludi, hekk kif jirriżulta minn din l-espressjoni, l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid fondut, mill-ħadid jew mill-azzar.
29 Din tagħmel distinzjoni bejn l-aċċessorji “[t]a’ ħadid fondut mhux-malleabbli”, imsemmija fis-subintestatura 7307 11 tan-NM, u l-“[o]ħrajn”, li jaqgħu taħt is-subintestatura 7307 19 tan-NM. Peress li din hija kategorija residwa, din l-aħħar subintestatura tirrigwarda għaldaqstant l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, kif ukoll dawk magħmula mill-ħadid fondut għajr dak tat-tip indikat fis-subintestatura 7307 11 tan-NM.
30 Is-subintestatura 7307 19 tan-NM hija min-naħa tagħha maqsuma f’żewġ subintestaturi, jiġifieri, minn naħa, is-subintestatura 7307 19 10, bit-titolu “[t]a’ ħadid fondut malleabbli” u, min-naħa l-oħra, is-subintestatura 7307 19 90, bit-titolu “[o]ħrajn”.
31 Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit x’ikopri l-kunċett “[t]a’ ħadid fondut mhux-malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 7307 11 tan-NM, u x’ikopri dak “[t]a’ ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 7307 19 10.
32 Hekk kif jirriżulta min-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM, “[ħ]adid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut[,li] jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana [li matulu] il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu [u] fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli”.
33 Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-ħadid fondut malleabbli jikkostitwixxi kategorija speċifika fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut. B’mod partikolari, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardazzjoni, bħala organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12), adotta, fid-dokument EN 1560:2011, l-istandard Ewropew EN 1560.
34 Dan l-istandard jiddistingwi bejn sitt kategoriji kbar ta’ ħadid fondut, skont l-istruttura tal-grafit li jikkostitwixxihom, li jinkludu, b’mod partikolari, il-ħadid fondut tal-grafit nodulari, magħruf ukoll bħala “ħadid fondut malleabbli” u identifikat bil-kodiċi EN-GJM.
35 Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “ħadid fondut mhux-malleabbli”, fis-sens tas-subintestatura 7307 11 tan-NM, la huwa ddefinit fin-NM u lanqas fin-Noti ta’ Spjega. Dan lanqas ma jikkostitwixxi kategorija speċifika fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut.
36 Kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, Profit Europe, is-subintestatura 7307 11 tan-NM ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha t-tipi kollha ta’ ħadid fondut li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tal-punt 32 ta’ din is-sentenza.
37 Fil-fatt, ir-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM tipprovdi li jistgħu jiġu mqabbla biss is-subintestaturi tal-istess livell, fatt li ma huwiex il-każ fir-rigward tas-subintestaturi 7307 11 u 7307 19 10 tan-NM.
38 Barra minn hekk, is-subintestatura 7307 19 tan-NM tinkludi, minbarra s-subintestatura 7307 19 10, is-subintestatura 7307 19 90, li, hekk kif tindika l-formulazzjoni tagħha, hija subintestatura residwa. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi taħt din l-aħħar subintestatura mhux biss l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, iżda wkoll dawk magħmula minn tipi ta’ azzar fondut differenti minn dawk indikati fis-subintestaturi 7307 11 u 7307 19 10 tan-NM.
39 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 38).
40 L-aġġettiv “malleabbli”, fit-tifsira komuni tiegħu, jikkaratterizza materjal li għandu l-proprjetà li jiċċattja u jespandi fi strixxi jew f’folji taħt il-martell jew permezz tal-azzjoni tar-romblu. Fi kliem ieħor, li jirriżulta mill-premessa 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2009, L 151, p. 6), il-malleabbiltà tirreferi, fix-xjenza materjali, “għall-abilità tal-materjal li jibdel il-forma taħt stress kompressiv li huwa kkaratterizzat mill-abilità tal-materjal li jifforma folja rqiqa meta jkun imsammar jew imrembel”.
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-subintestatura 7307 11 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet magħmula mill-ħadid fondut li ma jistax jibdel il-forma taħt stress kompressiv.
42 Għaldaqstant, is-subintestatura 7307 19 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li din tinkludi l-aċċessorji minn forma, magħmula mill-ħadid jew mill-azzar, kif ukoll dawk magħmula mill-ħadid fondut li jista’ jibdel il-forma taħt stress kompressiv.
43 Fir-rigward tal-aċċessorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 55 tar-Regolament Nru 500/2009, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali “ma jbiddilx biss il-forma taħt stress tensili, iżda wkoll taħt stress kompressiv sa ċertu punt”.
44 Għaldaqstant, bħala tali, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali ma jistax jitqies bħala li jaqa’ taħt is-subintestatura 7307 11 tan-NM.
45 Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali u l-ħadid fondut malleabbli huma differenti minħabba l-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni tagħhom.
46 Għalhekk, peress li dan lanqas ma jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, kif iddefinit fin-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM u peress li dan jikkostitwixxi, fid-deskrizzjoni standardizzata tal-ħadid fondut, kategorija distinta mill-ħadid fondut malleabbli, identifikata mill-kodiċi EN-GJS, il-ħadid fondut tal-grafit sferojdali lanqas ma jista’ jaqa’ taħt is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM.
47 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmija noti ta’ spjega, inkwantu jindikaw li “[l]-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”, għandhom l-effett li jestendu l-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli” għal kategorija oħra ta’ ħadid fondut li, anki jekk ikollu karatteristiċi simili għal dawk tal-ħadid fondut malleabbli, xorta waħda jikkostitwixxi kategorija separata fil-klassifikazzjoni tal-ħadid fondut.
48 Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kontenut tan-Noti ta’ Spjega għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Għaldaqstant, in-Noti ta’ Spjega dwar is-subintestatura 7307 19 10 tan-NM għandhom jitwarrbu, peress li dawn għandhom l-effett li jbiddlu l-portata ta’ din is-subintestatura billi jestenduha għall-aċċessorji magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali.
50 Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dan il-kodiċi mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tiegħu, ma humiex legalment vinkolanti u ma jistgħux, għaldaqstant, ibiddlu l-portata tad-dispożizzjonijiet tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1977, Dittmeyer, 69/76 u 70/76, EU:C:1977:25, punt 4, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C‑152/10, EU:C:2011:402, punt 41).
51 Minn dan isegwi li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, espressa fil-minuti tal-140 laqgħa tat-taqsima “Nomenklatura Tariffarja” ta’ dan il-Kumitat, li nżammet fi Brussell mit-30 ta’ Settembru sat‑3 ta’ Ottubru 2014, u li tipprovdi li s-subintestatura 7307 19 10 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kelma “malleabbli” għandha tinftiehem f’sens wiesa’, jiġifieri bħala intiża li tiddistingwi l-ħadid fondut li jista’ jibdel il-forma taħt stress kompressiv minn dak li jitfarrak taħt tali stress, għandha wkoll tiġi miċħuda sa fejn din għandha l-effett li testendi l-portata tas-subintestatura 7307 19 10 tan-NM.
52 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 7307 19 90 tagħha.
Fuq l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet minn forma, magħmula mill-ħadid fondut tal-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 7307 19 90 tagħha.
Firem