Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fl-20 ta’ Ġunju 2018 – PG vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

(Kawża C-406/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: PG

Konvenuti: Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)

Domandi preliminari

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (imsejħa d-“Direttiva tal-Proċeduri”) – fid-dawl ta’ kif inhu pprovdut fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu rispettivament jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv anki fil-każ fejn filwaqt li ma jippermettix lill-qrati jbiddlu d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil, jippermettilhom biss jannullaw tali deċiżjonijiet u jobbligaw lill-awtorità amministrattiva twettaq proċedura ġdida?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (imsejħa d-“Direttiva tal-Proċeduri”) – fid-dawl ta’ kif inhu pprovdut fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu rispettivament jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprevedi terminu imperattiv u uniformi ta’ total ta’ 60 jum għall-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam ta’ ażil, indipendentement minn kull ċirkustanza individwali u mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-kawża u diffikultajiet eventwali relatati mal-produzzjoni tal-provi?

____________

1     Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).