Language of document : ECLI:EU:C:2018:632

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assoċjazzjoni KEE‑Turkija – Deċiżjoni Nru 2/76 – Artikolu 7 – Klawżola ta’ ‘standstill’ – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork ‑ Obbligu li tinkiseb viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C‑123/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Nefiye Yön

vs

Landeshauptstadt Stuttgart,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N Yön, minn H. Baiker, Rechtsanwalt,

–        għal-Landeshauptstadt Stuttgart, minn C. Schlegel-Herfelder, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz, T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, tal-20 ta’ Diċembru 1976, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, imwaqqaf mill-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), kif ukoll tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nefiye Yön u l-Landeshauptstadt Stuttgart (il-Belt ta’ Stuttgart, il-Kapitali tal-Land, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“belt ta’ Stuttgart”) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar tat-talba tagħha sabiex toħorġilha permess ta’ residenza fil-Ġermanja, abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tar-Repubblika tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinvolvi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (Artikolu 3), fażi tranżitorja, li matulha il-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw l-istabbiliment progressiv ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (Artikolu 4), u fażi definittiva, li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (Artikolu 5).

5        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan kunsill ta’ assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim [ta’ assoċjazzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implimentazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll [Addizzjonali], il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma koperti mit-[Trattat KE] li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fil-Kapitolu 3, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”, tat-Titolu II tiegħu jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [39], [40] u [41 KE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Protokoll Addizzjonali

8        Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu għall-implimentazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim.

9        Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, imsejjaħ “Moviment ta’ Persuni u Servizzi” li l-Kapitolu I tiegħu jkopri lill-“Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II huwa intitolat “Id-Dritt ta’ l-Istabbeliment, tas-Servizzi u tat-Trasport”.

10      Skont l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jagħmel parti minn dan il-Kapitolu I:

“Il-libertà tal-moviment ta’ ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandha tkun assigurata fi stadji progressivi b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ l-Assoċjazzjoni bejn it-tmiem tat-tnax u tat-tnejn-u-għoxrin sena wara d-dħul b’effett ta’ dan il-Ftehim.

Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli meħtieġa għal dan il-għan.”

11      L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II tat-Titolu II tiegħu, jipprovdi li:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.”

 Id-Deċiżjoni Nru 2/76

12      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jipprovdi li:

“1.      Din id-deċiżjoni tistabbilixxi, bħala l-ewwel fażi, ir-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali.

2.      Din l-ewwel fażi għandha ddum erba’ snin, li jibdew jiddekorru mill‑1 ta’ Diċembru 1976.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

15      L-Artikolu 11 tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Sena qabel tmiem l-ewwel fażi u fid-dawl tar-riżultati miksuba matul din il-fażi, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jagħti bidu għal diskussjonijiet sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-fażi sussegwenti u jiżgura li d-deċiżjoni dwar din il-fażi tiġi implimentata fid-data tal-iskadenza tal-ewwel fażi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għandhom japplikaw sal-bidu tal-fażi sussegwenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 1976.

 Id-Deċiżjoni Nru 1/80

17      Hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, id-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha l-għan li ttejjeb, fil-qasam soċjali, is-sistema li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema Torok u l-membri tal-familji tagħhom meta mqabbla mas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 2/76.

18      It-Taqsima 1, bit-titolu “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, tal-Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tinkludi l-Artikolu 13 li jipprovdi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni, li jagħmel ukoll parti mill-imsemmija Taqsima 1:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom jiġu applikati bla ħsara għal-limitazzjoni iġġustifikati minn raġunjiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.

2.      Huma ma għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew minn ftehimiet bilaterali eżistenti bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprevedu, favur iċ-ċittadini tagħhom, sistema iktar favorevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Konformement mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli sa mill-1 ta’ Diċembru 1980.

 Id-dritt Ġermaniż

21      Taħt it-titolu “L-Għan ta’ din il-Liġi; Kamp ta’ Applikazzjoni”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Impjieg u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tipprevedi:

“L-għan ta’ din il-liġi huwa li jiġi kkontrollat u limitat id-dħul ta’ barranin fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja”.

22      L-Artikolu 4, bit-titolu “Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza”, tal-AufenthG jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Għad-dħul jew residenza fit-territorju tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja], il-barranin għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza, sakemm id-dritt tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni ma jipprovdux mod ieħor jew sakemm ma jkunx hemm id-dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni]. L-awtorizzazzjoni ta’ residenza hija mogħtija bħala:

1.      viża fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(3) ta’ din il-liġi;

2.      permess ta’ residenza għal żmien determinat (Artikolu 7),

[…]”

23      L-Artikolu 5, bit-titolu “Kundizzjonijiet Ġenerali għall-Ħruġ”, tal-AufenthG jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat huwa barra minn hekk suġġett għall-kundizzjonijiet […] li l-barrani

1.      jkun daħal bil-viża meħtieġa u

2.      fl-applikazzjoni tiegħu għal dik il-viża jkun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jinħareġ [permess ta’ residenza għal żmien determinat].

Huwa possibbli li ssir deroga minn dan meta r-rekwiżiti tad-dritt għall-ħruġ ikunu ssodisfatti jew meta minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun irraġonevoli li jintalab li l-proċedura tal-ħruġ ta’ viża tinbeda mill-ġdid.”

24      L-Artikolu 6, bit-titolu “Viża”, tal-AufenhG huwa fformulat kif ġej:

“1)      B’applikazzjoni tar-[Regolament (KE) Nru°810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1)], il-viżi li ġejjin jistgħu jinħarġu għal barrani:

1.      viża għat-tranżiti jew għas-soġġorni prevvisti fit-territorju tal-Istati Schengen li ma jkunux itwal minn tliet xhur f’perijodu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul (viża Schengen).

[…]

3)      Għas-soġġorni fit-tul, viża għat-territorju federali (viża nazzjonali), maħruġa qabel id-dħul f’dan it-territorju, hija neċessarja.”

25      L-Artikolu 30, bit-titolu “Riunifikazzjoni tal-konjuġi”, tal-AufenthG jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Permess ta’ residenza għal żmien determinat għandu jinħareġ lil konjuġi ta’ persuna barranija meta:

[…]

2.      l-konjuġi jkun jista’ jikkomunika bil-Ġermaniż mill-inqas fil-livell bażiku

[…]

Il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ minkejja l-punt 2 tal-ewwel sentenza meta

[…]

2.      il-konjuġi ma jkunx f’pożizzjoni li jipprova li għandu għarfien bażiku tal-Ġermaniż minħabba marda fiżika, mentali jew psikoloġika jew minħabba diżabbiltà,

[…]

6.      ma jkunx possibbli jew raġonevoli li l-konjuġi jintalab, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, jagħmel sforz sabiex jikseb għarfien bażiku tal-Ġermaniż qabel ma jidħol fit-territorju.

[…]”

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu li tinkiseb viża bl-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja ġie introdott mill-Artikolu 1 tal-Elfte Verordnung zur Änderung der Verordnung zur Durchführung des Ausländergesetzes (il-Ħdax-il Regolament li jemenda r-Regolament li jimplimenta l-Liġi dwar ir-Residenza, l-Impjieg u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tal-1 ta’ Lulju 1980 (BGBl. 1980 I, p. 782), li daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Ottubru 1980.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, N. Yön, hija ċittadina Torka li żewġha, ta’ nazzjonalità Torka wkoll, ilu jirrisjedi fil-Ġermanja sa mis-sena 1995. Huwa għandu permess ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru sa mis-sena 2005, u ilu impjegat f’forn sa minn April 2009. Il-konjuġi Yön iżżewġu matul Awwissu 2004. Il-koppja għandha tliet ulied adulti u li jgħixu fit-Turkija, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, rispettivament.

28      Matul is-snin 2007 u 2011, N. Yön ressqet tliet applikazzjonijiet suċċessivi għall-ħruġ ta’ viża quddiem l-ambaxxata tal-Ġermanja ġewwa Ankara (it-Turkija) sabiex tingħaqad mar-raġel tagħha fil-Ġermanja. Dawn it-talbiet ġew miċħuda minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhiex għarfien suffiċjenti tal-Ġermaniż.

29      Matul ix-xahar ta’ Marzu 2013, N. Yön żaret il-Pajjiżi l-Baxxi b’viża Schengen maħruġa mill-Ambaxxata Olandiża li tinsab f’Ankara, sabiex iżżur lil oħtha. Matul ix-xahar ta’ April 2013, hija daħlet fil-Ġermanja mill-Pajjżi l-Baxxi sabiex tingħaqad ma’ żewġha.

30      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2013, N. Yön talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi joħorġulha permess ta’ residenza għal żmien determinat, abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, fejn indikat li hija kienet dipendenti fuq l-għajnuna ta’ żewġha minħabba l-istat ta’ saħħitha u l-illitteriżmu tagħha.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tax-xahar ta’ Marzu 2014, il-belt ta’ Stuttgart ċaħdet din it-talba minħabba li, minn naħa, N. Yön ma kinitx ipprovat li kellha l-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa, konformement mal-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(1) tal-AufenthG u li, barra minn hekk, hija kienet daħlet fit-territorju federali mingħajr il-viża nazzjonali meħtieġa.

32      Adita b’rikors ippreżentat minn N. Yön kontra din id-deċiżjoni, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) laqgħet, permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Lulju 2014, dan ir-rikors filwaqt li rrikonoxxiet id-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinħarġilha l-permess ta’ residenza mitlub, peress li kemm ir-rekwiżit ta’ konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll l-obbligu li tinkiseb viża għar-riunifikazzjoni tal-familja jikkostitwixxu restrizzjonijiet ġodda li jmorru kontra l-klawżoli ta’ “standstill” imsemmija fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-obbligu li tinkiseb viża, din il-qorti ddeċidiet li tali obbligu jmur kontra l-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

33      Il-belt ta’ Stuttgart ressqet rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

34      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-obbligu, ta’ ċittadin ta’ Stat terz, li jikseb viża, impost mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, sabiex jingħaqad mal-konjuġi tiegħu ta’ nazzjonalità Torka li jaħdem fit-territorju ta’ dan l-Istat, fid-dawl tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

35      Min-naħa l-oħra, din il-qorti ma għandhiex dubju dwar il-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ konoxxenzi lingwistiċi mad-dritt tal-Unjoni. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li klawżola eċċessivament rigoruża ġiet introdotta fil-punt 6 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 30(1) tal-AufenthG mill-Gesetz zur Neubestimmung des Bleiberechts und der Aufenthaltsbeendigung (il-Liġi dwar ir-Riforma tad-Dritt ta’ Residenza u t-Terminazzjoni tar-Residenza), tas-27 ta’ Lulju 2015 (BGBl. 2015 I, p. 1386), sabiex tiġi implimentata s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066). Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, peress li din il-klawżola eċċessivament rigoruża daħlet fis-seħħ matul il-proċedura ta’ appell fil-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) qatt ma eżaminat jekk, f’dan il-każ, kienx possibbli li ssir deroga mir-rekwiżit ta’ prova ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi konformement mal-imsemmija klawżola, hemm bżonn, jekk ikun il-każ, li jsir dan l-eżami wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-obbligu li tinkiseb viża mad-dritt tal-Unjoni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-klawżola ta’ ‘standstill’ tal-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] issostitwiet għal kollox il-klawżola ta’ ‘standstill’ tal-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 2/76], jew il-legalità ta’ restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, introdotti bejn id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u d-data li fiha l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sar applikabbli, għandha tibqa’ tiġi evalwata skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ma ġiex issostitwit għal kollox: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha wkoll tiġi trasposta għal kollox għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, b’tali mod li [din id-dispożizzjoni] [t]applika bħala prinċipju wkoll għal regola nazzjonali, introdotta b’effett mill-5 ta’ Ottubru 1980, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni ma’ konjuġi ħaddiem Tork għall-ħruġ ta’ viża nazzjonali?

3)      L-introduzzjoni ta’ tali regola nazzjonali hija ġġustifikata permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari permezz tal-għan ta’ kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni, meta klawżola eċċessivament rigoruża tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

37      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jew l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li miżura tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, introdotta matul il-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Diċembru 1976 u t-30 ta’ Novembru 1980, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja favur ċittadini ta’ Stat terz, li huma membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat, għall-kisba minn dawn iċ-ċittadini, qabel ma jidħlu fit-territorju nazzjonali, ta’ viża għall-imsemmija riunifikazzjoni, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, fil-każ ta’ risposta pożittiva, jekk tali miżura tistax madankollu tiġi ġġustifikata għal raġunijiet li jaqgħu taħt il-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni.

38      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedu klawżola mhux ekwivoka ta’ “standstill” għal dak li jirrigwarda l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għall-aċċess għall-impjieg ta’ ħaddiema legalment residenti u impjegati fit-territorju tal-Istati kontraenti (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C‑192/89, EU:C:1990:322, punt 18).

39      Il-klawżoli ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprojbixxu għaldaqstant, b’mod ġenerali, l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjonijiet fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jew tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali

40      Kif jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza preżenti, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-obbligu li tinkiseb viża għar-riunifikazzjoni tal-familja, ġiet introdotta minn leġiżlazzjoni nazzjonali datata l-1 ta’ Lulju 1980 u daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Ottubru 1980. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk tali miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jew dak tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

41      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, preliminarjament, li skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti.

42      Għal dan il-għan, l-imsemmi ftehim jistabbilixxi bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija, assoċjazzjoni li tinkludi fażi preparatorja li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità, fażi tranżitorja ddedikata għall-istabbiliment b’mod progressiv ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika, kif ukoll fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u li tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, EU:C:1987:400, punt 15).

43      Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II ta’ dan il-ftehim, relattiv għall-implimentazzjoni tal-fażi tranżitorja tal-assoċjazzjoni, jipprovdi li l-partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 39, 40 u 41 KE sabiex jistabbilixxu progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom. Il-Protokoll Addizzjonali jiffissa, fl-Artikolu 36 tiegħu, it-termini għall-istabbiliment gradwali ta’ dan il-moviment liberu u jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiddeċiedi l-modalitajiet neċessarji għal dan il-għan (sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C‑340/97, EU:C:2000:77, punti 50 u 51).

44      Abbażi tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, imwaqqaf mill-imsemmi ftehim sabiex jiżgura l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, l-ewwel nett adotta, fl-20 ta’ Diċembru 1976, id-Deċiżjoni Nru 2/76 li hija, skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-ewwel fażi fl-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn il-Komunità u t-Turkija, li t-tul tagħha kien iffissat għal erba’ snin li kellhom jiddekorru mill-1 ta’ Diċembru 1976 (sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C‑340/97, EU:C:2000:77, punt 52). Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 13 tagħha, din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 1976.

45      L-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 kien jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti li timplimenta, bħala t-tieni fażi, l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, filwaqt li tispeċifika, minn naħa, li tali deċiżjoni kellha tiġi implimentata fid-data tal-iskadenza tal-ewwel fażi u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 2/76 kellhom japplikaw sal-bidu tat-tieni fażi.

46      Huwa f’dan il-kuntest li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mbagħad adotta, fid-19 ta’ Settembru 1980, id-Deċiżjoni Nru 1/80, intiża, skont it-tielet premessa tagħha, għat-tisħiħ, fil-qasam soċjali, tas-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom meta mqabbla mas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 2/76 (sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik, C‑171/95, EU:C:1997:31, punt 19).

47      Id-dispożizzonijiet tat-Taqsima 1, bit-titolu “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, tal-Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li minnhom jagħmel parti l-Artikolu 13, jikkostitwixxu għalhekk stadju addizzjonali lejn l-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik, C‑171/95, EU:C:1997:31, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), u huma applikabbli, konformement mal-Artikolu 16 tal-imsemmija deċiżjoni, sa mill-1 ta’ Diċembru 1980.

48      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 japplika ratione temporis għall-miżuri nazzjonali introdotti matul il-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Diċembru 1976, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, u t-30 ta’ Novembru 1980, data li fiha skadiet l-ewwel fażi tal-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn il-Komunità u t-Turkija. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa japplika ratione temporis għall-miżuri nazzjonali introdotti sa mill-1 ta’ Diċembru 1980, li hija d-data li fiha daħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni u l-bidu tat-tieni fażi prevista fl-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn il-Komunità u t-Turkija.

49      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumentazzjoni tal-belt ta’ Stuttgart u tal-Gvern Ġermaniż li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 issostitwixxa lill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, fis-sens li, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa biss fir-rigward tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni li għandu jiġi evalwat jekk “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ġietx introdotta fid-dritt nazzjonali.

50      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jallegaw il-belt ta’ Stuttgart u l-Gvern Ġermaniż, tali effett ma jistax jiġi dedott mill-konstatazzjoni li wettqet il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fil-punt 14 tas-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, li jipprovdi li, sa mill-1 ta’ Diċembru 1980, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 issostitwixxew id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Nru 2/76, li kienu inqas favorevoli.

51      Għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni Nru 2/76 ġiet fi tmiemha fid-data tal-iskadenza tal-ewwel fażi prevista fl-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn il-Komunità u t-Turkija, jiġifieri t-30 ta’ Novembru 1980, u li ġiet issostitwita, sa mill-1 ta’ Diċembru 1980, mid-Deċiżjoni Nru 1/80, hekk kif jirriżulta mill-punti 44 sa 47 tas-sentenza preżenti, tali sostituzzjoni ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li d-Deċiżjoni Nru 2/76 tħassret retroattivament mid-Deċiżjoni Nru 1/80, b’tali mod li l-ewwel deċiżjoni ma tapplikax iktar.

52      Fil-fatt, minn naħa, la d-Deċiżjoni Nru 1/80 u lanqas ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jipprevedu tali effett retroattiv.

53      Min-naħa l-oħra, t-tħassir retroattiv tad-Deċiżjoni Nru 2/76 iwassal għal peġġorament tal-istatus tal-ħaddiem Tork peress li r-“restrizzjonijiet ġodda”, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, introdotti mill-Istati Membri wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni iżda qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma jkunux iktar ipprojbiti minn kwalunkwe klawżola ta’ “standstill”, u dan la jkun konformi mat-titjib tas-sistema li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom imsemmija mid-Deċiżjoni Nru 1/80 u lanqas mal-proġett bażiku ta’ stabbiliment gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema bejn il-Komunità u t-Turkija sottostanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

54      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ tħassir retroattiv tad-Deċiżjoni Nru 2/76, il-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni għandha tapplika fir-rigward ta’ kull miżura introdotta minn Stat Membru matul il-perijodu ta’ bejn l‑20 ta’ Diċembru 1976 u t-30 ta’ Novembru 1980, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 48 tas-sentenza preżenti.

55      Konsegwentement, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa fid-dawl tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura u, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni biss għandha tiġi interpretata.

 Fuq l-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 għall-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali

57      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

58      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija miżura, li ilha tapplika mill-5 ta’ Ottubru 1980, tissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, għall-kundizzjoni li tinkiseb viża għall-imsemmija riunifikazzjoni, qabel id-dħul fit-territorju Ġermaniż u li dan ir-rekwiżit ma kienx jeżisti qabel din id-data.

59      Għaldaqstant jidher li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkumplikat iktar il-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati terzi legalment residenti fil-Ġermanja bħala ħaddiema impjegati, fosthom, b’mod partikolari, il-ħaddiema Torok, bħall-konjuġi ta’ N. Yön, meta mqabblin ma’ dawk eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/76 f’dan l-Istat Membru.

60      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, meta interpretat il-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tirrendi riunifikazzjoni tal-familja iktar diffiċli billi tikkomplika l-kundizzjonijiet għall-ewwel dħul, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, tal-konjuġi taċ-ċittadini Torok, meta mqabbla ma dawk applikabbli waqt id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment mill-imsemmija ċittadini Torok (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan, C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 36).

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan kien il-każ peress li d-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru sabiex jeżerċita hemmhekk attività ekonomika b’mod stabbli, tista tiġi influwenzata b’mod negattiv meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tirrendi diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’tali mod li l-imsemmi ċittadin jista’, jekk ikun il-każ, jiġi obbligat jagħżel bejn l-attività tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat u l-ħajja tal-familja tiegħu fit-Turkija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan, C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 35).

62      Fit-tieni lok, meta interpretat l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 60 tas-sentenza preżenti, fid-dawl tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kellha wkoll tiġi applikata għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 42).

63      Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, peress li l-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija tal-istess natura bħal dik stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u li dawn iż-żewġ klawżoli għandhom għan identiku, l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 41(1) għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-obbligu ta’ statu quo li jikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmi Artikolu 13 fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247 punt 41).

64      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkomplika l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema Torok legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli waqt id-dħul fis-seħħ f’dan l-Istat Membru tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni, għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema min-naħa ta’ dawn iċ-ċittadini Torok fl-imsemmi Stat Membru (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diġà, li l-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 hija tal-istess natura bħal dawk previsti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C‑37/98, EU:C:2000:224, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura, tal-kuntest u tal-għan kemm tal-Protokoll Addizzjonali u tad-Deċiżjonijiet Nri 2/76 u 1/80, li minnhom l-Artikolu 41(1), kif ukoll l-Artikoli 7 u 13 jagħmlu rispettivament parti, kif ukoll tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li miegħu huma konnessi dawn id-dispożizzjonijiet, kif esposti fil-punti 41 sa 47 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi meqjus li l-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 għandha, fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-istess għan bħal dak tal-klawżoli ta’ “standstill” previsti fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jiġifieri, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 72), dak li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-istabbiliment progressiv, tad-dritt għall-istabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tal-moviment liberu tal-ħaddiema, rispettivament permezz tal-projbizzjoni magħmula lill-awtoritajiet nazzjonali milli jintroduċu ostakoli ġodda għall-imsemmija libertajiet sabiex l-istabbiliment gradwali ta’ dawn tal-aħħar bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija ma jsirx iktar diffiċli.

67      Barra minn hekk, id-differenza fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fejn dan tal-aħħar isemmi għall-ewwel darba, minbarra l-ħaddiema, il-membri tal-familja tagħhom, ma tistax tiġġustifika li tingħata portata inqas wiesgħa, għal dak li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema Torok legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, għall-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ klawżoli ta’ “standstill”.

68      Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, huwa biss sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkomplika l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija tali li taffettwa l-eżerċizzju minn ċittadini Torok legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, bħall-konjuġi ta’ N. Yön, ta’ attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ dan l-Istat, li hemm lok li jitqies li tali leġiżlazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 44).

69      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni, bħal dik deskritta fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida mhux fir-rigward tal-membru tal-familja kkonċernat iżda tal-ħaddiem Tork ta’ referenza.

70      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fil‑punt 31 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239), għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kif imsemmija fil-punt 64 tas-sentenza preżenti, għandha wkoll tiġi applikata għall-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

71      Konsegwentement, miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fi-kawża prinċipali, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, għall-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat, u taqa’ għaldaqstant, fil-kamp ta’applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-eventwali ammissibbiltà tar-restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76

72      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li restrizzjoni li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju, minn ċittadin Tork, tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija pprojbita ħlief jekk din taqa’ fil-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan leġittimu segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

74      Fil-fatt, skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-partijiet għal dan il-ftehim, konformement mal-għan esklużivament ekonomiku li jikkostitwixxi l-bażi tal-assoċjazzjoni bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija, ftiehmu li jiġu ggwidati minn dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex il-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati, sa fejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw minn drittijiet skont dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat, fit-tielet lok, jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterji msemmija fil-punt 72 tas-sentenza preżenti.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, li jikkorrispondi għall-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, din il-miżura tissodisfa motivi relatati mal-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni.

77      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan relatat ma’ amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali tali li tiġġustifika restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 39).

78      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostnu l-belt ta’ Stuttgart u l-Gvern Ġermaniż, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

79      Għal dak li jirrigwarda, qabel kollox, in-natura xierqa ta’ din il-miżura għall-finijiet tal-għan segwit, l-obbligu taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, li qabel id-dħul fit-territorju Ġermaniż jiksbu viża għar-riunifikazzjoni tal-familja, bħala prerekwiżit sabiex jingħataw permess ta’ residenza abbażi tal-imsemmija riunifikazzjoni jippermetti, ċertament, li tiġi kkontrollata l-legalità tas-soġġorn ta’ dawn iċ-ċittadini f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, sa fejn l-amministrazzjoni effettiva tal-flussi migratorji teħtieġ kontroll ta’ dawn l-istess flussi, tali miżura hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan.

80      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk l-imsemmija miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, l-obbligu taċ-ċittadin ta’ Stati terzi li jiksbu viża sabiex jidħlu u jirrisjedu fil-Ġermanja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja ma jistax, fih innifsu, jitqies li huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għan segwit.

81      Madankollu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob ukoll li l-modalitajiet tal-implimentazzjoni ta’ tali obbligu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 43).

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 23 tas-sentenza preżenti, id-dritt nazzjonali jipprevedi klawżola eċċessivament rigoruża li tippermetti deroga mill-obbligu li tinkiseb viża meta l-kundizzjonijiet tad-dritt għall-ħruġ ikunu ssodisfatti jew meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma jkunx raġonevoli li jiġi impost li tinbeda mill-ġdid il-proċedura tal-ħruġ ta’ viża mill-pajjiż tal-oriġini.

83      Fil-każ ineżami, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li N. Yön ma daħlitx fil-Ġermanja mill-Pajjiżi l-Baxxi bil-viża meħtieġa għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja iżda b’viża Schengen maħruġa mill-ambaxxata Olandiża li tinsab f’Ankara.

84      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, konformement mad-dritt nazzjonali, id-dħul ta’ N. Yön fit-territorju Ġermaniż mingħajr il-viża meħtieġa ma jistax iwassal awtomatikament għaċ-ċaħda tat-talba tagħha li jinħarġilha permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ deroga, abbażi tal-klawżola eċċessivament rigoruża, mill-obbligu li tinkiseb il-viża meħtieġa taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali tal-każ li jkollhom quddiemhom.

85      Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, N. Yön tinvoka d-dipendenza tagħha fuq żewġha fid-dawl tal-istat ta’ saħħitha u tal-illitteriżmu tagħha.

86      Issa, fil-każ li, minn naħa, minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ diffikultajiet oħra, N. Yön tiddependi mill-assistenza jew sostenn personali ta’ żewġha sal-punt li dan tal-aħħar ikollu jakkumpanjaha fit-Turkija sabiex hija tkun tista’ tibda mill-ġdid, minn dan il-pajjiż terz, il-proċedura tal-kisba tal-viża meħtieġa, u, min-naħa l-oħra, l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kompetenti jippermettu lil dawn tal-aħħar, f’tali ċirkustanzi, jiddeċiedu li madankollu ma hemmx lok li ssir deroga mill-obbligu li tinkiseb il-viża meħtieġa, minkejja li huma għandhom diġà l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiddeċiedu dwar id-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-applikazzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit minnha.

87      Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li huwa biss it-tluq ta’ N. Yön mit-territorju Ġermaniż sabiex tibda, mit-Turkija, il-proċedura għall-kisba tal-viża meħtieġa, li jqiegħed lill-awtoritajiet kompetenti fi stat li jkunu jistgħu jevalwaw il-legalità tas-soġġorn tagħha abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, u li jiġi ggarantit għaldaqstant li jintlaħaq l-għan relatat mal-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni.

88      Min-naħa l-oħra, f’tali ċirkustanzi, minħabba d-dipendenza ta’ N. Yön fuq żewġha, dan ikollu jirrinunċja għall-attività tiegħu bħala persuna impjegata li huwa jeżerċita fil-Ġermanja, sabiex imur it-Turkija ma’ martu għall-finijiet tal-proċedura għall-kisba ta’ viża, mingħajr garanzija li ta’ riintegrazzjoni f’xogħolu ladarba jiġi lura mit-Turkija, filwaqt li l-eżami tal-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja jistgħu jsiru b’mod effettiv mill-awtoritajiet kompetenti fil-Ġermanja, b’tali mod li l-imsemmi għan ikun jista’ jintlaħaq mingħajr l-inkonvenjenzi msemmija.

89      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fi-kawża prinċipali, introdotta matul il-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Diċembru 1976 u t-30 ta’ Novembru 1980, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja favur ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, għall-kisba minn dawn iċ-ċittadini, qabel id-dħul fit-territorju nazzjonali, ta’ viża għall-finijiet tal-imsemmija riunifikazzjoni tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali miżura tista’, madankollu, tiġi ġġustifikata minn raġunijiet relatati mal-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni, iżda ma tistax tiġi aċċettata ħlief sakemm il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, tal-20 ta’ Diċembru 1976, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, imwaqqaf mill-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fi-kawża prinċipali, introdotta matul il-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Diċembru 1976 u t-30 ta’ Novembru 1980, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja favur ċittadini ta’ Stati terzi li huma membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, għall-kisba minn dawn iċ-ċittadini, qabel id-dħul fit-territorju nazzjonali, ta’ viża għall-finijiet tal-imsemmija riunifikazzjoni tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali miżura tista’, madankollu, tiġi ġġustifikata minn raġunijiet relatati mal-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni, iżda ma tistax tiġi aċċettata ħlief sakemm il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.