Language of document : ECLI:EU:C:2015:137

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2015 (1)

Kawża C‑681/13

Diageo Brands BV

vs

Simiramida-04 EOOD

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Raġunijiet għal rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba ‑ Ordni pubbliku tal-Unjoni − Sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Spejjeż legali”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li prinċiparjament jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2), li jipprovdi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l‑ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. B’mod iktar preċiż, dan jirrigwarda l-punt dwar jekk il-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal-oriġini tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni jiġġustifikax li din is-sentenza ma tiġix irrikonoxxuta fl-Istat fejn issir it-talba, għar-raġuni li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Din il‑kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba, li fl‑aħħar lok kienu fformulati fis-sentenza Apostolides (3), sabiex tevalwa jekk jeżistix ksur manifest tal-ordni pubbliku tiegħu, meta dan il-ksur jirriżulta mill-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 44/2001

2.        Il-premessi 6, 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[...]

(16)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)      Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il‑għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament”.

3.        L-Artikoli 33(1), 34(1) u (2) u 36 tar-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”.

4.        L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament huwa kif ġej:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali”.

5.        L-Artikolu 34(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:

1)         jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)         meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;”

6.        Skond l-Artikolu 36 tal-istess regolament:

“Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma tista’ tiġi reveduta fuq is‑sustanza tagħha”.

B –    Id-Direttiva 2004/48/KE

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48/KE (4) jipprovdi li din id‑direttiva tirrigwarda “il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” filwaqt li tippreċiża li dan it-terminu jinkludi “id-drittijiet tal-proprjetà industrijali”.

8.        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jindika li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li hija tipprovdi japplikaw “għal kull kontravvenzjoni tad‑drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat”.

9.        Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-Istati Membri għandhom jieħdu għandhom ikunu “effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”.

10.      F’din il-perspettiva, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/48 jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jkunu jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, “jordnaw miżuri proviżorji immedjati u effettivi biex tiġi ippreservata l-evidenza rilevanti, fir‑rigward tal-kontravvenzjoni allegata”. L-istess dispożizzjoni tippreċiża li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu “il-qabda fiżika [is-sekwestru fiżiku] ta’ l-oġġetti li biha saret il-kontravvenzjoni”. Bl-istess mod l-Artikolu 9 ta’ din id‑direttiva, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, jimponi lill-Istati Membri, fil-paragrafu 1(b), li jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu, fuq talba tar-rikorrent “jordnaw il-qabda [is-sekwestru] jew il-konsenja ta’ l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali”. L-Artikoli 7(4) u 9(7) tal-istess direttiva jipprovdu li “fejn sussegwentement jinstab li ma kienx hemm l-ebda kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom is-setgħa “li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdu lid-difiża kumpens għal ħsara kkawżata b’dawk il-miżuri”.

11.      Fir-rigward tal-ispejjeż legali, l-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità”.

III – Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Diageo Brands BV (iktar ’il quddiem “Diageo Brands”), li s-sede tagħha tinsab f’Amsterdam (il-Pajjiżi l‑Baxxi), hija proprjetarja, fost oħrajn, tat-trade mark “Johnny Walker”. Hija tikkummerċjalizza whisky ta’ din it-trade mark fil-Bulgarija permezz ta’ importatur lokali esklużiv.

13.      Simiramida‑04 EOOD (iktar ’il quddiem “Simiramida”_, stabbilita f’Varna (il-Bulgarija), tikkummerċjalizza xorb alkoħoliku.

14.      Fil-31 ta’ Diċembru 2007, kontejner ta’ 12 096 flixkun tal-whisky tat-trade mark “Johnny Walker”, intiż għal Simiramida, wasal fil-port ta’ Varna (il-Bulgarija) minn Georġja. Peress li l‑importazzjoni fil-Bulgarija ta’ dan il-lott flixken mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha jikkostitwixxi ksur tat-trade mark li tagħha hija proprjetarja, Diageo Brands talbet u kisbet, fit-12 ta’ Marzu 2008, l-awtorizzazzjoni ta’ Sofiyski gradski sad (Qorti tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) għall-qbid tal-lott tal-whisky inkwistjoni.

15.      Fid-9 ta’ Mejju 2008, fuq appell ta’ Simiramida, is-Sofiyski apelativen sad (Qorti tal-Appell ta’ Sofia) annullat id-digriet ta’ sekwestru tat‑12 ta’ Marzu 2008.

16.      Permezz ta’ sentenzi tat-30 ta’ Diċembru 2008 u tal-24 ta’ Marzu 2009, il-Varhoven kasatsionen sad (Qorti Suprema ta’ kassazzjoni) ċaħdet l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn Diageo Brands minħabba raġunijiet proċedurali.

17.      Fid-9 ta’ April 2009, is-sekwestru tal-lott tal-whisky fejn issir it-talba minn Diageo Brands ġie rtirat.

18.      Fil-proċedura dwar il-mertu magħmula minn Diageo Brands kontra Simiramida minħabba ksur tat-trade mark, is-Sofiyski gradski sad, permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 ċaħdet it-talbiet ta’ Diageo Brands. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Sofiyski gradski sad, mingħajr ma eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-kawża, iddeċidiet li minn sentenza interpretattiva, mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad fil-15 ta’ Ġunju 2009, jirriżulta li l-importazzjoni fil-Bulgarija ta’ prodotti mqiegħda fis-suq lil hinn miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) bil-kunsens tal-proprjetarja tat-trade mark ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Is-Sofiyski gradski sad ikkunsidrat li, skont id-dritt ġudizzjarju Bulgaru, hija kienet marbuta b’din id-deċiżjoni interpretattiva.

19.      Diageo Brands ma appellatx minn din is-sentenza tas-Sofiydki gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010, li saret res judicata.

20.      Fil-kawża prinċipali, Simiramida titlob quddiem il-qrati Olandiżi l-ħlas ta’ somma ta’ iktar minn EUR 10 miljuni bħala kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba is-sekwestru eżegwit fuq it-talba ta’ Diageo Brands. Simiramida tibbaża t-talba tagħha fuq is-sentenza mogħtija fil‑11 ta’ Jannar 2010 mis-Sofiyski gradski sad, peress li din ikkonstatat in-natura illegali ta’ dan is-sekwestru. Fid-difiża tagħha, Diageo Brands issostni li din is-sentenza ma tistax tkun irrikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li hija manifestament kontra l-ordni pubbliku, fis-sens tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Mid-deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2010, is‑Sofiyski gradski sad kienet manifestament applikat b’mod żbaljat id‑dritt tal-Unjoni billi bbażat ruħha fuq sentenza interpretattiva, li hija wkoll ivvizzjata bi żball, li kienet ġiet adottata mill-Varhoven kasatsionen sad bi ksur tal-obbligu tagħha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

21.      Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Marzu 2011, ir-Rechtbank d’Amsterdam (Qorti ta’ Amsterdam) laqgħet l-argumenti ta’ Diageo Brands u ċaħdet it-talba ta’ Simiramida.

22.      Fuq appell ta’ Simiramida, il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, bidlet is-sentenza tar-Rechtbank d’Amsterdam u ddeċidiet li s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 ta’ Sofiyski gradski sad għandha tiġi rrikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu hija ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens tad-danni.

23.      Meta ġiet adita bl-appell ta’ Diageo Brands, il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonstatat li, fl-istanza tal-kassazzjoni, “il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li s-sentenza interpretattiva mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”, u li “Diageo Brands ippreżentat […] sentenza interpretattiva ġdida mogħtija mil[l-Varhoven kasatsionen sad] fis-26 ta’ April 2012, li fiha s-sentenza interpretattiva tal-15 ta’ Ġunju 2009 kienet espressament ikkonfermata”.

24.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden, permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2013, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Għandu l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li dan il-motiv ta’ rifjut jirrigwarda wkoll il-każ li fih id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini hija manifestament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u li l-imsemmi qorti rrikonoxxiet dan?

(2)      (a)      Għandu l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-parti li tinvoka l-motiv ta’ rifjut li jidher fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma eżerċitat ebda rimedju ġudizzjarju għad‑dispożizzjoni tagħha fl-Istat Membru tal-oriġini tad‑deċiżjoni, jipprekludi li hija tinvoka b’mod utli dan il‑motiv ta’ rifjut?

(b)      Jekk id-domanda 2(a) tingħata risposta affermattiva, ir‑risposta tkun differenti jekk l-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-oriġini tad-deċiżjoni kien inutli, peress li għandu jiġi ammess li dan l-eżerċizzju ma kienx iwassal għal deċiżjoni differenti?

(3)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis‑sens li din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-ispejjeż li jsiru mill-partijiet fil-kuntest ta’ talba għad-danni fi Stat Membru jekk it-talba u d-difiża jirrigwardaw l-allegata responsabbiltà tal‑konvenuta minħabba sekwestri kawtelatorji u notifiki magħmula bil-għan li jiżguraw l-osservanza tad-dritt ta’ trade marks tagħha fi Stat Membru ieħor u li, f’dan ir-rigward, titqajjem il-kwistjoni tar-rikonoxximent fl-ewwel Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qorti tat-tieni Stat Membru?”

25.      Minbarra l-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal‑Ġermanja u tal-Litwanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

26.      Waqt is-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2014, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali f’isem il-partijiet fil-kawża prinċipali u l‑Kummissjoni.

IV – Analiżi

27.      Preliminarjament, jiena ser neżamina, il-premessi li fuqhom il‑qorti tar-rinviju tibbaża d-deċiżjoni tagħha qabel nanalizza l-aspetti determinanti tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar‑rinviju.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

28.      Qabel xejn għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija fejn issir it-talba tagħti (5).

29.      Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal‑Unjoni u l-qrati nazzjonali, bħala regola hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l‑applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni huma miġbura flimkien fil-kawża pendenti quddiemha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl‑interpretazzjoni tagħha (6).

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni Ewropea magħmula mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tħalli f’idejn din tal-aħħar l-impenn li tivverifika l-elementi konkreti tal‑kawża pendenti quddiemha (7).

31.      F’dan ir-rigward, nirrileva, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija tibbaża d-domandi tagħha fuq divers premessi, jiġifieri, li s‑sentenza ta’ Sofiyski gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010 u s-sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009, li fuqhom hija bbażata s-sentenza tas-Sofiyski gradski sad, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni (8). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li t-tieni deċiżjoni interpretattiva mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad fis-26 ta’ April 2012, li fiha l-ewwel sentenza interpretattiva kienet espressament ikkonfermata, tmur ukoll kontra d-dritt tal-Unjoni.

32.      Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-mikub tal-Kummissjoni kkonfermati waqt is-seduta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija ppreżentat għal dak li jirrigwarda l‑kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad mal‑Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 2008/95/KE (9), il-Kummissjoni eżaminat iż-żewġ sentenzi interpretattivi ta’ din il-qorti. Skont din l-analiżi, hija waslet għall-konklużjoni li, kemm is-sentenza interpretattiva tal-2009 kif ukoll dik, iktar iddettaljata, tas-26 ta’ April 2012, huma konformi mad-dritt tal‑Unjoni. Din l-analiżi ppermettilha twaqqaf il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, id‑dikjarazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sentenza interpretattiva ta’ Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma hijiex eżatta. Għalhekk jiena ma nistax neskludi li fl‑aħħar mill-aħħar, is-Sofiyski gradski sad applikat ħażin din is‑sentenza.

33.      Għal dak li jirrigwarda s-sentenza ta’ Sofiyski gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet donnhom jaqblu essenzjalment li din is-sentenza għandha tkun ikkunsidrata kuntrarja għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 (10). Fil-fatt, dan l-artikolu jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi lil terzi kollha, b’mod partikolari, milli jimportaw prodotti li jaqgħu taħt din it‑trade mark, milli joffruhom, milli jqiegħduhom fis-suq jew jaħżnuhom għal dawn l-għanijiet (11). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu għandu jkun interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jopponi l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE, mingħajr il-kunsens tiegħu, ta’ prodotti oriġinali li għandhom din it-trade mark (12).

34.      Fid-dawl ta’ dawn ir-rimarki preliminari, u fid-dawl tal-konnessjoni eżistenti bejn uħud mid-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel u t-tieni domandi, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ser ikunu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok. Id-domanda dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 14 tar-Regolament 2004/48 ser tkun indirizzata sussegwentement.

B –    Dwar l-ewwel u t-tieni domandi

35.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal-oriġini tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni jiġġustifikax li din is-sentenza ma tkunx irrikonoxxuta fl‑Istat fejn issir it-talba, minħabba li tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar jekk il-qorti tal-exequatur tistax jew għandhiex tikkunsidra l-fatt li l-persuna li topponi għar-rikonoxximent tas-sentenza fl-Istat fejn issir it-talba ma tkunx eżerċitat ir-rimedji ġudizzjarji li kienu għad‑dispożizzjoni tagħha fl-Istat tal-oriġini.

36.      Sabiex nirrispondi għal dawn id-domandi, għandu, preliminarjament, jiġi eżaminat liema huma l-kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba għandha tevalwa jekk jeżistix ksur tal‑ordni pubbliku tagħha. Essenzjalment għandhom jiġu ddeterminati l‑elementi neċessarji għal din l-evalwazzjoni fil-kuntest ġurisprudenzjali stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwarda l-użu tal-“kunċett ta’ ordni pubbliku” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001.

1.      Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”

37.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fis-sens tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri fl-istadju tar‑rikonoxximent tas-sentenza mill-Istat fejn issir it-talba.

38.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm, bħala regola, l‑Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont ir-riserva fl‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, b’konformità mal‑perċezzjonijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu fl-interpretazzjoni ta’ dan ir‑regolament. B’hekk, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-“ordni pubbliku” ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il‑qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (13).

39.      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ksur, mill‑qorti tal-Istat tal-oriġini, ta’ regola tad-dritt sostantiv tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur tal-ordni pubbliku fil-fatt jirrigwarda l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-ksur inkwistjoni jirrigwarda mhux biss l‑ordni pubbliku nazzjonali fl-istadju tar-rikonoxximent, iżda l-ordni pubbliku tal-Unjoni, li huwa stess jifforma parti integrali mill-ordni pubbliku nazzjonali (14). Għalhekk, ċerti dispożizzjonijiet fundamentali għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni u b’mod partikolari, għall‑funzjonament tas-suq intern (15), jiġġustifikaw b’mod partikolari r‑rifjut tar-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, anki jekk kull Stat Membru għandu jiddetermina r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tiegħu, għandhom jeżistu fi ħdan l-ordni pubbliku nazzjonali ċerti valuri, prinċipji u regoli fundamentali tal-Unjoni, bl-istess kontenut normattiv, li kull Stat Membru għandu jikkunsidra.

2.      Ir-regolamenti ġurisprudenzjali tal-kunċett tal-“ordni pubbliku” fis‑sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001

40.      Skont il-premessa 6 tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż għall-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea li fiha għandu jiġi żgurat il-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali previsti minn dan ir‑regolament. Mill-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li s-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni li huwa jipprovdi hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja tal-Unjoni. Tali fiduċja teħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu mhux biss irrikonoxxuti awtomatikament fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża sabiex tirrendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effettiva u rapida. Tali proċedura, skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, għandha tinvolvi biss sempliċi verifiki formali tad-dokumenti meħtieġa għall‑attribuzzjoni tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat fejn issir it-talba (16).

41.      Sa fejn il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjonijiet dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-Konvenzjoni (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Brussell”) (17) kienet issostitwita bir-Regolament Nru 44/2001 (18) fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja tat lill-Konvenzjoni tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-regolament (19). Dan huwa l-każ tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li ssostitwixxa l-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (20). Skont dan l-artikolu, sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent huwa manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. Ir-raġunijiet ta’ kontestazzjoni li jistgħu jiġu invokati huma espressament stabbiliti fl‑Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament. Din il-lista, li l-elementi tagħha għandhom jiġi interpretati b’mod restrittiv, hija eżawrjenti (21). B’mod partikolari, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jingħata interpretazzjoni stretta, peress li jirrappreżenta ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir‑regolament (22). Għalhekk il-klawżola ta’ ordni pubbliku f’din id‑dispożizzjoni ma għandiex tintuża ħlief f’każijiet eċċezzjonali (23).

42.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm l-ordni pubbliku huwa kunċett nazzjonali, madankollu l‑Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ strett, li tagħtih interpretazzjoni restrittiva (24). Dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta kien diġà jidher fir-rapport ta’ M. P. Jenard (25) dwar il‑Konvenzjoni ta’ Brussell, peress li kienu magħrufa wkoll id-drittijiet nazzjonali (26). Fil-fatt, l-avverb “manifestament” miżjud meta l‑Konvenzjoni nbidlet f’regolament jikkonkretizza, f’dan tal-aħħar, l‑aspettattiva ta’ kontradizzjoni manifesta tar-rikonoxximent tas‑sentenzi mal-ordni pubbliku (27). Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal‑motivi dwar l-Artikolu 41 tal-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill, din l-emenda kienet intiża sabiex tenfasizza n-“natura eċċezzjonali tal-użu tal-ordni pubbliku” bil-“għan li jitjieb il-moviment liberu tas‑sentenzi” (28).

43.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat tal-oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat fejn issir it-talba kieku ġiet adita bil-kawża. Bħala regola ġenerali, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax tivverifika l‑eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat tal-oriġini (29).

44.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jsir biss fil-każ li r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jaffettwa s-sistema legali tal-Istat fejn issir it-talba b’mod inaċċettabbli, inkwantu jikkawża preġudizzju lil prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor, il-ksur għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali (30). Fil-fatt hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bl-istess effikaċja l-protezzjoni tad‑drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u ta’ dawk mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (31).

3.      Evalwazzjoni legali

a)      Fuq il-ksur ta’ regola essenzjali, ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali jew ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni

45.      Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss il-ksur, mill-qorti tal‑Istat tal-oriġini, tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104.

46.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jsostnu li huwa diffiċli li jiġi pperċepit li l-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 li dwaru hija kkritikata s-Sofiyski gradski sad fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2010 jista’ jkun ikkunsidrat bħala ksur ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

47.      Jien naqbel mal-opinjoni tagħhom.

48.      Qabel xejn, ninnota li l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jkun evalwat in concreto, jiġifieri abbażi tal-gravità tal-effetti prodotti mir-rikonoxximent tas-sentenza inkwistjoni. B’hekk, ir-relazzjoni bejn il-kawża prinċipali u l‑ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll (32).

49.      F’dan il-każ, kif indikajt fir-rimarki preliminari tiegħi, għalkemm id-dikjarazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma hijiex korretta, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tal‑osservazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li s-Sofiyski gradski sad applikat ħażin din is-sentenza.

50.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is‑sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju ġie applikat b’mod żbaljat (33).

51.      In-natura eċċezzjonali tal-użu tal-ordni pubbliku jwassalni sabiex nikkunsidra li, bħala regola, eventwali żball ta’ liġi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax waħdu jkun ikkunsidrat bħala preġudizzju għall-ordni pubbliku u lanqas jiġġustifika r-rifjut tar‑rikonoxximent (34) tas-sentenza mogħtija mis-Sofiywki gradski sad. Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-rifjut tar-rikonoxximent tagħha ma jissodisfax il-kriterji indikati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Teżisti raġuni għar‑rifjut jekk l-effetti tar-rikonoxximent ta’ sentenza jmorru kontra l‑ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba (35), għal dak li jirrigwarda kemm id-dritt nazzjonali kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, u dawn l-effetti għandhom jilħqu ċertu livell ta’ gravità, jiġifieri jikkawżaw preġudizzju b’mod manifest lil regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l‑ordinament ġuridiku (36). Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tas‑sentenza tas-Sofiyski gradski sad ma jippreġudikax b’mod inaċċettabbli l-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba, peress li ma jippreġudikax prinċipju fundamentali. Jekk ikun deċiż mod ieħor hemm mir-riskju, kif osservat il-Kummissjoni, li terġa’ tiġi introdotta s-setgħa ta’ reviżjoni pprojbita mill-Artikoli 36 u 45 tar-Regolament Nru 44/2001. Tali deċiżjoni twassal ukoll, skont il-Kummissjoni, minn naħa, għall-kontestazzjoni tal-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fl‑Unjoni li fuqha hija bbażata s-sistema tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni prevista mir-Regolament Nru 44/2001 u, min-naħa l-oħra, tostakola l-effikaċja u r-rapidità tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas‑sentenzi ġudizzjarji.

52.      Madankollu, ċertament xejn ma jista’ jeskludi li, minħabba tali żball, ir-rikonoxximent ta’ sentenza jikser b’mod manifest ir-regoli jew il-prinċipji fundamentali, inkluż tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jsir enfasi fuq il-ħtieġa li jkun hemm ksur ta’ dawn ir‑regoli jew ta’ dawn il-prinċipji (37) tal-ordni pubbliku tal-Unjoni. Madankollu, bħall-Kummissjoni, jiena lanqas ma jien konvint li, fil‑kawża prinċipali, l-applikazzjoni jew interpretazzjoni ħażina ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni minima li kellha l-għan li tapprossima l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-trade marks, filwaqt li tħalli lil dawn tal-aħħar grad għoli mhux ħażin ta’ libertà għat-traspożizzjoni (38) tagħha, tista’ tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ksur ta’ regoli essenzjali jew ta’ prinċipji fundamentali (39).

53.      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eco Swiss (40) li tirrigwarda n-natura eżekuttiva ta’ sentenza ta’ arbitraġġ ma tibdilx din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101 TFUE huwa dispożizzjoni fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern (41). Minn dan hija kkonkludiet li din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar l‑arbitraġġ (42), li ma huwiex il-każ għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

54.      In-nuqqas ta’ rilevanza ta’ din is-sentenza għall-finijiet tal-kawża prinċipali jirriżulta wkoll minn serje ta’ differenzi oħra. Fl-ewwel lok, l‑Artikolu 34(1) jippermetti r-rifjut tar-rikonoxximent, mhux ta’ sentenza ta’ arbitraġġ, iżda ta’ sentenza ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor. Is-sentenzi tal-qrati nazzjonali jgawdu preżunzjoni ta’ legalità. Din il-preżunzjoni ta’ legalità tiġġustifika li dan il-kriterju ta’ ordni pubbliku applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa inqas strett għas‑sentenza ġudizzjarji milli għas-sentenzi ta’ arbitraġġ. Fit-tieni lok, is-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri huma suġġetti għal sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li ma huwiex il-każ għas-sentenzi ta’ arbitraġġ (43). F’dan ir‑rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li qorti ta’ arbitraġġ konvenzjonali ma tikkostitwixxix “qorti ta’ Stat Membru” fis-sens tal‑Artikolu 267TFUE peress li l-arbitri, bid-differenza tal-qrati nazzjonali, ma jistgħux jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi preliminarjament fuq kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni (44). Fil-fatt, il-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jagħtu lis‑sentenza ġudizzjarji tagħhom u s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mid-dritt tal-Unjoni jispjegaw sa ċertu punt li l-kawża Eco Swiss u l-kawża Renault ingħataw soluzzjoni differenti (45). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri li jirrimedjaw kull preġudizzju kkawżat lill-individwi minħabba ksur tad‑dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom, inkluż meta dan il-preġudizzju jirriżulta minn sentenza ta’ qorti tal-aħħar istanza (46). Mar-responsabbiltà tal-Istat tiżdied ukoll il-possibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

b)      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

55.      Diageo Brands tinvoka l-ksur tal-obbligu, kemm mis-Sofiyski gradski sad kif ukoll mill-Varhoven kasatsionen sad, li jressqu lill‑Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari.

56.      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-obbligu tar-rinviju ta’ Sofiyski gradski sad, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s‑sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE fid-dawl li tiżgura l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn l-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali (47).

57.      F’dan ir-rigward, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jibbaża fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-bidu tiegħu jiddependi kollu kemm hu fuq l-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u l-bżonn ta’ dan ir-rinviju (48). Għalhekk, sa fejn ma jeżisti ebda rikors ġudizzjarju kontra s-sentenza ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar, bħala regola, għandha tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet inċiż tal‑Artikolu 267 TFUE meta tiġi invokata quddiemha domanda relatata mal-interpretazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (49).

58.      Fil-kawża prinċipali, huwa diffiċli li jiġi kkritikat ksur manifest, mill-qorti tal-Istat tal-oriġini, ta’ obbligu ta’ rinviju. Fil-fatt, is-Sofiyski gradski sad hija qorti tal-ewwel istanza li d-deċiżjoni tagħha setgħet kienet is-suġġett ta’ appell, u anki ta’ appell quddiem il-qorti Bulgara tal-aħħar istanza. Għaldaqstant, skont it-tieni inċiż tal‑Artikolu 267 TFUE, hija ma kinitx obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari (50).

59.      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda, is-sentenza interpretattiva tal-15 ta’ Ġunju 2009 tal-Varhoven kasatsionen sad, li hija l-bażi tas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 tas-Sofiyski gradski sad, jiena ser nillimita ruħi sabiex nikkonstata li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss ir‑rikonoxximent tas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 tas-Sofiyski gradski sad.

c)      Fuq in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji

60.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-proċedura li tirrigwardaha, Diageo Brands ma eżerċitatx ir-rimedji ġudizzjarji li jagħtiha d-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija targumenta li dan in‑nuqqas kien minħabba l-fatt li l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli quddiem il-qrati Bulgari ma kinux jagħmlu sens, għaliex ma kinux ser iwasslu għal deċiżjoni differenti mingħand dawn il-qrati.

61.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

62.      Fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tfakkar li sempliċi żball ta’ dritt nazzjonali jew tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent abbażi tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, f’tali każijiet, is‑sistema tar-rimedji ġudizzjarji implementata f’kull Stat Membru, flimkien mal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil‑kawża (52).

63.      Ċertament, fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji implementati fuq livell nazzjonali, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji tal-Istat Membru tal‑oriġini. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li r-Regolament Nru 44/2001 huwa bbażat fuq l-idea fundamentali li l-atti meħuda fil‑kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu, inkluż ir-rettifika ta’ żbalji dwar il-mertu, għandhom ikunu kkonċentrati fl-Istat Membru tal-oriġini (53).

64.      Evidentement, jiena naqbel ma’ dan l-approċċ. Fil-fatt, in-natura eċċezzjonali tar-riżerva tal-ordni pubbliku hija bbażata fuq il-premessa li l-konvenuti jużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha mogħtija lilhom mid‑dritt tal-Istat Membru tal-oriġini sabiex jirrettifikaw l-iżbalji tal-liġi. Ċertament, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bħala regola ġenerali u, b’mod evidenti, ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal‑oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku. Dan huwa iktar u iktar importanti meta l-ksur allegat tal-ordni pubbliku jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, jeżisti obbligu ċert ta’ kull qorti ta’ Stat Membru li tosserva l-ordni pubbliku tal-Unjoni (54).

65.      F’dan ir-rigward, jidhirli li s-sens u l-iskop tar-Regolament Nru 44/2001 jimmilita favur it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti tal‑Istat fejn issir it-talba, tal-fatt li l-persuna li toġġezzjona għar-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija mill-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tuża r‑rimedji ġudizzjarji mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali (55). Għaldaqstant, l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat tal-oriġini, ta’ mekkaniżmi ta’ rimedju tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali, għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur manifest eventwali tal-ordni pubbliku tiegħu li jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza fil-kuntest tar‑Regolament Nru 44/2001 (56). Madankollu, dan it-teħid inkunsiderazzjoni għandu jsir każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni (57). Għalhekk kif issemma fil-punt 39 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jekk il-ksur inkwistjoni jirrigwarda l-ordni pubbliku tal-Unjoni, bid-differenza tal-ordni pubbliku nazzjonali, l-obbligu tal‑Istati Membri kollha li jieħdu inkunsiderazzjoni dan il-ksur jirriżulta mid-dmir tagħhom li jiżguraw applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni (58).

66.      Fil-kawża prinċipali, l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji mogħtija mid-dritt Bulgaru lil Diageo Brands kien jippermettilha, li eventwalment, targumenta quddiem il-qorti Bulgara tal-aħħar istanza l‑bżonn li tressaq domanda preliminari.

67.      Fi kwalunkwe każ, ma għandux jiġi injorat li fil-każ fejn, minn naħa, kieku Diageo Brands eżawrixxiet ir-rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tagħha quddiem il-qrati Bulgari u, min-naħa l-oħra, kieku l-qrati superjuri interpretaw b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni, Diageo Brands kien ikollha l-possibbiltà titlob ir-responsabbiltà tal-Istat Bulgaru. Skont il-Kummissjoni, għalkemm is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja implementata mid-dritt tal-Unjoni ma tistax tiggarantixxi li ma jkun hemm l-ebda żball, madankollu hija toffri lill-partijiet il‑possibbiltà li jiksbu kumpens f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif tfakkar ukoll fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-prinċipju li l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw id-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom huwa applikabbli wkoll meta l-ksur inkwistjoni jirriżulta minn sentenza ta’ qorti tal-aħħar istanza (59).

4.      Konklużjoni intermedjarja

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jkun interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal-oriġini tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifikax li din is-sentenza ma tkunx irrikonoxxuta fl-Istat fejn issir it-talba għar-raġuni li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, sempliċi żball tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba, ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent abbażi tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

69.      Il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba għandha, meta tivverifika li l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tirriżulta mill-ksur ta’ regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, tikkunsidra l-fatt li l-persuna li toġġezzjona għar-rikonoxximent tas-sentenza fl-Istat fejn issir it-talba ma tkunx eżerċitat ir-rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat tal‑oriġini.

C –    Fuq it-tielet domanda

70.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-ispejjeż legali marbuta mal-proċedura prinċipali mibdija fi Stat Membru, li tirrigwarda talba għal kumpens għal dannu kkawżat minn sekwestru, li matulha tqajmet il-kwistjoni tar‑rikonoxximent ta’ sentenza fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ kawża intiża għall-osservanza ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħux taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

71.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l‑miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tiżgura l-infurzar tad‑drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Minbarra dan, l-Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva jipprovdi li dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji japplikaw, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għal kull ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali previst, b’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk l-għan ġenerali tad‑Direttiva 2004/48 huwa li tqarreb is-sistemi leġiżlattivi sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (60).

72.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/48 ma hijiex intiża sabiex tirregola l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti, minn naħa, mal‑osservanza ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, mal-ksur tal‑imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali eżistenti (61).

73.      F’dan ir-rigward, l-azzjonijiet għall-kumpens huma strettament marbuta mal-proċeduri intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2004/48 jipprovdi miżuri li jippermettu s-sekwestru ta’ merkanzija li hija ssuspettata li tikser drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (62). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva jipprovdi miżuri li jippermettu li tittieħed azzjoni għall-kumpens għad‑dannu kkawżat minn sekwestru inġustifikat. Skont il‑Kummissjoni, dawn il-miżuri jikkostitwixxu garanzija li l-leġiżlatur qies neċessarja inkambju għal miżuri provviżorji rapidi u effiċjenti li huwa jipprovdi l-eżistenza tagħhom (63).

74.      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex issaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża ma tkunx dissważa milli tibda proċedura ġudizzjarja sabiex tħares id‑drittijiet tagħha (64).

75.      Bħall-Kummissjoni, jiena naħseb li l-formulazzjoni wiesgħa u ġenerali tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jirreferi għall-“parti rebbieħa” u għall-“parti li tkun tilfet”, mingħajr ma jippreċiża liema tip ta’ proċedura prevista minn din id-direttiva jippermetti li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ parti telliefa li ma tkunx detentriċi ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, meta jiġi ssuspettat li kisret tali dritt.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ispejjeż legali marbuta mal‑proċedura prinċipali mibdija fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tirrigwarda talba għall-kumpens għal dannu kkawżat permezz ta’ sekwestru, li matulha tqajmet il-kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru fil-kuntest ta’ kawża sabiex jiġi rrispettat dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

V –    Konklużjoni

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

1)         L-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jkun interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal‑oriġini tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jiġġustifikax li din is-sentenza ma tkunx irrikonoxxuta fl-Istat fejn issir it-talba għar-raġuni li tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, sempliċi żball tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba, ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent abbażi tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba għandha, meta tivverifika l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tirriżulta minn ksur tar-regoli fundamentali tal-Unjoni, tikkunsidra l-fatt li l-persuna li toġġezzjona għar-rikonoxximent tas-sentenza fl-Istat fejn issir it-talba ma tkunx eżerċitat ir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat tal‑oriġini.

2)         L-ispejjeż legali marbuta mal-proċedura prinċipali mibdija fi Stat Membru, li tirrigwarda talba għall-kumpens għal dannu kkawżat permezz ta’ sekwestru, li matulha tqajmet il-kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor fil‑kuntest ta’ kawża sabiex jiġi rrispettat dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


3 – C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 60.


4 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 2 p. 32).


5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 32) kif ukoll Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 33).


6 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 58); Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 23) kif ukoll Danosa, (EU:C:2010:674, punt 34).


7 – Sentenza Danosa (EU:C:2010:674, punt 36).


8 – Mill-osservazzjonijiet orali magħmula minn Simiramida waqt is-seduta jirriżulta li sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad hija mandatorja għall-qrati inferjuri kollha.


9 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25) li abrogat u ssostitwixxiet l-ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, sabiex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 2, u rettifika ĠU 1989, L 207, p. 44).


10 – Fl-osservazzjonijiet orali tagħha, Simiramida indikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ din id-dikjarazzjoni li saret fid-deċiżjoni tar-rinviju. Madankollu, mill‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali jirriżulta li hija tikkunsidra li Sofiyski gradski sad applikat ħażin l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104.


11 – Il-kundizzjonijiet ta’ eżawriment ta’ dan id-dritt ġew iddefiniti ulterjorment mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, id-digriet Honda Giken Kogyo Kabushiki Kaisha (C 535/13, EU:C:2014:2123).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 58) kif ukoll id-Digriet Canon (C‑449/09, EU:C:2010:651, punti 19 u 26).


13 – Sentenzi Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 22 u 23); Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punti 27 u 28); Apostolides (EU:C:2009:271, punti 56 u 57), u flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 47). L-Avukat Ġenerali Alber kien ċar ħafna dwar dan fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Renault: “l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-għan u l-iskop li l‑Konvenzjoni ma tkunx suġġetta għall-interpretazzjonijiet differenti” (sentenza Renault, C‑38/98, EU:C:1999:325, punt 58).


14 – Ara M. Fallon, “Les conflits de lois et de juridictions dans un espace économique intégré – l’expérience de la Communauté européenne”, Recueil des cours, 1995, p. 255: “Bħal kull sistema legali d-dritt [tal-Unjoni] jipproduċi numru ta’ regoli ta’ ordni pubbliku li minnhom ma tistax issir deroga minħabba n-natura fundamentali tagħhom. Tali regoli huma kklassifikati bħala essenzjali kemm minħabba l‑importanza tagħhom, kemm minħabba l-funzjonament tas-suq, kif ukoll minħabba l-persuna li tagħha huma jiżguraw il-protezzjoni”.


15 – Ara s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36).


16 – Sentenzi Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 27 u 28) kif ukoll flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 45).


17 – (ĠU 1972 L 299, p. 32).


18 –      Ara l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 44/2001.


19 –      Sentenzi Draka NK Cables et (C‑167/08, EU:C:2009:263, punt 20); SCT Industri (C‑111/08, EU:C:2009:419, punt 22); German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 27); Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 38); Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 31), kif ukoll Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 32).


20 – Huwa fil-kuntest tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni, li jipprovdi li sentenza ma għandhiex tkun irrikonoxxuta jekk “tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba”, li s-sentenzi Krombach (EU:C:2000:164), Renault (EU:C:2000:225) u Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219) kienu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.


21 – Sentenzi Apostolides (EU:C:2009:271, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata); Prism Investments (EU:C:2011:653, punt 33), u flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 46).


22 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 20); Krombach (EU:C:2000:164, punt 21); Renault (EU:C:2000:225, punt 26); Apostolides (EU:C:2009:271, punt 55), u Prism Investments (EU:C:2011:653, punt 33).


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 21); Krombach (EU:C:2000:164, punt 21); Renault (EU:C:2000:225, punt 26), u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 55).


24 – Ara, ukoll, H. Gaudemet-Tallon, “De la définition de l’ordre public faisant obstacle à l’exequatur, Cour de justice des Communautés européennes – 11 mai 2000, Régie nationale des usines Renault SA c. Mexicar SpA et Orazio Formento”, Revue critique de droit international privé, 2000, p. 497.


25 – Rapport dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 44). Ara l-kummentarju tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni: “[i]r-rikonoxximent jista’ jkun irrifjutat jekk huwa kontra l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. Fl-opinjoni tal-Kumitat, din il-klawżola għandha tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali”.


26 – Dwar “l-effett attenwanti”, ara H. Gaudemet-Tallon, Compétence et exécution des jugements en Europe. Règlement n° 44/2001. Conventions de Bruxelles et de Lugano, ir-4 Edizzjoni, L.G.D.J., 2010, p. 412, u S. Francq, “Article 34”, Brussels I Regulation, Ulrich Magnus u Peter Mankowski (edituri), p. 554 sa 600, p. 566.


27 – Dan kien diġà inkluż mill-bidu tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Ara f’dan is-sens S. Francq, op. cit., p. 566.


28 – Abbozz tar-Regolament (KE) tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (COM/99/0348 finali). Fl‑okkażjoni tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-Kummissjoni pproponiet li tneħħi l-proċedura ta’ exequatur u l-klawżola ta’ ordni pubbliku bħala raġuni għar-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza. Madankollu, din il-proposta ma kinitx aċċettata. Ċertament is-sistema tal-eżekuzzjoni saret iktar faċli iżda l‑klawżola ta’ ordni pubbliku baqgħet ma nbidlitx. F’dan ir-rigward, ara l-abbozz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (COM/2010/0748 finali) kif ukoll l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).


29 – Ara s-sentenzi Krombach (EU:C:2000:164, punt 36); Renault (EU:C:2000:225, punt 29); Apostolides (EU:C:2009:271, punt 58), u flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 48).


30 – Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 30); Gambazzi (EU:C:2009:219, punt 27); Apostolides (EU:C:2009:271, punt 59), u flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 49). Jista’ jkun kemm ordni pubbliku proċedurali kif ukoll ordni pubbliku fil-mertu, iżda l-mekkaniżmu għandu jintuża b’mod eċċezzjonali. Ara f’dan is-sens, H. Gaudemet-Tallon, op. cit., p. 424.


31 – Sentenza Renault (EU:C:2000:225, punt 32).


32 – Ara, S. Francq, op.cit., p. 566, u J. C. Moitinho de Almeida, “Refus de la reconnaissance ou de l’exécution des jugements étrangers: l’ordre public”, L’Europe des droits fondamentaux, taħt id-direzzjoni ta’ Luc Weitzel, A. Pedone, 2013, p. 153 sa 164, p. 155.


33 – Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 33) u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 60).


34 – Skont l-Avukat Ġenerali Alber, sentenzi żbaljati jistgħu jingħataw anki fl-Istat fejn issir it-talba u jsiru res judicata. Fi kliem ieħor, huma għandhom jiġu applikati minkejja l-iżbalji li fihom. Ir-rikonoxximent tas-sentenzi barranin ekwivalenti ma jistax għalhekk waħdu jikser l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. Ara l-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Renault (EU:C:1999:325, punt 66).


35 – Rapport Jenard, p. 44.


36 – Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 30) u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 59). F’dan ir-rigward, id-duttrina ssostni li jekk il-qorti tal-oriġini, b’mod żbaljat iddeċidiet, bl-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni, hija kisret ukoll dispożizzjoni essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li tista’, skont il-każ, tkun iktar jew inqas sinjifikattiva, iżda li tikser fuq kollox prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju tas-sovranità ta’ dan id-dritt fuq id-dritt nazzjonali. Ara H. Gaudemet-Tallon, “De la définition […]” loc. cit., p. 497.


37 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-Kawża Renault (EU:C:1999:325, punt 67).


38 – Ara l-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 89/104.


39 – Barra minn hekk, skont id-duttrina dominanti, fl-oqsma kkonċernati mir‑Regolament Nru 44/2001, huwa rari li l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru tal‑Unjoni jkun ippreġudikat minn sentenza mogħtija fi Stat ieħor. Fir-rigward ta’ dawn “l-oqsma ċivili u kummerċjali”, il-perċezzjonijiet tal-mertu li jeżistu fid‑diversi Stati Membri jaqgħu fl-istess linji gwida u ma humiex sensittivi fir‑rigward tal-ordni pubbliku, bħal ma jista’ ikun, b’mod partikolari, id-dritt tal‑familja. Ara, f’dan ir-rigward, H. Gaudemet-Tallon, op. cit., p. 414.


40 – EU:C:1999:269.


41 – Punt 36.


42Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Unit; Vol. 33, p. 3. Ara s-sentenza Eco Swiss (EU:C:1999:269, punt 39.


43 – Ara S. Francq, op. cit., p. 570.


44 – EU:C:1999:269, punti 34 u 40.


45 – Ara, f’dan is-sens, S. Francq, op. cit., p. 571.


46 – Sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 50).


47 – Sentenzi Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 90); Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 6), u Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28).


48 – Sentenzi Cartesio (EU:C:2008:723, punt 91) kif ukoll Kelly (EU:C:2011:506, punt 63).


49 – Ara s-sentenzi Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 26) kif ukoll Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (EU:C:2013:489, punt 25).


50 – Ninnota wkoll li l-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindikax jekk il‑kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 tqajmitx quddiem il-Varhoven kasatsionen sad.


51 – Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 33) u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 60).


52 – Sentenza Renault (EU:C:2000:225, punt 33).


53 – F’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 44/2001.


54 – Ara, M. Fallon, op. cit., p. 255.


55 – S. Francq, op. cit., p. 567 sa 568.


56Ibidem, p. 573. Ara wkoll, B. Hess, T. Pfeiffer, u P. Schlosser, The Brussels I Regulation(EC) No. 44/2001, Beck München, 2008, p. 145: “[…] the control of the foreign judgment should at least be retained when the Member State of origin does not provide for an efficient remedy”.


57 – B’mod partikolari skont il-persuna kkonċernata għandhiex jew le l-mezzi neċessarji għall-eżerċizzju tar-rimedji tad-dritt jew ta’ għajnuna ġudizzjarja xierqa.


58 – Il-kunċett ta’ fiduċja reċiproka fl-Unjoni jimplika, fil-qasam ġudizzjarju, li l-qorti tal-Istat tal-oriġini tipproteġi l-iżvolġiment u l-eżitu tal-istanza. L-irregolaritajiet eventwali (proċedurali u dwar il-mertu) għandhom jitqajmu wkoll mill-persuna kkonċernata quddiem qorti ta’ dak l-Istat. Il-persuna kkonċernata ma tistax tibbaża ruħha fuq il-possibbiltà li tqajjem dawn l-irregolaritajiet quddiem qorti tal-Istat fejn issir it-talba, għaliex ir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni ġudizzjarja huma komparabbli fiż‑żewġ Stati. Ara, P. Grzegorczyk, “Automatyczna wykonalność orzeczeń sądowych w sprawach cywilnych w Unii Europejskiej - geneza, stan obecny i perspektywy”, Europejskie prawo procesowe cywilne i kolizyjne, P. Grzegorczyk, K. Weitz (Ed.), Varsovie, 2012, p. 37. Jiena nżid li, meta l-ksur tal-ordni pubbliku tal-Unjoni jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni għandu jkun ikkunsidrat bħala identiku fl-Istati Membri tal-Unjoni kollha.


59 – Sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 50).


60 – Ara l-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2004/48.


61 – Sentenza Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 75).


62 – L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2004/48 jippreċiża li “fejn sussegwentement jinstab li ma kienx hemm l-ebda kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdu lid-difiża kumpens għal ħsara kkawżata b’dawk il-miżuri”.


63 – Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/48.


64 – Sentenza Realchemie Nederland (EU:C:2011:668, punt 48).