Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-1 ta’ Marzu 2018 – HQ, kemm fil-kwalità individwali tiegħu kif ukoll fil-kwalità ta’ rappreżentant legali tat-tifel minuri tiegħu IP, JO vs Aegean Airlines SA

(Kawża C-163/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Noord-Nederland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HQ, kemm fil-kwalità individwali tiegħu kif ukoll fil-kwalità ta’ rappreżentant legali tat-tifel minuri tiegħu IP, JO

Konvenuta: Aegean Airlines SA

Domandi preliminari

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li, skont id-Direttiva 90/[314]/KEE 2 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (trasposta fid-dritt nazzjonali), għandu d-dritt jirrikorri għand l-organizzatur tal-vjaġġ tiegħu sabiex jikseb rimbors tal-biljett tiegħu, ma jkunx jista’ iktar jitlob rimbors mingħand it-trasportatur bl-ajru?

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, passiġġier jista’ madankollu jitlob mingħand it-trasportatur bl-ajru r-rimbors tal-biljett tiegħu jekk ikun verosimili li l-organizzatur tal-vjaġġ, f’każ li dan jinstab responsabbli, ikun finanzjarjament inkapaċi li jirrimborsa l-biljett u li l-organizzatur tal-vjaġġi ma jkun adotta l-ebda miżura ta’ garanzija sabiex jiggarantixxi r-rimbors?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2     Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).