Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2018 minn Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-130/17, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-342/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (rappreżentant: M. Jeżewski, adwokat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat, mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Marzu 2018 u li jikkwalifika bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat minn Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. fil-Kawża T-130/17;

tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorenti fil-kuntest tal-Kawża T-130/17, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 finali tat-28 ta’ Ottubru 2016 li temenda l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għall-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija skont id-Direttiva 2003/55/KE 1 , għar-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u l-leġiżlazzjoni tariffarja;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex isir eżami tar-rikors fil-mertu.

Aggravji u argumenti prinċipali

1) Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 263 TFUE, meta qieset li l-appellanti ma kinitx direttament affettwata mid-deċiżjoni kkontestata.

Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tindika li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-appellanti ma kinitx direttament affettwata mid-deċiżjoni kkontestata. Dan l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza prevalenti ta’ dak iż-żmien, li tipprevedi effett dirett tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-operaturi, għajr l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, li huma d-destinatarji tal-imsemmija deċiżjonijiet. B’mod partikolari, l-appellanti tosserva li l-awtorità regolatorja Ġermaniża xtaqet manifestament tadotta deroga regolatorja.

2) Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 263 TFUE, meta qieset li l-appellanti ma kinitx individualment affettwata mid-deċiżjoni kkontestata.

Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li s-sitwazzjoni tagħha tippermetti li hija tiġi individwalizzata, fis-sens tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-ammissibbiltà ta’ rikors. Minħabba l-pożizzjoni tagħha fis-suq, l-appellanti hija individwalment affettwata mid-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni għandha wkoll impatt fuq l-appellanti minħabba l-istat ta’ proprjetà fi ħdan il-pipeline tal-gass Yamal, kompetitur tal-pipeline tal-gass OPAL (li jikkostitwixxi l-estensjoni tal-pipeline tal-gass Nord Stream), kif ukoll minħabba s-sitwazzjoni tal-appellanti, bħala operatriċi li hija obbligata tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-gass.

3) Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-raba’ paragrafu (in fine) tal-Artikolu 263 TFUE, meta qieset li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx att regolatorju.

Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolatorju u li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata f’dan ir-rigward.

____________

1     Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).