Language of document : ECLI:EU:C:2013:82

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-19 ta’ Frar 2013 (1)

Kawża C-426/11

Mark Alemo-Herron

Sandra Tipping

Christopher Anderson

Stacey Aris

Audrey Beckford

Lee Bennett

Delroy Carby

Vishnu Chetty

Deborah Cimitan

Victoria Clifton

Claudette Cummings

David Curtis

Stephen Flin

Patience Ijelekhai

Rosemarie Lee

Roxanne Lee

Vivian Ling

Michelle Nicholas

Lansdail Nugent

Anne O’Connor

Shirley Page

Alan Peel

Mathew Pennington

Laura Steward

vs

Parkwood Leisure Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (ir-Renju Unit)]

“Trasferiment ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-impjegati – Direttiva 2001/23 – Artikolu 3(3) – Ftehim kollettiv applikabbli għall-persuna li tagħmel it-trasferiment u għall-impjegat fil-mument tat-trasferiment – Klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi preżenti u futuri – Portata tas-sentenza Werhof tal-Qorti tal-Ġustizzja – Dritt fundamentali ta’ assoċjazzjoni fid-dimensjoni negattiva tiegħu – Libertà tal-impriża – Artikoli 12 u16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






1.        Permezz ta’ din id-domanda preliminari, is-Supreme Court tar-Renju Unit tagħmel tliet domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (2). Din il-qorti tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/23 tipprojbixxix, tippermettix jew timponix li l-Istati Membri jaċċettaw it-trasferiment tal-imsemmija “klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi”. Dawn il-klawżoli, li ġew miftiehma bejn l-impjegati u l-persuna li timpjega li tagħmel it-trasferiment qabel it-trasferiment ta’ impiża, għandhom bħala effett li jobbligaw lill-impriża li liha jsir it-trasferiment li tissuġġetta ruħha għall-kundizzjonijiet miftehima fi ftehim kollettivi futuri, inkluż meta din il-persuna li timpjega ma tkunx tista’ tipparteċipa fin-negozjati tal-imsemmi ftehim.

2.        Tradizzjonalment, id-dritt tar-Renju Unit dejjem ta marġni wiesa’ ta’ manuvra lill-atturi soċjali, fejn ippermetta li matul it-trasferiment ta’ impriża jiġu ttrasferiti wkoll il-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi. B’dan il-mod, il-persuna li timpjega li lilha jsir it-trasferiment tibqa’ suġġetta, apparentement mingħajr ebda limitu ta’ żmien, għal ftehim li ma pparteċipatx fin-negozjati tagħhom, iżda wkoll għal dawk li ma tistax tipparteċipa fin-negozjar tagħhom. Fis-sentenza fil-kawża Werhof (3), mogħtija fil-kuntest speċifiku tad-dritt industrijali Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li d-Direttiva 2001/23 timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu, f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża, li jiggarantixxu t-trasferiment ta’ klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi. Din id-deċiżjoni ħolqot reazzjonijiet opposti fil-qrati tar-Renju Unit, fejn uħud jikkunsidraw li din is-sentenza tipprekludi t-trasferiment ta’ kawlunkwe klawżola ta’ riferiment dinamika, filwaqt li oħrajn iqisu li din is-sentenza tirreferi għal każ partikolari ħafna, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, li jillimita l-portata ta’ dawn il-klawżoli. Is-Supreme Court tar-Renju Unit għamlet din id-domanda preliminari bil-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddelimita l-portata tal-imsemmi Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, fid-dawl tal-interpretazzjoni li ngħatatlu fil-kawża Werhof.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

3.        Id-Direttiva 2001/23, strument li jissostitwixxi d-Direttiva 77/187/KEE (4), jistabbilixi fl-Artikolu 3 tiegħu taħt il-Kapitolu II dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati, dan li ġej:

“Artikolu 3

1.       Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

2.       L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri approprjati biex jiżguraw li min jagħmel it-trasferiment jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment bid-drittijiet u l-obbliġi kollha li jkunu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment skond dan l-Artikolu, sa fejn dawk id-drittijiet u l-obbligi huma jew għandhom ikunu magħrufa minn min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment. Nuqqas minn min jagħmel it-trasferiment li jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment b’xi dritt jew obbligazzjoni ta’ din ix-xorta m’ għandux jaffettwa t-trasferiment ta’ dak id-dritt jew obbligazzjoni u d-drittijiet ta’ xi impjegati kontra min lilu jsir it-trasferiment u/jew min jagħmel it-trasferiment għar-rigward ta’ dak id-dritt jew l-obbligu.

3.       Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

4.       a) Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, il-paragrafi 1 u 3 m’ għandhomx japplikaw inkonnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpaniji jew ta’ bejn il-kumpaniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

      b) Ukoll meta ma jipprovdux skond is-subparagrafu (a) li l-paragrafi 1 u 3 japplikaw inkonnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).”

4.        Fl-Artikolu 8 tagħha, id-Direttiva 2001/23 tikkunsidra klawżola ta’ armonizzazzjoni minima kif ġej:

“Din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall- impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

B –    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

5.        Id-Direttiva 77/187/KE li kienet preċedenti għad-Direttiva 2001/23, ġiet inkorporata fil-liġi tar-Renju Unit permezz tat-Transfer of Undertakings (Protection of Employment) Regulations 1981 (iktar ’il quddiem it-“TUPE”). L-Artikolu 5 TUPE jittrasponi l-kontenut tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 u, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni (2)(a) tistabbilixxi dan li ġej

“Id-drittijiet, possibbiltajiet u obbligi kollha ta’ min jagħmel it-trasferiment derivati jew vinkolanti mal-kuntratt jiġu ttrasferiti skont dan ir-regolament lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment.”

6.        Sas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Werhof, it-tribunali industrijali Britanniċi kienu applikaw interpretazzjoni dinamika tad-Direttiva 2001/23 u tad-dispożizzjoni 2(a) TUPE. Għaldaqstant, dawk il-klawżoli kuntrattwali li kienu jipprovdu espressament riferiment għal ftehim kollettivi futuri mogħtija fi ħdan organu partikolari ta’ negozjar industrijali, kienu, skont id-Direttiva u r-regoli ta’ traspożizzjoni tagħha, vinkolanti għall-persuna li timpjega li lilha jsir it-trasferiment sussegwentement għat-trasferiment tal-impriża (5). Mistoqsija dwar b’mod partikolari dan il-punt, kemm ir-rappreżentant ta’ Parkwood kif ukoll l-impjegati kkonfermaw dan il-każ, fejn jirrikonoxxu li din kienet prattika kuntrattwali applikata prinċipalment fis-settur pubbliku.

II – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qrati Britanniċi

7.        Fis-sena 2002, l-impriża muniċipali ta’ divertiment tal-London Borougħ ta’ Lewisham ċediet in-negozju lil CCL Limited, impriża tas-settur privat, fejn l-impjegati tal-ewwel ġew ittrasferiti sabiex jagħmlu parti mill-membri tal-persunal ta’ dik tal-aħħar. F’Mejju 2004, CCL Limited ċediet in-negozju lil Parkwood Leisure Limited (iktar ’il quddiem “Parkwood”), impriża li wkoll tagħmel parti mis-settur privat.

8.        Meta l-impriża kienet tagħmel parti mill-Borough, il-kuntratti ta’ xogħol bejn l-impjegati u din l-impriża kienu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol innegozjati fi ħdan in-National Joint Council for Local Government Services (iktar ’il quddiem “NJC”), organu ta’ negozjar kollettiv fis-settur pubbliku lokali. L-issuġġettar tal-ftehim innegozjati fl-NJC ma jirriżultax mil-liġi, iżda minn klawżola kuntrattwali prevista fil-kuntratt ta’ xogħol rispettiv li tistabbilixxi dan li ġej:

“Matul ir-relazzjoni ta’ xogħol mal-muniċipju, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ser jiġu rregolati skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi nnegozjati perjodikament man-NJC […], flimkien mal-ftehim adottati f’livell lokali permezz tal-kumitati ta’ negozjar muniċipali.”

9.        Fil-mument tat-trasferiment lil CCL, kien japplika l-ftehim mogħti min-NJC mill-1 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2004. F’Mejju 2004 sar it-trasferiment tal-impriża favur Parkwood.

10.      In-NJC ikkonkluda ftehim ġdid f’Ġunju 2004, li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien retroattiv mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzo 2007. Il-ftehim seħħ, għaldaqstant, sussegwentement għat-trasferiment tal-impriża favur Parkwood. Għal din ir-raġuni, Parkwood waslet għall-konklużjoni li l-ftehim il-ġdid ma kienx jorbotha u għalhekk innotifikat dan lill-impjegati, fejn ċaħditilhom iż-żieda fis-salarji miftiehma fi ħdan in-NJC għall-perijodi bejn April 2004 u Marzu 2007.

11.      Parkwood ma pparteċipatx fin-NJC, u lanqas ma setgħet tagħmel dan fi kwalunkwe każ, peress li hija impriża privata mhux relatata mal-amministrazzjoni pubblika.

12.      In-nuqqas ta’ Parkwood li tosserva t-termini miftiehma fi ħdan in-NJC wassal għat-tressiq ta’ kawża mill-impjegati quddiem l-Employment Tribunal, li ġiet miċħuda fl-2008. Fil-fehma ta’ din il-qorti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kawża Werhof eskludiet il-possibbiltà, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża, li jiġu ttrasferiti klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi. Din id-deċiżjoni tal-ewwel istanza ġiet appellata u sussegwentement annullata mill-Employment Appeal Tribunal fl-2009, li kkunsidra li d-duttrina Werhof ma tapplikax għal ċirkustanzi bħal dawk rikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku Britanniku.

13.      Parkwood appellat mid-deċiżjoni tal-Employment Appeal Tribunal quddiem il-Court of Appeal li b’sentenza tal-2010 qablet kemm mal-interpretazzjoni tad-Direttiva kif ukoll mal-portata tas-sentenza Werhof proposti mill-Employment Tribunal.

14.      Fl-aħħar nett, l-impjegati ressqu kawża quddiem is-Supreme Court, li ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet din id-domanda preliminari.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domanda preliminari

15.      Fit-12 ta’ Awwissu 2011, u skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267(3) TFUE, ġiet ippreżentata t-talba għal deċiżjoni preliminari fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ġew ifformulati d-domandi li ġejjin:

“1.      Meta, bħal fil-kawża preżenti, impjegat għandu dritt kuntrattwali, infurzabbli kontra ċ-ċedent [min jagħmel it-trasferiment], sabiex jibbenefika minn kundizzjonijiet li huma nnegozzjati u miftiehma perijodikament minn korp terz ta’ negozjar kollettiv u dan id-dritt huwa rrikonoxxut taħt id-dritt nazzjonali bħala ta’ natura pjuttost dinamika iktar milli statika, bejn l-impjegat u l-persuna li tħaddem li hija ċ-ċedent, l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, moqri fid-dawl tas-sentenza Werhof tal-Qorti tal-Ġustizzja:

a)      jirrikjedi li tali dritt ikun protett u infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju [lil min isir it-trasferiment] f’każ ta’ trasferiment li għalih tapplika d-direttiva; jew

b)      jawtorizza lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu li tali drittijiet huma protetti u infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju f’każ ta’ trasferiment li għalih tapplika d-direttiva; jew

ċ)      jipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli jiddeċiedu li tali drittijiet huma protetti u infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju f’każ ta’ trasferiment li għalih tapplika d-direttiva?

2)      Meta Stat membru wettaq l-obbligu tiegħu li jittrasponi, fid-dritt nazzjonali teigħu, r-rekwiżiti minimi msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, iżda jqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ traspożizzjoni għandhomx jinftiehmu bħala jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti favur l-impjegati protetti, billi jingħataw drittijiet kuntrattwali ta’ natura dinamika kontra ċ-ċessjonarju, jista’ jitqies li l-qrati tal-Istati Membri huma liberi li japplikaw id-dritt nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli li jiżguraw it-traspożizzjoni mingħajr, ovvjament, ma tali interpretazzjoni tmur kontra d-dritt Komunitarju, jew għandu jiġi adottat approċċ ieħor rigward l-interpretazzjoni, u fil-każ ta’ risposta pożittiva, liema approċċ?

3)      F’dan il-każ, peress li ma huwiex allegat, mill-persuna li tħaddem, li jekk jiġi rikonoxxut lill-impjegati dritt ta’ natura dinamika abbażi tad-dritt nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet miftehma mill-ftehim kollettivi jirriżulta fi ksur tad-drittijiet ta’din il-persuna li taddem fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-qorti nazzjonali hija libera li tapplika l-interpretazzjoni tat-Transfer of Undertakings (Protection of Employment) Regulations 1981 [Regolament tal-1981 dwar it-trasferiment ta’ impriżi (protezzjoni tal-impjegati) invokata mill-impjegati?”

16.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub Alemo-Herron et, Parkwood kif ukoll il-Kummissjoni.

17.      Matul is-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012, esponew l-opinjonijiet tagħhom ir-rappreżentanti ta’ Alemo-Herron et u ta’ Parkwood, kif ukoll l-aġent tal-Kummissjoni.

IV – L-ewwel u t-tieni domandi preliminari

18.      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, is-Supreme Court tar-Renju Unit tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jeħtieġx, jippermettix jew jimpedixxix lil Stat Membru, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża, it-trasferiment ta’ klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi futuri. Is-Supreme Court għandha dubji dwar il-portata tas-sentenza Werhof tas-sena 2006, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet interpretazzjoni dinamika tal-imsemmi Artikolu 3(3), fil-każ ta’ impjegat Ġermaniż, suġġett għal klawżola Statali li tirreferi għall-ftehim kollettiv konkret.

19.      Jeżistu raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw id-dubji tal-entità li qed tagħmel it-talba. Ċertament is-sentenza Werhof ċaħdet kategorikament il-possibbiltà li d-Direttiva 2001/23 timponi fuq l-Istati Membri t-trasferiment ta’ klawżoli dinamiċi li jirreferu għal ftehim kollettivi futuri. Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ikkundizzjonat ħafna miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dak il-każ, ċirkustanzi sinjifikattivament distinti minn dawk tal-kawża li bħalissa hija pendenti quddiem is-Supreme Court. Bl-istess mod, id-diffikulatjiet li joħloq it-trasferiment dinamiku għal ftehim kollettivi futuri f’din il-kawża ma jqumux bl-istess mod bħal fil-kawża Werhof, peress li Parkwood, bid-differenza tal-persuna li timpjega li lilha sar it-trasferiment ta’ H. Werhof, hija impriża privata li xtrat impriża inizjalment pubblika. Għaldaqstant, Parkwood ma tista’ fl-ebda każ tipparteċipa u lanqas tinfluwenza indirettament fil-proċess ta’ negozjar konkluż min-NJC, organu unikament irriżervat għan-negozjar kollettiv tas-settur pubbliku muniċipali.

20.      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, ser nanalizza fl-ewwel lok u f’forma ddettaljata, l-aspett letterali tad-Direttiva 2001/23 u tas-sentenza Werhof. Insegwi billi nikkunisdra d-differenzi fil-punti ta’ fatt u ta’ liġi bejn il-kawża Werhof u dik preżenti, u minn dan il-mument jien intiż favur it-tieni interpretazzjoni tad-Direttiva proposta mis-Supreme Court, jiġifieri, dik li tgħid li l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jippermettu, abbażi tad-Direttiva 2001/23 u fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża, it-trasferiment ta’ klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi futuri. Minkejja dan, u fid-dawl ta’ dak deċiż fis-sentenza Werhof, l-applikazzjoni mill-Istati ma tistax tikser id-drittijiet fundamentali protetti mill-Unjoni, aspett li dwaru ser nitkellem sabiex nagħti risposta għat-tielet domanda preliminari.

A –    Id-Direttiva 2001/23, l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża u l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri

21.      L-għan tad-Direttiva 2001/23, li tissostitwixxi d-Direttiva 77/187, huwa l-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari sabiex tiggarantixxi ż-żamma tad-drittijiet tagħhom (6). Fost miżuri oħra, id-Direttiva tiżgura, skont l-Artikolu 3 tagħha, iż-żamma tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn min jagħmel it-trasferiment ta’ kuntratt ta’ xogħol, jew ta’ relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment, sussegwentment għat-trasferiment tal-impriża. Kif kellha okkażjoni li ssostni l-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ dan il-kunċett huwa li jiggarantixxi ż-żamma tal-kundzzjonijiet ta’ xogħol kollha, inklużi dawk miftiehma fi ftehim kollettiv, b’konformità mar-rieda tal-partijiet kontraenti tal-ftehim kollettiv, suġġett għat-trasferiment tal-impriża (7).

22.      Kif sostniet korrettament il-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 ma huwiex dispożizzjoni speċifika, iżda kunċett li jirrifletti ekwilibriju bejn il-protezzjoni tal-impjegat u l-interessi tal-persuna li timpjega li lilha jsir it-trasferiment. Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2) tiegħu jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu li min jagħmel it-trasferiment u l-persuna li lilha jsir it-trasferiment ikunu responsabbli in solidum għall-obbligi li jkollhom l-oriġini tagħhom f’kuntratt ta’ xogħol. Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 li jirreferi għall-effetti tal-ftehim kollettivi, jawtorizza lill-Istati Membri jillimitaw il-perijodu ta’ żamma tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, iżda dejjem li ma jkunx għal perijodu inqas minn sena.

23.      Kif intqal diversi drabi, iż-żamma tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment, inkluż dawk li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, hija żamma kundizzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jżommu setgħat ta’ implementazzjoni wiesgħa meta jimplementaw u japplikaw id-Direttiva 2001/23. Dan iseħħ sabiex ikun hemm, bħal ma ssostni l-Qorti tal-Ġustizzja, “armonizzazzjoni parzjali tal-materja inkwistjoni” (8). Id-Direttiva “ma tistenniex li tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni uniformi għall-[Unjoni] kollha skont kriterji komuni”, iżda li tiggarantixxi li l-impjegat ikkonċernat “jibqa’ protett fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ min lilu jsir it-trasferiment bħal ma kien ma’ min għamel it-trasferiment, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni” (9).

24.      Din is-setgħa ta’ implementazzjoni tal-Istati Membri tidher madankollu iktar imsaħħa, fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23, li jsostni li d-Direttiva “m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall- impjegati” (10). Minbarra dan, l-imsemmi Artikolu 8 jipprovdi, bħala kontinwazzjoni u b’forma speċjalment rilevanti fid-dawl ta’ din il-kawża, li d-Drettiva lanqas ma taffettwa l-possibbiltà għall-Istati Membri li “jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati” (11).

25.      Marbut ma’ dan il-punt, ser nanalizza l-kontenut tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, li huwa s-suġġett tad-domandi tas-Supreme Court. Dan il-kunċett jipprovdi li min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skont l-istess kundizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, “sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”. Ir-redazzjoni imperattiva tad-dispożizzjoni tista’ tiġġustifika d-dubji tal-qorti tar-rinviju, fejn tista’ tasal sabiex tiddeduċi minnha projbizzjoni ta’ kwalunkwe protezzjoni dinamika, li skontha l-ftehim fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment, jew il-ftehim ulterjuri, jirregolaw ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impjegat u lil min isir it-trasferiment. Minkejja dan, din il-perċezzjoni tal-kunċett lanqas ma tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni dak stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva, li jawtorizza espressament lill-Istati Membri mhux biss li jadottaw miżuri iktar favorevoli għall-impjegati, iżda wkoll jippermetti l-“applikazzjoni” ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.

26.      Dan huwa l-mument li fih għandna nikkonċentraw fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kontenut tagħha jidher li jmur kontra kwalunkwe trasferiment ta’ klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi futuri. Madankollu, bħal ma ser jidher iktar ’il quddiem, din l-interpretazzjoni tas-sentenza la tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt li wasslu għall-kawża, u l-anqas l-għanijiet aħħarija tad-Direttiva 2001/23.

B –    Is-sentenza Werhof

27.      Ir-raġuni li għaliha s-sentenza Werhof tiċħad kategorikament il-protezzjoni dinamika tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma fi ftehim futuri, hija minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża. H. Werhof kien impjegat Ġermaniż fis-settur metallurġiku li l-kuntratt ta’ xogħol applikabbli tiegħu fil-mument tat-trasferiment kien fih klawżola statika ta’ trasferiment għal ftehim kollettiv. Fid-dawl ta’ dan, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ H. Werhof kien jirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni miftiehma fi ftehim kollettiv speċifiku u fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment (12). Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għażlet li tuża l-fakultà li d-Direttiva 2001/23 tagħti lill-Istati Membri, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tagħha, billi limitat għalhekk l-applikabbiltà tal-ftehim applikabbli għall-mument tat-trasferiment għal perijodu massimu ta’ sena (13).

28.      Għaldaqstant, il-kawża Werhof hija kkundizzjonata minn żewġ ċirkustanzi speċjali li jispjegaw ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġutsizzja: klawżola statika ta’ riferiment għal ftehim kollettiv konkret u limitazzjoni ex lege tat-tul tal-effetti tal-ftehim sussegwentement għat-trasferiment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, H. Werhof sostna, abbażi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, protezzjoni dinamika li tippermettilu jibbenefika mill-ftehim kollettiv sussegwenti għall-ftehim fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment, minkejja li l-kuntratt tiegħu ma kellu ebda klawżola dinamika. Ma huwiex sorprendenti, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-allegazzjonijiet ta’ H. Werhof.

29.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet l-argument tagħha billi enfasizzat il-fatt li l-klawżola li tirreferi għall-ftehim kollettiv li tinsab fil-kuntratt ta’ xogħol ta’ H. Wefhof kienet statika. Għaldaqstant, “klawżola li tirreferi għal ftehim kollettiv ma jistax ikollha portata iktar wiesgħa minn dik tal-ftehim li għalih hija tirreferi” (14). L-istess idea tidher li hija riflessa fir-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, li jistabbilixxi limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ applikabbiltà “tal-ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt ta’ impjieg” (15). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad li d-Direttiva timponi protezzjoni dinamika meta l-kuntratt ta’ xogħol fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment fih klawżoli li jirreferu għal ftehim kollettiv speċifiku. Fi ftit kliem, u kif jidher ċar, id-Direttiva 2001/23 ma tittrasformax f’dinamiċità l-klawżoli statiċi fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi enfasizzat il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet limitat il-perijodu ta’ żamma tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, bħal ma tippermetti d-Direttiva 2001/23 fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tagħha (16). Il-fatt li l-Istat Membru kien għamel użu minn din il-prerogattiva huwa importanti, peress li, kif issostni l-Qorti tal-Ġustizzja, din hija limitazzjoni “sussidjarja”, fil-każ li ma tkunx inħolqot f’terminu minimu ta’ sena ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (3) (l-iskadenza, l-estinzjoni tal-ftehim kollettiv eżistenti, id-dħul fis-seħħ jew inkluża l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ġdid) (17). Għaldaqstant, inkluż fil-presuppożizzjoni li l-kuntratti kellhom riferimenti dinamiċi għall-ftehim kollettivi fis-seħħ u futuri, l-Istati Membri dejjem iżommu l-possibbiltà li jillimitaw dawn l-effetti, sakemm jiżguraw li jżommuhom fis-seħħ għal ammont minimu ta’ sena. Dan kien preċiżament il-każ tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż fil-kawża Werhof.

31.      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sentenza Werhof ma ddikjaratx, b’forma ġenerali, l-inkompatibbiltà mad-Direttiva taż-żamma tal-effetti tal-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi futuri. Dak li s-sentenza Werhof qed tiċħad hija sempliċement interpretazzjoni li tgħid li d-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri protezzjoni dinamika wkoll meta l-kuntratt fih klawżola ta’ riferiment statika, u anki madankollu meta l-Istat Membru milqut jillimita l-effetti tal-ftehim fis-seħħ fil-mument tat-trasferiment għal perijodu ta’ sena. It-talba ta’ H. Werhof eċċediet l-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva 2001/203, u kien preċiżament għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, b’ton partikolarment iebes, li l-intenzjoni tagħha “ma kinitx maħsuba sabiex tipproteġi sempliċi aspettattivi u, għaldaqstant, il-benefiċċji ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet futuri tal-ftehim kollettiv” (18).

32.      Il-kwistjoni tkun differenti meta l-benefiċċju, jiġifieri, il-previżjoni ta’ applikazzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet li jiġu miftiehma fil-kuntest tan-NJC, ma huwiex sempliċement ipotetiku, iżda jkun ġie miftiehem espressament fil-kuntratt ta’ xogħol u kif jippermetti l-ordinament ġuridiku nazzjonali. Dan huwa l-każ hawnhekk, li l-karatteristiċi tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni.

C –    Il-kawża preżenti, fid-dawl tad-Direttiva 2001/23 u tas-sentenza Werhof

33.      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23, u filwaqt li nikkunsidraw il-portata preċiża tas-sentenza mogħtija fil-kawża Werhof, ser nipproċedi sabiex nanalizza l-fatti u l-kuntest ġuridiku nazzjonali tal-kawża mressqa mis-Supreme Court.

34.      Kif intqal mill-partijiet, l-ordinament ġuridiku Britanniku ttraspona d-Direttiva 2001/23 permezz tat-TUPE Regulations, fejn inkorpora d-dispożizzjoni fl-Artikolu 3 tad-Direttiva f’termini prattikament identiċi. Il-leġiżlazzjoni Britannika ma żviluppatx b’dettall speċjali t-termini li permezz tagħhom jinżammu d-drittijiet u l-obbligi tal-pesuna li timpjega u l-impjegat bħala konsegwenza ta’ trasferiment, responsabbiltà li qiegħdet fuq it-tribunali industrijali. B’konsegwenza, u kif ġie kkonstatat mid-deċiżjonijiet, dawn il-qrati ammettew il-possibbiltà li t-trasferiment jinkludi, fl-istess ħin, it-trasferiment ta’ klawżola ta’ riferiment dinamiku għal ftehim kollettivi ulterjuri (19). Sal-mument li fih ingħatat is-sentenza Werhof, din l-interpretazzjoni tat-TUPE Regulations kienet stabbilita u mhux ikkontestata. Mistoqsija matul is-seduta dwar din il-pożizzjoni, il-partijiet kollha fil-kawża prinċpali kkonfermaw l-eżistenza ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza. Fl-istess ħin, ir-rappreżentant tal-impjegati qal ukoll li t-trasferiment ta’ dan it-tip ta’ klawżoli kien iseħħ b’mod partikolari fit-trasferimenti ta’ impriżi pubbliċi.

35.      Fl-istess ħin, ir-Renju Unit użax l-eċċezzjoni pprovduta fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ratione temporis l-effetti tal-kuntratti li saru preċedentement għat-trasferiment, ladarba dan ikun seħħ, anki jekk bil-limitu ratione temporis ta’ sena. Din il-karatteristika, magħquda mal-ġurisprudenza tat-tribunali industrijali deskritta qabel, tista’ tikkonferma l-eżistenza ta’ ffukar partikolarment intiż lejn it-transferabbiltà ta’ klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim futuri.

36.      Ir-raġuni għall-eżistenza ta’ din l-attitudni tista’ tirrisjedi, fid-dawl ta’ dak li ġie espost mill-partijiet, fin-natura flessibbli tas-sistema ta’ negozjar kollettiv eżistenti fir-Renju Unit. Bid-differenza ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali oħra, ir-Renju Unit ma jirrikonoxxix ex lege l-effetti ġuridiċi tal-ftehim kollettivi, peress li huma l-kuntratti ta’ xogħol, bħala konsegwenza ta’ riferiment espress jew taċitu għall-ftehim, li jattribwixxu effetti għalihom (20). Għaldaqstant, u bħala regola ġenerali, l-effetti tal-ftehim jirriżultaw esklużivament mill-kuntratt, u dan fl-ambitu li bija hija fformulata l-klawżola ta’ riferiment. Din l-interpretazzjoni tal-ftehim kollettiv tagħti marġni ta’ manuvra wiesa’ lill-partijiet, inkluż meta jaqblu li jkunu suġġetti għal ftehim futuri, peress li, bħala ma jsostnu l-partijiet f’din il-kawża, xejn ma jipprekludihom milli jinnegozjaw mill-ġdid il-klawżola tal-kuntratt li tikkunsidra r-riferiment għall-ftehim.

37.      Għal din ir-raġuni, u peress li klawżola ta’ riferiment dinamika għal ftehim futur hija r-riżultat ta’ ftehim bejn il-partijiet li jista’ jkun emendat fi kwalunkwe mument, il-qrati Britanniċi ma kkunsidrawx li dawn it-tipi ta’ ftehim jistgħu jippreġudikaw il-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-persuna li timpjega u lanqas dispożizzjoni oħra tal-ordinament ġuridiku Britanniku. Minbarra dan, is-sistema flessibbli u “kuntrattwali” ta’ relazzjonijiet industrijali Britanniċi tikkontribwixxi sabiex dawn it-tipi ta’ klawżoli jistgħu jiġu ttrasferiti fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża.

38.      Jekk nikkunsidraw issa l-każ hawnhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratt ta’ xogħol fis-seħħ fil-mument tat-tarsferiment kien fih klawżola ta’ riferiment dinamika għall-ftehim mogħtija fi ħdan in-NJC. Fil-mument tat-trasferiment, l-impjegati tal-impriża kienu bbażaw fuq impenn speċifiku u preċiż tal-issuġġettar għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn negozjar kollettiv, preżenti u futur, effettwat minn dan l-organu. Għaldaqstant, bid-differenza ta’ dak li ġara fil-kawża Werhof, ninsabu quddiem kuntratt ta’ xogħol li fih klawżola dinamika ta’ adozzjoni ta’ dak miftiehem fi ftehim futuri. Meta napplikaw dak li ntqal mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dan il-każ, l-“aspettattivi” maħluqa għal din il-klawżola favur l-impjegati tal-impriża ttrasferita huma b’mod partikolari distinti minn dawk maħluqa minn klawżola statika bħal dik preżenti fil-kawża Werhof. Pjuttost, dawn huma ċertezzi, peress li l-klawżoli kienu ġew liberament u espressament miftiehma mill-partijiet, skont il-kuntest ġuridiku fis-seħħ, u kif ikkonstatat fil-kuntratt ta’ xogħol.

39.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, nikkunsidra li d-Direttiva 2001/23 ma tipprekludix lir-Renju Unit milli jippermetti l-possibbiltà li l-partijiet jintroduċu klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi futuri, u li dawn jiġu ttrasferiti mnħabba t-trasferiment. Kif intqal, is-sentenza Werhof ikkonfermat li l-imsemmija direttiva ma timponix fuq l-Istati Membri kunċett dinamiku tar-riferimenti għal ftehim. Dan ifisser li, minħabba l-fatt li kuntratt jinkludi riferiment statiku għal ftehim, dan ir-riferiment ma jinbidilx fi ftehim dinamiku permezz tad-Direttiva. Madankollu, din id-direttiva, bħala prinċipju ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jaċċettaw l-eżistenza stess tal-klawżoli dinamiċi ta’ riferiment. Xejn fil-kuntest letterali tad-Direttiva ma jipprojbixxi dan, u l-Artikolu 8 tagħha, li jiddikjara li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li “jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv […] aktar favorevoli għall-impjegati”, jikkonferma dan. Dan jidher li huwa l-għan tal-ġurisprudenza Britannika li approvat l-imsemmija klawżoli dinamiċi ta’ riferiment: tħeġġeġ iż-żamma ta’ kundizzjonijiet iżjed favorevoli għall-impjegati permezz ta’ applikazzjoni għal riferiment għal ftehim kollettiv.

40.      Minbarra dan, il-fatt li d-Direttiva tippermetti lir-Renju Unit li jagħti protezzjoni bl-ebda mod ma jipprekludi lil-leġiżlatur Britanniku milli juża l-possibbiltà mogħtija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), dispożizzjoni li tippermetti l-limitazzjoni ratione temporis tal-kundizzjonijiet miftiehma fil-mument tat-trasferiment, minkejja li jiggarantixxi perijodu minimu ta’ sena. Bl-istess mod, lanqas ma hemm xejn li jipprekludi lil-leġiżlatur jew lill-qrati Britanniċi milli jbiddlu l-portata tat-TUPE bl-għan li jirrestrinġu jew jipprojbixxu t-trasferiment tal-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi futuri. B’mod definittiv, din hija deċiżjoni li tinsab fl-ambitu rriżervat għall-immanuvrar tal-Istat Membru.

41.      Għaldaqstant, u fid-dawl tal-argumenti proposti, nasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala prinċipju ma jipprekludix lil-Istati Membri milli jikkunsidraw il-possibbiltà li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi preżenti u futuri, liberament miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol, jiġu ttrasferiti bħala konsegwenza ta’ trasferiment ta’ impriżi.

V –    It-tielet domanda preliminari

42.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, is-Supreme Court tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kompatibbiltà tal-klawżoli dinamiċi ta’ riferiment mad-Direttiva 2001/23 tistax, f’kull każ, tikser l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Sa fejn qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-konformità tal-imsemmija klawżoli mad-Direttiva 2001/23, ser nipproċedi biex nagħti risposta għat-tielet domanda, minkejja li hija suġġetta għal ċerta riformulazzjoni fuq il-livell letterali tagħha.

43.      Is-Supreme Court tesprimi d-dubji tagħha dwar l-effett f’din il-kawża tal-imsemmi Artikolu 11 KEDB u, b’estensjoni, tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Europea. Dan il-kunċett, li jistabbilixxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni, jipproteġi lill-individwu mhux biss minn projbizzjonijiet possibbli jew restrizzjonijiet għall-kapaċità tiegħu li jipparteċipa jew jistabbilixxi assoċjazzjonijiet, iżda wkoll tal-obbligu, dirett jew indirett, li jipparteċipa fihom (21). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, dwar il-konformità tat-TUPE, kif huma attwalment interpretati mill-qrati Britanniċi, mal-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-persuna li timpjega fl-aspett negattiv tagħha.

44.      Anki jekk sitwazzjoni bħal dik ta’ Parkwood tista’ taqa’ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Karta, dak li huwa ċert huwa li din il-kawża tippreżenta karatteristika speċjali li jisseparaha, fl-opinjoni tiegħi, mil-libertà ta’ assoċjazzjoni fl-aspett negattiv tagħha. Bħal ma ġie sostnut fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-organu ta’ negozjar kollettiv li għalih tirreferi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, in-NJE, huwa organu ta’ natura pubblika, li fi ħdanu jiġu nnegozjati l-kundizzjonijiet industrijali tal-persunal tas-settur pubbliku lokali. Minħabba n-natura pubblika u l-ambitu strett ta’ eżekuzzjoni tiegħu, in-NJC diffiċilment jista’ jesprimi jew jagħti vuċi lill-interessi ta’ Parkwood, minkejja li din hija impriża ttrasferita li preċedentement kienet pubblika. Dan huwa kemm ikkonfermat mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, u kif ukoll ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

45.      Għaldaqstant, il-problema ma hijiex li Parkwood kienet obbligata li tipparteċipa f’organizzazzjoni jekk xtaqet tikkondizzjona l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema tagħha (sitwazzjoni li toħolq, fil-fatt, problema ta’ inkompatibbiltà mal-Artikolu 12 tal-Karta). Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatest li Parkwood ma għandha ebda mod ta’ rappreżentazzjoni quddiem in-NJC. Ir-restrizzjoni ta’ drittijiet li jinħolqu għal Parkwood ma jirriżultawx minn obbligu ta’ parteċipazzjoni f’organu, iżda mill-fatt li għandha tieħu obbligi assunti fi ftehim li fuqhom ma għandha ebda kapaċità ta’ influwenza.

46.      B’dan l-argument, u kif ser inkompli nispjega, id-dritt fundamentali inkwistjoni ma huwiex il-libertà ta’ assoċjazzjoni negattiva tal-persuna li timpjega, iżda d-dritt fundamentali tagħha għal-libertà ta’ impriża, li l-Artikolu 16 tal-Karta jirrikonoxxi “skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

47.      Kif diġà ġie espost preċedentement, nikkunsidra li d-Direttiva 2001/23 ma tipprojbixxix lill-Istati Membri li jistabbilixxu skemi industrijali li fihom il-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi jiffurmaw parti mit-trasferiment ta’ drittijiet u obbligi prodotti minn trasferiment ta’ impriża. Madankollu, u kif huwa magħruf sew, l-Istati Membri, ukoll meta għandhom marġni ta’ manuvra espressament mogħti mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jeżerċitawh skont dan l-ordinament (22). Dan l-obbligu jinkludi, fost oħrajn u naturalment, id-drittijiet fundamentali, bħal ma jipprovdi espressament l-Artikolu 51 tal-Karta. Għaldaqstant, minkejja li r-Renju Unit jista’ jawtorizza lill-atturi soċjali jinkludu fil-kuntrati ta’ xogħol klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi, din il-fakultà ma tistax tirriżulta f’attwazzjonijiet li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta, inkluża l-libertà ta’ impriża rikonoxxuta fl-Artikolu 16.

48.      Il-libertà ta’ impriża għandha storja twila fid-dritt tal-Unjoni (23). Ikkonċepita inizjalment bħala korollarju tad-dritt fundamentali għal proprjetà (24), diġà fis-snin tmenin beda jkollha awtonomija proprja, sakemm laħqet il-livell ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (25). Illum, l-ispjegazzjonijiet tal-Karta jsostnu li dan l-artikolu huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn tiġi rikonoxxuta l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew ta’ negozju, però wkoll il-libertà kuntrattwali u l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa (26).

49.      Madankollu, minkejja li l-libertà ta’ impriża għandha tliet sorsi, dak li huwa ċert huwa li l-ġurisprudenza ma wasslitx sal-lum għal definizzjoni kompleta u operattiva tal-imsemmija libertà. Id-deċiżjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni li tagħti f’dan ir-rigward, kienu limitati sabiex jirreferu għad-dritt ta’ proprjetà, u sabiex jirriproduċu dak stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta.

50.      Dan kollu preċedenti ma jimpedixxix li jiġi dedott il-kontenut bażiku ta’ dan id-dritt u, f’dan ir-rigward, is-sorsi ta’ dak li jirreferu għalihom l-ispjegazzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Karta jagħtu għajnuna kbira. Fil-fatt, il-libertà ta’ impriża, bħal ma jidher li huwa stabbilit f’dan l-artikolu, taġixxi bħala garanzija tal-inizjattiva u attività ekonomika, ovvajment suġġetta għal limitazzjonijiet, pero fi kwalunkwe każ tiżgura l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ implementazzjoni ekonomika fis-suq intern. Għalhekk, il-libertà ta’ impriża tapplika bħala limitu għall-attwazzjoni tal-Unjoni fil-funzjoni leġiżlattiva u eżekuttiva tagħha, bħal ma hija dik tal-Istati Membri li japplikaw id-dritt tal-Unjoni.

51.      Min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ impriża, għalkemm hija fil-qrib marbuta mad-dritt fundamentali ta’ proprjetà, fid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi varji tal-Istati Membri (27), tipproteġi stiwazzjonijiet ġuridiċi differenti. Jekk id-dritt ta’ proprjetà huwa intiż għall-qasam ta’ beni materjali u mhux materjali, il-libertà tal-impriża tipproteġi l-inizjattiva ekonomika u l-kapaċità ta’ eżekuzzjoni fis-suq, iżda mhux il-benefiċċji konkreti, mibdula f’ammont patrimonjali, miksuba f’dan is-suq (28).

52.      Għandu jingħad, fl-aħħar nett, li l-libertà ta’ impriża tikkostitwixxi dritt fundamentali ta’ importanza fundamentali. In-natura mhux assoluta tad-dritt tikkontribwixxi sabiex l-applikazzjoni tagħha titwettaq komunement ħafna bħala korrispettiv għal drittijiet fundamentali oħra, bħal ma turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li sal-lum ikkunsidrat il-libertà ta’ impriża flimkien ma drittjijet fundamentali oħra bħall-protezzjoni tal-ħajja privata (29), tas-saħħa (30) jew tal-proprjetà intellettwali (31).

53.      F’dan il-kuntest preċiż, għandna quddiemna leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi jiġu ttrasferiti f’trasferiment ta’ impriża. It-trasferiment tal-klawżola jippresupponi li lil min isir it-trasferiment, f’dan il-każ l-impriża Parkwood, jibqa’ suġġett għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma fil-preżent u fil-futur fi ħdan in-NJC. Għaldaqstant, u bħala riżultat ta’ klawżola kuntrattwali espressament stipulata fil-kuntratt ta’ xogħol, l-ordinament Britanniku jippermetti li l-impjegati tal-impriżi pubbliċi ttrasferiti għal impriżi privati jżommu l-kundizzjonijiet preżenti u futuri miftiehma fin-NJC, organu li l-impriża li lilha jsir it-trasferiment ma tistax tipparteċipa fih.

54.      Loġikament il-possibbiltà li tinkiseb impriża partikolari ma jagħmilx parti mil-libertà rikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta. Minkejja dan, l-istabbiliment ta’ waħda mill-kundizzjonijiet ta’ xiri tant iebsa li jwasslu fil-prattika sabiex jiskoraġġixxu b’mod qawwi x-xiri ta’ impriżi, jista’ jirriżulta fi ksur tal-imsemmi artikolu. Il-fatt li l-persuna li timpjega tista’ tibqa’ indefinittivament suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ xogħol mhux miftiehma minnha, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża, jikseb in-natura ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ kuntratt, inkwantu wieħed mill-aspetti li jagħmlu parti mil-libertà tal-impriża bħal ma jfakkru l-ispjegazzjonijiet fl-Artikolu 16 tal-Karta.

55.      Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, is-sempliċi ssuġġettar għall-kundizzjonijiet stabbiliti fin-NJC ma jfissirx li l-libertà ta’ impriża tiġi leża awtomatikament. Għall-kuntrarju, għandhom jiġu osservati ċ-ċirkustanzi leġiżlattivi u fattwali tal-kawża sabiex jiġi stabbilit jekk l-ordinament ġuridiku Britanniku jmurx kontra dak stipulat fl-Artikolu 16 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tieħu funzjoni ta’ rilevanza speċjali, peress li hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex twettaq din l-evalwazzjoni, f’dak li jikkonċerna d-dritt industrijali Britanniku. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa, speċjalment, jekk l-issuġġettar għall-kundizzjonijiet miftiehma fi ħdan in-NJC huwiex inkondizzjonali u irriversibbli. Skont il-livell ta’ konnessjoni mat-termini mogħtija f’dan l-organu, huwa ċar li dan ivarja l-effett tad-dritt fundamentali.

56.      F’dan is-sens, il-partijiet fil-kawża prinċipali rreferew għall-karatteristiċi bażiċi tas-sistema Britannika ta’ negozjar kollettiv, li hija kkaratterizzata mill-flessibbiltà tagħha. Kif intwera, il-ftehim kollettivi Britanniċi ma jsirux fuq il-bażi ġuridika tal-liġi, iżda f’kull kuntratt ta’ xogħol, bħala espressjoni tal-awtonomija tal-volontà u tal-libertà kuntrattwali tal-impjegat u tal-persuna li timpjega. Għaldaqstant, u bla ħsara għall-fatt li l-qorti tar-rinviju twettaq l-evalwazzjonijet rielvanti sabiex tikkonferma dan, l-indikazzjonijiet huma li l-klawżoli dinamiċi ta’ riferiment, minkejja li huma suġġetti għal trasferiment, jistgħu jiġu nnegozjati mill-ġdid jew jiġu emendati miż-żewġ partijiet fi kwalunkwe mument sakemm il-kuntratt ta’ xogħol jibqa’ validu. Fi kliem ieħor, id-dritt Britanniku ma jidhirx li jipprekludi li Parkwood u l-ħaddiema tal-impriża jaslu sabiex jinnegozjaw u jaqblu li jannullaw, jemendaw jew iżommu l-imsemmija klawżola.

57.      Jekk dan kien il-każ, l-oġġezzjonijiet li jqajjem l-ordinament Britanniku mill-perspettiva tal-Artikolu 16 tal-Karta ġew iċċarati. Madankollu, din hija kwistjoni li teħtieġ analiżi tad-dritt nazzjonali li ma għandhiex titwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda mill-qorti nazzjonali.

58.      Għaldaqstant, u fid-dawl tal-argumenti hawn fuq esposti, nipproproni li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment ta’ impriża li taċċetta t-termini preżenti u futuri miftiehma f’organu ta’ negozjar kollettiv, dejjem jekk dan l-obbligu ma jkollux natura inkondizzjonali u irreversibbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ u skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali, dan l-obbligu għandux effettivament natura inkondizzjonali u irreversibbli.

VI – Konklużjoni

59.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court:

“1)   L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23, tat-12 ta’ Marzo 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala prinċipju ma jipprekludix lil-Istati Membri milli jikkunsidraw il-possibbiltà li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehim kollettivi preżenti u futuri, liberament miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol, jiġu ttrasferiti bħala konsegwenza ta’ trasferiment ta’ impriżi.

2)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Eweopea, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment ta’ impriża li taċċetta t-termini preżenti u futuri miftiehma f’organu ta’ negozjar kollettiv, dejjem jekk dan l-obbligu ma jkollux natura inkondizzjonali u irreversibbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ u skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali, dan l-obbligu għandux effettivament natura inkondizzjonali u irreversibbli.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).


3      Sentenza tad-9 ta’ Mejju 2006 (C‑499/04, Ġabra p. I‑2397).


4      Direttiva tal-Kunsill 77/187/KE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar iż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, ta’ stabbilimenti jew ta’ partijiet ta’ stabbilimenti (ĠU L 61, p. 26).


5      Din kienet id-duttrina kkonsolidata mill-Employment Appeal Tribunal, hekk kif jidher rifless fis-sentenzi Whent vs Cartledge [1997] IRLR 153 EAT; BET Catering Service Ltd vs Ball & Others EAT 637/96, u Glendale Grounds Management vs Bradley EAT/485/97, fost oħrajn.


6      Ara, fost oħajn, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1988, Tellerup, imsejħa “Daddy’s Dance Hall” (324/86, Ġabra p. 739, punt 9); tal-25 ta’ Lulju 1991, D’Uro et (C‑362/89, Ġabra p. I‑4105, punt 9), u tat-12 ta’ Novembru 1992, Watson Rask u Christensen (C‑209/91, Ġabra p. I‑5755, punt 26).


7      Ara, fost oħajn, is-sentenzi D’Urso et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9; tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri (C‑396/07, Ġabra p. I‑8883, punt 33), u tat-12 ta’ Novembru 1998, Europièces (C‑399/96, Ġabra p. I‑6965, punt 37).


8      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Watson Rask u Christensen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Martin et (C‑4/01, Ġabra p. I‑12859, punt 41).


9Ibidem.


10      Dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jinkludu, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni rispettiva tagħha mill-qrati nazzjonali, kif huwa l-każ hawnhekk. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, Katsikas et (C‑132/91, C‑138/91 u C‑139/91, Ġabra p. I‑6577, punt 40).


11      Għandu jiġi osservat li dan l-inċiż huwa wieħed minn fost dawk introdotti mid-Direttiva 2001/23, fir-rigward tal-preċedessur tagħha, id-Direttiva 77/187/KEE, fejn l-Artikolu 7 tagħha kien jillimita ruħu li jiddikjara li “Din id-Direttiva ma tippreġudikax il-fakultà tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-ħaddiema” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


12      Għal deskrizzjoni ddettaljati tal-fatti li seħħew fil-kawża Werhof, ara l-konklużjonijiet ippreżentati f’din il-kawża mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, fil-punti 16 sa 23.


13 Ara l-konklużjonijiet iċċitatia fin-nota preċedenti, punti 14 u 15. Dwar il-kuntest ġuridiku Ġermaniż applikabbli skont H. Werhof, ara l-analiżi ta’ P. Rémy, “Le renvoi à la convention colective dans le contrat de travail en droit allemand et la directive transfert”, Droit Social, Nru 3, 2007, p. 342 sa 346.


14      Sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 (korsiv miżjud minni).


15Ibidem (korsiv miżjud minni).


16 Sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30.


17      Sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq.


18 Sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29.


19      Ara l-ġurisprudenza tal-Employment Appeal Tribunal iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Li l-ftehim kollettivi ma humiex vinkolanti huwa prinċipju stabblit sew fid-dritt industrijali Britanniku li l-għeruq tiegħu ġejjin mis-seklu dsatax, fis-sezzjoni 4 tat-Trade Union Act tal-1871. Bl-istess mod, il-common law unikament irrikonoxxa l-effetti tal-ftehim kollettivi bħala konsegwenza ta’ riferiment speċifiku għal klawżola tal-kuntratt ta’ xogħol (ara Ford Motor Co Ltd vs AUEFW [1969] 2 QB 303). Dan huwa dak fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku Britanniku, bħal ma jsostnu S. Deakin u G. Morris, Labour Law, il-5 edizzjoni., Ed. Hart, Portland – Oxford, 2009, p. 237 u 238.


21      Ara f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dimensjoni negattiva tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, speċjalment is-sentenzi Sigurdur A. Sigurjónsson vs. L-Islanda, tat-30 ta’ Ġunju 1993, Gustafsson vs L‑Isvezja, tal-25 ta’ April 1996 u Vördur Ólafsson vs. L-Islanda, tas-27 ta’ April 2010.


22      Sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 et seq.


23      F’dan ir-rigward, ara véase J. Schwarze, “Der Grundrechtsschutz für Unternehmen in der Europäischen Grundrechtecharta”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2001.


24      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania (230/78, Ġabra p. 2749, punti 20 et seq), kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 1985, Finsider vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda 63/874 u 147/84, Ġabra p. 2857, punt 23).


25      Sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C‑143/88 u C‑92/89, Ġabra p. I‑415, punt 73).


26      L-ispjegazzjonijeit f’dan il-punt jagħmlu riferiment għas-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold (4/73, Ġabra 1974), p. 491; Eridiana, iċċitata iktar ’il fuq, tas-16 ta’ Jannar 1979, Sukkerfabriken Nykøbing (151/78, Ġabra p. 1), punt 19, u tal-5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑240/97, Ġabra p. I‑6571, punt 99).


27      Numru kbir ta’ Stati Membri li, bħal fil-każ tal-Karta, jirrikonoxxu l-forma awtonoma tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ impriża. Dan huwa l-każ ta’ Spanja (Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni Spanjola), il-Portugall (Artikolu 41.1 tal-Kostituzzjoni Portugiża) jew l-Italja (Artikolu 61.1 tal-Kostituzzjoni Taljana). Minkejja dan, fi Franza l-libertà tal-impriża hija dedotta mill-garanzija Kostituzzjonali tal-proprjetà privata u d-dritt ġenerali ta’ libertà, kif jiddiskrivi P. Devolvé, Droit public de l'économie, Ed. Dalloz, Pariġi, 1998, p. 105 et seq. Każ differenti huwa dak tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż, fejn l-inizjattiva ekonomika libera tirriżulta mid-dritt ta’ proprjetà privata iżda wkoll mid-dritt għall-għażla libera ta’ profefssjoni. F’dan ir-rigward, ara P.-J Tettinger., “Artikel 12” fi M. Sachs, M. (ed.), Grundgesetz-Komentar, Ed. C. H. Beck, München, 1996, p. 428 et seq. Sobre este derecho fundamental en el Derecho comparado europeo, ara L. Arroyo Jiménez, Libre empresa y títulos habilitantes, Ed. CEPC, Madrid, 2004, p. 75 sa 79.


28      Ara H. J. Véase Blanke, “Artikel 16”, fi P. Tettinger. u K. Stern,, Europäische Grundrechte-Charta, Ed. C.H. Beck, 2006, p. 428, 429 u 439 sa 442, kif ukoll LM Díez-Picazo Giménez, Sistema de Derechos Fundamentales, 3ª ed., Ed., Thomson-Civitas, Madrid, 2008, p. 537 et seq.


29      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, Ġabra p. I‑11959, punt 50), tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑306/10, punt 48).


30      Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55).


31      Sentenzi mogħtija fil-kawżi Scarlet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u SABAM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48.