Language of document : ECLI:EU:C:2012:251

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-26 ta’ April 2012 (1)

Kawża C‑138/11

Compass-Datenbank GmbH

vs

Republik Österreich

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]

“Kompetizzjoni — Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Użu mill-ġdid ta’ data fis-settur pubbliku — Projbizzjoni assoluta dwar l-użu mill-ġdid ta’ data fir-reġistru pubbliku tal-kummerċ u tal-kumpanniji — Rifjut minn Stat Membru li jawtorizza t-trasferiment bil-kwantità ta’ data għal użu kummerċjali mill-ġdid — Identifikazzjoni tas-suq upstream — Faċilitajiet essenzjali — Rifjut ta’ provvista — Direttiva 68/151/KEE — Direttiva 96/9/KE — Direttiva 2003/98/KE”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema tal-Awstrija) għamlet domanda preliminari dwar jekk l-Istat Awstrijak huwiex qed jaġixxi bħala “impriża” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE meta jipprojbixxi kemm l-użu mill-ġdid ta’ data li hemm fir-reġistru pubbliku ta’ impriżi (iktar ‘il quddiem “ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji”) u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ din id-data biex joħloq servizz ta’ informazzjoni iżjed komprensiv dwar in-negozju. Jekk dan huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad tintalab li tagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk l’hekk imsejħa duttrina tal-faċilitajiet essenzjali hijiex applikabbli. Id-duttrina hija marbuta ma’ sitwazzjonijiet fejn il-kontroll ta’ riżorsi minn impriża fis-suq upstream joħloq pożizzjoni dominanti fis-suq upstream.

2.        Dawn id-domandi preliminari saru f’kuntest li fih il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw il-protezzjoni legali ta’ databases, iż-żamma ta’ reġistri pubbliċi ta’ kumpanniji minn Stati Membri, u l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni fis-settur pubbliku huma rilevanti. Dan minħabba li, minn naħa waħda, l-Awstrija tinvoka direttiva li timponi obbligu fuqha li żżomm reġistru bl-informazzjoni dwar kumpanniji, oħra dwar il-protezzjoni legali ta’ databases u oħra dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni pubblika. Min-naħa l-oħra, Compass‑Datenbank, il-kumpannija li ressqet din il-kawża, tagħmel riferiment għad-direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni pubblika biex tissostanzja l-argumenti li ressqet dwar l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, u b’mod iżjed speċifiku d-duttrina tal-“faċilitajiet essenzjali”.

II – Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 68/151/KEE (2)

3.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 jiddisponi:

“1. F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ file fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpanniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpanniji rreġistrati fih.

2. Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom ikunu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-file, jew jiddaħħlu fir-reġistru;

[…]

3. Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skont kif jagħżel l-applikant.

Minn data li għandha tintgħażel minn kull Stat Membru, li mgħandhiex tkun aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, kopji kif hemm riferenza għalihom fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi kif jagħżel l-applikant.

[…]

Il-prezz biex tinkiseb kopja ta’ dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew uħud minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2, sew jekk permezz ta’ stampat u sew jekk permezz ta’ mezzi elettroniċi, mgħandux ikun aktar mill-prezz amministrattiv tagħhom.

Kopji stampati pprovduti għandhom ikunu ċertifikati bħala “kopji veri”, kemm-il darba l-applikant ma jkunx jeħtieġ din iċ-ċertifikazzjoni. Kopji stampati pprovduti mgħandhomx ikunu ċertifikati bħala “kopji veri”, kemm-il darba l-applikant b’mod espliċitu ma jitlobx din iċ-ċertifikazzjoni.

[…]

4. Żvelar ta’ dokumenti u partikolaritajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jsir minn pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali nominata għal dak l-iskop minn Stat Membru, jew tat-test kollu jew ta’ parti mit-test, jew permezz ta’ riferenza għad-dokument li jkun ġie depożitat fil-file jew annotat firreġistru. Il-gazzetta nazzjonali maħtura għal dak l-iskop tista’ tinżamm f’forma elettronika.

[…]

5. Id-dokumenti u partikolaritajiet jistgħu jingħataw lil ħaddieħor mill-kumpannija lill-partijiet terzi biss wara li jkunu ġew żvelati skond il-paragrafu 4, kemm-il darba l-kumpannija ma tagħtix prova li l-partijiet terzi kienu jafu biha.

Madankollu, rigward transazzjonijiet li jsiru qabel is-16-il jum wara li jiġu żvelati, id-dokumenti u partikolaritajiet għandhom jingħataw lil partijiet terzi li jkunu taw prova li kien impossibbli għalihom li jkunu jafu bihom.

[…]”

Id-Direttiva 96/9/KE (3)

4.        Il-premessi 40 u 41 tad-Direttiva 96/9 jgħidu dan li ġej:

“(40) Billi l-mira ta’ dan id-dritt sui generis hu li jassigura l-protezzjoni ta’ kull investiment għal kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database tul iż-żmien limitat tad-dritt; billi dan l-investiment jista’ jkun magħmul bi tħaddim tajjeb ta’ riżorsi finanzjarji u/jew użu ta’ ħin, sforzi u enerġija;

(41) Billi l-mira tad-dritt sui generis hu li tingħata għażla lil min jagħmel database li ma jħallix li ssir estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut kollu jew parti sewwa minn dik id-database; billi min jagħmel database huwa l-persuna li tieħu l-inizzjattiva u r-riskju li tinvesti; billi dan jeskludi sottokuntrattur partikolarment mit-tifsira tal-persuna li tkun għamlitu”.

5.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, intitolat “Għan tal-protezzjoni” taħt il-Kapitolu III “Dritt sui generis”, jipprovdi:

“1. Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(a) “estrazzjoni” tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

(b) “użu mill-ġdid” tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

3. Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

[…]

5. L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru”.

Id-Direttiva 2003/98/KE (4)

6.        Il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2003/98 jipprovdu:

“(8) Qafas ġenerali għall-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tas-settur pubbliku huwa meħtieġ sabiex jassigura kondizzjonijiet ġusti, proporzjonati u mhux diskriminatorji għall-użu mill-ġdid ta’ dik l-informazzjoni. Il-korpi tas-settur pubbliku jiġbru, jipproduċu, jipproduċu mill-ġdid u jxerrdu dikumenti biex iwettqu l-kompiti pubbliċi tagħhom. L-użu ta’ dawk id-dokumenti għal raġunijiet oħra jikkostitwixxi użu mill-ġdid. Il-politika ta’ l-Istati Membri tista’ tmur ‘l hinn mill-i tsandards [mill-istandards] minimi stabbiliti b’din id-Direttiva, u b’hekk jippermettu użu mill-ġdid aktar estensiv.

(9) Din id-Direttiva ma fihiex l-obbligu li jiġi permess l-użu mill-ġdid ta’ dakoumenti [dokumenti]. Id-deċiżjoni dwar jekk l-użu mill-ġdid jiġix awtorizzat jew le tibqa’ ta’ l-Istati Membri jew tal-korp tas-settur pubbliku konċernat. […] Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom ikunu imħajjra li jagħmlu disponibbli għall-użu mill-ġdid ta’ kull dokumenti miżmuma minnhom. Il-korpi tas-s[e]ttur pubbliku għandhom jippromwovu u jħajjru l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, inklużi testi uffiċjali ta’ natura leġislattiva u amministrattiva f’dawk il-każi fejn il-korp tas-settur pubbliku ikollu d-dritt li jawtorizza l-użu mill-ġdid tagħhom”.

7.        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2003/98 tipprovdi li “[…] id-Direttiva ma taffettwax l-eżistenza jew il-proprjetà ta’ drittijiet ta’ rpoprjetà [proprjetà] intellettwali ta’ korpi tas-settur pubbliku, lanqas ma tillimita l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet b’xi mod ‘l hinn mill-konfini stipulati b’din id-Direttiva. […] Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, iżda, jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ l-awtur b’dak il-mod li jiffaċilita l-użu mill-ġdid”.

8.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/98, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi għall-iffaċilitar ta’ l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri”.

9.        L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/98 jiddefinixxi l-użu mill-ġdid bħala “[...] l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta’ dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih kienu prodotti d-dokumenti. L-iskambju ta’ dokumenti bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom ma jikkostitwixxix użu mill-ġdid”.

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/98, intitolat “Prinċipju ġenerali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun permess l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, dawn id-dokumenti għandhom ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV. Fejn possibbli, id-dokumenti għandhom jintgħamlu disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi”.

III – Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt nazzjonali rilevanti u d-domandi preliminari

A –    Ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji

11.      Taħt l-Artikoli 1 u 2 tal-Firmenbuchgesetz (iktar ‘il quddiem il-“FBG”) (5), l-impriżi jeħtieġu li jqiegħdu ċertu informazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji li, skont l-istess dispożizzjonijiet, għandha tkun disponibbli wkoll għall-pubbliku. Skont l-Artikolu 3, l-informazzjoni tinkludi l-ismijiet tal-impriżi, il-forma legali tagħhom, is-sede tagħhom, indikazzjoni tal-qasam tal-attività tagħhom, il-fergħat tagħhom, l-ismijiet, id-dati tat-twelid u l-portata tal-awtorità ta’ dawk li jaġixxu bħala rappreżentanti, flimkien ma’ dettalji ta’ kwalunkwe proċeduri ta’ stralċ jew il-bidu ta’ kwalunkwe proċeduri ta’ insolvenza.

12.      Sal-1990, l-informazzjoni miżmuma mill-Istat Awstrijak kienet aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-qrati fejn kien jinżamm reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Għadu possibbli li jiġi kkonsultat ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji permezz tal-qrati lokali u reġjonali (il-Berzirksgerichte) jew permezz tan-nutara (l-Artikoli 33 u 35 tal-FBG) għal miżata statutorja tal-qorti.

13.      Mill-1 ta’ Jannar 1991, ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji ġie kompjuterizzat, u sal-aħħar tal-1994, id-data kollha dwar in-negozji kienet ġiet irreġistrata mill-ġdid. Mill-1993, it-tiftix seta’ jsir minn membri tal-pubbliku permezz ta’ vidjotext interattiv, u mill-1999 sar possibbli li jsir tiftix online fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji fuq l-internet. Skont l-Artikolu 34 tal-FBG, kullħadd huwa awtorizzat li jkollu aċċess rapidu biex jikkonsulta l-informazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji permezz ta’ trażmissjoni elettronika, sa fejn jippermettu t-teknoloġija u d-disponibbiltà tal-persunal.

14.      L-aċċess pubbliku għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, permezz ta’ mezzi elettroniċi, inbidel fl-1999 meta l-Awstrija tat, oriġinarjament, ħames aġenziji intermedjarji (Verrechnungsstellen) il-kompitu li jipprovdu aċċess għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji permezz tal-internet (6). Dawn l-aġenziji jimponu miżata statutorja tal-qorti u jitolbu remunerazzjoni għas-servizzi tagħhom. Il-miżati tal-qorti dovuti għal konsultazzjonijiet b’aċċess rapidu u konsultazzjonijiet b’mod ġenerali huma stabbiliti skont ir-regolament li jikkonċerna d-database tar-reġistri tal-kummerċ u tal-kumpanniji (il-Firmenbuchdatenbankverordnung; iktar ‘il quddiem il-“FBDV” (7)). Il-miżati tal-qorti jinġabru mill-aġenziji intermedjarji u jiġu trażmessi lill-Istat. Dawn jiġu kkalkolati b’riferiment għan-natura tal-informazzjoni kkonsultata. Ir-remunerazzjoni separata għas-servizz ipprovdut mill-aġenziji intermedjarji għandha tiġi approvata mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

15.      Id-database tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji hija database protetta. Il-proprjetarju tad-dritt sui generis għad-database huwa l-Istat Awstrijak. Skont l-Artikolu 4(2) tal-FBDV, l-awtorizzazzjoni li jiġi kkonsultat ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji ma tagħtix dritt li jsiru atti ta’ distribuzzjoni (“użu mill-ġdid ipprojbit”). Dan huwa rriżervat għall-Istat Awstrijak bħala dak li ħoloq id-database, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur li ġew adottati biex jittrasponu d-Direttiva 96/9 (8).

B –    Id-database ta’ Compass‑Datenbank

16.      Għal iżjed minn 130 sena, Compass‑Datenbank GmBH (iktar ‘il quddiem “Compass‑Datenbank”) u l-predeċessuri legali tagħha kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom ġabriet ta’ informazzjoni miżmuma mill-Istat Awstrijak li jirrigwardaw impriżi u kumpanniji. Mill-1995 bdew joperaw database tal-kummerċ u tal-industrija, aċċessibbli permezz tal-internet u bbażat parzjalment fuq din l-informazzjoni.

17.      Id-database ta’ Compass‑Datenbank fiha firxa ta’ informazzjoni addizzjonali għal dik li tidher fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Hija tinkludi informazzjoni dwar ishma, in-numri tat-telefon u tal-faks, l-indirizzi tal-posta elettronika, l-oqsma li fihom l-impriżi mniżżla joperaw, flimkien ma’ deskrizzjoni qasira tal-attivitajiet tagħhom, u l-banek li fihom għandhom kontijiet. Sabiex tmexxi s-servizz ta’ informazzjoni tagħha, Compass‑Datenbank teħtieġ li d-data rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji tiġi aġġornata kuljum, liema data hija ssupplimentata bir-riċerka tagħha stess.

18.      Sa Diċembru 2001, Compass‑Datenbank irċeviet din id-data miċ-ċentru federali tal-kompjuters Awstrijak mingħajr ebda restrizzjoni dwar l-użu mill-ġdid tagħha. Compass‑Datenbank kellha s-setgħa li tirċievi informazzjoni fil-kapaċità tagħha bħala l-editur tal-Zentralblatt für Eintragungen in das Firmenbuch der Republik Österreich (Ġurnal Ċentrali għall-Iskrizzjonijiet fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji tar-Repubblika tal-Awstrija). Compass‑Datenbank użat mill-ġdid l-istess data għad-database tal-kummerċ u tal-industrija tagħha.

C –    Il-proċeduri nazzjonali

19.      Fl-2001 l-Istat Awstrijak ressaq kawża quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali, Vjenna) fejn talab, fost affarijiet oħra, ordni kontra Compass‑Datenbank li tipprojbixxieha milli tuża d-data mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, b’mod partikolari permezz tal-issejvjar, riproduzzjoni jew trażmissjoni lil terzi. Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2002, l-Oberster Gerichtshof laqgħat parzjalment talba għal dan il-għan bħala miżura provviżorja u ordnat lil Compass-Datenbank li, sakemm hija tagħti d-deċiżjoni finali tagħha, toqgħod lura milli tuża mill-ġdid ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji biex taġġorna d-database tal-kummerċ u tal-industrija tagħha u, b’mod partikolari, toqgħod lura milli tissejvja jew b’xi mod ieħor tirriproduċi data mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji sabiex tgħaddiha lil terzi, tagħmililhom aċċessibbli jew tipprovdi informazzjoni minnu, sakemm Compass‑Datenbank ma tkunx irċeviet din id-data bi ħlas raġonevoli mill-Istat Awstrijak. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tgħidx jekk il-qrati Awstrijaki sussegwentament ħadux deċiżjoni definittiva f’dawn il-proċeduri.

20.      Madankollu, minkejja dan, ir-rappreżentant ta’ Compass‑Datenbank spjega fis-seduta li komplew jirċievu data mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, iżda bi ħlas li l-Awstrija tqis baxx wisq.

21.      Fil-21 ta’ Diċembru 2006, Compass‑Datenbank fetħet min-naħa tagħha proċedura oħra li fiha talbet deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat Awstrijak ipoġġi għad-dispożizzjoni ta’ Compass‑Datenbank, b’konformità mal-liġi federali dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni miżmuma minn korpi pubbliċi (Bundesgesetz über die Weiterverwendung von Informationen öffentlicher Stellen, iktar ‘il quddiem l-“IWG”) (9), ċerti dokumenti disponibbli fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, inkambju għal remunerazzjoni xierqa. B’mod iktar speċifiku, Compass‑Datenbank talbet aċċess għal dokumenti fil-forma ta’ estratti mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji li fihom data aġġornata dwar is-suġġetti legali rreġistrati fih, jew li ħassruhom mir-reġistru fil-jum preċedenti, kif ukoll estratti mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji li fihom data storika.

22.      Matul il-proċeduri nazzjonali, ġie stabbilit li Compass‑Datenbank ma tista’ tikseb l-ebda drittijiet mill-IWG. Madankollu, irriżulta li jista’ jkun hemm argumenti li fuqhom setgħat tibbaża ruħha l-kumpannija li kienu fondati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni. Wara diversi stadji fi qrati Awstrijaki differenti, il-każ wasal għand l-Oberster Gerichtshof, li sab li jeħtieġ li jagħmel dawn it-tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ awtorità pubblika li tissejvja f’database (Firmenbuch — reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji), data li l-impriżi għandhom jikkomunikaw abbażi tal-obbligi legali u li tippermetti li ssir konsultazzjoni ta’ din id-data u/jew li jiġu pprovduti kopji bi ħlas, filwaqt li tipprojbixxi kwalunkwe użu ieħor ta’ din id-data, hija attività kummerċjali?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

2.      Ikun hemm attività kummerċjali meta l-awtorità pubblika tinvoka l-protezzjoni sui generis li tingħatalha bħala produttur ta’ database, u tipprojbixxi kwalunkwe użu li jmur lil hinn mis-sempliċi konsultazzjoni u stampar tad-data?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

3.      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji kkonstatati bis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743), u tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (10) (C‑418/01, Ġabra p. I‑5039) (“duttrina tal-faċilitajiet essenzjali”) japplikaw ukoll meta ma hemmx “suq upstream” peress li d-data protetta tinġabar u tiġi ssejvjata f’database (Firmenbuch — reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji) fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ attività tal-poter pubbliku?”

23.      Compass-Datenbank, il-Gvern Awstrijak, l-Irlanda, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Compass‑Datenbank, il-Gvern Awstrijak, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2012.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Ir-rwol tal-aġenziji intermedjarji

24.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet juru li, bħala kwistjoni preliminari, għandu jiġi analizzat ir-rwol tal-aġenziji intermedjarji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif dan jolqot il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Awstrijak huwiex qed iwettaq attivitajiet ekonomiċi.

25.      Kif spjegajt hawn fuq fil-punt 14, fl-1999 ġie stabbilit metodu ta’ aċċess għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji permezz ta’ aġenziji intermedjarji. Dawn jipprovdu aċċess online, bi ħlas, lir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-Awstrija spjega li preżentament, kwalunkwe impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ servizz u l-kwalitajiet ta’ prestazzjoni tista’ tiġi aċċettata bħala aġenzija intermedjarja. Issa hemm għaxar aġenziji intermedjarji involuti f’din il-kwistjoni, li waħda minnhom hija membru tal-istess grupp ta’ kumpanniji bħal Compass‑Datenbank (11).

26.      L-aġenziji intermedjarji jistabbilixxu, permezz tal-internet, il-konnessjoni bejn ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji u l-klijent. Huma pprojbiti milli jużaw mill-ġdid id-data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji jew milli jibdlu l-kontenut jew il-preżentazzjoni tal-informazzjoni li ġiet trażmessa. Huma wkoll preklużi milli jespandu l-kontenut permezz ta’ reklamar. Il-klijenti tal-aġenziji intermedjarji huma pprojbiti wkoll milli jużaw mill-ġdid id-data b’tali mod li jiksru d-drittijiet sui generis tal-Awstrija b’rabta mar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Dan ifisser li l-projbizzjoni dwar dan l-użu mill-ġdid li hija koperta mid-dritt sui generis hija assoluta u applikata mill-Awstrija b’mod mhux diskriminatorju.

27.      Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li, permezz tat-talbiet imressqa quddiem il-qrati nazzjonali, Compass‑Datenbank qed titlob mill-Istat Awstrijak dritt ta’ trasferiment bil-kwantità ta’ data ġdida rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, bi ħlas raġonevoli, u bid-dritt li tużaha mill-ġdid sabiex tinkludi d-data fis-servizz ta’ informazzjoni ta’ Compass‑Datenbank u tqassamha.

28.      L-għan wara l-kisba ta’ din id-deċiżjoni huwa li jippermetti lil Compass‑ Datenbank jipprovdi servizz li jibni fuq id-data li hija diġà aċċessibbli għal kullħadd permezz tal-aġenziji intermedjarji. Kif ġie indikat minn Compass‑Datenbank fis-seduta, hija tixtieq li tipprovdi iktar minn sempliċi kopja tal-informazzjoni pprovduta mill-aġenziji intermedjarji. Hija tixtieq li żżid valur għal din l-informazzjoni billi tissupplimentaha b’materjal ieħor. Barra minn hekk, il-mod ta’ kif topera jirrikjedi li jkollha aċċess għal data ġdida u aġġornata għal prezz li huwa inqas mill-miżata statutorja pagabbli permezz tal-aġenziji intermedjarji. Dan huwa l-eżitu mixtieq fil-proċeduri nazzjonali mibdija minn Compass‑Datenbank, li pproponiet ċertu prezz li tqis bħala r-remunerazzjoni xierqa li għandha titħallas lill-Istat Awstrijak.

29.      Huwa importanti li tinżamm perċezzjoni ċara tar-rwol tal-aġenziji intermedjarji għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, biex jiġi ddeterminat jekk awtorità pubblika taġixxix bħala “impriża” għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hemm bżonn ta’ analiżi tal-attivitajiet individwali tal-awtorità pubblika kkonċernata. L-awtorità tiġi kklassifikata bħala “impriża” sa fejn dawn l-attivitajiet huma “ekonomiċi” fin-natura tagħhom (12). Għaldaqstant huma l-attivitajiet tal-Istat Awstrijak, iktar milli dawk tal-aġenziji intermedjarji, li huma rilevanti għad-determinazzjoni sa fejn l-Artikolu 102 TFUE huwa applikabbli għat-tilwima inkwistjoni.

30.      Id-distinzjoni hija importanti wkoll għax, sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża hijiex qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrifjuta l-provvista ta’ prodott jew servizz, jeħtieġ li l-ewwel ikun hemm identifikazzjoni tas-suq li fih l-impriża kkonċernata għandha pożizzjoni dominanti. Din l-analiżi hija għaldaqstant immirata lejn l-Istat Awstrijak iktar milli lejn l-aġenziji intermedjarji.

31.      Fl-opinjoni tiegħi, l-analiżi korretta tal-arranġamenti hija din li ġejja. L-Awstrija tagħti konċessjoni ta’ servizz pubbliku lill-aġenziji intermedjarji. Wasalt għal din il-konklużjoni minħabba l-fatt li l-aġenziji intermedjarji għandhom, suġġett għas-superviżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, ċerta libertà limitata li jistabbilixxu l-prezz tal-aċċess online għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji (ir-remunerazzjoni li hija supplimentari għall-miżata statutorja tal-qorti) u huma jirċievu din ir-remunerazzjoni minn terzi u mhux mill-awtorità kontraenti li tathom il-kuntratti (13). Ir-riskji kummerċjali marbuta mal-aċċess online għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji jintrefgħu mill-aġenziji intermedjarji, li tissuġġerixxi wkoll li l-Awstrija tat biss konċessjoni lill-aġenziji (14).

32.      Filwaqt li huwa stabbilit li r-rifjut minn Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz, liċenzja esklużiva huwa suġġett għal regoli fundamentali tat-Trattat TUE u tat-Trattat TFUE b’mod ġenerali, inkluż l-Artikolu 56 TFUE u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u nondiskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li minnhom jirriżulta (15), l-obbligi fuq l-Istati Membri jiefqu hemm. Il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku ma humiex irregolati mid-direttivi li jirregolaw il-qasam tal-kuntratti pubbliċi (16).

33.      Ninnota, inċidentalment, li tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk il-miżati statutorji tal-qorti u/jew ir-remunerazzjoni supplimentari applikati mill-aġenziji intermedjarji jeċċedux l-“ispiża amministrattiva” permissibbli għall-kisba ta’ kopji ta’ dokumenti jew dettalji partikolari li jissemmew fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 68/151. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-Awstrija hijiex qed taġixxi b’mod inkonsistenti mad-Direttiva 68/151 ma hijiex rilevanti għad-domanda dwar jekk l-Awstrija hijiex qed taġixxi bħala impriża (17) billi tirrifjuta aċċess bil-kwantità u użu mill-ġdid tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34.      Barra minn hekk, minkejja li l-attivitajiet tal-aġenziji intermedjarji għandhom jitqiesu li huma ċarament ekonomiċi, din il-kwistjoni hija irrilevanti wkoll għad-domanda dwar jekk l-Awstrija aġixxietx b’mod abbużiv meta rrifjutat li toħroġ liċenzja ta’ aċċess bil-kwantità lil Compass‑Datenbank, jew li tippermetti l-użu mill-ġdid ta’ data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Dan peress li l-aġenziji intermedjarji joperaw f’suq separat u mhux relatat mas-suq li fih Compass‑Datenbank tixtieq tinnegozja. Dawn tal-ewwel joperaw fis-suq b’aċċess online għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Fi kliem ieħor, jipprovdu sempliċement mod ta’ aċċess elettroniku u interface għall-klijent deċentralizzat għall-informazzjoni miżmuma mill-Istat Awstrijak.

35.      Compass‑Datenbank ma hijiex prekluża minn dan is-suq iżda għandha aċċess għalih abbażi ta’ kundizzjonijiet nondiskriminatorji. Kif diġà semmejt, waħda mill-kumpanniji fi ħdan il-grupp tagħha hija fil-fatt aġenzija intermedjarja li topera f’dan is-suq. Compass‑Datenbank ma hijiex qed titlob dritt għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni mill-aġenziji intermedjarji, li huma ugwalment preklużi milli jużawha mill-ġdid, iżda li tingħata mod alternattiv ta’ kif tista’ taċċedi għal din id-data. Compass‑Datenbank qed tallega mġiba abbużiva min-naħa tal-Awstrija fil-prevenzjoni tal-ħolqien, jew tal-kontinwazzjoni, tas-suq fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ din id-data.

2.      Ir-rilevanza tad-direttivi

36.      Qamet kwistjoni preliminari oħra li teħtieġ li tiġi indirizzata abbażi tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak u tal-Gvern Olandiż. Din tittratta ma’ kif, jekk inhu l-każ, l-obbligi imposti fuq l-Awstrija mid-Direttivi 68/151 u 2003/98 għandhom impatt fuq id-determinazzjoni ta’ jekk hijiex twettaq attivitajiet ekonomiċi f’sens li huwa rilevanti għall-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE.

37.      Ma hemmx dubju li, fil-każ ta’ kunflitt dirett bejn direttiva u dispożizzjoni primarja tat-Trattat UE jew tat-Trattat TFUE, inkluż l-Artikolu 102 TFUE, din tal-aħħar għandha tipprevali. Madankollu, fl-Unjoni Ewropea bħal fi kwalunkwe sistema ta’ gvern ibbażata fuq il-prinċipji tal-kostituzzjonaliżmu u l-istat tad-dritt, huwa kompitu tal-leġiżlatur li jqis u jiżen ir-regoli u prinċipji ġenerali ta’ natura astratta inkorporati fil-kostituzzjoni, jew fil-każ tal-Unjoni Ewropea, fit-Trattati (18).

38.      B’konformità mal-approċċ użat, b’mod partikolari, mill-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-eżistenza u l-kontenut tad-direttivi huma rilevanti daqs id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali fid-determinazzjoni ta’ jekk Stat Membru huwiex qed iwettaq attivitajiet ekonomiċi, li huma rregolati bl-Artikolu 102 TFUE, b’differenza milli kieku ma jaqgħux taħtu b’eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Il-kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk awtorità pubblika hijiex twettaq attivitajiet ekonomiċi jirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-għan tal-attività tagħha, kif ukoll ir-regoli li għaliha l-attività hija suġġetta (19). Dan jinkludi kull direttiva rilevanti, kif intwera fis-sentenza Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (20), fejn direttiva kienet rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ Eurocontrol kellhiex natura ekonomika jew pubblika.

39.      Għaldaqstant, minflok inqiegħed id-direttivi fuq naħa waħda abbażi tal-ġerarkija tan-normi, fl-opinjoni tiegħi dawn jifformaw parti importanti mill-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħmel. Kemm id-Direttiva 68/151 kif ukoll id-Direttiva 2003/98, flimkien mad-Direttiva 96/9, fihom dispożizzjonijiet li huma rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk l-Awstrija, billi tipprojbixxi l-użu mill-ġdid ta’ data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji u tirrifjuta l-liċenzjar għall-aċċess bil-kwantità, hijiex qed twettaq attivitajiet ekonomiċi jew teżerċita setgħat pubbliċi.

B –    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

1.      L-għan tad-domandi preliminari

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-Awstrija hijiex “impriża” għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE, u t-tieni nett, jekk, id-duttrina tal-“faċilitajiet essenzjali” hijiex rilevanti biex tirriżolvi t-tilwima, fin-nuqqas allegat ta’ suq upstream.

41.      Minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat li jipprovdi l-qorti nazzjonali bi gwida dwar jekk l-Awstrija hijiex qed teżerċita setgħat jew prerogattivi pubbliċi b’esklużjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi (21), jew jekk, għall-kuntrarju, mill-inqas waħda mill-attivitajiet inkwistjoni hijiex attività ekonomika li hija diviżibbli mill-attivitajiet pubbliċi tal-Awstrija (22). Jekk dan tal-aħħar huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tipprovdi gwida dwar il-parametri tal-liġi dwar l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fil-forma ta’ rifjut ta’ provvista (23), u b’mod iktar partikolari ċ-ċirkustanzi li fihom ir-rifjut li tingħata liċenzja fil-konfront ta’ materjal protett minn dritt sui generis għal database jaqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE.

42.      Ser neżamina l-ewwel wieħed minn dawn il-punti billi nikkunsidra flimkien l-ewwel u t-tieni domandi preliminari. Se niddiskuti l-aħħar punt, li jikkonċerna r-rifjut li tingħata liċenzja, billi neżamina t-tielet domanda preliminari separatament.

43.      Kif indika l-Gvern Pollakk, dawn il-kwistjonijiet jirrikjedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra tliet attivitajiet speċifiċi fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar iċ-ċirkustanzi li fihom awtorità pubblika taġixxi bħala impriża, biex b’hekk tintrabat bir-regoli tal-Unjoni li jipprojbixxu l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti taħt l-Artikolu 102 TFUE. Dawn l-azzjonijiet huma:

(i)       l-issejvjar f’database (ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji) ta’ informazzjoni pprovduta mill-impriżi abbażi ta’ obbligi legali ta’ żvelar;

(ii)  il-fatt li jiġu permessi il-konsultazzjoni u/jew l-istampar tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji bi ħlas; u

(iii)  il-fatt li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni li hemm fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji.

44.      Qabel ma jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, huwa importanti li jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka rilevanti tirrifletti politika restrittiva dwar il-possibbiltajiet għal terzi li jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni kummerċjali billi jipproċessaw id-data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji. Stati Membri oħra, bħall-Irlanda, adottaw approċċi iktar liberali, u jippermettu, pereżempju, liċenzji li jagħtu l-possibbiltà ta’ aċċess bil-kwantità u ta’ użu mill-ġdid għal skopijiet kummerċjali ta’ din id-data. Ikunu xi jkunu l-merti ta’ dawn l-approċċi differenti, id-dritt tal-Unjoni ser jillimita biss l-għażliet ta’ politika magħmula minn Stat Membru f’ċirkustanzi li fihom jaġixxi bħala impriża.

2.      L-issejvjar ta’ informazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji

45.      Fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull korp li jwettaq attività ekonomika, indipendentament mill-istatus legali tal-korp u l-mod li bih jiġi ffinanzjat (24). Dan jinkludi l-Istati Membri. Ma huwiex importanti li l-Istat Membru jkun qed jaġixxi direttament permezz ta’ korp li jifforma parti mill-amministrazzjoni tal-Istat jew permezz ta’ korp li lilu jkun tah drittijiet speċjali jew esklużivi (25). Minflok, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata n-natura tal-attivitajiet imwettqa mill-impriża jew mill-korp pubbliku inkwistjoni (26).

46.      L-entitajiet pubbliċi ser ikunu preklużi milli jikkwalifikaw bħala impriża biss jekk jeżerċitaw setgħat jew prerogattivi pubbliċi b’esklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi (27). Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata separatament kull attività mwettqa mill-entità fis-settur pubbliku inkwistjoni. Jekk dawn l-attivitajiet huma diviżibbli, entità fis-settur pubbliku tammonta għal impriża sa fejn twettaq attivitajiet ekonomiċi (28). L-attivitajiet ekonomiċi jikkonsistu, skont il-ġurisprudenza, fl-offerta ta’ kwalunkwe oġġetti u servizzi fis-suq (29).

47.      Ma hemmx dubju li l-issejvjar f’database, f’dan il-każ fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, ta’ informazzjoni pprovduta minn impriżi abbażi ta’ obbligi legali ta’ żvelar huwa, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-għan tiegħu u tar-regoli li għalihom huwa suġġett, konness mal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi (30).

48.      L-issejvjar ta’ data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, abbażi ta’ obbligu legali li dan isir, hija attività mwettqa fl-interess ġenerali taċ-ċertezza legali. Il-persuni suġġetti għad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2 tal-FGB huma obbligati li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tal-FGB sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7. Jeħtieġu wkoll li jikkomunikaw mingħajr dewmien kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni li diġà ġiet irreġistrata (ara l-Artikolu 10 tal-FGB). L-Istat Awstrijak jista’ jimponi sanzjonijiet amministrattivi sabiex jiżgura li l-informazzjoni li għandha tiġi ddikjarata hija kkomunikata kollha kemm hi fil-ħin (Artikolu 24 tal-FBG). Dan huwa rilevanti għaliex l-eżistenza ta’ prerogattivi u ta’ setgħat ta’ impożizzjoni li jidderogaw mid-dritt komuni huma indikaturi stabbiliti tal-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi (31).

49.      Barra minn hekk, din l-attività hija direttament konnessa mal-obbligi tal-Awstrija taħt id-Direttiva 68/151, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha. Dan jobbliga lill-Istati Membri jżommu reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali, jew reġistru tal-kumpanniji. L-Artikolu 3 jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw l-iżvelar tal-informazzjoni li hemm ġo fih, kif ukoll aċċess raġonevoli għaliha.

50.      Għandu jiġi nnutat li minkejja l-fatt li l-partijiet privati għandhom il-kapaċità fiżika li joħolqu, jiġbru u jikkumerċjalizzaw informazzjoni dwar l-impriżi, ma humiex kapaċi li jagħtuha status legali li jikkaratterizza d-data rreġistrata fir-reġistru uffiċjali tal-kummerċ u tal-kumpanniji, jiġifieri n-natura opponibbli tagħha fil-konfront ta’ terzi (32). Dan l-effett legali jista’ jinħoloq biss b’regoli legali speċifiċi. L-għan espress tar-reġistri pubbliċi bħar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji huwa li jinħoloq sors ta’ informazzjoni li wieħed jista’ jibbaża fuqu f’relazzjonijiet legali, u għaldaqstant jipprovdu ċ-ċertezza legali meħtieġa għall-iskambju fis-suq.

3.      Il-fatt li tiġi permessa l-konsultazzjoni tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji

51.      Din l-attività hija wkoll mingħajr ebda dubju funzjoni pubblika. Huwa evidenti li r-reġistri pubbliċi bħar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji ma jistgħux iwettqu l-iskop essenzjali tagħhom, jiġifieri l-ħolqien ta’ ċertezza legali permezz ta’ disponibbiltà trasparenti ta’ informazzjoni legalment affidabbli, sakemm l-aċċess għalihom ma jingħatax lil kulħadd.

52.      Kif indikat mill-Gvern Olandiż, il-fatt li miżata hija imposta ma twassalx għall-konklużjoni li attività hija ekonomika. Huwa komuni li l-attivitajiet li huma ċarament mhux ekonomiċi fin-natura tagħhom jintabtu magħhom miżata għas-servizzi. Eżempju ċar ta’ dan jikkonsisti fil-miżati imposti mill-qrati jew il-marixxalli. Il-fatt li attività pubblika tista’ tkun ta’ profitt ekonomiku għall-entità pubblika inkwistjoni ma tagħmilhiex ekonomika fin-natura tagħha.

53.      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 68/151 jipprovdi li l-prezz għall-kisba ta’ kopja ta’ reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji ma jistax jeċċedi l-“ispiża amministrattiva”. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll is-sottomissjonijiet orali tagħha fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-Istat Awstrijak, billi invoka d-dritt sui generis fil-konfront tad-data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, qed jipproteġi l-interessi ekonomiċi tiegħu.

54.      Fil-preżent, ma hemmx provi li juru li l-miżata statutorja tal-qorti waħedha jew flimkien mar-remunerazzjoni imposta mill-aġenziji intermedjarji teċċedi l-ispiża amministrattiva tal-provvista ta’ kopja ta’ dokumenti jew dettalji partikolari rreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 68/151. Kieku dan kien il-każ, is-sistema għall-iffissar tal-prezz applikata mill-Awstrija tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali jew, f’livell ġenerali, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE.

55.      Anki kieku l-permess li ssir il-konsultazzjoni u/jew l-istampar tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji kellu jiġi kkunsidrat bħala attività ekonomika, din tkun indiviżibbli mill-funzjonijiet tal-ġbir tad-data. L-attivitajiet ekonomiċi u pubbliċi jkunu separabbli jekk l-attività ekonomika ma tkunx konnessa mill-qrib mal-attività pubblika, u r-relazzjoni bejn it-tnejn hija sempliċement indiretta (33). Kif ikkonkluda l-Avukat Ġenerali Maduro, il-każijiet kollha li jinvolvu l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali għall-iskop li jiġi rregolat is-suq, u mhux bl-għan li jkun hemm parteċipazzjoni fih, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (34). Kif inhu rifless, b’mod partikolari, fit-test tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151, iż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji tintrabat b’mod inseparabbli mal-iżgurar ta’ aċċess raġonevoli għalih.

56.      Barra minn hekk, b’differenza mill-argumenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-fatt li l-aġenziji intermedjarji, li jipprovdu l-interface għall-aċċess pubbliku online għad-data inkwistjoni, ma jgawdux minn setgħat ta’ impożizzjoni, flimkien mal-eżistenza ta’ xi forma ta’ kompetizzjoni limitata bejn dawn l-aġenziji (35), ma jnaqqsux min-natura indiviżibbli tal-aċċess għad-data u l-ġbir tagħha. Barra minn hekk, l-aġenziji intermedjarji huma suġġetti għal kontroll mill-Istat permezz tas-superviżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja fuq il-miżati li jistgħu jimponu fuq l-utenti (36).

4.      Il-fatt li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni

57.      Il-każ ta’ Compass‑Datenbank huwa ġdid, fis-sens li huwa bbażat fuq obbligu għall-Awstrija li taġixxi sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 102 TFUE, u mhux fuq obbligu li tonqos li taġixxi. Huwa utli hawnhekk li jitfakkru l-limiti fuq l-obbligi tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod proattiv sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Filwaqt li hemm obbligu ġenerali li ma jsir xejn li jikkomprometti l-għanijiet tat-Trattat, inkluża l-politika ta’ kompetizzjoni (37), l-obbligi ta’ natura pożittiva tal-Istati Membri jibqgħu limitati.

58.      Dawn il-prinċipji reċentament ittennew fis-sentenza AG2R Prévoyance (38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) UE, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jieħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effetti utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (39). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 106(1) TFUE, fir-rigward tal-impriżi pubbliċi u l-impriżi mogħtija drittijiet speċjali jew esklużivi, l-Istati Membri la għandhom jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-trattati, b’mod partikolari għal dawk li hemm fl-Artikoli 18 TFUE u 101 TFUE sa 109 TFUE inklużi, mingħajr ħsara għall-Artikolu 106(2) TFUE. (40)

59.      L-ebda wieħed minn dawn il-prinċipji ma huwa utli għall-każ ta’ Compass‑Datenbank. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Awstrijaka ma humiex qed jagħmlu r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ineffettivi. Ma hemm xejn f’din il-ġurisprudenza li jobbliga Stat Membru jirrilaxxa d-data lill-operaturi ekonomiċi, jew b’xi mod ieħor jiffaċilita l-ħolqien ta’ swieq ġodda, fin-nuqqas ta’ miżuri tas-suq intern li huma intiżi sabiex jiftħu l-kompetizzjoni f’industriji li tradizzjonalment tmexxew bħala monopolji tal-Istat (41).

60.      Il-fatti ta’ din il-kawża lanqas ma jikkorrispondu mas-sitwazzjoni li fiha impriża tingħata drittijiet speċjali jew esklużivi. Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni dwar l-użu mill-ġdid u l-kummerċjalizzazzjoni tad-data miżmuma fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, lil hinn mill-attivitajiet tal-aġenziji intermedjarji li jikkonsistu fl-għoti tal-faċilità ta’ aċċess online għad-database, tapplika għal kulħadd u mhux biss għal Compass‑Datenbank. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, “il-persuna li tkun bniet database tista’ tirriżerva dritt għal aċċess esklużiv għad-database tagħha għaliha nfisha jew tirriżerva l-aċċess għal din id-database għal persuni speċifiċi [...], jew tissuġġetta dan l-aċċess għal kundizzjonijiet partikolari, pereżempju ta’ natura finanzjarja” (42). Kif diġà semmejt, id-Direttiva 2003/98 “ma timponix obbligu” fuq l-Istati Membri sabiex “jippermettu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti” (43).

61.      Il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Olanda u tal-Portugall jinvokaw ukoll l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 dwar il-protezzjoni legali tad-databases u d-dritt sui generis għall-protezzjoni ta’ dik id-database (44). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan huwa irrilevanti għal kollox biex jiġi ddeterminat jekk projbizzjoni dwar l-użu mill-ġdid tad-data hijiex attività pubblika jew ekonomika skont l-Artikolu 102 TFUE. Jidher ċar li l-entitajiet pubbliċi jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom taħt id-dritt privat biex jipproteġu l-kompiti pubbliċi tagħhom, bħall-projbizzjoni, invokata mill-proprjetarju ta’ biċċa art, ta’ dħul mhux permess fi stabbiliment militari. Min-naħa l-oħra, id-dritt sui generis jidħol fis-seħħ fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, fid-determinazzjoni ta’ jekk u meta s-sid tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali jistax jiġġiegħel joħroġ liċenzja.

62.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb fin-negattiv għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari.

C –    It-tielet domanda preliminari

63.      Peress li weġibt għall-ewwel żewġ domandi preliminari fin-negattiv, ma jeħtieġx li nwieġeb ukoll għat-tielet domanda preliminari. Madankollu, ser nagħmel ir-rimarki li ġejjin li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-Qorti tal-Ġustizzja f’każ li tiddeċiedi li l-Awstrija fil-fatt kienet qed twettaq attività ekonomika billi tiġbor id-data li hemm fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, jew billi għamlitha disponibbli lill-pubbliku, jew it-tnejn li huma.

64.      Permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tipprovdi gwida dwar il-prinċipji kkonstatati fil-sentenzi “Magill” u IMS Health (“id-duttrina tal-faċilitajiet essenzjali”) u teżamina l-applikabbiltà tagħhom fejn ma hemmx “suq upstream” peress li d-data protetta hija miġbura u maħżuna f’database (ir-reġistru tal-kumpanniji u tal-kummerċ) tul il-kors tal-involviment f’attivitajiet pubbliċi. Din id-domanda preliminari hija rilevanti biss jekk l-Awstrija titqies li aġixxiet bħala impriża fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

65.      Jeħtieġ li nibda bl-identifikazzjoni tas-suq upstream (45). Dan minħabba li n-nuqqas ta’ dominanza f’dan is-suq ifisser li ma jistax ikun hemm abbuż fis-suq downstream, li xi kultant jissejjaħ is-suq sekondarju jew derivattiv. F’din il-kawża, hemm suq parallel fl-aċċess online għad-data mhux ipproċessata tar-reġistru tal-kumpanniji u tal-kummerċ permezz ta’ aġenziji intermedjarji, iżda ma hemmx suq upstream fl-aċċess bil-kwantità għad-data tar-reġistru tal-kumpanniji u tal-kummerċ li huwa legalment disponibbli għall-użu mill-ġdid, u li minnu Compass‑Datenbank tista’ tieħu biex tipproduċi prodott imsaħħaħ. Minflok, hemm żewġ funzjonijiet upstream; wieħed li jwassal għall-ġbir u r-reġistrazzjoni tad-data, u ieħor li jiżgura l-aċċess għalih. Iż-żewġ kawżi li huma essenzjali għar-riżoluzzjoni ta’ din il-kwistjoni, jiġifieri s-sentenzi Magill u IMS Health, kienu pjuttost differenti.

66.      Fis-sentenza Magill, l-impriżi li nstabu li abbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom billi rrifjutaw li jipprovdu liċenzja fuq l-iskedi ta’ programmi tagħhom, u b’hekk ipprekludew il-ħolqien ta’ suq fil-gwidi komprensivi tal-programmi televiżivi, kienu bla dubju dominanti fis-suq upstream tal-informazzjoni marbuta mal-programmi televiżivi permezz ta’ monopolju de facto fuq l-informazzjoni użata għall-kumpilazzjoni tal-listi għall-programmi televiżivi (46). Din id-dominanza upstream ipprovdiethom b’iżjed qawwa f’suq potenzjalment downstream li fih kien hemm il-kompetizzjoni potenzjali. Fis-sentenza Magill, RTE u ITP riedu jirriżervaw l-esplojtazzjoni kummerċjali tal-iskedi tal-programmi għall-persuni awtorizzati minnhom li jaġixxu fis-suq upstream b’esklużjoni tal-ħolqien tas-suq downstream tal-gwidi komprensivi tal-programmi televiżivi.

67.      B’mod simili, fis-sentenza IMS Health, l-impriża li kontrieha ntalbet liċenzja obbligatorja kienet qed twettaq attività ekonomika u dominanti fis-suq rilevanti, jiġifieri l-preżentazzjoni lil kumpanniji farmaċewtiċi ta’ data tal-bejgħ reġjonali li tikkonċerna l-prodotti farmaċewtiċi. L-“istrutturi tal-briks” protetti mid-drittijiet tal-awtur, li bihom l-impriża ppreżentat id-data tal-bejgħ, kienu saru l-istandard fl-industrija u kienu poġġew l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-rifjut tal-impriża dominanti li tagħti liċenzja fuq l-istruttura tal-briks lil kompetitur ikun jinvolvi mġiba abbużiva f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss (47). Fil-każijiet kollha tal-eżerċizzju ta’ liċenzja esklużiva, jeħtieġ li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi: (i) ir-rifjut għandu jipprekludi l-ħolqien ta’ prodott ġdid li għalih hemm domanda potenzjali tal-konsumatur, (ii) li r-rifjut ma għandux ikun iġġustifikat, u (iii) ir-rifjut għandu jkun tali li jeskludi kwalunkwe kompetizzjoni fis-suq sekondarju (48).

68.      F’din il-kawża, hemm nuqqas ta’ informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar is-suq downstream rilevanti. Nafu li Compass‑Datenbank tixtieq tikkummerċjalizza u tissupplimenta d-data mhux ipproċessata tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji miżmum mill-Istat Awstrijak fil-forma ta’ servizz ta’ informazzjoni kummerċjali żviluppata. Madankollu, ma nafu xejn dwar il-pożizzjoni ta’ Compass‑Datenbank fis-suq f’servizz hekk żviluppat fl-aspetti fundamentali, fosthom is-sehmhom fis-suq, u kif dan jitqabbel mas-sehem tal-parteċipanti l-oħra, jekk fil-fatt jeżistu. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, “id-delimitazzjoni tas-suq rilevanti mill-aspett tal-prodott u taż-żona ġeografika, kif ukoll il-kalkolu tal-ishma fis-suq miżmuma mid-diversi impriżi li joperaw f’dan is-suq, jikkostitwixxu l-punt tat-tluq ta’ kull evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni” (49). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kapaċi tagħmel din l-evalwazzjoni, għandha tiddikjara d-deċiżjoni tar-rinviju inammissibbli (50).

69.      Ma hemmx informazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari dwar jekk hemmx kompetituri sinjifikattivi għal Compass‑Datenbank li qed joffru servizzi ta’ informazzjoni kummerċjali li jikkompetu mad-database ta’ Compass‑Datenbank. Jekk dawn ma jeżistux, allura Compass‑Datenbank tidher li għandha pożizzjoni dominanti, derivata ovvjament mill-pożizzjoni storika tagħha bħala l-editur tal-Zentralblatt. Compass‑Datenbank kienet kapaċi wkoll tirċievi d-data li teħtieġ wara l-ordni tal-Oberster Gerichtshof tal-2002, li l-bażi legali tagħha ma hijiex spjegata fid-deċiżjoni tar-rinviju, għal prezz li l-Awstrija tqis li huwa baxx wisq. Madankollu, f’din il-kawża Compass‑Datenbank essenzjalment qed tfittex aċċess privileġġat għad-data fir-reġistru tal-kumpanniji u tal-kummerċ b’kundizzjonijiet ekonomiċi u legali li huma iżjed favorevoli minn dawk applikati għal oħrajn. Għal dawn ir-raġunijiet, hemm ċerta indeterminatezza fattwali f’din il-kawża dwar jekk l-allegat abbuż huwiex marbut mal-iffissar tal-prezz, mar-rifjut li jiġi pprovdut servizz jew mal-aċċess għal faċilità essenzjali.

70.      Tqum ukoll il-problema li jiġi ddeterminat liema hija l-faċilità essenzjali rilevanti miżmuma mill-Istat Awstrijak. Iż-żewġ kandidati ovvji huma d-dritt sui generis għad-data bank tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, jew l-aċċess għad-data li għadha ma ġietx żvelata tar-reġistru tal-kummerċ u l-kumpanniji. Fi kwalunkwe każ, il-faċilità li ġiet irrifjutata ma tistax tkun l-aċċess għad-data mhux ipproċessata bħala tali, għaliex din hija pprovduta lil kulħadd taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji permezz ta’ aġenziji intermedjarji (51).

71.      Diġà kkonkludejt li projbizzjoni nondiskriminatorja dwar l-użu mill-ġdid hija eżerċizzju ta’ politika tal-gvern, u xi ħaġa li hija permessa mill-premessa 9 u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/98. Madankollu, ma jistax jinċaħad li r-rifjut tal-Awstrija li tipprovdi data reċenti u aġġornata u l-projbizzjoni dwar l-użu mill-ġdid effettivament jipprekludu l-provvista ta’ servizz li għalih jidher li hemm domanda evidenti mill-konsumatur. Minkejja dan, kif ikkonkluda l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Bronner, ordni li tirrikjedi l-għoti ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, “kemm jekk mifhum bħala applikazzjoni tad-duttrina tal-faċilitajiet essenzjali jew, b’mod iktar tradizzjonali, bħala reazzjoni għar-rifjut ta’ provvista ta’ oġġetti jew servizzi, tista’ tkun iġġustifikata biss, fuq il-livell tal-politika ta’ kompetizzjoni, f’każijiet li fihom l-impriża dominanti għandha kontroll sħiħ tas-suq relatat” (52).

72.      Huwa dubjuż jekk ir-rifjut li jiġi konkluż ftehim u l-projbizzjoni fuq l-użu mill-ġdid jeskludux, f’din il-kawża, kwalunkwe kompetizzjoni fis-suq sekondarju. Teoretikament, kieku l-projbizzjoni dwar l-użu mill-ġdid kellha tiġi effettivament infurzata, li ma jidhirx li kien il-każ s’issa, din tipprekludi l-eżistenza tas-suq sekondarju u b’konsegwenza ta’ dan, kwalunkwe kompetizzjoni li tirriżulta minnu, sakemm dak l-użu mill-ġdid tad-data fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji kien indispensabbli, fis-sens preskritt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (53), għall-provvista ta’ kwalunkwe servizz ta’ informazzjoni kummerċjali sinjifikattiv li jikkonċerna l-impriżi. Madankollu, ir-rifjut tal-provvista fil-forma ta’ aċċess bil-kwantità għal data ġdida u aġġornata ma huwiex, fih innifsu, kapaċi li jeskludi l-kompetizzjoni fis-suq sekondarju. Dan jikkawża biss dewmien fil-preżentazzjoni ta’ prodotti aġġornati, bħas-servizz ipprovdut minn Compass‑Datenbank, u jżid l-ispiża tal-provvista tagħhom.

V –    Konklużjoni

73.      Abbażi tar-raġunijiet ippreżentati iktar ‘il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof kif ġej:

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità pubblika ma tkunx qed taġixxi bħala impriża jekk tissejvja f’database (reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji) l-informazzjoni mogħtija mill-impriżi abbażi ta’ obbligi legali ta’ żvelar. Tali awtorità lanqas ma tkun qed taġixxi bħala impriża meta tippermetti l-konsultazzjoni u l-ħolqien ta’ estratti stampati tar-reġistru, iżda tipprojbixxi kwalunkwe użu iktar estensiv tad-data, kemm jekk tibbaża ruħha fuq drittijiet sui generis għall-protezzjoni bħala dik li ħolqot id-database jew fuq raġunijiet oħra.


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 —      L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, jeħtieġu mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE rigward ir-rekwiżiti ta’ żvelar fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 304).


3—      Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).


4—      Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Novembru 2003, dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701).


5 —      BGBl. Nr. 10/1991.


6 —      Ir-rappreżentant tal-Awstrija spjega fis-seduta li din is-soluzzjoni ġiet adottata għall-unika raġuni li ma kienx hemm infrastruttura statali għal ħruġ ta’ fatturi online u pagamenti marbuta ma’ konsultazzjonijiet fuq l-internet tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji.


7—      BGBl. II Nr. 240/1999.


8 —      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Compass‑Datenbank, qabel l-1998 l-Istat Awstrijak ma gawdiex il-protezzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fir-rigward tar-reġistri pubbliċi.


9—      BGBl. I Nr. 135/2005. Din il-kwistjoni ma hijiex spjegata fid-dettall fid-deċiżjoni għal rinviju, u lanqas ma hija d-dispożizzjoni rilevanti li kkwotajt. Madankollu, nosserva li l-Artikolu 7 tal-IWG jipprovdi li r-remunerazzjoni imposta mill-awtoritajiet għall-użu mill-ġdid ta’ data fis-settur pubbliku ma għandhiex teċċedi l-ispejjeż relatati, b’marġni raġonevoli ta’ profitti miżjuda.


10 —      Ma tapplikax għall-verżjoni Maltija.


11 —      Fis-seduta ġie ddikjarat li l-aġenzija intermedjarja hija kumpannija sister ta’ Compass‑Datenbank.


12 —      Ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 21; tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I‑2493, punt 59, tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, Ġabra p. I‑43, punt 18.


13 —      Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser, C‑206/08, Ġabra p. I‑8377, punti 53 sa 57; u tal-10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, C‑274/09, Ġabra p. I-1335, punti 24 u 25. Skont il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni, konċessjoni ta’ servizzi hija kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt pubbliku għal servizzi, bl-eċċezzjoni tal-fatt li servizzi jiġu pprovduti biss inkambju għad-dritt li jintuża s-servizz jew f’dan id-dritt flimkien ma’ ħlas.


14—      Sentenza Eurawasser, punti 67 u 68. Sentenza Privater Rettungsdienst und Kranentransport Stadler, punt 26.


15—      Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, Ġabra p. I‑4695, punt 39.


16 —      Sentenza Sporting Exchange, punt 39.


17 —      Min-naħa l-oħra, id-domanda ta’ jekk il-miżati statutorji għall-konsultazzjoni tar-reġistri tal-kummerċ u tal-kumpanniji stabbiliti mill-Awstrija, abbażi tad-dritt sui generis tagħha għad-data bank, humiex daqstant għolja li jagħtu lill-attività natura ekonomika, tirrikjedi eżami iktar dettaljat.


18 —      Għal din ir-raġuni, l-atti leġiżlattivi tal-UE ma jistgħux jitwarrbu sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx ikkonfermat l-eżistenza tal-inkompatibbiltà mat-Trattati tul il-kors tal-proċeduri fejn il-validità ta’ miżura sekondarja hija eżaminata. Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost, 314/85, Ġabra p. 4199.


19 —      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, punt 30. L-enfasi hija miżjuda minni.


20 —      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, T‑155/04, Ġabra p. II‑4797 li kienet is-suġġett ta’ appell li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, Ġabra p. I‑2207.


21 —      Ara s-sentenzi SAT Fluggesellschaft, punt 30; tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, Ġabra p. I‑1547, punti 22 u 23, u Selex Sistemi Integrati, punt 70.


22 —      Ara s-sentenzi SAT Fluggesellschaft, punt 28; tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punt 108, il-prinċipju tan-natura separabbli ġie affermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 81.


23 —      Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, CIRCA u Maxicar, 53/87, Ġabra p. 6039; tal-5 ta’ Ottubru 1988, Volvo, 238/87, Ġabra p. 6211; tas-6 ta’ April 1995, “Magill”; tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, Ġabra p. I‑7791; tad-29 ta’ April 2004, IMS Health, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601.


24 —      Sentenza SAT Fluggesellschaft, punt 18.


25 —      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, punt 17.


26 —      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, punt 18.


27 —      Sentenzi SAT Fluggesellschaft, punti 27 sa 30; Diego Calì & Figli, punt 22, Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, punt 70.


28 —      Sentenza SAT Fluggesellschaft, punt 28.


29 —      Sentenza tal-Qorti Ġenerali Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, punt 107; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Aéroports de Paris, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 79; sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03, Ġabra p. I‑6295, punt 25 u tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, Ġabra p. I-973 , punt 42. Anke jekk l-attività titwettaq mingħajr skop ta’ lukru, xorta jista’ jkun hemm parteċipazzjoni rilevanti f’suq. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-kawża FENIN vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ‘il fuq, punt 14; sentenza Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 115.


30 —      Ara s-sentenzi Diego Calì & Figli, punt 23, u SAT Fluggesellschaft, punt 30.


31 —      Sentenza SAT Fluggesellschaft, punt 24.


32—      Ara l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 68/151.


33 —      Sentenza Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 76 u 77.


34 —      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-kawża FENIN vs Il‑Kummissjoni, punt 15.


35 —      Ara s-sentenza AOK‑Bundesverband et, punt 56.


36 —      Ara s-sentenza Diego Calì & Figli, punt 24. Li l-aċċess għal attività pubblika jista’ jiddependi fuq l-użu ta’ “gate-keepers” li l-attività tagħhom hija ekonomika fin-natura tagħhom jintwera inter alia b’dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-partijiet fi proċeduri quddiem il-qorti huma rrappreżentati minn avukati. Ara pereżempju l-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.


37—      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C‑260/89, Ġabra p. I‑2925.


38—      Punti 24 u 25.


39 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi AG2R Prévoyance, punt 24; tal-21 ta’ Settembru 1999, Brentjens’, C‑115/97 sa C‑117/97, Ġabra p. I‑6025, punt 65, u Drijvende Bokken, C‑219/97, Ġabra p. I‑6121, punt 55.


40—      Ara s-sentenza AG2R Prévoyance, punt 25.


41 —      Bħal, pereżempju, kif seħħ fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.


42—      Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Directmedia Publishing, C‑304/07, Ġabra p. I‑7565, punt 52. Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, Ġabra p. I‑10415, punt 55. Kemm il-premessa 47 kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Direttiva 96/9 jagħmluha ċara li d-dritt sui generis huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-UE dwar inter alia l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza Directmedia Publishing, punt 56). Madankollu, peress li kkonkludejt li l-Awstrija ma wettqitx attivitajiet ekonomiċi li jiġġustifikaw li tiġi kkunsidrata bħala “impriża” taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma tqum l-ebda kwistjoni ta’ preġudizzju għar-regoli dwar id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.


43—      Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2003/98. Ara wkoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/98, li jagħmilha ċara li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva huwa limitat għaċ-ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru kkonċernat ikun “ippermetta”, fid-diskrezzjoni libera tiegħu, “l-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma mill-korpi fis-settur pubbliku”. Dan jidher li jindika li l-projbizzjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data huwa eżerċizzju leġittimu ta’ politika tal-gvern, u għaldaqstant funzjoni tal-Istat, iktar milli attività ekonomika.


44 —      Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni dwar l-użu mill-ġdid mingħajr awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, ara s-sentenza The British Horseracing Board et, punt 61. Għal gwida dwar id-definizzjoni ta’ database protetta, ara s-sentenza The British Horseracing Board et u s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C‑46/02, Ġabra p. I‑10365.


45 —      Ara s-sentenza IMS Health, punt 45: “[…] huwa determinanti li jistgħu jiġu identifikati żewġ stadji differenti ta’ produzzjoni u li dawn huma interkonnessi, safejn il-prodott upstream huwa indispensabbli għall-provvista tal-prodott downstream”.


46 —      Ara s-sentenza “Magill”, punt 47.


47—      Sentenza IMS Health, punt 35.


48—      Sentenza IMS Health, punt 38. Ara iktar reċentement is-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punti 331 sa 335, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza tipprovdi taqsira sinjifikattiva tal-liġi dwar ir-rifjut li tingħata liċenzja u dwar l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.


49—      Sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C‑134/03, Ġabra p. I‑1167, punt 27.


50 —      Sentenza Viacom Outdoor, punt 29.


51 —      F’dan is-sens, il-kawża hija simili għall-kawża Tiercé Ladbroke vs Il‑Kummissjoni, sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1997, T‑504/93, Ġabra p. II‑923, punt 124, fejn il-Qorti Ġenerali osservat li ħadd ma ngħata liċenzja fis-suq ġeografiku rilevanti u għalhekk ma kienet seħħet l-ebda diskriminazzjoni. F’dan il-każ ma hawn l-ebda diskriminazzjoni peress li l-aċċess għar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji huwa disponibbli għal kulħadd permezz tal-aġenziji intermedjarji.


52—      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner, punt 65.


53 —      Sentenzi Bronner, punti 41 sa 46; IMS Health, punti 28, 45 u 49.