Language of document : ECLI:EU:T:2010:367

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2010 (*)

“Relazzjonijiet esterni – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru – Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zürich – Regolament (KEE) Nru 2408/92 – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑319/05,

Konfederazzjoni Svizzera, irrappreżentata minn S. Hirsbrunner, U. Soltész u P. Melcher, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Benyon, M. Huttunen u M. Niejahr, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn C.-D. Quassowski u A. Tiemann, bħala aġenti, assistiti minn T. Masing, avukat,

u minn

Landkreis Waldshut, irrappreżentat minn M. Núñez-Müller, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/12/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2003, dwar l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (Każ TREN/AMA/11/03 – Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zürich) (ĠU 2004, L 4, p. 13),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru

1        Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 94, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41 p. 89), jipprovdi fl-Artikoli 1 sa 3, 17, 18, 20 u 21, dan li ġej:

“KAPITOLU 1

Għanijiet

Artikolu 1

1. Dan il-Ftehim jiddikjara regoli għall-Partijiet Kontraenti fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili. Dawn id-disposizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għal dawk preżenti fit-Trattat KE u b’mod partikolari għall-kompetenzi Komunitarji eżistenti taħt ir-regoli dawr [dwar] il-kompetizzjoni u r-regolamenti li japplikaw tali regoli, kif ukoll taħt il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti kollha elenkata fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.

2. Għal dan il-għan, id-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim kif ukoll fir-regolamenti u d-direttivi speċifikati fl-Anness għandhom japplikaw taħt il-kondizzjoni iddikjarati hawnhekk. Sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE u għall-atti adottati fl-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat, dawk id-disposizzjonijiet għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati konformament mad-deċiżjonijiet u s-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet u s-sentenzi mogħtija wara d-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu kkomunikati lill-Isvizzera. Fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti, l-implikazzjonijiet ta’ tali deċiżjonijiet u sentenzi ta’ l-aħħar għandhom ikunu determinati mill-Kumitat Konġunt sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw sakemm jolqtu t-trasport bl-ajru jew materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru hekk kif imsemmija fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.

KAPITOLU 2

Disposizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 3

Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjoni speċjali li jkun hemm f’dak ir-rigward, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità għandha tkun ipprojbita.

[…]

KAPITOLU 4

Infurzar tal-Ftehim

Artikolu 17

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw it-twettieq ta’ l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-Ftehim u għandhom jieqfu milli jieħdu xi miżura li tista’ tipperikola l-ksib ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 18

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 2, kull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli għall-infurzar proprju ta’ dan l-Ftehim fit-territorju proprju tagħha u, b’mod partikolari, tar-regolamenti u tad-direttivi elenkati fl-Anness.

2. Fil-każijiet li jistgħu jolqtu servizzi bl-ajru li jridu jiġu awtorizzati taħt il-Kapitolu 3, l-istituzjonijiet Komunitarji għandom igawdu l-poteri mogħtija lilhom taħt id-disposizzjonijiet tar-regolamenti u tad-direttivi li l-applikazzjoni tagħhom hija espressament ikkonfermata fl-Anness. Madankollu, fil-każijiet fejn l-Isvizzera ħadet jew tikkunsidra li tieħu miżuri ta’ natura ambjentali taħt jew l-Artikolu 8(2) jew 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, il-Kumitat Konġunt, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, għandu jiddeċiedi jekk dawk il-miżuri humiex konformi ma’ dan il-Ftehim.

[…]

Artikolu 20

Kull mistoqsija dwar il-validità ta’ deċiżjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji meħuda fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħhom taħt dan il-Ftehim, għandha tkun esklussivament ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

KAPITOLU 5

Il-Kumitat Konġunt

Artikolu 21

1. Qiegħed jiġi hawnhekk stabbilit Kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti, li għandu jkun magħruf bħala l-“Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Svizzera” (hawnhekk iżjed ’il quddiem msejjaħ il-Kumitat Konġunt), li għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jiżgura l-implimentazzjoni proprja tiegħu. Għal dan il-għan għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti minn dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jitwettqu fis-seħħ mill-Partijiet Kontraenti skond ir-regoli proprji tagħhom. Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu azzjoni bi ftehim reċiproku.

[…]”

2        L-Anness tal-Ftehim jipprovdi, b’mod partikolari, li kulfejn l-atti speċifikati fih ikun fihom referenza għall-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, jew il-ħtieġa ta’ konnessjoni ma’ dawn tal-aħħar, dawn ir-referenzi għandhom, għall-għan ta’ dan il-Ftehim, jinftiehmu bħala li japplikaw ugwalment għall-Isvizzera jew għall-ħtieġa ta’ konnessjoni mal-Isvizzera.

3        L-imsemmi anness ikopri b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420).

 Regolament Nru 2408/92

4        L-Artikoli 2, 3, 8 u 9 tar-Regolament Nru 2408/92 jipprovdu:

“Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(f) “dritt tat-traffiku” tfisser id-dritt ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jġorr passiġġieri, merkanzija u/jew posta fuq servizz bl-ajru bejn żewġ ajruporti tal-Komunità;

[…]

Artikolu 3

1. Suġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta’ traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità.

[…]

Artikolu 8

[…]

2. L-eżerċitar ta’ drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli ippubblikati ta’ l-operazzjoni tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirreferu għas-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slotts.

3. Fuq talba minn Stat Membru jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, fi żmien xahar minn meta tirċievi talba u wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11, tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax ikompli japplika l-miżura. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri.

[…]

Artikolu 9

1. Meta jeżistu problemi serji ta’ konġestjoni u/jew ambjentali l-Istat Membru responsabbli jista’, suġġett għal dan l-Artikolu, jimponi kondizzjonijiet fuq, jillimita jew jirrifijuta l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku, b’mod partikolari meta modi oħra tat-trasport jistgħu jipprovdu livelli sodisfaċenti ta’ servizz.

2. Azzjoni meħuda minn Stat Membru skond il-paragrafu 1 għandha:

–        ma tkunx diskriminatroju għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew l-identità tat-trasportaturi ta’ l-ajru,

–        jkollha perjodu ta’ validità limitat, li ma jeċċedix tliet snin, li wara dan, din għandha tiġi riveduta,

–        ma taffettwax b’mod mhux xieraq l-oġġettivi ta’ dan ir-Regolament,

–        ma tagħmilx distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru,

–        ma tkunx aktar restrittiva milli meħtieġ sabiex ittaffi l-problemi.

3. Meta Stat Membru jikkunsidra li l-azzjoni permezz tal-paragrafu 1 tkun meħtieġa, dan għandu, għall-inqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-azzjoni, jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fejn jagħti ġustifikazzjoni adegwata għall-azzjoni. L-azzjoni tista’ tiġi implimentata sakemm fi żmien xahar jew minn meta tkun waslet l-informazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jikkontesta l-azzjoni, jew il-Kummissjoni, bi qbil mal-paragrafu 4, tikkonsidraha għal aktar eżaminazzjoni.

4. Fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizzjattiva tagħha stess il-Kummissjoni għandha teżamina l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Meta l-Kummissjoni, fi żmien xahar minn meta tiġi infurmata permezz tal-paragrafu 3, tieħu l-azzjoni għall-eżaminazzjoni, din għandha fl-istess ħin tindika jekk l-azzjoni tistax tkun implimentata, kollha kemm hi jew parzjalment, matul l-eżami meta wieħed jikkonsidra b’mod partikolari l-possibiltà ta’ l-effetti irriversibbli. Wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11 il-Kummissjoni għandha, xahar wara li tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa, tiddeċiedi jekk l-azzjoni tkunx xierqa u b’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma tkun bl-ebda mod kuntrarja għal-liġi tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Sakemm tittieħed dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar miżuri interim inkluża s-sospensjoni, sħiħa jew parzjali, ta’ l-azzjoni, meta wieħed jikkonsidra b’mod partikolari l-possibiltà ta’ l-effetti irriversibbli.

[…]

 Direttiva 2002/30/KE

5        Skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Marzu 2002, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 96):

“Qafas komuni ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni fl-ajruporti ta’ restrizzjonijiet fuq l-użu, bħala metodu bilanċjat ta’ l-immaniġjar tal-ħoss, għandu jgħin biex iħares il-kondizzjonijiet meħtieġa mis-suq intern billi jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-użu simili fl-ajruporti li jkollhom bejn wieħed u ieħor l-istess problemi ta’ ħoss. Dan jinkludi l-istima ta’ l-impatt tal-ħoss f’ajruport u l-evalwazzjoni tal-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jitnaqqas dak il-ħoss, u l-għażla tal-miżuri addattati sabiex jittaffa l-ħoss bil-għan li jinkiseb l-akbar benefiċċju ambjentali bl-anqas nefqa.”

6        L-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/30 jipprovdu:

“Artikolu 2

Definizjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(g) "Il-Metodu Bilanċjat" għandu jfisser metodu li bih l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-miżuri disponibbli sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ħoss f’ajruport fit-territorju tagħhom, jiġifieri l-effett[i] prevedibbli ta’ tnaqqis tal-ħoss ta’ l-ajruplani minn fejn joriġina, l-ippjanar u l-immaniġjar ta’ l-użu ta’ l-art, il-proċeduri għat-tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-operat.

[…]

Artikolu 4

Ir-regoli ġenerali fuq l-immaniġjar tal-ħoss ta’ l-ajruplani

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw metodu bbilanċjat biex jaffrontaw il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-ħoss fl-ajruporti fit-territorju tagħhom. Jistgħu wkoll jikkunsidraw l-inċentivi ekonomiċi bħala miżura għall-immaniġġjar tal-ħoss.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        L-ajruport ta’ Zürich jinsab fi Kloten (l-Isvizzera), Majjistral mill-belt ta’ Zürich (l-Isvizzera) u madwar 15km Xlokk mill-fruntiera bejn l-Isvizzera u l-Ġermanja. Huwa jiddisponi minn tliet runways: waħda Punent-Lvant (10/28), waħda Tramuntana-Nofsinhar li taqsam ir-runway Punent-Lvant, u waħda Majjistral-Xlokk li hija indipendenti mit-tnejn l-oħra. Ħafna mit-tluq matul il-ġurnata jsiru mir-runway Punent-Lvant lejn il-Punent, filwaqt li kmieni filgħodu u tard filgħaxija ħafna mit-tluq isiru mir-runway Tramuntana-Nofsinhar fid-direzzjoni tat-Tramuntana. L-ajruplani li jkunu ser jinżlu jużaw l-iktar ir-runway Majjistral-Xlokk ġejjin mill-Grigal. Minħabba l-viċinanza mal-fruntiera Ġermaniża, it-titjiriet kollha li jinżlu f’Zürich mit-Tramuntana jew mill-Majjistral iridu jużaw l-ispazju tal-ajru Ġermaniż fl-inżul tagħhom.

8        L-użu tal-ispazju tal-ajru Ġermaniż sabiex l-ajruplani jagħmlu approċċ lejn jew jitilqu minn l-ajruport ta’ Zürich kien irregolat minn Ftehim bilaterali bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas-17 ta’ Settembru 1984, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddenunzjat fit-22 ta’ Marzu 2000 b’effett mill-31 ta’ Mejju 2001, wara problemi ta’ implementazzjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera ffirmaw sussegwentement ftehim ġdid fit-18 ta’ Ottubru 2001, li madankollu ma ġiex irratifikat. Fl-Isvizzera, il-Kunsill Nazzjonali vvota kontra r-ratifika fid-19 ta’ Ġunju 2002, filwaqt li l-Kunsill tal-Istati bagħat lura t-test lill-Kummissjoni għat-Trasport fit-12 ta’ Diċembru 2002. Fil-Ġermanja, il-Bundestag (Assemblea Federali) approvat l-ftehim bilaterali il-ġdid fis-17 ta’ Mejju 2002, iżda l-Bundesrat (Senat Federali) opponieh fit-12 ta’ Lulju 2002. Dan il-ftehim bilaterali kien għadu ma ġiex irratifikat fil-5 ta’ Diċembru 2003.

9        Fil-15 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi tal-avjazzjoni ppubblikaw il-213-il Regolament ta’ implementazzjoni tar-regolamenti Ġermaniżi fil-qasam tat-traffiku tal-ajru li jistabbilixxi proċeduri għall-inżul u għat-tluq permezz ta’ strumenti fl-ajruport ta’ Zürich (iktar ’il quddiem il-“213-il Regolament). Il‑213‑il Regolament jipprovdi ċertu numru ta’ limitazzjonijiet għall-approċċ lejn l-ajruport ta’ Zürich mit-18 ta’ Jannar 2003.

10      Fl-4 ta’ April 2003, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi tal-avjazzjoni ppubblikaw l-Ewwel Regolament li jemenda l-213-il Regolament. Din l-emenda daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ April 2003.

11      Il-miżuri Ġermaniżi huma intiżi, essenzjalment, sabiex iwaqqfu, f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi normali, l-ajruplani milli jtiru f’altitudni baxxa fuq it-territorju Ġermaniż ħdejn il-fruntiera Svizzera bejn 21:00 u 07:00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa u bejn 20:00 u 09:00 fil-weekends u fil-festi pubbliċi, sabiex jitnaqqas l-ħoss li l-populazzjoni lokali kienu esposti għalih. Konsegwentement, iż-żewġ approċċi għall-inżul mit-Tramuntana li qabel kienu jikkostitwixxu l-approċċi prinċipali użati mill-ajruplani li jkunu ser jinżlu fl-ajruport ta’ Zürich, ma kinux iktar possibbli matul dawn il-ħinijiet.

12      Il-213-il Regolament fih barra minn hekk żewġ miżuri oħrajn intiżi sabiex titnaqqas il-ħsara kkawżata mill-ħoss madwar il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Isvizzera.

13      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-approċċ lejn l-ajruport mil-Lvant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(6) tal-213-il Regolament jistabbilixxi ċerti altitudnijiet minimi li għandhom jiġu osservati matul dawn il-ħinijiet.

14      It-tieni nett, l-Artikolu 3 tal-213-il Regolament jipprovdi li t-tluq fid-direzzjoni tat-Tramuntana għandu jsir b’mod li josserva, fil-mument tad-dħul fit-territorju Ġermaniż, altitudnijiet minimi differenti skont il-ħin tat-tluq. Għalhekk, jekk l-ajruplan jitlaq fil-ħinijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu l-ewwel idur qabel il-fruntiera Ġermaniża sabiex ma jidħolx fit-territorju Ġermaniż qabel ma jilħaq l-altitudni minima preskritta.

15      Fl-10 ta’ Ġunju 2003, il-Konfederazzjoni Svizzera talbet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tieħu deċiżjoni (iktar ’il quddiem l-“ilment”) sabiex:

–        ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx tista’ tkompli tapplika l‑213‑il Regolament, kif emendat mill-Ewwel Regolament ta’ emenda tal-4 ta’ April 2003,

–        ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissospendi l-applikazzjoni tal-213-il Regolament sakemm hija tieħu deċiżjoni.

16      Fis-26 ta’ Ġunju 2003, l-awtoritajiet Ġermaniżi u Svizzeri laħqu ftehim dwar varji kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-213-il Regolament (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003”).

17      Fil-kuntest tal-Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat li tissospendi sat-30 ta’ Ottubru 2003 l-implementazzoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel Regolament li jemenda l-213-il Regolament li kellhom jidħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2003. Hija indikat li l-emendi għall-Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003 kienu possibbli meta ġew eżaminati mill-ġdid il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi li fihom l-inżul fuq ir-runways 14 u 16 huwa awtorizzat. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ser tneħħi barra minn hekk il-proċeduri ta’ stennija EKRIT u SAFFA. Il-Konfederazzjoni Svizzera obbligat ruħha li toħloq proċeduri ta’ stennija korrispondenti qabel Frar 2005.

18      Fl-20 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ilment. Permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Svizzeri sabiex jipprovdu informazzjoni supplimentari. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat il-Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003 lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2003. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat f’din l-ittra li hija ddeduċiet mill-Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003 li l-ilment kien invalidu u li hija kienet tistenna li l-Kummissjoni twaqqaf il-proċedura mibdija. Fis-27 ta’ Ġunju 2003, l-awtoritajiet Svizzeri nnotifikaw ukoll il-Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003 lill-Kummissjoni, billi ppreċiżaw li dan ma kellu ebda effett fuq l-ilment.

19      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2003, il-Konfederazzjoni Svizzera avżat li hija kienet qed tiġbor l-informazzjoni supplimentari mitluba mill-Kummissjoni u li kienet qed tevalwa l-impatt tal-Ftehim tas-26 ta’ Ġunju 2003 fuq il-miżuri provviżorji mitluba fl-ilment. Fl-14 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Svizzeri jippreċiżaw jekk setgħux isiru emendi fl-ilment fid-dawl tal-fatt li l-miżuri li abbażi tagħhom il-Konfederazzjoni Svizzera kienet iġġustifikat it-talba għal miżuri provviżorji kienu ġew sospiżi sat-30 ta’ Ottubru 2003. Fl-24 ta’ Lulju 2003, l-awtoritajiet Svizzeri taw l-informazzjoni supplimentari bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2003. Huma ppreċiżaw ukoll li xtaqu jżommu t-talba għal miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari oħra permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Awwissu 2003, li ġiet ikkomunikata lilha permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2003.

20      Fis-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi u informathom li l-Konfederazzjoni Svizzera xtaqet iżżomm l-ilment u reġgħet talbithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-allegazzjonijiet tal-awtoritajiet Svizzeri. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2003, l-awtoritajiet Ġermaniżi bagħtu l-osservazzjonijiet mitluba. Fis-6 ta’ Ottubru 2003, l-awtoritajiet Ġermaniżi bagħtu wkoll l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll dwar l-ittra tal-awtoritajiet Ġermaniżi tat-28 ta’ Awwissu 2003.

21      Fl-14 ta’ Ottubru 2003, intbagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-awtoritajiet Svizzeri u Ġermaniżi għal osservazzjonijiet. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fl-20 ta’ Ottubru 2003 u żammet ir-riżerva tagħha dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2408/92. Fil-21 ta’ Ottubru 2003, il-Konfederazzjoni Svizzera bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll dwar l-ittra tal-awtoritajiet Ġermaniżi tat-28 ta’ Awwissu 2003.

22      Fis-27 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni kkomunikat permezz ta’ ittra abbozz ta’ deċiżjoni li fuqu l-Konfederazzjoni Svizzera setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv “Aċċess għas-suq (trasport bl-ajru)” tal-4 ta’ Novembru 2003.

 Id-deċiżjoni kkontestata

23      Fil-5 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/12/KE, dwar l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim u tar-Regolament Nru 2408/92 (Każ TREN/AMA/11/03 – Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zürich) (ĠU 2004, L 4, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jgħid dan li ġej:

“Artikolu 1

[Ir-Repubblika Federali tal-]Ġermanja tista’ tkompli timplementa l-213-il [Regolament], emendat mill-Ewwel Regolament ta’ emenda tal-4 ta’ April 2003.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata l-ewwel nett li, skont l-Artikolu 18(2) tal-Ftehim, hija tiddisponi mis-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 2408/92. Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, dawn is-setgħat huma madankollu limitati għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Komunità, bl-eċċezzjoni tat-titjiriet ġewwa l-Komunità, ġewwa l-Isvizzera, kif ukoll tat-titjiriet bejn l-Isvizzera u pajjiżi terzi u bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

25      Il-Kummissjoni ssostni sussegwentement li hija diġà applikat diversi drabi l-Artikolu 8 għal każijiet limitati għal Komunità u li hija eżaminat il-konformità ta’ dawn il-każijiet, minn naħa, mal-prinċipji ġenerali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, u, min-naħa l-oħra, mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju. Hija tippreċiża f’dan ir-rigward li, sabiex il-miżuri li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkunu jistgħu jiġu awtorizzati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2408/92, huma għandhom ikunu ġġustifikati u, b’mod partikolari, proporzjonali għall-għan li għalih ġew adottati.

26      Il-Kummissjoni tindika li, fin-nuqqas ta’ kjarifika tal-bażi legali tal-ilment, hija ser teżamina l-miżuri Ġermaniżi skont b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) sa (4) u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92. Hija tenfasizza li l-213-il Regolament hija regola operazzjonali nazzjonali ppubblikata li tirrigwarda s-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent, li, bħala tali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2408/92. Il-Kummissjoni żżid li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament Nru 2408/92 għandha tiġi kkontemplata fil-kuntest u fid-dawl tal-għan tal-Ftehim u tal-imsemmi regolament. Minn dan jirriżulta konsegwentement li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92 huma limitati għall-miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-operazzjonijiet tat-trasportatur bl-ajru, jiġifieri għall-“każijiet li jistgħu jolqtu servizzi bl-ajru”, fis-sens tal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim.

27      Il-Kummissjoni ssostni sussegwentement li, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2408/92, Stat Membru ma jistax jimplementa azzjoni skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ħlief jekk ebda Stat Membru kkonċernat ieħor u lanqas il-Kummissjoni ma jikkontestaw din l-azzjoni f’terminu ta’ xahar minn meta jirċievu l-informazzjoni nnotifikata f’dan ir-rigward mill-ewwel Stat Membru. Din in-notifika għandha ssir mill-inqas tliet xhur qabel ma tidħol fis-seħħ il-miżura proposta. Billi l-awtoritajiet Ġermaniżi ma nnotifikaw xejn, il-Kummissjoni tikkonkludi li hija ma tistax tapplika l-Artikolu 9 għall-eżami tar-regoli operazzjonali Ġermaniżi. Il-Kummissjoni tindika li hija ser teżamina għalhekk il-miżuri Ġermaniżi abbażi tal-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 2408/92.

28      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li dan il-prinċipju japplika b’mod ċar f’dan il-każ skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim.

29      Il-Kummissjoni tikkonstata, f’dan ir-rigward, li l-użu ta’ netwerks f’forma ta’ stilla (hub and spoke) sar komuni ħafna fost it-trasportaturi bl-ajru. Is-sistema f’forma ta’ stilla tippermettilhom li jkopru b’mod sħiħ is-suq tat-trasporti bl-ajru, billi jipprovdu servizzi bejn żewġ ajruporti moqdija minn ajruport ċentrali mingħajr il-bżonn li jidħlu għall-investiment meħtieġa mis-servizzi diretti. It-trasportaturi bl-ajru li jużaw ajruport partikolari bħala hub jipposjedu ġeneralment parti kbira ħafna tat-traffiku f’dan l-ajruport. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, huwa paċifiku li kull restrizzjoni ser ikollha awtomatikament iktar riperkussjonijiet fuq it-trasportatur dominanti tal-ajruport milli fuq il-kompetituri tiegħu. Fiha nnifisha, din id-differenza ma tidhirx li tikkostitwixxi diskriminazzjoni.

30      Il-Kummissjoni tasal għall-istess konklużjoni għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, sabiex tkun teżisti diskriminazzjoni indiretta, il-miżuri Ġermaniżi għandhom jaffettwaw, fost it-titjiriet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, jiġifieri biss it-titjiriet bejn il-Komunità u l-Isvizzera, b’mod predominanti t-titjiriet ta’ trasportaturi Svizzeri. Dan ma huwiex manifestament il-każ għal dak li jirrigwarda t-titjiriet matul il-ħinijiet imsemmija fil-miżuri Ġermaniżi, peress li t-trasportaturi Svizzeri u Komunitarji huma milquta b’mod eżattament proporzjonali għas-sehem tagħhom fit-titjiriet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, fid-dawl tal-fatt li t-titjiriet kollha bejn il-Komunità u l-Isvizzera huma affettwati bl-istess mod, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tat-trasportatur. Għaldaqstant, il-miżuri Ġermaniżi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala diskriminatorji.

31      Anki li kieku jiġi meqjus li teżisti diskriminazzjoni eventwali bejn l-ajruport ta’ Zürich u l-ajruporti Ġermaniżi, jew bejn il-popolazzjoni fiż-żoni Svizzeri kkonċernati u dik fiż-żoni Ġermaniżi kkonċernati, din id-diskriminazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi li l-Kummissjoni għandha twettaq f’dan il-każ.

32      Il-Kummissjoni tikkonstata barra minn hekk li, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwiex imsemmi speċifikament fil-Ftehim. Skont il-Kummissjoni, il-Ftehim jipprovdi sempliċiment għal skambju tad-drittijiet tat-traffiku, b’tali mod li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikoli 49 KE u 51 KE ma jeżistux fil-kuntest tal-Ftehim. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie applikat f’każijiet preċedenti u meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ambigwa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, hija teżamina l-prinċipju ta’ proporzjonalità b’mod sussidjarju sabiex tiddetermina jekk, fil-każ li huwa applikabbli, il-miżuri Ġermaniżi osservawx jew le tali prinċipju.

33      Il-Kummissjoni tibda l-analiżi tagħha f’dan ir-rigward billi tosserva li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwiex kriterju li hija għandha tuża fil-kuntest tal-Ftehim u li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑361/98, Ġabra p. I‑385, iktar ’il quddiem is-“sentenza Malpenza”), la ġiet notifikata u lanqas eżaminata fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Svizzera, previst fl-Artikolu 21(1) tal-Ftehim (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konġunt”) u ma tistax għalhekk tagħti indikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tal-Ftehim.

34      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri Ġermaniżi ma humiex sproporzjonati. In-negozjati twal bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera jikkostitwixxu l-prova li l-miżuri huma fil-fatt neċessarji, għalkemm il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li l-livelli ta’ ħoss fil-Ġermanja ma jeċċedux il-valuri limitu applikabbli għall-emissjonijiet akustiċi. Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu bħala prinċipju jieħdu miżuri sabiex jerġgħu jġibu l-livelli ta’ ħoss taħt il-limiti skont iċ-ċirkustanzi lokali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li ż-żona Ġermaniża li fuqha jtiru l-ajruplani li jkunu qed jagħmlu approċċ lejn l-ajruport ta’ Zürich hija destinazzjoni turistika importanti u, bħala tali, partikolarment vulnerabbli għall-ħsejjes.

35      Il-Kummissjoni żżid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha ebda awtorità fuq l-ajruport ta’ Zürich, billi jinsab fit-territorju Svizzeru. Hija biss il-Konfederazzjoni Svizzera li għandha l-awtorità meħtieġa sabiex timponi dawn il-miżuri, inkluż l-installazzjoni tat-tagħmir neċessarju. Il-Kummissjoni tindika, fil-fatt, li wieħed mill-għanijiet tan-negozjati bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera kien intiż sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar tieħu l-miżuri adatti fil-kuntest tas-setgħat tagħha, liema miżuri hija qatt ma kienet implementat matul dawn l-aħħar 20 sena.

36      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera skont liema l-kapaċità tal-ajruport ta’ Zürich ġiet imnaqqsa b’mod sinjifikattiv meta mqabbla man-numru massimu ta’ movimenti qabel l-implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi. Fil-fatt, anki fin-nuqqas tal-miżuri Ġermaniżi, is-sistema użata għat-titjiriet bejn 21:00 u 07:00 għandha kapaċità medja ta’ biss 25 inżul u tluq. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impatt eventwali ma jdumx iktar minn tliet sigħat matul il-weekends u l-festi pubbliċi.

37      Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ miżuri inqas problematiċi sabiex jinkiseb it-tnaqqis tal-ħsejjes mixtieq, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellha ebda mezzi oħra għad-dispożizzjoni tagħha.

38      Fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li, anki li kieku l-prinċipju ta’ proporzjonalità kien applikabbli f’dan il-każ, liema ipoteżi hija tikkontesta, dan il-prinċipju ma ġiex miksur mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni.

39      Għal dak li jirrigwarda l-konformità ta’ dawn il-miżuri mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim, il-Kummissjoni ssostni li hija ma għandhiex is-setgħa li teżamina ksur eventwali tal-Ftehim barra mil-limiti stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim.

40      Il-Kummissjoni żżid li l-allegazzjoni Svizzera li tgħid li l-213-il Regolament jikser l-Artikolu 17 tal-Ftehim ma hijiex applikabbli sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhijix parti għall-Ftehim, b’tali mod li din id-dispożizzjoni mhijix applikabbli fil-konfront tagħha.

41      Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li l-argument dwar id-Direttiva 2002/30 lanqas ma huwa rilevanti. Peress li d-Direttiva 2002/30 ġiet adottata wara li ntlaħaq il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt kellu jiddeċiedi dwarha skont l-Artikolu 23 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru sabiex din tkun tista’ tapplika għall-finijiet tal-Ftehim. Dan għadu ma sarx, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Konfederazzjoni Svizzera fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2003. Madankollu, anki li kieku ġiet inkluża fil-Ftehim, il-Kummissjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw metodu bbilanċjat sabiex jaffrontaw il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-ħoss fl-ajruporti fit-territorju tagħhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2004, u rreġistrat bin-numru C‑70/04, il-Konfederazzjoni Svizzera ppreżentat din il-kawża.

43      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

44      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, L-Isvizzera vs Il-Kummissjoni (C‑70/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika (punt 21) li, fl-ipoteżi li l-Konfederazzjoni Svizzera għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni issa jaqgħu fl-ewwel istanza taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ rikorsi koperti mill-Artikolu 230 KE li, fis-sens tal-Artikolu 225 KE, ma ġewx attribwiti lil awla u lanqas ma huma rriżervati għall-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 51 tal-Istatut ta’ din tal-aħħar, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 85).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid (punt 22) li, jekk il-Konfederazzjoni Svizzera ma kellhiex, b’mod partikolari fir-rigward tal-kuntest speċifiku tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, tiġi ttrattata bħala Stat Membru iżda bħala persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikors jaqa’ wkoll fl-ewwel istanza taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat u, għaldaqstant, ikollu jiġi rrinvijat lil din tal-aħħar b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’kull każ, ir-rikors għandu jiġi rrinvijat fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/407 jew tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Qorti Ġenerali laqgħat it-talba għal intervent tal-Landkreis Waldshut insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Landkreis Waldshut huwa r-reġjun Ġermaniż li jinsab viċin il-fruntiera Svizzera li fuqu jtiru l-ajruplani li jkunu qed jagħmlu approċċ lejn l-ajruport ta’ Zürich u li l-miżuri Ġermaniżi li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jixtiequ jipproteġu kontra l-ħsara kkawżata mill-ħoss.

48      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

49      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009.

50      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lil-Landkreis Waldshut għall-ispejjeż.

51      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż.

52      Il-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

53      Il-Landkreis Waldshut jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż inklużi l-ispejjeż extraġudizzjarji tagħha.

 Id-dritt

54      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Landkreis Waldshut talab lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors u tiddikjarah inammissibbli peress li, b’mod partikolari, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tistax tiġi ttrattata bħala Stat Membru tal-Komunità u peress li lanqas ma hija kkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

55      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors peress li, f’kull każ, għandu jiġi miċħud bħala infondat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26).

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, insostenn tar-rikors tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera invokat, essenzjalment, tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92. It-tielet wieħed huwa bbażat, minn naħa, fuq il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru u, min-naħa l-oħra, fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 17 tal-Ftehim.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Konfederazzjoni Svizzera

 L-argumenti tal-partijiet

57      Il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha li tinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi hija stabbilixxiet, għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, terminu ta’ biss ħamest ijiem ta’ xogħol. Dan it-terminu qasir ma ppermettiex lill-Konfederazzjoni Svizzera li twettaq eżami dettaljat tal-argumenti tal-Kummissjoni u li tiddefendi b’mod effikaċji l-fehma tagħha. Barra minn hekk, il-Konfederazzjoni Svizzera invokat ukoll, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. L-iffissar ta’ terminu daqstant qasir għall-preżentata tal-osservazzjoniiet tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iktar u iktar ma jagħmilx sens fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx manifestament li l-kawża għandha natura partikolarment urġenti.

58      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tal-Konfederazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

59      Għandu jiġi mfakkar li l-Konfederazzjoni Svizzera hija l-awtriċi tal-ilment li wassal għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, sussegwentement, għad-deċiżjoni kkontestata u li l-imsemmija deċiżjoni ma hijiex indirizzata lilha iżda lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

60      Fl-ipoteżi li, fid-dawl biss tal-fatt li hija l-awtriċi tal-ilment inkwistjoni, il-Konfederazzjoni Svizzera tista’ tibbenefika mid-dritt li tinstema’ fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, dan id-dritt ma ġiex miksur.

61      Huwa veru li t-terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol stabbilit mill-Kummissjoni għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jidher relattivament qasir.

62      Jibqa’ l-fatt li l-Konfederazzjoni Svizzera setgħet tippreżenta, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, nota ta’ osservazzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha ħdax-il paġna, flimkien ma’ nota oħra ta’ tlettax-il paġna li fiha l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tal-awtoritajiet Ġermaniżi tat-28 ta’ Awwissu 2003, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq.

63      Huwa minnu li, fil-parti introduttiva tan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Konfederazzjoni Svizzera tilmenta li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, billi t-terminu li ġie ffissat fil-konfront tagħha huwa qasir wisq. Hija żżid li ma tistax teżamina l-kwistjonijiet kollha mqajma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda li ser tillimita ruħha għal ċerti kwistjonijiet li għandhom importanza ċentrali għaliha.

64      Madankollu, fir-rikors tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera invokat biss, b’mod ġenerali, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, mingħajr ma identifikat ebda kwistjoni li ma semmietx fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet minħabba n-natura qasira tat-terminu ffissat għall-preżentata ta’ din in-nota.

65      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Konfederazzjoni Svizzera kellha wkoll il-possibbiltà tippreżenta l-fehma tagħha dwar id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fil-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv “Aċċess għas-suq (trasport bl-ajru)” tal-4 ta’ Novembru 2003.

66      Fl-aħħar nett, ma jirriżultax mill-proċess u barra minn hekk il-Konfederazzjoni Svizzera ma tagħmel ebda dikjarazzjoni li hija talbet lill-Kummissjoni proroga tat-terminu inkwistjoni.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-preżenti motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92

 L-argumenti tal-partijiet

68      Il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati biss mil-lat tal-konformità tagħhom mal-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 2408/92. Hija għaldaqstant eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-istess regolament, minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma informawhiex dwar l-implementazzjoni tal-imsemmija miżuri.

69      Issa, skont il-Konfederazzjoni Svizzera, sa fejn il-Kummissjoni tagħmel l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 dipendenti fuq in-notifika, minn Stat, tal-miżuri li jkun ħa, hija tippermetti lill-istess Stat li jagħżel huwa stess il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-imġiba tiegħu. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kuntrarjament għal dak li tgħid il-premessa 32 tal-istess deċiżjoni, nnotifikat lill-Kummissjoni bit-Tieni Regolament li emenda l-213-il Regolament.

70      Il-Konfederazzjoni Svizzera tikkunsidra li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-istess regolament. Hija ssostni li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 imsemmi iktar ’il fuq, sa fejn jikkostitwixxu restrizzjoni intenzjonali tal-possibbiltà li jsir approċċ lejn l-ajruport ta’ Zürich billi jintuża l-ispazju tal-ajru Ġermaniż u, għaldaqstant, huma ekwivalenti bħala prinċipju għal limitazzjoni tad-drittijiet ta’ traffiku.

71      Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 2408/92 għall-adozzjoni ta’ tali miżuri ma humiex sodisfatti u, barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rrispettatx il-proċedura prevista fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu għan-notifika tal-miżuri li hija adottat. Barra minn hekk, l-imsemmija miżuri jaffettwaw b’mod sproporzjonat il-kumpannija tal-ajru Svizzera Swiss u jikkostitwixxu għalhekk diskriminazzjoni kontriha. Għaldaqstant, sa fejn hija tipprovdi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tkompli tapplika l-imsemmija miżuri, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92.

72      Fir-replika tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera żżid li, minflok tiddefendi l-argument tad-deċiżjoni kkontestata li jgħid li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, għaliex l-awtoritajiet Ġermaniżi ma nnotifikawx l-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni tressaq argument differenti, li jgħid li l-imsemmija dispożizzjoni tapplika biss għar-restrizzjonijiet intiżi sabiex tinstab soluzzjoni għal problemi gravi li ma jaffettwawx biss il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq. Skont il-Konfederazzjoni Svizzera, din hija motivazzjoni ġdida li ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata. Is-sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat matul il-kawża ma tistax tiġi aċċettata. Barra minn hekk, din is-sostituzzjoni tal-motivi turi l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 fir-rigward tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni.

73      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tal-Konfederazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74      Għandu jiġi mfakkar li, kif jipprovdi l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2408/92, l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-istess regolament, huwa suġġett b’mod partikolari għar-regoli operazzjonali nazzjonali li jirrigwardaw is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slotts. Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, il-Kummissjoni teżamina, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu fir-rigward ta’ miżura speċifika implementata minn Stat Membru u tiddeċiedi jekk l-imsemmi Stat jistax ikompli jimplementa din il-miżura.

75      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92, dan ikopri kategorija iktar speċifika ta’ regoli operazzjonali applikabbli fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, jiġifieri, skont il-paragrafu 1 tiegħu, ir-regoli operazzjonali li jimponu kundizzjonijiet, jillimitaw jew jirrifjutaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku. Minn din id-definizzjoni tal-miżuri koperti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 jirriżulta li dawn jikkostitwixxu, essenzjalment, projbizzjoni, li hija mill-inqas kundizzjonali jew parzjali, tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku.

76      Għaldaqstant, kif issostni ġustament il-Konfederazzjoni Svizzera, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-istess regolament, lex specialis, fis-sens li l-Artikolu 9 ikopri biss parti mill-miżuri koperti mill-Artikolu 8 u tissuġġetta l-applikazzjoni tal-miżuri kkonċernati għal kundizzjonijiet addizzjonali, mhux previsti fl-Artikolu 8.

77      Fil-fatt, il-miżuri koperti mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92 ma jistgħux jiġu applikati minn Stat Membru ħlief jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu huma sodisfatti u jekk, barra minn hekk, l-Istat Membru inkwistjoni jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu, previst fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li jinforma, mill-inqas tliet xhur qabel l-implementazzjoni tagħhom, l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu implementati l-imsemmija miżuri.

78      Huwa biss fil-każ li tali informazzjoni tiġi trażmessa mill-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jimplementa l-miżuri inkwistjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 2408/92 isir applikabbli. Din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-eżami, mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru ieħor, tal-konformità tal-miżuri inkwistjoni mar-Regolament Nru 2408/92 u, b’mod iktar ġenerali, mad-dritt Komunitarju.

79      Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu implementati mill-Istat Membru kkonċernat, anki jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tagħhom, previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) huma sodisfatti.

80      Jekk madankollu l-Istat Membru kkonċernat jimplementa tali miżuri, il-Kummissjoni għandha d-dritt teżaminahom mhux taħt l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 2408/92, li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tiegħu ma humiex sodifatti, iżda taħt l-Artikolu 8(3) tal-istess regolament. Fil-fatt, peress li, kif ġie osservat fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-miżuri koperti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92 jikkostitwixxu kategorija partikolari tal-miżuri koperti mill-Artikolu 8(2) tal-istess regolament, dan l-aħħar artikolu huwa wkoll applikabbli fil-konfront tagħhom.

81      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-każ li jiġu implementati, minn Stat Membru, miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92 mingħajr ma tiġi osservata l-proċedura prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-eżami tal-imsemmija miżuri skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92 jista’ jwassal biss għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax ikompli jimplementahom (ara l-punt 80 iktar ’il fuq).

82      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tkompli timplementa l-213-il Regolament, emendat mill-Ewwel Regolament ta’ emenda, tal-4 ta’ April 2003, u li din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tirreferi għat-Tieni Regolament, tal-1 ta’ Ottubru 2003, li jemenda l-213-il Regolament.

83      Minn dan jirriżulta li, għalkemm in-notifika ta’ dan it-tieni regolament, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, li għaliha jsir riferiment fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha bħala għan li tinforma lill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2408/92, li l-implementazzjoni ta’ dan it-tieni regolament kien neċessarju, dan il-fatt ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-miżuri li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri l-213-il Regolament kif emendat mill-Ewwel Regolament ta’ emenda, ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92.

84      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-allegata sostituzzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata matul il-kawża, liema fatt juri l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), biżżejjed jingħad li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tan-nuqqas ta’ notifika, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2408/92, tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti, li tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżami tal-imsemmija miżuri skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-risposta tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu huma intiżi biss sabiex tingħata risposta għall-allegazzjoni f’dan is-sens magħmula fir-rikors u, għaldaqstant, ma hijiex ekwivalenti għal sostituzzjoni tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni matul il-kawża.

85      It-tieni nett, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma waslitx għall-konklużjoni li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jaqgħu taħt il-kategorija ta’ miżuri koperti mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92 u li, għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tkompli timplementahom, sa fejn hija ma osservatx il-proċedura prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu.

86      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-qari tal-premessi 1 sa 6 flimkien mal-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni b’ebda mod ma jimplikaw, matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tagħhom, xi projbizzjoni ta’ passaġġ mill-ispazju tal-ajru Ġermaniż ta’ titjiriet lejn jew mill-ajruport ta’ Zürich.

87      Dawn il-miżuri jillimitaw ruħhom, essenzjalment, li jwaqqfu, matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tagħhom, l-ajruplani milli jtiru f’altitudni baxxa fuq it-territorju Ġermaniż ħdejn il-fruntiera Svizzera (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li jistgħu dejjem itiru fuq l-istess territorju f’altitudni ogħla. Għaldaqstant, dawn jimplikaw essenzjalment, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ebda oġġezzjoni mill-Konfederazzjoni Svizzera, modifika sempliċi tat-trajettorja tat-titjiriet ikkonċernati, wara t-tluq tagħhom jew qabel l-inżul tagħhom fl-ajruport ta’ Zürich.

88      Għalkemm dawn il-miżuri wasslu għal tnaqqis tal-kapaċità tal-ajruport ta’ Zürich u jistgħu, għalhekk, jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet, ma jaqgħux, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Konfederazzjoni Svizzera, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat (ara l-punt 75 iktar ’il fuq), il-miżuri kkonċernati minn din id-dispożizzjoni huma kkaratterizzati mill-fatt li dawn jimplikaw projbizzjoni ta’ titjiriet, minkejja li hija kundizzjonali jew parzjali.

89      Għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, jekk Stat jeżiġi l-osservanza tar-regoli operazzjonali nazzjonali, regjonali jew lokali tiegħu, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ħarsien tal-ambjent, sabiex jawtorizza l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku fis-sens tar-Regolament Nru 2408/92, dan ma huwiex ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ kundizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Jekk dan kien il-każ, l-Artikolu 8(2) ma jkollu ebda sinjifikat. Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92 huma iktar dawk li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku dipendenti fuq ċirkustanzi oħra minbarra s-sempliċi osservanza tar-regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali. Għaldaqstant, il-ħtieġa tal-prova tal-vijabbiltà kummerċjali ta’ proposta għal rotta ġdida, jew tal-ineżistenza ta’ mezzi oħra ta’ trasport sodisfaċjenti għal din l-istess rotta, jikkostitwixxu eżempji ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92.

90      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ma waslitx għall-konklużjoni li l-miżuri Ġermaniżi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92.

91      Minn dan jirriżulta li dan il-motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 17 tal-Ftehim

 L-argumenti tal-partijiet

92      L-ewwel nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li diskriminazzjoni ipotetika fil-konfront tal-ajruport ta’ Zürich jew ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tiegħu taqa’ l-barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. L-interessi tal-ajruport ta’ Zürich u ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tiegħu jikkostitwixxu, skont il-Konfederazzjoni Svizzera, “kwistjonijiet marbuta direttament” mat-trasport bl-ajru u jaqgħu għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, skont l-Artikolu 2 tiegħu. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-Ftehim ma huwiex limitat għall-eżerċizzju tas-setgħat li jirriżultaw mill-Artikolu 18(2) tal-Ftehim. Fil-fatt, skont il-paragrafu 1 tal-istess artikolu, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim fit-territorju Komunitarju.

93      Il-Konfederazzjoni Svizzera żżid li l-adozzjoni, abbażi tar-Regolament Nru 2408/92, ta’ miżura intiża sabiex tiżgura l-aċċess għas-suq tat-trasport bl-ajru teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-interessi tal-kumpanniji tal-ajru iżda wkoll tad-drittijiet u l-interessi ta’ gruppi oħra affettwati mill-imsemmija miżura. Il-fatt li l-Kummissjoni stess tiġġustifika l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni b’riferiment għall-interessi tas-settur turistiku tar-reġjun Ġermaniż li jmiss mal-ajruport ta’ Zürich jikkonferma dan l-argument.

94      Minn dan jirriżulta, skont il-Konfederazzjoni Svizzera, li l-Kummissjoni kellha twettaq paragun bejn il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni li jirrigwardaw l-ajruport ta’ Zürich u dawk adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-ajruporti tagħhom, b’mod partikolari dawk ta’ München (il-Ġermanja) u ta’ Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), u dan iktar u iktar għaliex l-aċċess liberu għal ajruport hija kundizzjoni indispensabbli għall-implementazzjoni tad-drittijiet ta’ traffiku ta’ kumpanniji tal-ajru.

95      Tali paragun iservi kieku sabiex juri li l-miżuri adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-ajruport ta’ Zürich huma ħafna iktar restrittivi minn dawk adottati fir-rigward tal-ajruporti Ġermaniżi, b’mod partikolari dawk ta’ München u ta’ Frankfurt-am-Main. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri simili għall-ajruporti Ġermaniżi hija pprojbita mid-dritt Ġermaniż.

96      It-tieni nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma jwasslux għal diskriminazzjoni indiretta għad-detriment tal-kumpannija tal-ajru Svizzera Swiss. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni huma ta’ żvantaġġ, prinċipalment u b’mod sproporzjonat, fir-rigward ta’ din il-kumpannija li, kif tammetti d-deċiżjoni kkontestata, tuża l-ajruport ta’ Zürich bħala hub tan-netwerk tagħha f’forma ta’ stilla. Il-fatt li ebda miżura simili ma ġiet adottata fir-rigward tal-ajruporti ta’ München u ta’ Frankfurt-am-Main, użati mill-kumpannija tal-ajru Ġermaniża Lufthansa bħala hubs tan-netwerks tagħhom f’forma ta’ stilla, jikkonferma l-karattru diskriminatorju tal-miżuri inkwistjoni.

97      It-tielet nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta l-premessa tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 42) li tgħid li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni kontra l-ħsara kkawżata mill-ħoss huma neċessarji għall-protezzjoni ta’ destinazzjoni turistika importanti. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-unika negozjati tagħha mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jurux li l-miżuri kkontestati kienu legalment neċessarji. Il-Konfederazzjoni Svizzera pparteċipat f’dawn in-negozjati għal raġunijiet politiċi u mhux legali.

98      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-ħsara kkawżata mill-ħoss fiż-żona tat-territorju Ġermaniż ikkonċernata mill-miżuri inkwistjoni kinitx ta’ gravità tali li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li kienet ippreżentat, insostenn tal-ilment tagħha, kalkoli dettaljati tal-Laboratorju Federali Svizzeru għall-Ittestjar ta’ Materjali u Teknoloġija [Swiss Federal Laboratories for Materials Science and Technology] (EMPA), li juru l-kuntrarju. Hija enfasizzat ukoll, fl-ilment tagħha, li ħafna mit-titjiriet fuq iż-żona kkonċernata mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jkunu fl-inżul tagħhom, effettwati b’enerġija ridotta, li jnaqqas il-ħsara kkawżata mill-ħoss. Barra minn hekk, dawn it-titjiriet jaqsmu ż-żona inkwistjoni f’altitudni relattivament għolja. Hija biss fuq il-fruntiera tar-Rhein bejn il-Ġermanja u l-Isvizzera li jibda l-approċċ finali għall-inżul f’altitudni ta’ madwar 800 metru.

99      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinjora l-fatt li l-ħsara kkawżata mill-ħoss fir-rigward tat-territorju Ġermaniż ikkonċernat mill-miżuri inkwistjoni hija diġà inqas mill-valuri limitu Svizzeri, li huma iktar stretti mill-valuri korrispondenti Ġermaniżi. Minbarra dan, ċerti altitudnijiet minimi għal titjira imposti mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni bl-ebda mod ma huma ġġustifikati minn motivi ta’ protezzjoni kontra l-ħoss, peress li titjiriet f’altitudnijiet ħafna iktar baxxi ma jikkawżaw ebda ħoss.

100    Il-Konfederazzjoni Svizzera żżid li, fl-evalwazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra d-Direttiva 2002/30. Mhux biss din id-direttiva tagħmel riferiment għar-Regolament Nru 2408/92, iżda tirrifletti konsensus politiku għal dak li jirrigwarda metodu bbilanċjat għall-ġestjoni tal-ħoss tal-ajruplani.

101    Il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta f’dan ir-rigward il-motivi invokati fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika l-fatt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni id-Direttiva 2002/30. Il-Kumitat Konġunt adotta, fit-3 ta’ Diċembru 2003, id-deċiżjoni għall-integrazzjoni, bħala prinċipju, ta’ din id-direttiva fl-Anness tal-Ftehim. Huwa minnu li d-Direttiva 2002/30 għad trid tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali. Madankollu, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 17 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, bħala rappreżentant tal-Komunità, kellha tieħu inkunsiderazzjoni din id-direttiva, li tagħti prijorità, skont il-premessa 7 tagħha, lill-miżuri għat-tnaqqis tal-ħoss li joffru l-ikbar vantaġġ għall-ambjent bl-inqas spiża. Dan ma huwiex il-każ bil-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, li jinvolvu spejjeż għoljin ħafna u, barra minn hekk, iwasslu għal deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ambjentali fiż-żoni Svizzeri fil-viċinanzi tal-ajruport ta’ Zürich, filwaqt li t-titjib tas-sitwazzjoni taż-żona tal-fruntiera Ġermaniża li minnhom jirriżulta huwa minimu.

102    Lanqas ma tista’ tiġi aċċettata l-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/30 ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw metodu bbilanċjat għall-ġestjoni tal-ħoss fl-ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom. Skont il-Konfederazzjoni Svizzera, huwa ġġustifikat, minn perspettiva tad-dritt Ewropew, li Stat Membru jiġi mitlub jadotta l-istess metodu meta jadotta miżuri li jikkonċernaw ajruport li jinsab fi Stat Membru ieħor.

103    Il-Konfederazzjoni Svizzera żżid li l-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata skont liema ż-żona kkonċernata mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni tikkostitwixxi żona turistika importanti hija wisq ġenerali. Fir-realtà, l-ajruplani li jkunu qed jitilqu minn jew jinżlu fl-ajruport ta’ Zürich itiru biss fuq ċerti komuni tal-fruntiera Ġermaniżi, u dan f’altitudni elevata. Barra minn hekk, is-settur turistiku Ġermaniż fir-reġjun ikkonċernat jieħu profitt sostanzjali mill-viċinanza tal-ajruport ta’ Zürich, Minbarra dan, il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jimplikaw konsegwenzi ħafna iktar ibsin għal diversi komuni Svizzeri, li xi wħud minnhom għandhom numru għoli ħafna ta’ abitanti u li jinsabu fil-viċinanzi tal-ajruport ta’ Zürich.

104    It-tieni nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 43) li tgħid li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma humiex sproporzjonati. Il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tadotta miżura inqas radikali, hija ma ssemmix, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, liema miżuri oħra hija eżaminat.

105    Il-Konfederazzjoni Svizzera żżid li jeżistu miżuri oħra mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, fosthom l-impożizzjoni ta’ valur limitu ta’ ħoss li ma għandux jinqabeż mill-ajruplani li jkunu qed itiru fuq it-territorju Ġermaniż ikkonċernat f’ċerti ħinijiet. Tali valur limitu ta’ ħoss matul il-lejl ġie impost, mis-sajf tal-2002, għall-ajruport ta’ Frankfurt-am-Main.

106    Il-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda awtorità fuq l-ajruport ta’ Zürich hija, f’dan ir-rigward, irrelevanti. Fil-fatt, permezz tal-miżuri kkontestati, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprova timponi fuq l-imsemmi ajruport organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema operazzjonali tiegħu u tagħti lilha nnifisha, preċiżament, tali awtorità. Għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li tgħid li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ħaditx, matul il-ħamsa u għoxrin sena li għaddew, miżuri xierqa hija irrilevanti u ineżatta. Fir-realtà, il-Konfederazzjoni Svizzera minn dejjem ippermettiet il-parteċipazzjoni tal-komuni Ġermaniżi u tal-abitanti tagħhom f’inkjesti dwar il-bidla fil-liċenzja għall-operat tal-ajruport.

107    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata timminimizza b’mod żbaljat l-impatt tal-miżuri Ġermaniżi fuq il-kapaċità tal-ajurport ta’ Zürich. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata tinjora li raġunijiet importanti li jirrigwardaw it-topografija tal-ajruport jimponu li l-inżul isir mit-Tramuntana. Peress li dan mhux ser ikun iktar possibbli matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, il-kapaċità tal-ajruport ser tiġi sostanzjalment ridotta, b’tali mod li dejjem ser ikun hemm konġestjoni li twaqqaf il-fluwidità tat-traffiku tal-ajru għall-inżul previsti bejn 06:00 u 06:30, wara 21:00 kif ukoll minn 08:30 għall-festi pubbliċi.

108    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kapaċità kemm tat-tluq minn kif ukoll tal-inżul fl-ajruport ta’ Zürich, id-deċiżjoni kkontestata tieħu inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat il-kapaċità massima, liema valur huwa biss wieħed teoretiku. Skont il-Konfederazzjoni Svizzera, id-deċiżjoni kkontestata kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità prevedibbli, li hija dejjem inqas mill-kapaċità possibbli. Li kieku din il-kapaċità ttieħdet inkunsiderazzjoni għat-tluq, ikun seta’ ġie kkonstatat li, bejn 07:00 u 08:00 u bejn 20:00 u 21:00 fil-weekends, hemm iktar tluq previsti mill-kapaċità awtorizzata tal-ajruport ta’ Zürich, liema kapaċità hija ridotta minħabba l-implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni.

109    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi, b’mod żbaljat, li l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ nżul iżżid il-kapaċità tal-ajruport ta’ Zürich. Din l-installazzjoni tippermetti sempliċiment l-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ nżul modifikati, anki fil-każ ta’ viżibilità ridotta, iżda ma għandhiex verament impatt fuq il-kapaċità operazzjonali tal-ajruport. Għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 47) li tgħid li teżisti kapaċità sinjifikattiva disponibbli fis-sigħat li jippreċedu u li jiġu wara l-perijodu ta’ implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li tali konstatazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet fuq il-kumpanniji tal-ajru u fuq l-ajruport. Dawn jimponu l-ottimizzazzjoni tas-sekwenza ta’ mewġ ta’ nżul u ta’ tluq u jostakolaw dewmien posibbli ta’ titjiriet fis-sigħat li jippreċedu jew li jiġu wara l-ħinijiet bl-iktar attività.

110    Il-Konfederazzjoni Svizzera żżid li d-deċiżjoni kkontestata twettaq żball meta tanalizza s-sitwazzjoni fil-qasam ta’ kapaċità abbażi biss ta’ pjan tat-titjiriet tal-kumpannija tal-ajru Swiss. Tali approċċ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jimponu fuq l-ajruport ta’ Zürich metodu operazzjonali ħafna inqas effiċjenti, li għandu konsegwenzi prattiċi negattivi fuq il-kapaċità tal-imsemmi ajruport sabiex jaffronta kemm ċirkustanzi eċċezzjonali, bħal kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli jew il-perijodu tal-bidu tal-vaganzi, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, iż-żieda probabbli fil-futur tat-traffiku tal-ajru.

111    It-tielet nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsegwenzi negattivi tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni għall-ajruport ta’ Zürich u għall-kumpannija tal-ajru Swiss jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

112    Il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta, f’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, imsemmi fil-premessa 35(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-Konfederazzjoni Svizzera ma tipparteċipax fis-suq intern tas-servizzi tal-ajru u li “bħalissa l-Ftehim jipprovdi sempliċiment għal skambju tad-drittijiet ta’ traffiku” bejn l-Isvizzera u l-Komunità. Dan l-argument jikkontradixxi l-impressjoni mogħtija lill-Konfederazzjoni Svizzera matul in-negozjati li wasslu għall-konklużjoni tal-Ftehim. Huwa ma jiħux ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Ftehim għandu l-istess għanijiet bħat-Trattat KE u l-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza Malpensa, punt 33 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 2408/92 jimplementa b’mod definittiv il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

113    F’dan ir-rigward, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni, spjegat fl-istess premessa 35(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li s-sentenza Malpensa, punt 33 iktar ’il fuq, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni billi ngħatat wara li ntlaħaq il-Ftehim u billi la ma ġiet notifikata lill-Konfederazzjoni Svizzera u lanqas ma ġiet eżaminata mill-Kumitat Konġunt, kif jipprovdi l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim. Skont il-Konfederazzjoni Svizzera, in-nuqqas ta’ notifika tal-imsemmija sentenza ma jeskludix l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan iktar u iktar għaliex huwa nuqqas attribwibbli lill-Kummissjoni stess. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija, fuq dan il-punt, kontradittorja, peress li, minn naħa, hija tinvoka s-sentenza Malpensa, punt 33 iktar ’il fuq, insostenn tal-argument li jgħid li l-prinċipju ta’ propozjonalità ma jistax jiġi implementat ħlief flimkien mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, min-naħa l-oħra, hija tindika li l-imsemmija sentenza ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

114    Fl-aħħar nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tfakkar li, fl-ilment tagħha miċħud mid-deċiżjoni kkontestata, hija kienet ilmentat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligu tal-kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 17 tal-Ftehim. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE u l-ġurisprudenza relatata ma’ dan l-aħħar artikolu hija wkoll rilevanti. Billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dan l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ bona fide.

115    Il-fatt li biss il-Kummissjoni hija parti għall-Ftehim ma jwaqqafx lill-Ftehim milli jipproduċi effetti wkoll fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, din tal-aħħar hija, skont l-Artikolu 300(7) KE, marbuta bil-Ftehim u għandha l-obbligu, skont il-ġurisprudenza, li tiżgura l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minnu.

116    Il-fatt li l-Ftehim bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera, iffirmat fit-18 ta’ Ottubru 2001, ma ġiex irratifikat ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni. Fil-fatt, il-Ftehim inkwistjoni ma huwiex ir-riżultat ta’ negozjati ħielsa iżda mill-pressjoni eżerċitata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq il-Konfederazzjoni Svizzera. Barra minn hekk, il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jmorru lil hinn mhux biss minn dak li kien previst fl-imsemmi ftehim bilaterali, iżda wkoll mill-miżuri unilaterali li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet thedded li ser tadotta fil-każ li n-negozjati mal-Konfederazzjoni Svizzera jfallu. Minbarra dan, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tatx lill-Konfederazzjoni Svizzera l-ħin neċessarju sabiex tadatta ruħha għad-dipożizzjonijiet Ġermaniżi l-ġodda.

117    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tal-Konfederazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-operatur tal-ajruport ta’ Zürich u ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tiegħu

118    Il-Konfederazzjoni Svizzera tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, id-drittijiet, minn naħa, tal-operatur tal-ajruport ta’ Zürich u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi ta’ dan l-ajruport, li huma esposti għall-ħoss tal-ajruplani.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2408/92, it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji huma awtorizzati mill-Istati Membri kkonċernati sabiex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ traffiku, fis-sens tal-Artikoli 2(f) tal-istess regolament, fuq ir-rotot intra-Komunitarji.

120    Madankollu, kif jispjega l-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 2408/92, “l-eżerċitar tal-jeddijiet tat-traffiku għandu jkun konsistenti mar-regoli operazzjonali li jirreferu għas-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-kondizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ajruporti u għandu jkun trattat mingħajr diskriminazzjoni”.

121    Huwa b’hekk li l-leġiżlatur pprovda, minn naħa, fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2408/92, li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku huwa suġġett għar-regoli operazzjonali Komunitarji, nazzjonali, reġjonali jew lokali li jirrigwardaw is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slotts u, min-naħa l-oħra, awtorizza lill-Kummissjoni li teżamina, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-paragrafu 2 tiegħu u li tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax ikompli jimplementa l-miżuri li huma s-suġġett tal-eżami.

122    Mid-dispożizzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li, kif osservat essenzjalment il-Kummissjoni fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami ta’ miżura, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, jittratta l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku fuq ir-rotot intra-Komunitarji. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet operazzjonali eventwali ta’ ajruporti jew ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’tali eżami.

123    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, tal-miżuri Ġermaniżi inkwisjoni, id-dirttijiet eventwali, minn naħa, tal-operatur tal-ajruport ta’ Zürich u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi ta’ dan l-ajruport, li huma esposti għall-ħoss tal-ajruplani.

124    L-argumenti l-oħra tal-Konfederazzjoni Svizzera ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

125    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażat fuq l-Artikolu 2 tal-Ftehim, għandu jiġi mfakkar li, skont dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Anness tal-Ftehim japplikaw sakemm jolqtu t-trasport bl-ajru jew materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru.

126    Kif jirriżulta mill-kliem tiegħu u, b’mod partikolari, mill-espressjoni “sakemm jolqtu” użata fih, l-Artikolu 2 tal-Ftehim jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet enumerati fl-Anness tal-Ftehim, billi jeskludi l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal każijiet li ma jolqtux t-trasport bl-ajru jew materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru. Minn dan jirriżulta li dan l-artikolu la għandu bħala suġġett u lanqas bħala effett li jestendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

127    Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 2408/92, l-unika estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-Ftehim hija dik li tirriżulta mill-assimilazzjoni, skont l-Anness tal-Ftehim, tal-Konfederazzjoni Svizzera u tat-trasportaturi bl-ajru li hemmhekk għandhom il-post prinċipali tal-attivitajiet tagħhom mal-Istati Membri tal-Komunità u t-trasportaturi bl-ajru Komunitarji rispettivament.

128    Bla ħsara għal din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 2408/92 ma japplikax, f’dan il-kuntest, għal sitwazzjonijiet li, f’kuntest Komunitarju, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

129    Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-drittijiet tal-operaturi ta’ ajruporti jew ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tagħhom jikkostitwixxu materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru, kif issostni l-Konfederazzjoni Svizzera, la l-Artikolu 2 u lanqas dispożizzjoni oħra tal-Ftehim ma jawtorizzaw lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-drittijiet, fl-applikazzjoni, fil-kuntest tal-Ftehim, tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92.

130    It-tieni nett, l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażat fuq l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim ma jistax jiġi milqugħ.

131    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi biss li l-Komunità, bħala parti kontraenti tal-Ftehim, hija responsabbli għall-applikazzjoni korretta tal-Ftehim fuq it-territorju tagħha, li jinkludi t-territorju Ġermaniż. Għaldaqstant, hija ma tagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa addizzjonali li ma hijiex prevista fir-regolamenti u d-direttivi enumerati fl-Anness tal-Ftehim jew, skont il-każ, f’dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju.

132    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 18(1) ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

133    Il-Konfederazzjoni Svizzera tilmenta li l-Kummissjoni kisret, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

134    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-abitanti Svizzeri li jgħixu fil-viċinanzi tal-ajruport ta’ Zürich u tal-operatur, dan għandu mill-ewwel jiġi miċħud. Kif ġie osservat fil-punt 127 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, tali interessi.

135    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar allegata diskriminazzjoni fil-konfront tat-trasportaturi bl-ajru, inkluża l-kumpannija tal-ajru Swiss, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-Ftehim, id-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat, b’mod korrett, fil-premessa 35(a), li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni “tapplika b’mod ċar” fl-eżami ta’ miżura skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92 fil-kuntest tal-Ftehim u li, għaldaqstant, il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati minn dan l-angolu.

136    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni kkonstatat qabel xejn u b’mod korrett li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn trasportaturi skont iċ-ċittadinanza tagħhom jew l-identità tagħhom (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Konfederazzjoni Svizzera.

137    Il-Kummissjoni eżaminat ukoll, fil-premessi 37 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta eventwali fil-konfront tat-trasportaturi Svizzeri. F’dan il-kuntest, hija ammettiet, fil-premessa 38, li l-użu ta’ netwerks f’forma ta’ stilla kien sar komuni fost it-trasportaturi bl-ajru. Dawn in-netwerks huma bbażati fuq ajruporti ċentrali li kważi dejjem jinsabu fl-Istat li fih it-trasportaturi inkwistjoni huma stabbiliti. L-ajruporti ċentrali għandhom, fis-sistema ta’ netwerks f’forma ta’ stilla tat-trasportatur ikkonċernat, ir-rwol ta’ hub u jippermettu lit-trasportatur inkwistjoni li joffru, fir-rigward tal-ajruporti moqdija mill-ajruport ċentrali, titjiriet indiretti b’waqfa fl-ajruport ċentrali. Dan it-trasportatur jista’, għalhekk, jestendi n-netwerk ta’ titjiriet tiegħu, billi jevita l-investimenti meħtieġa għal rotot diretti.

138    Il-Kummissjoni ammettiet ukoll, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kontestata, li t-trasportaturi li jużaw ajruport bħala hub għan-netwerk tagħhom f’forma ta’ stilla għandhom, minħabba dan il-fatt, parti kbira ħafna tat-traffiku lejn jew mill-imsemmi ajruport u li, għaldaqstant, kull restrizzjoni relatata mal-użu tal-imsemmi ajruport ikollu, għalihom, konsegwenzi ħafna iktar sinjifikattivi milli għall-kompetituri tagħhom. Madankollu, skont il-Kummissjoni, din id-differenza ta’ trattament ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, diskriminazzjoni, għaliex li kieku dan kien il-każ kull restrizzjoni jkollha awtomatikament tiġi kkunsidrata bħala diskriminatorja u l-Istati Membri ma jkollhom ebda possibblità li jimponu regoli operazzjonali fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2408/92.

139    Skont il-Kummissjoni (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata), il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma jistgħux jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta ħlief fil-każ meta dawn jaffettwaw unikament u b’mod predominanti t-titjiriet operati mit-trasportaturi Svizzeri. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma huwiex il-każ, peress li t-trasportaturi Svizzeri u Komunitarji huma affettwati mill-imsemmija miżuri b’mod eżattament proporzjonali għan-numru ta’ titjiriet li joperaw bejn l-Isvizzera u l-Komunità.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, dwar il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam tad-dritt Komunitarju, li r-regoli ta’ trattament ugwali bejn ċittadini u dawk li ma humiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari abbażi taċ-ċittadinanza, jew fuq fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank, C‑330/91, Ġabra p. I‑4017, punt 14; tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑224/00, Ġabra p. I‑2965, punt 15, u tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 92).

141    Fid-dawl tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim, din il-ġurisprudenza hija rilevanti wkoll għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2408/92 fil-kuntest tal-Ftehim, billi l-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar huwa, essenzjalment, identiku għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE.

142    F’dan il-każ, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni, essenzjalment, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirriżerva għall-ajruport ta’ Zürich u, għalhekk, għall-kumpannija tal-ajru Swiss li tuża dan l-ajruport bħala hub għan-network tagħha f’forma ta’ stilla, trattament differenti meta mqabbel mal-ajruporti Ġermaniżi u, b’mod partikolari, dawk ta’ München u ta’ Frankfurt-am-Main, użati mill-kumpannija tal-ajru Ġermaniża Lufthansa bħala hubs għan-netwerk tagħha f’forma ta’ stilla.

143    Huwa minnu li tali differenza ta’ trattament, fil-każ li teżisti, ma hijiex ibbażata direttament fuq iċ-ċittadinanza jew fuq is-sede tat-trasportaturi kkonċernati. Madankollu, hija tista’ twassal għall-istess riżultat, sa fejn, kif tosserva d-deċiżjoni kkontestata, it-trasportaturi Svizzeri, fosthom Swiss, jużaw normalment, bħala hubs għan-netwerk tagħhom f’forma ta’ stilla, l-ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera u, b’mod partikolari, dak ta’ Zürich u li, konsegwentement, l-eventwali restrizzjonijiet li jirrigwardaw it-titjiriet lejn jew minn dan l-ajruport jaffettwaw dawn it-trasportaturi ħafna iktar mill-kumpanniji tal-ajru li jużaw ajruport ieħor bħala hub għan-network tagħhom f’forma ta’ stilla.

144    Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata fil-punt 140 iktar ’il fuq, li l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex fihom infushom suffiċjenti sabiex jeskludu natura diskriminatorja eventwali tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni fir-rigward tat-trasportaturi Svizzeri, fosthom b’mod partikolari Swiss.

145    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont din l-istess ġurisprudenza, il-konstatazzjoni li miżura twassal għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li tali miżura hija inkompatibbli mal-Artikolu 12 KE jew, f’dan il-każ, mal-Artikolu 3 tal-Ftehim. Għad irid jiġi stabbilit jekk l-imsemmija miżura hijiex ġustifikata minn ċirkustanzi oġġettivi u jekk hijiex proporzjonali għall-għan li għalih hija intiża. Huwa biss jekk dan ma huwiex il-każ li l-miżura inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala pprojbita mill-Artikolu 12 KE jew, f’dan il-każ, mill-Artikolu 3 tal-Ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 140 iktar ’il fuq, punt 20, u ČEZ, punt 140 iktar ’il fuq, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    F’din il-kawża, għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva eventwali għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward biss tal-ajruport ta’ Zürich, għandu jiġi mfakkar li, skont il-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, “iż-żona Ġermaniża li fuqha jtiru l-ajruplani li jkunu qed jagħmlu approċċ lejn l-ajruport ta’ Zürich hija destinazzjoni turistika importanti u, għaldaqstant, partikolarment vulnerabbli għall-ħsejjes.

147    Il-Konfederazzjoni Svizzera tikkontesta din id-dikjarazzjoni billi sssotni li n-numru ta’ abitanti li jistgħu jiġu affettwati mill-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani fiż-żona kkonċernata ma huwiex kbir ħafna. Anki jekk dan huwa l-każ, dan il-fatt bl-ebda mod ma jikkontesta n-natura turistika taż-żona Ġermaniża kkonċernata.

148    L-istess jista’ jingħad għall-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera li jgħid li s-settur turistiku Ġermaniż tar-reġjun li jmiss mal-ajruport ta’ Zürich jieħu profitt sostanzjali minn dan l-ajruport.

149    Fil-fatt, dan l-argument jikkonferma n-natura turistika taż-żona tat-territorju Ġermaniż ikkonċernata mill-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha d-dritt li tieħu l-miżuri li fil-fehma tagħha huma neċessarji sabiex titnaqqas il-ħsara kkawżata mill-ħoss.

150    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-viċinanza għall-ajruport ta’ Zürich ta’ żona turistika, invokata fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestata mill-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera, tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva, fis-sens tal-ġurisprudenza invokata fil-punt 145 iktar ’il fuq, li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni fir-rigward biss tal-ajruport ta’ Zürich.

151    Fil-fatt, ma jirriżultax mill-proċess u l-Konfederazzjoni Svizzera ma allegatx li l-ajruporti ta’ München u ta’ Frankfurt-am-Main jinsabu wkoll fil-viċinanza ta’ żoni turistiċi importanti.

152    Għandu jiġi osservat ukoll li, għad-differenza tal-ajruporti ta’ München u ta’ Frankfurt-am-Main, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda awtorità fuq l-ajruport ta’ Zürich u ma tistax, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss fit-territorju Ġermaniż, timponi fir-rigward ta’ dan l-ajruport xi tibdil fl-użu tiegħu. Din id-differenza, invokata fi-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva oħra li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward biss tal-ajruport ta’ Zürich.

153    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, jeżistu, f’dan il-każ, ċirkustanzi oġġettivi, fis-sens tal-ġurisprudenza invokata fil-punt 154 iktar ’il fuq, li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni.

154    It-tieni nett, skont din l-istess ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmija miżuri humiex proporzjonali għall-għan li għalih huma intiżi, jiġifieri t-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani fil-parti tat-territorju Ġermaniż li fiha huma implementati. Il-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni fil-premessi 41 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata u tikkonkludi li dan huwa effettivament il-każ.

155    Din il-konklużjoni hija kkontestata mill-Konfederazzjoni Svizzera li ssostni, qabel xejn, li l-livell ta’ ħsara ikkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani fiż-żona kkonċernata mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

156    Madankollu, ir-rapport tal-EMPA, invokat mill-Konfederazzjoni Svizzera insostenn ta’ din il-parti tal-argument tagħha (ara l-punt 98 iktar ’il fuq), bl-ebda mod ma juri li l-ħsara kkawżata mill-ħoss ma tikkostitwixxix problema fiż-żona Ġermaniża li tmiss mal-ajruport ta’ Zürich. Għall-kuntrarju, minn dan ir-rapport jirriżulta li l-livell ta’ ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani f’dan l-istess reġjun jista’ jvarja bejn 45 dB, għall-postijiet relattivament il-bogħod mill-ajruport, u 70 dB, għall-postijiet l-iktar viċini. Tali livelli ta’ ħoss jistgħu effettivament jikkostitwixxu problema f’reġjun turistiku, speċjalment matul il-lejl u fil-weekends, f’liema ħinijiet il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni huma implementati.

157    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera li jgħid li l-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani fiż-żona rilevanti tat-territorju Ġermaniż ma teċċedix il-valuri limiti, id-deċiżjoni kkontestata tenfasizza b’mod korrett, fil-premessa 42, li l-imsemmija limiti jindikaw il-limiti aċċettabbli u mhux il-livelli ta’ kumdità u li, għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom id-dritt jadottaw miżuri intiżi sabiex jerġgħu jġibu l-livelli ta’ ħoss taħt dawn il-limiti, speċjalment meta jkun involut, bħal f’dan il-każ, reġjun turistiku.

158    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera li jgħid li ċerti altitudnijiet minimi għal titjiriet stabbiliti mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni huma għolja wisq u li l-iffissar ta’ altitudnijiet iktar baxxi bl-ebda mod ma jżid il-ħsara kkawżata mill-ħoss fiż-żona Ġermaniżi rilevanti, dan għandu jiġi miċħud, sa fejn il-Konfederazzjoni Svizzera la ma ppreċiżat l-altitudnijiet inferjuri li jistgħu jiġu stabbiliti u lanqas ma ddikjarat li tali tnaqqis tal-altitudnijiet minimi għal titjiriet ikollu influwenza pożittiva fuq il-kapaċitajiet ta’ tluq minn jew ta’ nżul fl-ajruport ta’ Zürich.

159    L-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażat fuq id-Direttiva 2002/30 lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ppreċiżatx la d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li għandhom japplikaw f’dan il-każ u lanqas x’ikun l-eżitu tal-applikazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2002/30 ma tiffissax livelli ta’ ħoss li għandhom bil-fors jiġu ttollerati, kif bl-istess mod ma tipprojbixxix l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan il-każ.

160    Barra minn hekk, kif issostni b’mod korrett il-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/30 jimponi fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ “metodu bbilanċjat” unikament meta jittrattaw problemi marbuta mal-ħoss fl-ajruporti fit-territorju tagħhom.

161    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera li jgħid li tali metodu għandu jiġi adottat ukoll meta l-Istati Membri jittrattaw tali problemi fl-ajruporti li jinsabu l-barra mit-territroju tagħhom. Fil-fatt, jirriżulta mid-definizzjoni tal-espressjoni “metodu bbilanċjat” fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2002/30, li dan il-metodu jeħtieġ l-eżami ta’ “effett[i] prevedibbli”, b’mod partikolari, “l-ippjanar u l-immaniġjar ta’ l-użu ta’ l-art, il-proċeduri għat-tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-operat”. Dawn huma miżuri li Stat Membru jista’ jimponi biss fir-rigward tat-territorju tiegħu stess.

162    Sussegwentement, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni wkoll li jeżistu miżuri inqas problematiċi, li jippermettu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jilħqu l-għan li għalih huma intiżi l-miżuri inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani fiż-żona inkwistjoni tat-territorju Ġermaniż.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellha ebda mezz ieħor għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tottjeni it-tnaqqis mixtieq tal-ħsara kkawżata mill-ħoss, għandha tinqara flimkien mal-premessa 43 ta’ din l-istess deċiżjoni. Il-Kummissjoni tosserva essenzjalment, f’din l-aħħar premessa, li l-mezzi l-oħra għat-tnaqqis tal-ħoss fit-territorju Ġermaniż, fosthom użu differenti tal-ajruport ta’ Zürich, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet Svizzeri u ma jistgħux jiġu implementati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

164    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Konfederazzjoni Svizzera invokat miżura waħda biss ta’ sostituzzjoni kkostitwita mill-iffissar ta’ valur massimu ta’ ħoss. Tali miżura, għalkemm inqas problematika, tippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tilħaq l-istess għanijiet bħall-miżuri l-kwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani f’parti mit-territorju Ġermaniż li jmiss mal-Isvizzera matul il-lejn u fil-weekends.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li, fis-seduta, il-Konfederazzjoni Svizzera sostniet li kienet diġà invokat din il-miżura matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr madankollu ma tagħmel riferiment, sabiex issostni din id-dikjarazzjoni, għal dokument preċiż li jinsab fil-proċess. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tiddikjara li l-idea ta’ valur limitu ta’ ħoss ma ġietx diskussa fil-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħet issib ebda riferiment għal tali miżura la fl-ilment u lanqas fl-osservazzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jinsabu fil-proċess.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi d-dikjarazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera, li tgħid li hija invokat l-iffissar ta’ valur limitu ta’ ħoss bħala miżura ta’ sostituzzjoni possibbli, ma hija sostnuta minn ebda prova, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li hija ma speċifikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-motivi għaliex tali miżura ma tistax tissostitwixxi b’mod validu l-miżuri Ġermaniżi inkwsitjoni.

167    Għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-fondatezza tal-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażata fuq l-iffissar possibbli ta’ valur limitu ta’ ħoss sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk tal-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, fis-seduta, il-Kummissjoni u l-intervenjenti spjegaw li l-valur limitu ta’ ħoss huwa valur massimu ta’ ħoss li ma għandux jinqabeż mill-ħoss medju prodott mill-ajruplani kollha li jużaw ajruport speċifiku. Dan il-ħoss medju huwa kkalkulat abbażi tal-livelli ta’ ħoss ikkonstatati matul perijodu determinat, ħafna drabi fuq bażi annwali.

168    Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni u l-intervenjenti, li l-iffissar ta’ valur limitu ta’ ħoss ma jippermettix li jintlaħaq l-istess għan bħall-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani f’parti tat-territorju Ġermaniż matul il-lejl u fil-weekends, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li, meta jiġi kkalkulat il-ħoss medju għall-kontroll tal-osservanza tal-valur limitu fiss, il-ħoss eċċessiv eventwali matul il-lejl jew fil-weekends jiġi kkumpensat minn valuri inqas għoljin ikkonstatati matul ħinijiet jew ġranet oħra.

169    Il-Konfederazzjoni Svizzera rrispondiet, fis-seduta, li xejn ma jwaqqaf l-iffissar ta’ valur limitu ta’ ħoss għall-ħinijiet jew ġranet determinati, f’dan il-każ matul il-lejl u fil-weekends.

170    Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

171    L-ewwel nett, il-Konfederazzjoni Svizzera ma invokat ebda preċedent ta’ valur limitu ta’ ħoss stabbilit unikament għal ċerti ħinijiet tal-ġurnata jew għal ċerti ġranet tal-ġimgħa, li jaħdem b’mod sodisfaċjenti fil-prattika.

172    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-iffissar ta’ valur limitu ta’ ħoss speċifikament għal matul il-lejl u fil-weekends ma huwiex neċessarjament miżura inqas problematika mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, u iktar u iktar għaliex il-Konfederazzjoni Svizzera b’ebda mod ma ppreċiżat x’jista’ jkun tali valur.

173    Fil-fatt, jekk valur baxx ħafna jiġi stabbilit għal dan il-valur limitu, tali miżura twassal, fil-prattika, għall-istess riżultat bħall-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, jiġifieri li tirrendi impossibbli, matul il-perijodu tal-implementazzjoni tagħha, titjiriet f’altitudnijiet baxxi fuq it-territorju Ġermaniżi ta’ ajruplani minn jew lejn l-ajruport ta’ Zürich.

174    It-tielet nett, għad-differenza tal-iffissar ta’ altitudnijiet minimi għal titjiriet, li l-osservanza tagħhom tista’ tiġi kkontrollata iktar faċilment mill-awtoritajiet ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-kontroll tal-osservanza ta’ valur limitu ta’ ħoss bħal dak propost mill-Konfederazzjoni Svizzera jidher diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli.

175    Fil-fatt, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jillimitaw lilhom infushom li jistabbilixxu tali valur limitu, iżda jkollhom ukoll jipprovdu għal dispożittiv ta’ kontroll, flimkien mal-kejl regolari tal-livell tal-ħsara kkawżata mill-ħoss ta’ ajruplani fit-territorju Ġermaniż ikkonċernat.

176    Barra minn hekk, peress li l-miżuri imposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jistgħu jiġu implementati biss matul il-perijodu meta l-ajruplani jtiru fuq it-territorju Ġermaniż, huwa neċessarju li ssir distinzjoni, fil-kejl tal-livell tal-ħsara kkawżata mill-ħoss, bejn il-ħoss prodott mill-ajruplani li jinsabu, fil-mument tal-kejl, fuq it-territorju Ġermaniż u l-ħoss prodott mill-ajruplani li jkunu diġà qasmu l-fruntiera mal-Isvizzera. Tali distinzjoni tidher li hija impossibbli jew, għall-inqas, diffiċli ħafna.

177    Ir-raba’ u l-aħħar nett, fl-ipoteżi li huwa possibbli li jsir il-kejl neċessarju għall-kontroll tal-osservanza tal-valur limitu ta’ ħoss, huwa diffiċli ħafna li jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun tista’ timponi sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dan il-valur limitu.

178    Fil-fatt, jekk ajruplan jikser l-altitudnijiet minimi ta’ titjira stabbiliti mill-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, l-awtoritajiet ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru jistgħu jintervjenu immedjatament sabiex jiżguraw l-osservanza tagħhom.

179    Min-naħa l-oħra, peress li l-osservanza tal-valur limitu ta’ ħoss hija kkontrollata matul perijodu speċifiku, ħafna drabi matul sena, il-qbiż eventwali tal-valur limitu huwa biss ikkonstatat ex post facto u ma huwa, min-natura tiegħu, attribwibbli lil ebda ajruplan jew kumpannija tal-ajru speċifika. Għaldaqstant, huwa impossibbli għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li timponi sanzjonijiet, bħal multa, fuq min ikun qabeż il-valur limitu.

180    L-osservanza ta’ tali valur limitu ma jistax, fir-realtà, jiġi żgurat ħlief bil-kooperazzjoni tal-ajruport ikkonċernat, li jista’ jimponi t-tibdiliet neċessarji għall-pjan ta’ tluq u ta’ nżul, sabiex il-livell tal-ħoss medju jitnaqqas għal taħt il-valur limitu. F’dan il-każ, kif osservat b’mod korrett il-Kummissjoni fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda awtorità fuq l-ajruport ta’ Zürich u ma tistax timponi fuqu tali kooperazzjoni.

181    Fid-dawl tal-kuniderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata kienet korretta meta kkonkludiet li n-natura proporzjonali tal-miżuri Ġermaniżi ma tistax tiġi kkontestata, billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellhiex mezzi oħra għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikseb it-tnaqqis mixtieq tal-ħsara kkawżata mill-ħoss.

182    Fl-aħħar nett, l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata timminimizza b’mod żbaljat l-impatt tal-miżuri Ġermaniżi fuq l-ajruport ta’ Zürich lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

183    Fil-fatt, peress li, kif ġie osservat iktar ’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħet tadotta ebda miżura oħra ħlief il-miżuri inkwistjoni sabiex tilħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss, it-tnaqqis eventwali tal-kapaċità tal-ajruport ta’ Zürich wara l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ma jistax, fin innifsu, jikkostitwixxi argument suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-imsemmija miżuri huma sproporzjonati.

184    Huwa biss fil-każ ta’ inkonvenjenzi kbar għall-ajruport ta’ Zürich, bħal, pereżempju, tnaqqis sinjifikattiv tal-kapaċità tiegħu li jwassal għall-kanċellazzjoni permanenti ta’ titjiriet, li tkun teżisti tali natura sproporzjonata.

185    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Konfederazzjoni Svizzera la invokat u lanqas ma wriet l-eżistenza jew l-eventwalità ta’ tali inkonvenjenzi kbar.

186    Fil-fatt, minbarra dikjarazzjonijiet ġenerali dwar id-differenza bejn il-kapaċità possibbli u l-kapaċità prevedibbli tal-ajruport ta’ Zürich kif ukoll dwar l-importanza tal-ottimizzazzjoni tas-sekwenza ta’ mewġ ta’ nżul u ta’ tluq, il-Konfederazzjoni Svizzera invokat biss il-konġestjoni ta’ nżul u ta’ tluq fl-ajruport ta’ Zürich matul perijodi qosra tal-ġurnata. Tali konġestjoni, tkun kemm tkun ta’ inkonvenjent għall-passiġġieri u għall-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inkonvenjenzi kbar.

187    Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi, b’mod inkorrett, għall-pjan ta’ titjiriet tal-kumpannija tal-ajru Swiss, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat, b’mod ġenerali, il-ħinijiet tat-titjiriet għas-sajf 2003 u x-xitwa 2003/2004, liema jinkludu t-titjiriet kollha lejn jew mill-ajruport ta’ Zürich u mhux biss dawk operati minn Swiss.

188    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ressqet ebda element, bħal titjiriet li kellhom jiġu kkanċellati wara l-implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, li jista’ jikkontesta l-konklużjoni, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, fid-dawl tal-ħinijiet invokati fil-premessa 46 tal-istess deċiżjoni, l-impatt eventwali tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ser ikun limitat.

189    Minn dan jirriżulta li l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera, ibbażat fuq l-impatt tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni fuq il-kapaċità tal-ajruport ta’ Zürich, għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija korretta meta tikkunsidra li l-imsemmija miżuri ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

190    Billi jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni huma ġġustifikati minn ċirkustanzi oġġettivi u li huma proporzjonali għall-għan li għalih huma intiżi, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-ġurisprudenza invokata fil-punti 140 u 145 iktar ’il fuq, li dawn il-miżuri ma humiex diskriminatorji fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru Svizzeri, fosthom b’mod partikolari Swiss.

191    Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li, kuntrarjament għal dak li ntqal fil-punt 123 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, id-drittijiet tal-abitanti li jgħixu fil-viċinanzi u tal-operaturi tal-ajruporti u, b’mod partikolari, tal-abitanti li jgħixu fil-viċinanzi tal-ajruport ta’ Zürich u tal-kumpannija li tuża dan l-ajruport, għandu jiġi konkluż, għall-istess raġunijiet, li l-imsemmija miżuri ma humiex diskriminatorji fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

192    Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata kienet korretta meta ma kkunsidratx li l-miżuri Ġermaniżi jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim.

–       Fuq il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru

193    Għandu jiġi mfakkar li l-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn hija kkunsidrat, fil-premessa 35(b), li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi “ma teżistix” fil-kuntest tal-Ftehim u li, għaldaqstant, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jimplikaw restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

194    Għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni huwa t-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-ħoss f’reġjun turistiku tal-Ġermanja, li jikkostitwixxi aspett speċifiku tal-ħarsien tal-ambjent.

195    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħarsien tal-ambjent huwa fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fondamentali ggarantiti mit-Trattat KE, fosthom b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 9, u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 75).

196    Huwa minnu li, irrispettivament mill‑eżistenza ta’ għan leġittimu, il‑ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal‑libertajiet fundamentali stabbiliti fit‑Trattat KE teħtieġ li l‑miżura inkwistjoni tkun adegwata sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l‑għan tagħha u li din il‑miżura ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l‑għan (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C‑527/06, Ġabra p. I‑7735, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod sussidjarju, in-natura proporzjonali tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni u li hija waslet għall-konklużjoni, b’mod korrett, li dawn kienu proporzjonali għall-għan li għalih huma kienu intiżi.

198    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Konfederazzjoni Svizzera, ibbażat fuq il-ksur, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa bla effett. Fil-fatt, anki li kieku l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-premessa 35(b) u mfakkra fil-punt 193 iktar ’il fuq, hija żbaljata, tali żball ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, kif diġà ntqal, din id-deċiżjoni kkunsidrat b’mod korrett li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni huma intiżi sabiex jilħqu għan marbut mal-ħarsien tal-ambjent u li huma proporzjonali għal dan l-għan.

199    L-istess jista’ jingħad għall-ilment ibbażat fuq in-nuqqas li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza Malpensa, punt 33 iktar ’il fuq. Kif tiddikjara l-Konfederazzjoni Svizzera stess, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-sentenza kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni wkoll mill-perspettiva tal-implikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Kif għadu kif intqal, tali eżami ma setax iwassal għal konklużjoni differenti minn dik li għaliha waslet id-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-ksur, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

200    L-ilment tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ksur allegat, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 17 tal-Ftehim, għandu wkoll jiġi miċħud.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ġie konkluż diġà li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma jiksrux il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim.

202    Barra minn hekk, ġie konkluż ukoll li, anki li kieku l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kien applikabbli fil-kuntest tal-Ftehim, ir-restrizzjonijiet eventwali għal din il-libertà li jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni kienu ġġustifikati mill-għan tal-ħarsien tal-ambjent, b’tali mod li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistax jostakola l-implementazzjoni tal-imsemmija miżuri.

203    Fl-aħħar nett, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tidentifika ebda dispożizzjoni oħra tal-Ftehim li tista’ tostakola l-implementazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi, Għaldaqstant, għalkemm il-Ftehim kien jimplika, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma hijiex waħda mill-partijiet kontraenti għall-Ftehim, obbligu ta’ kooperazzjoni leali, id-deċiżjoni kkontestata kienet korretta meta ma kkonstatat ebda ksur ta’ dan l-obbligu ipotetiku.

204    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet ilment, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

205    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Konfederazzjoni Svizzera tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

206    Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

207    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent ibati l-ispejjeż tiegħu. F’dan il-każ, il-Landkreis Waldshut, intervenjent insostenn tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Konfederazzjoni Svizzera hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Landkreis Waldshut għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.