Language of document : ECLI:EU:T:2011:112

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Tul tal-ksur”

Fil-Kawża T‑382/06,

Tomkins plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. Soames, S. Jordan, solicitors, u J. Joshua, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Nijenhuis u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn S. Kinsella u K. Daly, solicitors,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi), kif ukoll talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir‑rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjoni, minn M. E. Martins Ribeiro, President tal‑Awla, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: M. E Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F‑1/38.121 – Attrezzaturi) (sunt fil-ĠU 2007, L 283, p. 63, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul perijodi differenti bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-1 ta’ April 2004, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ grupp ta’ ftehim antikompetittivi u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram, li kienu jkopru t-territorju taż-ŻEE. Il-ksur kien jikkonsisti fl‑iffissar tal-prezzijiet, fi qbil dwar il-listi tal-prezzijiet, fi skontijiet u roħs u f’mekkaniżmi ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll f’parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u fiż-żamma ta’ kuntatti oħrajn intiżi li jiffaċilitaw il-ksur.

2        Ir-rikorrenti, Tomkins plc, kif ukoll is-sussidjarja tagħha fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, Pegler Ltd (li kienet The Steel Nut & Joseph Hampton Ltd), kienu fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

3        Ir-rikorrenti kellha, bejn is-17 ta’ Ġunju 1986 u l-31 ta’ Jannar 2004, 100 % tal‑kapital ta’ Pegler, li timmanifattura attrezzaturi tar-ram. Fl-1 ta’ Frar 2004, Pegler inbiegħet lill-grupp tad-diretturi tagħha. Fis-26 ta’ Awwissu 2005, Pegler Holdings Ltd u Pegler inxtraw minn Aalberts Industries NV, destinatarja oħra tad‑deċiżjoni kkontestata.

4        Fid-9 ta’ Jannar 2001, Mueller Industries Inc., manufattriċi oħra ta’ attrezzaturi tar-ram, informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal‑attrezzaturi, u f’industriji oħra konnessi fis-suq tal-pajpijiet tar-ram, u bir-rieda tagħha li tikkoopera abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4), iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996” (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2001, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fir-rigward tal‑pajpijiet u tal-attrezzaturi tar-ram, il-Kummissjoni wettqet, skont l‑Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi impriżi (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Wara dawn l-ewwel spezzjonijiet, f’April 2001 il-Kummissjoni qasmet l‑investigazzjoni tagħha fuq il-pajpijiet tar-ram fi tliet proċeduri distinti, jiġifieri, il-proċedura dwar il-Każ COMP/E-1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), dik dwar il-Każ COMP/F‑1/38.121 (Attrezzaturi) u dik dwar il-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fl-24 u fil-25 ta’ April 2001, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet oħra għall‑għarrieda fil-bini ta’ Delta plc, il-kumpannija ewlenija ta’ grupp ta’ inġinerija internazzjonali li d-dipartiment “Inġinerija” tiegħu kien jiġbor fih diversi manifatturi ta’ attrezzaturi. Dawn l-ispezzjonijiet kienu jikkonċernaw biss l-attrezzaturi (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Minn Frar u minn Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-partijiet ikkonċernati diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u sussegwentement skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        F’Settembru 2003, IMI plc ippreżentat talba sabiex tibbenefika mill‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996. Din it-talba kienet segwita minn dawk tal-grupp Delta (Marzu 2004) u ta’ FRA.BO SpA (Lulju 2004). L‑aħħar talba għal klemenza ġiet ippreżentata f’Mejju 2005 minn Advanced Fluid Connections plc (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fit-22 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/F‑1/38.121 (Attrezzaturi), bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet b’mod partikolari nnotifikata lir-rikorrenti (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

12      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Pegler kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u t-22 ta’ Marzu 2001.

13      Għal dan il-ksur, fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, in solidum ma’ Pegler, multa ta’ EUR 5.25 miljun.

14      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ddefinit fil-Linji ta’ gwida dwar il‑metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171)

15      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il‑gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna, kemm minħabba n-natura tiegħu kif ukoll minħabba l-portata ġeografika tiegħu (premessa 755 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Wara dan, peress li qieset li hemm differenzi kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat, billi bbażat ruħha, għal dan il-għan, fuq l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminata skont l-ishma tas-suq tagħhom. Fuq din il-bażi, hija qassmet l‑impriżi kkonċernati f’sitt kategoriji (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fis-sitt kategorija. L-ammont inizjali tal-multa għal din il-kategorija ġie ffissat għal EUR 2 miljuni (premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti, li kien ta’ EUR 4 635 miljun fl‑2005, jiġifieri s-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 għal finijiet ta’ dissważjoni, u dan wassal, fir-rigward tar-rikorrenti, għal ammont inizjali miżjud ta’ EUR 2.5 miljun (premessi 771 sa 773 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur (tnax-il sena u xahrejn), il-Kummissjoni sussegwentement żiedet il-multa b’110 %, jiġifieri 5 % fis-sena għall-ewwel sentejn u 10 % għal kull sena sħiħa, b’effett mill-31 ta’ Jannar 1991, għall-għaxar snin li jifdal (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan wassal sabiex l-ammont finali tal-multa jiġi ffissat għal EUR 5.25 miljun.

20      Il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm ċirkustanza aggravanti jew attenwanti kontra jew favur ir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-22 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qegħdha tirrinunzja kemm għall‑ewwel, it-tieni u t-tielet motivi msemmija fir-rikors, kollha kemm huma marbutin mal-kwistjoni tal-imputabbiltà fuq il-kumpannija parent tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja, kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda ż-żieda tal-ammont tal‑multa għal finijiet ta’ dissważjoni. Hija indikat ukoll li ma kienx jidhrilha li kien neċessarju li tinżamm seduta u li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi l-kawża abbażi tal-proċedura bil-miktub. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2010, il‑Kummissjoni indikat li kienet qed tħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali d-deċiżjoni dwar jekk kienx utli li tinżamm seduta fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

24      Fit-22 ta’ Jannar 2010, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tagħlaq il‑proċedura orali mingħajr ma żżomm seduta.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma Pegler;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Wara r-rinunzja parzjali tar-rikorrenti għar-rikors tagħha, hija tressaq biss motiv wieħed, ibbażat fuq żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur.

 L-argumenti tal-partijiet

28      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li Pegler kienet ipparteċipat fl-akkordju għal perijodu itwal minn dak li seta’ jiġi ddeterminat permezz tal-provi li jinsabu fil-fajl.

29      L-ewwel nett, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur kienet bdiet fil-31 ta’ Diċembru 1988. Kif tammetti l-Kummissjoni nnifisha, din hija konklużjoni bbażata fuq rapport mingħajr data miksub minn Delta fejn hemm indikat li Pegler ipparteċipat fil-ksur lejn l-aħħar tas-sena 1988. Skont ir-rikorrenti, il-fajl ma jinkludi ebda prova oħra li eventwalment timplika lill-Pegler fl-akkordju qabel is‑7 ta’ Frar 1989, li hija l-iktar data bikrija fejn huwa possibbli li jiġi identifikat, b’ċertezza suffiċjenti, il-bidu tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din il-kumpannija.

30      It-tieni nett, il-Kummissjoni wettqet żball anki f’dak li jirrigwarda d-data tat‑tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur. Barra minn hekk, il-provi li jinsabu fil-fajl juru li d-data tat-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni ma kinitx it-22 ta’ Marzu 2001, iżda pjuttost it-3 ta’ Mejju 2000, li hija l-unika data li hija kkonfermata minn provi reali, li tikkorrispondi għal laqgħa tal-akkordju fejn Pegler ipparteċipat.

31      Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li l-perijodu ta’ ksur li ġie attribwit lilha għandu jitnaqqas eżattament b’sena, jiġifieri tul aġġornat li jibda mis-7 ta’ Frar 1989 u jispiċċa fit-3 ta’ Mejju 2000.

32      Il-Kummissjoni tqis li hija pproduċiet biżżejjed elementi li jikkonfermaw il‑parteċipazzjoni ta’ Pegler fl-akkordju għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u Marzu 2001, meta hija wettqet l-ispezzjonijiet għall-għarrieda.

33      Fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni tirreferi għal-nota interna miksuba waqt waħda mill-ispezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ Delta, li għandha d-data tat-3 ta’ Jannar 1989 u li hija riprodotta fil-premessa 183 tad‑deċiżjoni kkontestata. Din in-nota turi b’mod ċar li l-akkordju inkwistjoni kien diġà fis-seħħ qabel it-3 ta’ Jannar 1989 u li Pegler kienet involuta fih qabel din id‑data.

34      Fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fl-akkordju, il‑Kummissjoni tirreferi għall-premessi 702 u 721 tad-deċiżjoni kkontestata fejn hija kienet diġà eżaminat l-argumenti simili li r-rikorrenti kienet għamlet b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

35      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imputat fuq ir-rikorrenti, li kellha 100 % tal-kapital ta’ Pegler bejn is-17 ta’ Ġunju 1986 u l-31 ta’ Jannar 2004, l‑aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din tal-aħħar u kkundannatha in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha. Din l-imputazzjoni hija bbażata fuq il‑fatt li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Pegler matul il‑perijodu tal-ksur.

36      Huwa paċifiku li s-sussidjarja pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta biss id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-imsemmija parteċipazzjoni fl-akkordju kif ġew deċiżi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li r‑rikorrenti rrinunzjat għall-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv tagħha effettivament jindika li hija ma tikkontestax il-fatt li hija għandha tiġi imputata bir‑responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha.

37      Għalhekk, għandu jiġi osservat li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur huwa determinanti f’dak li jirrigwarda l-portata tar-responsabbiltà tar-rikorrenti.

38      Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma nżammitx responsabbli għall-akkordju inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-attivitajiet tiegħu. Hija nżammet responsabbli għall-ksur biss inkwantu kumpannija parent minħabba l‑parteċipazzjoni ta’ Pegler fl-akkordju. Għalhekk, ir-responsabbiltà tagħha ma tistax tisboq dik ta’ Pegler.

39      Issa, permezz tas-sentenza tal-llum, mogħtija fil-Kawża T‑386/06, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn fih il-Kummissjoni kkonstatat li Pegler kienet ipparteċipat fl-akkordju inkwistjoni matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d-29 ta’ Ottubru 1993. Fis-sottomissjonijiet bil‑miktub tagħha, ir-rikorrenti kkontestat espliċitament il-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur biss fir-rigward tal-perijodu preċedenti għas-7 ta’ Frar 1989. Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li dan l-annullament għandu fir-rigward tar-rikorrenti.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l‑qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiddeċiedi ultra petitia (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja, tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs Awtorità Għolja, 46/59 u 47/59, Ġabra p. 783, 801, u tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni, 37/71, Ġabra p. 483, punt 12), l-annullament li hija tiddeċiedi ma tistax tmur lil hinn minn dik mitluba mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 52).

41      Barra minn dan, jekk id-destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddeċiedi biss fuq l-elementi tad‑deċiżjoni li jikkonċernawh. Min-naħa l-oħra, l-elementi li jikkonċernaw destinatarji oħrajn, li ma ġewx ikkontestati, ma jifformawx parti mis-suġġett tal‑kawża li l-qorti tal-Unjoni għandha tiddeċiedi (sentenza Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

42      Madankollu, fil-kawża preżenti, minkejja l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, u b’mod partikolari s-sentenza Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, mill-perspettiva tad-dritt tal‑kompetizzjoni, ir-rikorrenti tikkostitwixxi entità unika mas-sussidjarja tagħha, li rebħet parzjalment fuq ir-rikors għal annullament tagħha ppreżentat fil-Kawża T‑386/06. Għaldaqstant, fid-dawl tal-imputazzjoni magħżula mill-Kummissjoni fil-konfront tar-rikorrenti, din tal-aħħar għandha tibbenefika mill-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fl-imsemmija kawża. Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annulament kontra d-deċiżjoni kkontestata u sostniet li, jekk id-deċiżjoni kkontestata jkollha tiġi annullata fir-rigward ta’ Pegler, ikun hemm ukoll lok li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tressaq motiv uniku intiż li jikkontesta t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur u titlob, f’dan ir-rigward, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Barra minn hekk, din it-talba hija koerenti mal-fatt li r-rikorrenti u Pegler ġew ikkundannati in solidum għall-ħlas tal-multa li ġiet imposta fuqhom fl‑Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata u tikkorrispondi mat-talba ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-kawża preżenti.

44      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, meta quddiema jkollha rikorsi għal annullament ippreżentat separatament minn kumpannija parent u mis-sussidjarja tagħha, ma tkunx qed tiddeċiedi ultra petita meta tieħu inkunsiderazzjoni l-eżitu tar-rikors ippreżentat mis-sussidjarja, ladarba t-talbiet tar-rikors ippreżentat mill‑kumpannija parent ikollhom l-istess suġġett.

45      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, ir‑responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha għall‑ħlas tal-multa li ġiet imposta fuqhom tqiegħdhom f’sitwazzjoni partikolari, li ġġib magħha konsegwenzi għall-kumpannija parent li nżammet responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, fil-każ ta’ annullament jew ta’ bdil tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min‑naħa tas-sussidjarja, il-kumpannija parent la kienet tiġi imputata bl-aġir tas‑sussidjarja tagħha u lanqas ma kienet tiġi kkundannata in solidum mas‑sussidjarja tagħha għall-ħlas tal-multa.

46      Għalhekk, peress li r-responsabbiltà tar-rikorrenti hija marbuta strettament ma dik ta’ Pegler, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward tal-bidu tal‑parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u, konsegwentement, hemm lok li l‑ammont tal-multa imposta fuqha jitnaqqas.

47      Fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fl-akkordju, ir‑rikorrenti tqis li l-aħħar prova li tippermetti li tiġi stabbilità rabta bejn Pegler u l-akkordju hija dik li tirrigwarda l-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 2000, li għaliha pparteċipat Pegler, u dan jimplika li hija din id-data li kellha tingħażel u mhux dik tat-22 ta’ Marzu 2001, jiġifieri d-data ta’ meta l-Kummissjoni wettqet l‑ispezzjonijiet għall-għarrieda. F’dan ir-rigward, mill-premessa 716 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm id-data tal-prova tal-aħħar ftehim antikompetittiv li għalih ipparteċipat Pegler hija l-14 ta’ Awwissu 2000, il‑Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat li tagħżel id-data tat-22 ta’ Marzu 2001 bħala d-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur, fid-dawl tal-fatt li hija kienet ipparteċipat fl-akkordju sa mill-bidu, li hija kienet ipparteċipat regolarment għall-ftehim u għall-implementazzjoni tagħhom u li hija ma kinitx iddisassoċjat ruħha pubblikament mill-ftehim matul il-perijodu ta’ bejn il-ftehim tal-14 ta’ Awwissu 2000 u l-ispezzjonijiet għal għarrieda ta’ Marzu 2001.

48      Din il-konkluzjoni għandha tiġi approvata. Il-fatt li Pegler ma pparteċipat għall‑ebda laqgħa matul il-perijodu, skont ir-rikorrenti, ta’ bejn it-3 ta’ Mejju 2000 u t-22 ta’ Marzu 2001 jew, skont il-Kummissjoni, ta’ bejn l-14 ta’ Awwissu 2000 u t-22 ta’ Marzu 2001, ma huwiex rilevanti fil-kawża preżenti.

49      Għandu qabel kollox jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti f’akkordju, u dan jimplika li tkun magħrufa d-data tal-bidu u dik tat-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni. Għandu wkoll jiġi osservat li l-perijodu ta’ bejn l-aħħar laqgħa li għaliha pparteċipat Pegler u d-data magħżula bħala data tat-tmiem tal-akkordju huwa twil biżżejjed sabiex ikun hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-oneru tal-prova tagħha.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ kuntatti, skont ir-rikorrenti, wara t-3 ta’ Mejju 2000 jew, skont il-Kummissjoni, wara l-14 ta’ Awwissu 2000 jista’ jindika li Pegler kienet irtirat mill-akkordju.

51      Madankollu, fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-akkordju inkwistjoni, li huwa kkaratterizzat minn kuntatti multilaterali, ġeneralment fuq livell pan‑Ewropew, minn kuntatti bilaterali, ġeneralment fuq livell nazzjonali jew reġjonali, bi frekwenza ta’ mill-inqas darba jew darbtejn fis-sena, u minn kuntatti ad hoc, iż‑żmien ta’ bejn l-aħħar kuntatt u d-data tat-tmiem tal-akkordju huwa qasir wisq sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li Pegler kienet safrattant irtirat mill-akkordju.

52      Il-fatt li Pegler ma pparteċipatx għal laqgħa jew tnejn, li seħħew wara l-aħħar parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa fil-kuntest tal-akkordju, ma setax jiġi interpretat mill-membri l-oħra tal-akkordju bħala dissassoċjazzjoni min-naħa ta’ Pegler fir‑rigward tal-attivitajiet tal-akkordju, peress li ma kinitx ħaġa eċċezzjonali li membru tal-akkordju ma jipparteċipax sistematikament għal kull laqgħa.

53      Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ provi jew ta’ indizji li jistgħu jiġu interpretati bħala rieda espliċita min-naħa ta’ Pegler li tiddissasoċja ruħha mis-suġġett tal‑ftehim konkluż fl-10 ta’ Ġunju 2000, li kellu bħala suġġett żieda fil-prezzijiet b’effett mill-14 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li kellha provi suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-kontinwità tal-parteċipazzjoni tar‑rikorrenti fl-akkordju sad-data ta’ meta hija qieset li l-akkordju kien intemm, jiġifieri d-data ta’ meta hija wettqet l-ispezzjonijiet għal għarrieda (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punti 118 sa 120, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, punt 134, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 1 tad‑deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn il-Kummissjoni imputat fuq ir-rikorrenti l-ksur li seħħ qabel id-29 ta’ Ottubru 1993.

55      Għalhekk, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata timponi żieda ta’ 110 % tal-ammont iniżjali tal-multa abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur, din għandha tinbidel. Peress li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur u, konsegwentement it-tul tal‑parteċipazzjoni tar-rikorrenti inkwantu kumpannija parent li nżammet responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, huwa ta’ seba’ snin u ħames xhur (minflok it-tnax–il sena u xahrejn indikati fid-deċiżjoni kkontestata), l-ammont inizjali tal-multa għandu jiġi miżjud b’70 % (minflok b’110 %).

56      Fid-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali billi applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 għal finijiet ta’ dissważjoni. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T‑386/06 li tat lok għas‑sentenza Pegler vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tal-lum, tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta applikat dan il-koeffiċjent multiplikatur, peress li fuq dan il-punt il-Kummissjoni wettqet żball fl‑applikazzjoni tal-kriterji pprovduti fil-linji gwida tal-1998 għall-kalkolu tal‑multi (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

57      Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tislet il‑konsegwenzi li jirriżultaw minn dan l-iżball u mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa fir-rigward tar-rikorrenti. Kif ġie kkonstatat fil-punt 38 iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ma tistax tisboq dik ta’ Pegler fiċ‑ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

58      Sa fejn ir-rikorrenti rrinunzjat għall-ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda ż-żieda tal-ammont tal-multa għal finijiet ta’ dissważjoni (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi fuq dan il-punt mingħajr ma tmur lil hinn mill-kuntest tal-kawża kif ġie ddefinit mill-partijiet fil‑kawża preżenti.

59      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-ammont inizjali huwa miżmum għal EUR 2. 5 miljun. Dan l-ammont, miżjud b’70 %, jagħti lok għal multa ta’ EUR 4. 25 miljun.

60      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

62      Fil-kawża preżenti, it-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati. Madankollu, ir-rikorrenti rrinunzjat għal uħud mill-motivi (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) fi stadju avvanzat tal-proċedura, jiġifieri wara l-għeluq tal-proċedura bil‑miktub. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ‑ċirkustanzi tal-kawża preżenti jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l‑ispejjez tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi) huwa annullat sa fejn jimputa l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d‑29 ta’ Ottubru 1993 fuq Tomkins plc.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Tomkins fl-Artikolu 2(h) tad‑Deċiżjoni C (2006) 4180 huwa ffissat għal EUR 4. 25 miljun li minnhom EUR 3. 4 miljun għandhom jitħallsu in solidum ma Pegler Ltd.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-24 ta’ Marzu 2011

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.