Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-21 ta’ Awwissu 2017 – Lintner Györgyné vs UniCredit Bank Hungary Zrt.

(Kawża C-511/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Lintner Györgyné

Konvenuta: UniCredit Bank Hungary Zrt.

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar klawżoli inġusti 1 – fid-dawl ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi rappreżentanza legali – għandu jiġi interpretat fis-sens li kull waħda mill-klawżoli tal-kuntratt għandha tiġi eżaminata individwalment mill-perspettiva ta’ jekk tistax tiqies inġusta, indipendentement minn jekk eżami tal-klawżoli kollha tal-kuntratt huwiex realment meħtieġ sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet magħmula fil-kuntest tar-rikors?

Jew inkella, bil-kontra ta’ dak li huwa espost fil-kuntest tal-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar klawżoli inġusti għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt għandhom jiġu eżaminati biex tiġi konkluża n-natura inġusta tal-klawżola li fuqha hija bbażata t-talba?

Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv, dan jista’ jfisser li sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata n-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni huwa meħtieġ eżami tal-kuntratt fit-totalità tiegħu, jiġifieri li n-natura inġusta ta’ kull wieħed mill-elementi ma għandiex tiġi eżaminata b’mod awtonomu, indipendentement mill-klawżola kkontestata fil-kuntest tar-rikors?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).