Language of document : ECLI:EU:C:2017:603

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C230/16

Coty Germany GmbH

vs

Parfümerie Akzente GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) TFUE – Distribuzzjoni selettiva – Klawżola li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jużaw terz li ma jkunx awtorizzat fil-kuntest tal-bejgħ bl-internet – Benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija prevista mir-Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 4(b) u (c)”






1.        L-użu dejjem jikber li ċerti distributuri qed jagħmlu mis-swieq (marketplaces) jew pjattaformi elettroniċi indipendenti ta’ produtturi (2) naturalment wassal biex ċertu numru ta’ awtoritajiet u qrati nazzjonali (3) jistaqsu dwar il-possibbiltà li fornitur jipprojbixxi lill-bejjiegħa mill-ġdid li jkunu awtorizzati minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva milli jużaw impriżi terzi li ma jkunux awtorizzati.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li titlob “tfassil mill-ġdid” tal-legalità, fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fis-settur tal-kummerċ elettroniku, u li l-konsegwenzi ekonomiċi possibbli tagħhom ma għandhomx jiġu sottovalutati (4), tikkostitwixxi eżempju perfett ta’ din is-sitwazzjoni.

3.        Permezz ta’ din it-talba, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 (5).

4.        L-imsemmija talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Coty Germany GmbH, fornitur ewlieni ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu fil-Ġermanja, u Parfümerie Akzente GmbH, distributur awtorizzat tal-imsemmija prodotti, dwar il-projbizzjoni fuq din tal-aħħar li tagħmel użu b’mod identifikabbli minn impriżi terzi li ma jkunux awtorizzati jbigħu bl-internet il-prodotti kożmetiċi.

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija b’mod iktar partikolari dwar jekk u sa fejn is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettivi relatati mal-prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-“dehra ta’ lussu” ta’ dawn il-prodotti jikkostitwixxu elementi ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk il-projbizzjoni assoluta imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk ġewx miksura konkretament ir-rekwiżiti leġittimi tal-produttur għal dak li jirrigwarda l-kwalità, hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddetermina jekk l-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li tali projbizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni “minħabba l-għan” tal-klijentela tal-bejjiegħ bl-imnut u/jew tal-bejgħ passiv lill-utenti finali.

6.        F’dan ir-rigward, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża jekk is-sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (6), li, bħalma semmiet il-qorti tar-rinviju, kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti mill-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni u mill-qrati nazzjonali, immodifikatx fundamentalment jew le l-fehim, fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tar-restrizzjonijiet ta’ kull sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li huma bbażati fuq kriterji kwalitattivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 330/2010

7.        Skont il-premessi 3 sa 5 tar-Regolament Nru 330/2010:

“(3)      Il-kategorija ta’ akkordji [ftehimiet] li tista’ titqies li normalment tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) [TFUE] tinkludi akkordji vertikali għax-xiri jew il-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi fejn dawk l-akkordji jiġu konklużi bejn impriżi li ma jikkompetux bejniethom, bejn ċerti kompetituri jew minn ċerti assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut ta’ oġġetti. Hija tinkludi wkoll akkordji vertikali li jkun fihom dispożizzjonijiet anċillari dwar iċ-ċessjoni jew l-użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. It-terminu ‘akkordji vertikali’ għandu jinkludi l-prattiċi miftiehma korrispondenti.

(4)      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] permezz ta’ regolament, mhuwiex neċessarju li jiġu definiti dawk l-akkordji vertikali li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) [TFUE]. Fl-istima individwali tal-akkordji taħt l-Artikolu 101(1) [TFUE], għandhom jitqiesu diversi fatturi u, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq min-naħa tal-forniment u tax-xiri.

(5)      Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija [eżenzjoni skont il-kategorija] stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-akkordji vertikali li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) [TFUE].”

8.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 330/2010 jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘akkordju [ftehim] vertikali’ tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi;

(b)      ‘restrizzjoni vertikali’ tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 10(1) [TFUE];

[…]

(e)      ‘sistema ta’ distribuzzjoni selettiva’ tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula abbażi ta’ kriterji speċifikati biss u fejn dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur li jopera dik is-sistema;

[…]”

9.        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 101(3) [TFUE] u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) [TFUE] ma għandux japplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.”

10.      Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ma jaqbiżx it-30 % tas-suq rilevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u s-sehem mis-suq miżmum mix-xerrej ma jaqbiżx it-30 % tas-suq relevanti li fih jixtri l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.”

11.      Taħt it-titolu “Restrizzjonijiet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija – restrizzjonijiet fundamentali”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 jiddikjara:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:

[…]

(b)      ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju jkun jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, ħlief:

[…]

(iii)      ir-restrizzjoni ta’ bejgħ mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva lil distributuri mhux awtorizzati fi ħdan it-territorju rriżervat mill-fornitur biex jopera dik is-sistema, u

[…]

(c)      ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera fil-livell tal-kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut, bla ħsara għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun projbit milli jopera minn post ta’ stabbiliment li ma jkunx awtorizzat;

[…]”

 Il-linji gwida dwar restrizzjonijiet vertikali

12.      F’konformità mal-punt 51 tal-linji gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (7) ppubblikati mill-Kummissjoni fl-istess ħin mal-adozzjoni tar-Regolament Nru 330/2010, “bejgħ passiv” għandu jfisser li jitwieġbu talbiet mhux solleċitati minn klijenti individwali inkluż it-tqassim ta’ oġġetti jew servizzi lil klijenti bħal dawn.

13.      Il-punt 52 tal-linji gwida jindika li l-internet huwa għodda b’saħħitha biex biha jista’ jintlaħaq numru u varjetà ikbar ta’ klijenti milli jintlaħqu bl-użu ta’ metodi ta’ bejgħ iktar tradizzjonali, u din hija r-raġuni għaliex ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu tal-internet qegħdin jiġu ttrattati bħala restizzjonijiet fuq bejgħ (mill-ġdid). Fit-tielet sentenza tal-istess punt 52 huwa indikat li, b’mod ġenerali, l-użu ta’ sit elettroniku minn distributur sabiex ibigħ prodotti huwa kkunsidrat bħala forma ta’ bejgħ passiv, peress li huwa mod raġonevoli li jippermetti lill-klijienti jikkuntattjaw lid-distributur.

14.      Il-punt 54 tal-linji gwida jipprevedi.

“Madankollu, [fil-kuntest tar-Regolament Nru 330/2010,] l-fornitur jista’ jeħtieġ standards ta’ kwalità għall-użu tas-sit tal-Internet għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tiegħu, hekk kif jista’ wkoll jeħtieġ standards ta’ kwalità għal ħanut jew biex ibigħ fuq katalogu jew għal reklamar u promozzjoni inġenerali. Dan jista’ jkun rilevanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ distribuzzjoni selettiva. Taħt l-Eżenzjoni ta’ Kategorija l-fornitur jista’ pereżempju jeħtieġ li d-distributuri tiegħu jkollhom ħanut fiżiku jew showroom wieħed jew iżjed bħala kundizzjoni biex isiru membri fis-sistema tad-distribuzzjoni tiegħu. […] Bl-istess mod, fornitur jista’ jeħtieġ li d-distributuri tiegħu jużaw pjattaformi ta’ partijiet terzi għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt biss skont l-istandards u l-kundizzjonijet miftiehma bejn il-fornitur u d-distributuri tiegħu dwar l-użu tal-internet mid-distributuri. Pereżempju, fejn il-websajt tad-distributur tkun ospitata minn pjattaforma ta’ parti terza, il-fornitur jista’ jeħtieġ li l-klijenti ma jidħlux fil-websajt tad-distributur permezz ta’ sit li fih jidhru l-isem jew id-ditta tal-pjattaforma tal-parti terza.”

15.      Fil-punt 56 tal-linji gwida, ġie spjegat li r-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 330/2010 tikkonċerna r-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali, kemm jekk konsumaturi professjonali finali jew konsumaturi finali, minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, mingħajr ħsara għall-possibbiltà li membru tas-sistema jiġi pprojbit milli jopera minn stabbiliment mhux awtorizzat. Fit-tielet sentenza tal-istess punt 56, ġie ppreċiżat li, fi ħdan sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, id-distributuri huma liberi li jbigħu, kemm attivament kif ukoll passivament, lill-utenti finali kollha, anki bl-internet. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala restrizzjoni fundamentali kull obbligu li jiddiswadi lid-distributuri maħtura milli jużaw l-internet biex jilħqu numru u varjetà ikbar ta’ klijenti billi jimponu kriterji għal bejgħ online li ma humiex globalment ekwivalenti għall-kriterji imposti għall-bejgħ minn ħanut fiżiku.

16.      Fl-aħħar nett, il-punt 176 tal-linji gwida jispjega li kemm il-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva kif ukoll il-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mir-Regolament Nru 330/2010 u li din l-eżenzjoni tapplika “irrispettivament min-natura tal-prodott ikkonċernat u min-natura tal-kriterji ta’ selezzjoni”. Madankollu, meta l-karatteristiċi tal-prodott ma jkunux jeħtieġu distribuzzjoni selettiva u lanqas l-applikazzjoni ta’ kriterji, bħal pereżempju l-obbligu li d-distributuri jkollhom ħanut fiżiku wieħed jew iktar jew li jipprovdu servizzi speċifiċi, tali sistema ta’ distribuzzjoni ġeneralment ma twassalx għal effetti sinjifikattivi li jtejbu l-effiċjenza biex ipattu għal tnaqqis sinjifikattiv fil-kompetizzjoni bejn prodott tal-istess trade mark. Jekk iseħħu effetti antikompettittivi sinjifikattivi, il-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija probabbilment ser jiġi rtirat.

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Coty Germany hija waħda mill-fornituri prinċipali ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu fil-Ġermanja. Hija tikkummerċjalizza ċerti trade marks ta’ dan is-settur permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, abbażi ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni użat b’mod uniformi fl-Ewropa minnha stess u mill-impriżi li huma affiljati magħha. Dan il-kuntratt huwa kkompletat minn kuntratti speċjali differenti li l-għan tagħhom huwa li jiġi organizzat l-imsemmi netwerk.

18.      Parfümerie Akzente ilha tiddistribwixxi għal diversi snin il-prodotti ta’ Coty Germany, bħala bejjiegħ bl-imnut awtorizzat, kemm fil-punti tal-bejgħ fiżiċi tagħha kif ukoll fuq l-internet. Il-bejgħ bl-internet isir parzjalment permezz tal-ħanut online tagħha stess u parzjalment permezz tal-pjattaforma “amazon.de”.

19.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-introduzzjoni tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva, Coty Germany tiġġustifika s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha b’dawn il-kliem, jiġifieri “in-natura tat-trade marks ta’ Coty Prestige tirrikjedi distribuzzjoni selettiva maħsuba biex tinżamm id-dehra ta’ lussu marbuta ma’ dawn it-trade marks” [traduzzjoni libera].

20.      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-kummerċ fiżiku, il-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva jipprevedi li kull punt tal-bejgħ tad-distributur għandu jkun awtorizzat minnha, u dan jippreżumi l-osservanza ta’ ċertu numru ta’ rekwiżiti, elenkati fl-Artikolu 2 tal-imsemmi kuntratt, f’termini ta’ ambjent, dekor u tqassim.

21.      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1)(3) tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni, “id-dekor u t-tqassim tal-punt tal-bejgħ, l-offerta ta’ prodotti, ir-reklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti għall-bejgħ għandhom jivvalorizzaw u jikkonfermaw in-natura lussuża tat-trade marks Coty Prestige. Għandhom jitqiesu b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-faċċati, id-dekor, l-art, il-ħitan u s-soqfa, l-għamara kif ukoll l-uċuħ tal-bejgħ u d-dawl, u finalment l-impressjoni ġenerali ta’ ordni u ta’ ndafa” [traduzzjoni libera].

22.      L-Artikolu 2(1)(6) tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni jippreċiża li “l-identifikazzjoni tal-punt tal-bejgħ, bl-isem tal-impriża jew biż-żieda ta’ elementi jew tas-slogan tal-impriża, ma tistax tagħti l-impressjoni ta’ għażla limitata ta’ prodotti, ta’ dekor ta’ kwalità medjokri jew tal-assenza ta’ pariri u fi kwalunkwe każ għandha ssir b’mod li ma jgħattix it-tiżjin u l-uċuħ ta’ esibizzjoni tal-bejjiegħ mill-ġdid” [traduzzjoni libera].

23.      Għaldaqstant, il-kuntest kuntrattwali li jorbot lill-partijiet jinkludi ftehim supplimentari dwar il-bejgħ bl-internet li l-Artikolu 1(3) tiegħu jipprevedi li “[l]-bejjiegħ mill-ġdid ma huwiex awtorizzat juża isem ieħor jew juża impriżi terzi li ma jkunux ġew awtorizzati” [traduzzjoni libera].

24.      F’Marzu 2012, Coty Germany biddlet il-kuntratti tan-netwerk li jirregolaw id-distribuzzjoni selettiva kif ukoll dan il-ftehim supplimentari, billi fl-ewwel subparagrafu tal-klawżola I(1) ta’ dan l-istess ftehim supplimentari pprovdiet li “[…] il-bejjiegħ mill-ġdid huwa awtorizzat joffri u jbigħ il-prodotti fuq l-internet, madankollu bil-kundizzjoni li din l-attività ta’ bejgħ bl-internet titwettaq permezz ta’ ‘vetrina elettronika’ tal-ħanut awtorizzat u li tinżamm in-natura lussuża tal-prodotti” [traduzzjoni libera]. Barra minn hekk, il-klawżola I(1)(3) tal-imsemmi ftehim supplimentari tipprojbixxi b’mod ċar l-użu ta’ denominazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll l-intervent identifikabbli ta’ impriża terza li ma tkunx bejjiegħ mill-ġdid awtorizzat ta’ Coty Prestige. F’nota għal din il-klawżola, ġie ppreċiżat li “[k]onsegwentement huwa pprojbit li l-bejjiegħ mill-ġdid jorganizza kooperazzjoni ma’ terzi, ladarba tali kooperazzjoni tirrigwarda l-użu tas-sit elettroniku u tkun identifikabbli” [traduzzjoni libera].

25.      Peress li Parfümerie Akzente rrifjutat li tapprova dawn il-modifiki għall-kuntratt ta’ distribuzzjoni, Coty Germany ppreżentat rikors quddiem qorti nazzjonali tal-prim’istanza sabiex din tipprojbixxiha milli tiddistribwixxi l-prodotti tat-trade mark kontenzjuża permezz tal-pjattaforma “amazon.de”, bl-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola I(1)(3).

26.      Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Lulju 2014, il-qorti nazzjonali tal-prim’istanza li kellha ġurisdizzjoni, jiġifieri l-Landgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ċaħdet it-talba minħabba li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni kienet kuntrarja għall-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 1 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (Liġi kontra r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni).

27.      Din il-qorti qieset b’mod partikolari li l-għan li tinżamm dehra ta’ prestiġju tat-trade mark ma jistax jiġġustifika, f’konformità mas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), l-istabbiliment ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li, mid-definizzjoni tagħha stess, tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-klawżola kuntrattwali kontenzjuża hija wkoll, skont il-qorti nazzjonali tal-prim’istanza, restrizzjoni fundamentali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 330/2010 u għalhekk ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni skont il-kategorija fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament.

28.      Barra minn hekk, dejjem skont il-qorti nazzjonali tal-prim’istanza, lanqas ma huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni individwali, peress li ma ntweriex li l-esklużjoni ġenerali tal-bejgħ bl-internet permezz ta’ pjattaformi ta’ terzi twassal għal titjib fl-effiċjenza ta’ natura li jpatti għall-inkonvenjenzi għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-klawżola kontenzjuża. Din il-qorti tqis li l-projbizzjoni ġenerali prevista minn din il-klawżola ma hijiex neċessarja, peress li jeżistu mezzi oħra daqstant xierqa iżda inqas restrittivi għall-kompetizzjoni bħall-applikazzjoni ta’ kriterji kwalitattivi speċifiċi għall-pjattaformi terzi.

29.      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet u fil-kuntest tal-appell imressaq minn Coty Germany kontra d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali tal-prim’istanza li l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-‘dehra ta’ lussu’ tal-imsemmija prodotti jikkostitwixxu element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Il-projbizzjoni assoluta, imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk ġewx miksura b’mod konkret ir-rekwiżiti leġittimi tal-produttur għal dak li jirrigwarda l-kwalità, tista’ titqies li hija element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE?

3)      L-Artikolu 4(b) tar-Regolament [Nru 330/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan tal-klijentela tal-bejjiegħ bl-imnut?

4)      L-Artikolu 4(c) tar-Regolament [Nru 330/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan tal-bejgħ passiv lill-utenti finali?”

30.      Coty Germany, Parfümerie Akzente, il-gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Lussemburgu, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31.      Saret seduta fit-30 ta’ Marzu 2017, li fiha pparteċipaw Coty Germany, Parfümerie Akzente, il-gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Lussemburgu, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari u kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva

32.      B’mod ġenerali, ir-regoli tal-kompetizzjoni – u b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE – għandhom l-għan li jevitaw id-distorsjonijiet tal-“kompetizzjoni”, filwaqt li jippreċiżaw li din tal-aħħar, li għandha l-għan li tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u, in fine, il-benesseri tal-konsumaturi, ma għandhiex tippermetti biss l-istabbiliment tal-iktar prezzijiet baxxi possibbli, iżda hija wkoll mezz ta’ diversità fl-għażla tal-prodotti, tal-ottimizzazzjoni tal-kwalità ta’ dawn tal-aħħar u tas-servizzi pprovduti kif ukoll ta’ stimolu għall-innovazzjoni. Id-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew ma jipprevedix il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet bħala l-uniku mudell possibbli.

33.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet minn kmieni ħafna li l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, għalkemm hija importanti, ma tikkostitwixxix l-unika forma effettiva ta’ kompetizzjoni u lanqas dik li, f’kull ċirkustanza, għandha tingħata prijorità assoluta (8). Għalhekk jeżistu rekwiżiti leġittimi, bħal li jkun hemm kummerċ speċjalizzat li jkun kapaċi jipprovdi servizzi speċifiċi għall-prodotti ta’ kwalità u natura teknika għoljin, li jiġġustifikaw tnaqqis tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet għall-benefiċċju tal-kompetizzjoni li tirrigwarda elementi oħra minbarra l-prezzijiet (9).

34.      Huwa abbażi ta’ din il-premessa li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva.

35.      Dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala sistemi ta’ distribuzzjoni fejn, minn naħa, il-fornitur (spiss ikklassifikat bħala “kap tan-netwerk”) jaċċetta li jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, biss lil distributuri magħżula abbażi ta’ kriterji speċifikati u, min-naħa l-oħra, dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbigħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur (10).

36.      Huwa rrikonoxxut sew, sa mis-sentenza Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (11), li ftehim ta’ natura vertikali, konkluż bejn l-impriżi li ma humiex partijiet ugwali, jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni li jista’ jkun hemm bejniethom jew bejn waħda minnhom u terzi. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż a priori li klawżoli kuntrattwali mdaħħla fil-kuntratti ta’ distribuzzjoni selettiva jinkludu restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari ta’ natura li jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-akkordji antikompetittivi. Fir-rigward tal-applikabbiltà nnifisha tad-dritt tal-akkordji għad-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni mfassla fil-kuntest tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, huwa stabbilit li din is-selezzjoni, peress li tirriżulta minn klawżoli kuntrattwali ta’ kuntratti ffirmati bejn il-kap tan-netwerk u d-distributuri awtorizzati tiegħu, hija ta’ natura li taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-akkordji (12).

37.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti pprevediet is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bbażati fuq kriterji kwalitattivi b’kawtela (13). Hija rrikonoxxiet b’mod ċar ukoll, sa mill-famuża sentenza mogħtija fil-kawża Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni (14), il-legalità, fir-rigward tad-dritt tal-akkordji, tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva li jibbażaw fuq kriterji kwalitattivi.

38.      F’dan il-kuntest, hija enfasizzat li r-rekwiżit ta’ kompetizzjoni mhux distorta jaċċetta li n-natura u l-intensità tal-kompetizzjoni jistgħu jvarjaw skont il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni u l-istruttura ekonomika tas-swieq settorjali kkonċernati. B’mod partikolari, l-istruttura tas-suq ma tipprekludix l-eżistenza ta’ kanali ta’ distribuzzjoni ddifferenzjati adattati għall-karatteristiċi proprji tal-produtturi differenti u għall-bżonnijiet tal-kategoriji differenti ta’ konsumaturi. Permezz tar-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod impliċitu iżda neċessarju li tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn prodott tal-istess trade mark (intra-brand competition) jista’ jkun aċċettat meta dan ikun indispensabbli biex tiġi stimolata l-kompetizzjoni bejn it-trade marks (inter-brand competition).

39.      Hija b’hekk iddeċidiet b’mod ripetut li dawn is-sistemi setgħu jiġu ddikjarati konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid kienet isseħħ skont kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi u applikati b’mod nondiskriminatorju.

40.      Barra minn hekk, f’konformità ma’ ċerti linji gwida dottrinali (15), dawn stess imsaħħa mill-analiżi tal-ekonomisti (16), b’mod progressiv irriżulta, b’mod partikolari fit-tfassil ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, li tali sistemi, b’mod ġenerali, iwasslu għal effetti pożittivi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

41.      Dan l-iżvilupp, li ma sarx fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (17), jibbaża b’mod partikolari fuq il-konstatazzjonijiet li ġejjin.

42.      Fl-ewwel lok, sa fejn dawn għandhom l-għan li jawtorizzaw lid-distributuri ta’ ċerti prodotti fuq il-bażi tal-kriterji kwalitattivi meħtieġa min-natura ta’ dawn il-prodotti, is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jiffavorixxu u jipproteġu l-iżvilupp tad-dehra tad-ditta (brand image). Dawn jikkostitwixxu fattur li jistimola l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ prodotti tad-ditta, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn it-trade marks, sa fejn dawn jippermettu lill-produtturi jorganizzaw b’mod effettiv id-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom u jissodisfaw lill-konsumaturi.

43.      Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma, b’mod partikolari għall-prodotti li għandhom karatteristiċi uniċi, vettur ta’ penetrazzjoni tas-swieq. It-trade marks, u b’mod partikolari t-trade marks ta’ lussu, fil-fatt jiksbu l-qligħ kapitali tagħhom minn perċezzjoni stabbli min-naħa tal-konsumaturi tal-kwalità għolja tagħhom u mill-esklużività tagħhom fil-preżentazzjoni tagħhom u fil-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Madankollu, din l-istabbiltà ma tistax tiġi ggarantita meta ma tkunx l-istess impriża li tiżgura d-distribuzzjoni tal-prodotti. Ir-raġuni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva hija li dawn jippermettu l-estensjoni tad-distribuzzjoni ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari lejn żoni ġeografikament imbiegħda minn dawk tal-produzzjoni tagħhom, filwaqt li tinżamm din l-istabbiltà b’selezzjoni ta’ impriżi awtorizzati biex jiddistribwixxu l-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

44.      Fit-tieni lok, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni bejn prodott tal-istess trade mark, minħabba l-ugwaljanza bejn id-distributuri awtorizzati li tirriżulta mill-applikazzjoni, li bħala prinċipju hija oġġettiva u nondiskriminatorja, ta’ kriterji ta’ selezzjoni ta’ natura kwalitattiva, id-distribuzzjoni selettiva tista’ ċertament twassal għas-suġġettar tal-impriżi membri kollha għal kundizzjonijiet kompetittivi simili tan-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva u, għaldaqstant, għal tnaqqis potenzjali kemm fin-numru ta’ distributuri tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt kif ukoll fil-kompetizzjoni bejn prodott tal-istess trade mark, b’mod partikolari f’termini ta’ prezz. Madankollu, paradossalment, iktar ma jkunu stretti l-kriterji ta’ selezzjoni li jimponi l-fornitur, dan jirriskja iktar, minħabba t-tnaqqis fid-distribuzzjoni tal-prodotti li jirriżulta minn dan, li jkun hemm telf tas-suq u tal-klijentela. Għaldaqstant u sakemm dan ma jkollux “setgħa tas-suq” sinjifikattiva, il-fornitur, li huwa l-kap tan-netwerk, bħala prinċipju jasal sabiex iwettaq “awtoregolazzjoni” tal-aġir tiegħu f’sens konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni.

45.      Konsegwentement, jista’ jitqies li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jipproduċu, b’mod ġenerali, effetti newtrali jew saħansitra ta’ benefiċċju mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

46.      Huwa importanti li jitfakkar li l-konformità mal-Artikolu 101(1) TFUE tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva hija bbażata definittivament fuq l-idea li jista’ jkun leġittimu li l-enfasi ma tkunx fuq il-kompetizzjoni “permezz tal-prezzijiet” għall-benefiċċju ta’ kompetizzjoni li tirrigwarda elementi oħra ta’ natura kwalitattiva. Ir-rikonoxximent ta’ din il-konformità għalhekk ma jistax jiġi ristrett għall-prodotti li jkollhom kwalitajiet materjali partikolari. Il-fattur determinanti għall-identifikazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ restrizzjoni għall-kompetizzjoni ma huwiex il-proprjetajiet intrinsiċi tal-prodotti inkwistjoni, iżda pjuttost iċ-ċirkustanza li tidher neċessarja biex jinżamm il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ distribuzzjoni, li hija preċiżament maħsuba biex iżżomm id-dehra tat-trade mark jew tal-kwalità tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

47.      Fil-qosor, għalkemm, fi tmiem eżami superfiċjali u formalista fl-istess ħin, ċerti obbligi kuntrattwali imposti fuq il-bejjiegħa bl-imnut fil-kuntest tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva setgħu jiġu assimilati faċilment, sa fejn dawn kienu jillimitaw il-libertà kummerċjali tad-distributuri kkonċernati, ma’ limitazzjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, ġie stabbilit malajr ħafna, kemm fil-ġurisprudenza żviluppata sa mis-sentenza Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni (18) kif ukoll fil-leġiżlazzjoni applikabbli dwar kwistjonijiet ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li hija bbażata fuq kriterji kwalitattivi hija, f’ċerti kundizzjonijiet, ta’ natura li tiġġenera effetti favur il-kompetizzjoni u għalhekk ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

48.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex intiż li jirregola jew jipprojbixxi ċerti obbligi kuntrattwali maqbula b’mod liberu, bħal dawk li jirriżultaw mill-kuntratt li jorbot distributur mal-fornitur tiegħu, iżda essenzjalment jirrigwarda l-effetti ekonomiċi tal-aġir intiż mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-fatt li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva eventwalment iwassal għal żbilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet, b’mod partikolari għad-detriment tad-distributur awtorizzat, ma huwiex ċirkustanza rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni ta’ dan il-ftehim (19).

49.      X’jiġri sussegwentement għal dak li jirrigwarda l-qafas ta’ analiżi preċiża tal-miżuri meħuda fil-kuntest tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva fir-rigward tad-dritt tal-akkordji?

50.      L-eżami tal-aġir ta’ impriża żviluppat u impost fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE għandu bażikament jitwettaq f’żewġ partijiet. Qabelxejn għandu jiġi eżaminat – bħalma ġejna mistiedna nagħmlu mill-qorti tar-rinviju permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi preliminari tagħha – jekk dan l-aġir, bħala prinċipju, huwiex ta’ natura li jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jiġifieri fil-każ li jkollu jiġi deċiż li r-restrizzjonijiet kontenzjużi jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, ikun neċessarju, imbagħad – hekk kif in fine huwa s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ domandi – li jiġi ddeterminat jekk l-aġir kontenzjuż ikunx ta’ natura li jibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE jew le.

51.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-kap tan-netwerk fuq id-distributuri tiegħu jistgħux jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji mal-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fir-rigward tal-oġġetti tal-konsum ta’ kwalità għolja, il-kanali ta’ distribuzzjoni ddifferenzjati adattati għall-karatteristiċi proprji tal-produtturi differenti u għall-bżonnijiet tal-konsumaturi jistgħu jkunu konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE (20).

52.      Bħalma fakkret għal darba oħra l-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza iktar reċenti tagħha, l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE sakemm l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid potenzjali kollha u applikati b’mod nondiskriminatorju, sakemm il-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jkunu jeħtieġu tali netwerk ta’ distribuzzjoni biex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb u, fl-aħħar nett, sakemm il-kriterji definiti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju (21).

53.      It-tieni nett, u fil-każ li l-qorti tasal biex tikkonkludi li l-miżura kkontestata li tinsab fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva ma tistax tiġi eskluża awtomatikament mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, għal darba oħra għandu jiġi ddeterminat jekk din hijiex waħda minn dawk li jistgħu jiġu eżentati, b’mod partikolari skont ir-regolament ta’ eżenzjoni “skont il-kategorija” applikabbli, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 330/2010.

54.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dan ir-regolament ta’ eżenzjoni ma huwiex intiż li jelenka sensiela ta’ tipi ta’ aġir li jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, jew dawk li jevitaw mal-ewwel l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Bħalma tenfasizza l-premessa 4 tal-imsemmi regolament, “[f]l-istima individwali tal-akkordji [ftehimiet] taħt l-Artikolu 101(1) [TFUE], għandhom jitqiesu diversi fatturi u, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq min-naħa tal-forniment u tax-xiri”.

55.      Min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament jipprovdi, għall-finijiet li tingħata ċerta ċertezza legali lill-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, il-premessa 5 tar-Regolament Nru 330/2010), indikazzjonijiet dwar il-miżuri li ma jistgħux jibbenefikaw immedjatament minn eżenzjoni skont ir-regolament, u dan ma jeskludix li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni individwali. Bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti limiti b’rabta mas-sehem mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tad-distributuri tiegħu, dan jirrigwarda miżuri li jinkludu “restrizzjonijiet fundamentali” previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament.

56.      Minkejja li huma indipendenti, dawn iż-żewġ stadji tal-analiżi jista’ jkollhom ċertu sovrappożizzjoni kunċettwali. Fil-fatt, kemm mill-perspettiva tal-paragrafu 1 kif ukoll tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 101 TFUE, l-analiżi tal-miżura kontenzjuża hija bbażata fuq eżami tal-livell ta’ noċività preżunta jew ippruvata tagħha. Għalhekk, restrizzjoni tal-bejgħ passiv tad-distributuri ma tistax titqies biss bħala restrizzjoni minħabba l-“għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, iżda wkoll bħala restrizzjoni fundamentali li ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni skont il-kategorija. Jibqa’ l-fatt li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan” u l-eżistenza ta’ restrizzjoni “fundamentali” għall-finijiet tal-applikabbiltà ta’ eżenzjoni eventwali skont ir-Regolament Nru 330/2010. Nerġa’ niġi għal dan fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

57.      Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-linji gwida mfassla mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari dawk dwar ir-restrizzjonijiet vertikali li bla dubju huma ta’ interess kbir f’dan il-każ, ma jistgħux jiggwidaw l-analiżi waħedhom. Fil-fatt, dawn il-linji gwida ma għandhomx l-għan li jorbtu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-qrati tal-Istati Membri, iżda sempliċiment isemmu l-mod kif il-Kummissjoni, meta taġixxi bħala awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ser tapplika hija stess l-Artikolu 101 TFUE (22). Minkejja dan, ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tapplika l-gwidi u l-evalwazzjonijiet ġurdiċi li jinsabu f’dawn il-linji gwida.

58.      Ladarba saru dawn il-preċiżazzjonijiet ġenerali, ser neżamina d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju individwalment.

 Fuq l-ewwel domanda: konformità mal-Artikolu 101(1) TFUE tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju intiżi prinċipalment sabiex tinżamm “id-dehra ta’ lussu” tal-imsemmija prodotti

59.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, li tirrifletti direttament l-interpretazzjonijiet diverġenti tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk in-netwerks ta’ distribuzzjoni selettiva relatati mad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti jaqgħux jew le taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE.

60.      Essenzjalment, hemm żewġ approċċi opposti.

61.      Min-naħa, Parfümerie Akzente u l-Gvern Lussemburgiż iqisu li l-kuntratti li jorganizzaw sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju, intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti, ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fehma tagħhom, din il-konklużjoni hija sostnuta sew fid-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 46 ta’ din is-sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique. Fl-istess sens, il-Gvern Ġermaniż jipproponi li tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 101(1) TFUE huwa applikabbli għar-rekwiżiti tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva maħsuba sabiex tinżamm dehra ta’ lussu jew ta’ prestiġju, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jeħtiġux l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jekk ir-rekwiżiti meħtieġa mis-sistema jiġux applikati mingħajr diskriminazzjoni u jekk dawn humiex xierqa fir-rigward taż-żamma tad-dehra ta’ lussu jew ta’ prestiġju.

62.      Min-naħa l-oħra, Coty Germany, il-gvernijiet ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Awstrija u tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni jqisu, essenzjalment, li l-kuntratti li jorganizzaw sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju, intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti, jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101(1) TFUE. Dawn il-partijiet iqisu b’mod partikolari li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prodotti ta’ kwalità għolja, li d-dehra ta’ lussu tagħhom hija apprezzata mill-konsumaturi, jistgħu jeħtieġu l-implementazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, b’mod partikolari sabiex “tiġi żgurata l-preżentazzjoni ta’ valur tagħhom” u tinżamm “id-dehra ta’ lussu” tagħhom. Huma jenfasizzaw li l-imsemmija sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, li ma kinitx tikkonċerna s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva fiha nnifisha, iżda biss il-klawżola kuntrattwali msemmija f’dik il-kawża, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni tad-dehra ta’ lussu minn issa ’l quddiem ma għadhiex ta’ natura li tiġġustifika l-eżistenza ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva.

63.      Fil-fehma tiegħi u mingħajr ma nimmodifika l-prinċipji li jirregolaw il-fehim tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva fid-dawl tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, tista’ tiġi sostnuta biss it-tieni pożizzjoni u, konsegwentement, għandha tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju.

64.      F’konformità ma’ dak li indikajt iktar ’il fuq, is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva għandhom ikunu jistgħu jitqiesu, minħabba effetti ta’ benefiċċju – jew għall-inqas newtrali – li dawn jiġġeneraw mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, bħala kompatibbli mal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

65.      F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja (23) u tal-Qorti Ġenerali (24), li l-konstatazzjonijiet tagħhom ġew riprodott b’mod estensiv fil-punt 175 tal-linji gwida, is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“kriterji ta’ Metro”).

66.      L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit li l-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jeħtieġu sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, fis-sens li tali sistema tikkostitwixxi rekwiżit leġittimu fir-rigward tan-natura tal-prodotti kkonċernati, u b’mod partikolari tal-livell għoli ta’ kwalità jew in-natura teknika tagħhom, biex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb tagħhom. It-tieni nett, huwa meħtieġ li l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid kollha potenzjali u applikati b’mod nondiskriminatorju. It-tielet nett, il-kriterji ddefiniti ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

67.      Għalkemm il-kwistjoni dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti għandha tiġi evalwata b’mod oġġettiv mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja minkejja dan iċċarat ċertu numru ta’ parametri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-konformità tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva mal-Artikolu 101(1) TFUE.

68.      Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-ħtieġa ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva fir-rigward tal-prodotti ta’ lussu b’mod partikolari, kriterju prinċipalment inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bbażati fuq kriterji kwalitattivi jistgħu jiġu aċċettati fis-settur tal-produzzjoni ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kwalità għolja mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 101(1) TFUE, sabiex b’mod partikolari jinżamm kummerċ speċjalizzat li jkun kapaċi jipprovdi servizzi speċifiċi għal tali prodotti (25).

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, indipendentement anki mill-klassifikazzjoni tal-prodotti intiżi bħala prodotti ta’ “lussu”, iż-żamma tal-“kwalità” tal-prodott tista’ teħtieġ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva (26).

70.      B’hekk huma l-karatteristiċi jew il-proprjetajiet speċifiċi tal-prodotti kkonċernati li jistgħu jkunu ta’ natura li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ssir konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE. Bħalma indikajt preċedentement, dawn il-proprjetajiet jistgħu ma jkunux jinsabu biss fil-kwalitajiet materjali tal-prodotti intiżi (pereżempju prodotti ta’ livell teknoloġiku għoli), iżda wkoll fid-dehra “ta’ lussu” tal-prodotti (27).

71.      Din il-konklużjoni, bħalma ġie nnotat minn ċertu numru ta’ partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, tista’ tiġi rrikonċiljata ma’ kunsiderazzjonijiet li tqiesu fil-kuntest tal-ġurisprudenza żviluppata fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, dritt li, minħabba l-funzjoni kompetittiva speċifika tiegħu, bla dubju jinteraġixxi mal-projbizzjoni tal-akkordji. Fil-fatt, sa fejn din tiggarantixxi li l-prodotti jew is-servizzi kollha li tkopri jkunu ġew immanifatturati jew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom, it-trade mark għandha rwol essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat FUE jrid jistabbilixxi u jżomm (28). F’tali sistema, l-impriżi għandhom ikunu f’qagħda li jżommu lill-klijentela minħabba l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, u dan ikun possibbli biss jekk ikun hemm sinjali distintivi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti u dawn is-servizzi. Sabiex it-trade mark ikun jista’ jkollha dan ir-rwol, din għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti kollha li tidher fuqhom ikunu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li tista’ tinżamm responsabbli għall-kwalità tagħhom (29).

72.      Fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju ma humiex iddefiniti biss fir-rigward tal-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mill-perċezzjoni speċifika li għandhom il-konsumaturi, u b’mod iktar partikolari mill-“awra ta’ lussu” li jibbenefikaw minnha f’għajnejn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, peress li l-prodotti ta’ prestiġju huma artikoli ta’ kwalità għolja, is-sensazzjoni ta’ lussu li tirriżulta minnhom hija element essenzjali sabiex il-konsumaturi jiddistingwuhom minn prodotti oħra simili. Għalhekk, ħsara lill-imsemmija sensazzjoni ta’ lussu tista’ taffettwa l-kwalità stess ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-karatteristiċi u l-metodi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva stess jistgħu, fihom infushom, jippreservaw il-kwalità u jiżguraw l-użu xieraq ta’ tali prodotti (30).

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li hija maħsuba sabiex tiżgura preżentazzjoni tal-prodotti fil-punt tal-bejgħ li żżid il-valur tagħhom, “partikolarment, fir-rigward tal-pożizzjoni, il-promozzjoni, l-ippakkjar tal-prodotti u l-politika kummerċjali”, setgħet tikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u għalhekk għaż-żamma tal-awra ta’ lussu tagħhom (31).

74.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom u n-natura tagħhom, il-prodotti ta’ lussu jistgħu jeħtieġu l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb tagħhom. Fi kliem ieħor, in-netwerks ta’ distribuzzjoni selettiva relatati mad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u li huma intiżi prinċipalment biex tinżamm id-dehra tad-ditta tal-imsemmija prodotti ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE.

75.      Għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni difiża minn ċerti partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, din il-konklużjoni ma titqegħidx f’dubju mis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), u b’mod partikolari mill-punt 46 tagħha li skontha “[l]-għan li tiġi ppreżervata l-immaġini ta’ prestiġju ma jammontax għal għan leġittimu sabiex tiġi limitata l-kompetizzjoni u b’hekk ma jistax jiġġustifika li klawżola kuntrattwali li għandha għan bħal dan ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE”.

76.      Bħalma jixhdu l-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, iżda wkoll il-pożizzjonijiet adottati minn numru kbir ta’ qrati u awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kompetizzjoni (32), din l-istqarrija tal-aħħar wasslet għal interpretazzjonijiet diverġenti ħafna.

77.      Għalhekk jidher assolutament xieraq, kif jistednuna nagħmlu l-maġġoranza tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonjiet, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara, f’din il-kawża, il-portata ta’ din is-sentenza b’riferiment kemm għall-kuntest li wassal għaliha kif ukoll għall-motivazzjoni adottata preċiżament mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

78.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest fattwali tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), infakkar li, f’din il-kawża, kien inkwistjoni l-obbligu impost minn produttur ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali fuq id-distributuri magħżula tiegħu biex jiġġustifikaw, fil-punti tal-bejgħ rispettivi tagħhom, il-preżenza fiżika u permanenti ta’ mill-inqas spiżjar wieħed ikkwalifikat. Dan ir-rekwiżit kien jeskludi de facto u b’mod assolut, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li tapplika l-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża, li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jinbiegħu mid-distributuri awtorizzati permezz tal-internet (33).

79.      Bħalma jirriżulta b’mod ċar mid-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, tqajjem dubju biss dwar klawżola kuntrattwali li tirrigwarda projbizzjoni ġenerali u assoluta tal-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt lill-utenti finali, imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva fit-totalità tagħha.

80.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivazzjoni adottata b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, din tirrigwarda biss il-klawżola kuntrattwali li tipprojbixxi b’mod partikolari l-bejgħ bl-internet imposta mill-kumpannija Pierre Fabre. Is-sempliċi fatt li l-inklużjoni tal-imsemmija klawżola kienet immotivata mill-ħtieġa li tinżamm id-dehra ta’ prestiġju tal-prodotti inkwistjoni ma tqiesx mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jikkostitwixxi għan leġittimu għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Dan madankollu ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-għan li tissuġġetta immedjatament għall-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE s-sistemi ta’ distribuzzjoni li huma intiżi preċiżament biex tinżamm id-dehra tad-ditta tal-prodotti kkonċernati.

81.      Huwa importanti li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ma qalbitx il-prinċipju li jgħid li l-kap ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva bħala prinċipju jibqa’ liberu li jorganizza dan in-netwerk u, għaldaqstant, l-evalwazzjoni li tgħid li l-kundizzjonijiet imposti fuq id-distributuri awtorizzati kellhom jitqiesu konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE meta dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet iċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

82.      B’mod iktar fundamentali, għandu jiġi osservat li ma hemm xejn fil-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi preżunt li hija kellha l-intenzjoni li taqleb jew tnaqqas ulterjorment il-portata tal-prinċipji li kienu ġew iċċarati u mfassla sa dak iż-żmien f’dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni, fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, tal-kundizzjonijiet imposti fuq id-distributuri awtorizzati ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva.

83.      Fi kliem ieħor, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li taqleb il-ġurisprudenza preċedenti, peress li d-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 46 ta’ din is-sentenza tinsab fil-kuntest ta’ kontroll tal-proporzjonalità tal-klawżola kuntrattwali inkwistjoni speċifikament fil-kawża prinċipali (ara b’mod partikolari l-punt 43 tal-imsemmija sentenza).

84.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwassluni biex nikkonkludi li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva li l-għan tagħhom jikkonsisti fiż-żamma tad-dehra ta’ lussu tal-prodotti jistgħu dejjem jikkostitwixxu elementi ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE. Bħalma nnotat ġustament il-Kummissjoni, madankollu minn din is-sentenza għandu jiġi dedott li, skont il-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni jew minħabba restrizzjonijiet partikolarment serji, bħall-projbizzjoni totali ta’ bejgħ bl-internet li kienet tirriżulta mill-klawżola kontenzjuża fl-istess sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, huwa possibbli li l-għan intiż biex tinżamm id-dehra ta’ prestiġju tal-prodotti inkwistjoni ma jkunx leġittimu, u dan ikollu l-konsegwenza li ma jkunx iġġustifikat li tiġi eżentata sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew klawżola li ssegwi tali għan.

85.      Konklużjoni differenti, fil-fehma tiegħi, iġġib magħha żewġ inkonvenjenzi kbar.

86.      Qabelxejn, dan iwassal sabiex jinqalbu l-prinċipji stabbiliti sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-perspettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. Infakkar li dawn il-prinċipji jieħdu inkunsiderazzjoni preċiżament l-effetti ta’ benefiċċju li tali sistemi jiġġeneraw fit-tfittxija ta’ kompetizzjoni effettiva.

87.      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li huwa importanti li jinżammu l-proprjetajiet tal-prodotti kkonċernati, kemm jekk dawn jinsabu fil-karatteristiċi materjali tagħhom jew fid-dehra lussuża jew ta’ prestiġju tagħhom. Kemm jekk il-prodotti inkwistjoni jkollhom ċerti kwalitajiet materjali, bħall-prodotti ta’ kwalità għolja jew il-prodotti teknoloġikament avvanzati, jew jekk il-prodotti inkwistjoni jkunu assoċjati ma’ dehra ta’ lussu, id-distribuzzjoni selettiva tista’ titqies bħala leġittima fir-rigward tal-effetti favur il-kompetizzjoni li din tiġġenera.

88.      Sussegwentement, interpretazzjoni tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), li tgħid li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li jkollha l-għan li tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-prodotti kkonċernati minn issa ’l quddiem ma tistax tibqa’ tevita l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE tmur kontra l-linji gwida adottati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari kontra l-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks.

89.      Għalhekk, fis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, EU:C:2009:260), il-Qorti tal-Ġustizzja assimilat lid-distributur fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ persuna liċenzjata u rrikonoxxiet li t-tnejn kienu jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni minn terzi bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark. Dan għandu l-konsegwenza li l-projbizzjoni tal-akkordji ma għandhiex tapplika fil-każijiet fejn miżuri tal-produttur/tal-proprjetarju tat-trade mark fil-konfront tad-distributur awtorizzat jikkostitwixxu biss, finalment, l-eżerċizzju tad-dritt tal-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni.

90.      Bl-istess mod, fis-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group (C‑127/09, EU:C:2010:313), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-natura esklużiva tad-dritt tat-trade marks għandha l-konsegwenza li kull użu tat-trade mark mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju jikser id-dritt tat-trade marks.

91.      Għaldaqstant, netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, bħal dak previst mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’rabta mad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u li huwa intiż prinċipalment sabiex iżomm id-“dehra ta’ lussu” jista’ jikkostitwixxi element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm ikunu ssodisfatti l-kriterji ta’ Metro.

92.      Din il-konklużjoni tapplika kemm għall-prodotti msejħa ta’ “lussu” kif ukoll għall-prodotti msejħa ta’ “kwalità”. Li jgħodd huwa l-ħtieġa li l-kap tan-netwerk iżomm id-dehra ta’ prestiġju.

93.      Nipproponi għalhekk li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva b’rabta mad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-“dehra ta’ lussu” tal-imsemmija prodotti jikkostitwixxu element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, bil-kundizzjoni li l-bejjiegħa mill-ġdid jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva li huma stabbiliti b’mod uniformi għal kulħadd u applikati b’mod nondiskriminatorju għall-bejjiegħa mill-ġdid potenzjali kollha, li n-natura tal-prodott inkwistjoni, inkluża d-dehra ta’ prestiġju, tirrikjedi distribuzzjoni selettiva sabiex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb u li l-kriterji stabbiliti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

 Fuq it-tieni domanda: konformità mal-Artikolu 101(1) TFUE tal-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut awtorizzati fis-suq, li jużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ online

94.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u sa fejn l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut awtorizzati fis-suq, li jużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet tal-prodotti kkonċernati.

95.      Din id-domanda, li hija marbuta mill-qrib mal-ewwel waħda, tikkonċerna l-konformità fir-rigward tal-Artikolu 101(1) TFUE tal-klawżola partikolari tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni preċiżament fil-kawża prinċipali.

96.      Issa, bħalma indikajt preċedentement fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, il-fatt jibqa’ li d-distribuzzjoni selettiva li hija bbażata fuq parametri kwalitattivi ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE sakemm ma jkunux issodisfatti l-kriterji ta’ Metro.

97.      F’konformità mal-analiżi li tirriżulta mill-ġurisprudenza Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni, li ma ġiet ikkontestata bl-ebda mod mis-sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (34), hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħx abbażi tal-kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid kollha potenzjali u applikati b’mod nondiskriminatorju, jekk il-karatteristiċi tal-prodott jew tal-prodotti inkwistjoni jeħtiġux, sabiex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb tagħhom, tali netwerk ta’ distribuzzjoni u, fl-aħħar nett, jekk il-kundizzjonijiet iddefiniti humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

98.      Peress li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġietx realment diskussa f’dan il-każ, l-analiżi tiegħi b’hekk ser tikkonċentra fuq il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ pjattaformi terzi identifikabbli imposta fuq id-distributuri awtorizzati hijiex leġittima fir-rigward tal-għanijiet kwalitattivi segwiti u, jekk ikun il-każ, jekk din hijiex proporzjonali.

99.      Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-leġittimità tal-projbizzjoni kontenzjuża, bħalma indikajt fil-proposta tiegħi għar-risposta għall-ewwel domanda, l-għan li tinżamm id-dehra ta’ lussu u ta’ prestiġju huwa dejjem għan leġittimu għall-finijiet li tiġi ġġustifikata sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ natura kwalitattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

100. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk il-klawżola kontenzjuża, jiġifieri dik li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli, tistax tiġi preċiżament iġġustifikata mill-ħtieġa li tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-prodotti inkwistjoni.

101. F’dan ir-rigward, jien tal-fehma li l-projbizzjoni li jintużaw denominazzjonijiet ta’ impriżi terzi tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ żamma u ta’ kontroll tal-kriterji ta’ kwalità, li jirrikjedi b’mod partikolari l-provvista ta’ ċerti servizzi fil-kuntest tal-bejgħ ta’ prodotti kif ukoll preżentazzjoni speċifika tal-prodotti mibjugħa.

102. Fil-fatt, għandu jiġi aċċettat li l-kap ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva jista’, għall-finijiet li tinżamm l-immaġni tad-ditta jew ta’ prestiġju (35) tal-prodotti li huwa jikkummerċjalizza, jipprojbixxi lid-distributuri tiegħu, anki lil dawk awtorizzati, milli jużaw impriżi terzi identifikabbli. Tali projbizzjoni tista’ tkun kapaċi żżomm il-garanziji ta’ kwalità, ta’ sigurtà u ta’ identifikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti billi l-bejjiegħa bl-imnut jiġu obbligati jipprovdu servizzi ta’ ċertu livell matul il-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Din il-projbizzjoni tippermetti wkoll li jinżammu l-protezzjoni u l-pożizzjonament tat-trade marks fil-konfront tal-fenomeni ta’ falsifikazzjoni u ta’ parassitiżmu, li huma ta’ natura li jwasslu għal effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

103. Bħalma indikat il-Kummissjoni fil-punt 54 tal-linji gwida tagħha, il-fornitur jista’ jimponi standards ta’ kwalità għall-użu tas-sit tal-internet għall-finijiet tal-bejgħ tal-prodotti tiegħu, hekk kif jista’ wkoll jagħmel għal ħanut jew biex ibigħ fuq katalogu jew għal reklamar u promozzjoni inġenerali.

104. Madankollu, billi jużaw pjattaformi terzi fil-kuntest tad-distribuzzjoni tal-prodotti, id-distributuri awtorizzati – u barra minn hekk il-kap tan-netwerk – b’mod partikolari ma jkollhomx iktar il-kontroll fuq il-preżentazzjoni u d-dehra ta’ dawn il-prodotti, peress li b’mod partikolari dawn il-pjattaformi ta’ spiss juru l-logos tagħhom b’mod viżibbli ħafna fil-fażijiet kollha tax-xiri tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

105. Il-projbizzjoni assoluta fuq l-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-bejgħ tagħhom bl-internet għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni għalkollox analoga għal dik li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija ġġustifikata u neċessarja biex jiġi ggarantit il-funzjonament ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva bbażata biss fuq il-kummerċ fiżiku, u għalhekk leġittima, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, f’konformità mal-ġurisprudenza (36).

106. Bħala konklużjoni, il-projbizzjoni imposta fuq id-distributuri awtorizzati li jużaw pjattaformi online terzi tista’ tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE sa fejn din tkun ta’ natura li ttejjeb il-kompetizzjoni bbażata fuq kriterji kwalitattivi. F’konformità mal-kunsiderazzjonijiet adottati sa dak iż-żmien fil-qasam tad-distribuzzjoni selettiva, din il-projbizzjoni hija ta’ natura li żżomm id-dehra ta’ lussu tal-prodotti kkonċernati f’diversi aspetti: din mhux talli tiggarantixxi li dawn il-prodotti jinbiegħu f’ambjent li jissodisfa r-rekwiżiti kwalitattivi imposti mill-kap tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, iżda tippermetti wkoll li tipproteġi mill-fenomeni ta’ parassitiżmu billi tevita li l-investimenti u l-isforzi mnedija mill-fornitur u minn distributuri awtorizzati oħra, bl-għan li jtejbu l-kwalità u d-dehra tal-prodotti kkonċernati, ikunu ta’ benefiċċju għal impriżi oħra.

107. Din il-projbizzjoni hija kjarament distinta mill-klawżola kontenzjuża fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649).

108. Infakkar li, f’din is-sentenza Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-klawżola ta’ kuntratt li tipprojbixxi b’mod assolut lid-distributuri awtorizzati milli jbigħu online l-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt setgħet tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan u għalhekk tkun kuntrarja għall-Artikolu 101(1) TFUE jekk “wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ din il-klawżola kuntrattwali u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih taqa’, jidher li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, din il-klawżola ma hijiex oġġettivament ġustifikata”.

109. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li Coty Germany ma pprevedietx projbizzjoni assoluta fuq il-bejgħ online, iżda imponiet biss li l-bejjiegħa mill-ġdid awtorizzati ma jikkummerċjalizzawx il-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt permezz ta’ pjattaformi terzi, sa fejn, skont il-kap tan-netwerk, dawn ma humiex obbligati josservaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li huwa jimponi fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu.

110. Il-klawżola kontenzjuża fil-kawża prinċipali fil-fatt iżżomm il-possibbiltà għad-distributuri awtorizzati li jiddistribwixxu l-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt permezz tas-siti elettroniċi tagħhom stess. Bl-istess mod, din ma tipprojbixxix li dawn id-distributuri jużaw pjattaformi terzi mhux identifikabbli għad-distribuzzjoni ta’ dawn l-istess prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

111. Issa, kif setgħet tinnota l-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni settorjali tagħha, jidher li, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, il-ħwienet online proprji tad-distributuri jikkostitwixxu l-kanal ta’ distribuzzjoni prijoritarju tad-distribuzzjoni fuq l-internet. Għalhekk, minkejja l-importanza li qiegħda tiżdied tal-pjattaformi terzi fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-bejjiegħa bl-imnut, il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ dawn il-pjattaformi identifikabbli imposta fuq id-distributuri awtorizzati ma tistax, fl-istat attwali tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, tiġi assimilata ma’ projbizzjoni totali jew ma’ limitazzjoni sostanzjali tal-bejgħ bl-internet.

112. Fit-tieni lok, jidhirli li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi konkluż li, għalissa, tali projbizzjoni għandha titqies b’mod ġenerali bħala sproporzjonata għall-għan segwit.

113. Għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li l-fornitur, li huwa l-kap tan-netwerk, jista’ jimponi ċerti obbligi fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu skont ir-relazzjoni kuntrattwali li torbothom u għalhekk jeżerċita ċertu kontroll fuq il-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu, dan ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita kontroll fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti li titwettaq permezz ta’ pjattaformi terzi. Minn din il-persepettiva, l-obbligu kontenzjuż jista’ jidher bħala mezz adegwat biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minn Coty Germany.

114. Ċertament, ma jistax jiġi miċħud li l-pjattaformi online, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu joħolqu u jiżguraw rappreżentazzjoni ta’ valur tal-prodotti kkonċernati bl-istess mod li jagħmlu d-distributuri awtorizzati. Madankollu, l-osservanza tar-rekwiżiti kwalitattivi li tista’ tiġi imposta b’mod leġittimu fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tista’ tiġi żgurata b’mod effettiv biss jekk l-ambjent tal-bejgħ bl-internet ikun iddisinjat mill-bejjiegħa mill-ġdid awtorizzati, li jkunu marbuta b’kuntratt mal-fornitur/mal-kap tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u mhux minn operatur terz li l-prattiki tiegħu jevitaw l-influwenza ta’ dan il-fornitur.

 Konklużjoni intermedjarja

115. Għaldaqstant, il-klawżola kontenzjuża, sakemm tiġi applikata b’mod nondiskriminatorju u tiġi ġġustifikata oġġettivament min-natura tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt – aspetti li bl-ebda mod ma jidhru li huma kkontestati f’dan il-każ, iżda li għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju –, tista’ titqies bħala konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE.

116. Jekk jiġi preżunt li f’dan il-każ jista’ jiġi konkluż li l-klawżola kontenzjuża hija ta’ natura li taqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ Metro, ikun għad irid jiġi eżaminat jekk din iġġibx magħha effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u b’mod partikolari jiġi ddeterminat jekk din tikkostitwixxix restrizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

117. Dwar dan il-punt tal-aħħar, u b’differenza mill-klawżola kuntrattwali kkontestata fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), il-projbizzjoni kontenzjuża f’din il-kawża bl-ebda mod ma jidhirli li tista’ tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, billi huwa ppreċiżat li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, huwa rrikonoxxut sew li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jkollhom grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (37).

118. Issa, għall-kuntrarju tal-projbizzjoni assoluta imposta fuq id-distributuri awtorizzati li jużaw l-internet għad-distribuzzjoni tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, il-projbizzjoni li jintużaw pjattaformi terzi ma għandhiex – għall-inqas f’dan l-istadju tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, li jista’ jinbidel fuq perijodu xi ftit jew wisq twil – tali grad ta’ noċività għall-kompetizzjoni.

119. Barra minn hekk, u dejjem fir-rigward tal-każijiet fejn għandu jiġi konkluż li l-klawżola kontenzjuża tassew taqa’ taħt l-Artikolu 101 TFUE u li din, għaldaqstant, tirrestrinġi l-kompetizzjoni, infakkar li jkun għad hemm lok li jiġi eżaminat jekk din tistax tibbenefika minn eżenzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, u b’mod partikolari minn eżenzjoni skont il-kategorija bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 330/2010, bħalma jistednuna nagħmlu t-tielet u r-raba’ domandi preliminari.

120. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, sa fejn il-limiti ta’ sehem mis-suq previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 330/2010 ma nqabżux, li kieku l-qorti nazzjonali kellha tikkonkludi li l-klawżola kontenzjuża ma hijiex konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, din tista’ tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament (ara l-premessa 8 tar-Regolament Nru 330/2010). Madankollu, tali eventwalità bl-ebda mod ma tkun possibbli jekk il-projbizzjoni kontenzjuża tkun tikkostitwixxi restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament.

121. Għalkemm il-qorti nazzjonali kellha għalhekk tasal għall-konklużjoni li l-projbizzjoni li jintużaw pjattaformi terzi ma hijiex eżentata mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u li din, a priori, tirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-klawżola kontenzjuża tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tista’ tiġi xorta waħda ġġustifikata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE, jew abbażi tar-regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija eventwalment applikabbli, jew inkella b’segwitu għal analiżi ta’ każ b’każ, li tipprevedi preċiżament il-każijiet ta’ eżenzjoni previsti mir-Regolament Nru 330/2010.

 Konklużjoni

122. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali li tirrigwarda projbizzjoni fuq l-użu ta’ pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ online imposta fuq id-distributuri awtorizzati ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE jew le, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk din il-klawżola hijiex ikkundizzjonata min-natura tal-prodott, jekk hijiex stabbilita b’mod uniformi u applikata mingħajr distinzjoni u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi: applikabbiltà tal-eżenzjoni skont il-kategorija skont l-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010

123. Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, fuq l-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet tikkostitwixxi restrizzjoni tal-klijentela, fis-sens tal-Artikolu 4(b) tal-imsemmi regolament u/jew restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 4(c) tal-istess regolament.

124. Fil-fatt, minkejja li l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment, fil-formulazzjoni tat-tielet u r-raba’ domandi preliminari, għall-problema tal-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet “minħabba l-għan” tal-klijentela u tal-bejgħ passiv, id-domandi tagħha, bħalma jissemma b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju, fir-realtà jirrigwardaw il-kwistjoni jekk, fiċ-ċirkustanza fejn is-sistema ta’ distribuzzjoni inkwistjoni titqies bħala waħda li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, hija tistax xorta waħda tiġi eżentata skont ir-Regolament Nru 330/2010.

125. Għaldaqstant, tqum biss il-kwistjoni dwar jekk il-klawżola kontenzjuża tistax tiġi analizzata bħala restrizzjoni tat-territorju u/jew tal-klijentela jew saħansitra bħala restrizzjoni tal-bejgħ passiv fis-sens tar-Regolament Nru 330/2010.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-portata u r-ratio legis tar-Regolament Nru 330/2010

126. Bħalma ssemmi l-premessa 5 tar-Regolament Nru 330/2010, il-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija stabbilita b’dan ir-regolament għandu jkun irriżervat għall-ftehimiet vertikali “li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) [TFUE]”.

127. Sabiex jiġi ddeterminat jekk restrizzjoni hijiex ta’ natura li tibbenefika minn eżenzjoni “skont il-kategorija”, l-impriżi, qabelxejn, huma mistiedna jwettqu evalwazzjoni inizjali tal-ftehim kontenzjuż b’mod partikolari skont ċerti preżunzjonijiet ta’ inkompatibbiltà previsti mir-Regolament Nru 330/2010.

128. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 għalhekk ifassal lista ta’ restrizzjonijiet awtorizzati, ħafna drabi kklassifikati bħala “restrizzjonijiet fundamentali”, li fil-preżenza tagħhom il-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija għandu jiġi eskluż.

129. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li impriża għandha l-possibbiltà, f’kull ċirkustanza, li tqajjem, b’mod individwali, l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni wiesgħa lid-dispożizzjonijiet li jinkludu l-ftehim jew il-prattiki fl-eżenzjoni skont il-kategorija (38).

130. Għaldaqstant, bħall-approċċ difiż mill-Kummissjoni, jeħtieġ li għall-finijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, l-eċċezzjonijiet għall-eżenzjoni skont il-kategorija previsti b’mod partikolari mill-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010 jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment u, għaldaqstant, ma jkunux dipendenti fuq analiżi fil-fond tal-kundizzjonijiet tas-suq u tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni osservati f’suq partikolari f’mument preċiż.

131. Fil-fatt, wieħed ma għandux jinsa li l-għan segwit mir-regolamenti ta’ eżenzjoni adottati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 19/65/KEE (39) jinsab b’mod partikolari fil-ħtieġa li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jwettqu awtoevalwazzjoni tal-konformità tal-aġir tagħhom mar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

132. Is-segwitu ta’ dan l-għan jitqiegħed f’riskju jekk, għall-finijiet li l-miżuri adottati mill-impriżi jiġu kklassifikati bħala ftehimiet vertikali li jkollhom “bħala għan” li jirrestrinġu ċerti tipi ta’ bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010, kien meħtieġ li dawn l-impriżi jwettqu eżami sofistikat u fil-fond tal-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tal-imsemmija miżuri filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq u l-pożizzjoni tal-imsemmija impriżi.

133. Bħalma semmejt preċedentement, irid ikun hemm distinzjoni ċara bejn l-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u l-kategorizzazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, ta’ ċertu aġir bħala restrizzjonijiet fundamentali – f’dan il-każ dawk imsemmija fl-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010.

134. Jibqa’ l-fatt li, fiż-żewġ każijiet, hija kkonċernata l-identifikazzjoni tal-aġir li huwa preżunt partikolarment dannuż għall-kompetizzjoni b’riferiment għall-applikazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku immedjat li jinsabu fih il-miżuri tal-impriżi.

135. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effett” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess u b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-proċess normali tal-kompetizzjoni (40). Fir-rigward tar-raġuni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010, li jidentifika ċertu numru ta’ restrizzjonijiet fundamentali, dan huwa bbażat fuq l-idea, stabbilita fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, li skontha “akkordji [ftehimiet] vertikali li jinkludu ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni bħalma huma prezzijiet minimi jew fissi għall-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll ċerti tipi ta’ protezzjoni territorjali, għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati”.

136. Għalhekk, bħall-approċċ adottat fl-identifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, ikun hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali jkollhiex “bħala għan ir-restrizzjoni” tat-territorju li fih, jew il-klijentela li lilha, id-distributur ikun jista’ jbigħ [Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010], jew tal-bejgħ attiv jew passiv tad-distributur lill-utenti finali [Artikolu 4(c) ta’ dan ir-regolament], li jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali kkonċernati u għall-għanijiet tagħhom, eżaminati fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku immedjat tagħhom. Infakkar fil-fatt li l-għan ta’ faċilitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni meħtieġ mill-impriżi kkonċernati jkun kompromess jekk, sabiex jiġu identifikati r-restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010, dawn kellhom jipproċedu għal eżami fil-fond, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi kontrafattwali, tal-effetti tal-miżuri previsti fuq l-istruttura u l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati.

137. Barra minn hekk, bħalma nnotat ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li kemm l-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010 kif ukoll l-Artikolu 4(c) ta’ dan ir-regolament għandhom, bħad-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija applikabbli preċedentement, jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-għan iktar globali u fundamentali intiż li jiġu miġġieldal-fenomeni ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-swieq.

138. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jinftiehmu bħala li huma intiżi biex jeskludu mill-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija ċerti klawżoli kuntrattwali, li huma intiżi għal restrizzjoni li tirrigwarda t-territorju li fih, jew il-klijentela li lilha, id-distributur ikun jista’ jbigħ. Min-naħa l-oħra, jidhirli li dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jeskludu minn dan il-benefiċċju restrizzjonijiet li jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ bejgħ tal-prodotti (41). Huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jitfakkar li l-kap ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva għandu jkun jista’ jibbenefika minn libertà kbira fid-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti, li huma kollha elementi ta’ stimolu tal-innovazzjoni u tal-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-klijenti ta’ natura li jipproduċu effetti favur il-kompetizzjoni. Bħalma jiddikjara l-punt 54 tal-linji gwida, fil-kuntest tar-regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, il-fornitur jista’ għaldaqstant jeħtieġ standards ta’ kwalità għall-użu tas-sit tal-internet għall-bejgħ tal-prodotti tiegħu, hekk kif jista’ wkoll jeħtieġ standards ta’ kwalità għal ħanut fiżiku.

139. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari li issa ser neżamina t-tielet u r-raba’ domandi preliminari.

 Fuq it-tielet domanda: eżistenza ta’ restrizzjoni tal-klijentela tal-bejjiegħ bl-imnut

140. Skont l-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010, l-eżenzjoni skont il-kategorija prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ma tapplikax għall-ftehimiet “li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan […] ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju [fil-ftehim] jkun jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt”.

141. Kif jindika l-punt 50 tal-linji gwida, il-miżuri tat-tqassim tas-suq jew tal-klijentela, li għandhom l-għan li jikkompartimentalizzaw is-swieq, huma previsti minn din id-dispożizzjoni.

142. F’dan il-każ, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-klawżola kontenzjuża, li tipprojbixxi sempliċiment lid-distributuri awtorizzati milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli, li jindika li din għandha tiġi kklassifikata b’dan il-mod.

143. Bħalma semmiet l-qorti tar-rinviju, a priori ma huwiex possibbli li jiġi identifikat grupp ta’ klijenti jew suq partikolari li jikkorrispondu għalih l-utenti tal-pjattaformi terzi.

144. Madankollu, restrizzjoni tal-klijentela jew tas-suq, fil-fehma tiegħi, tista’ tiġi identifikata biss fil-każ fejn ikun jidher li d-distributur awtorizzat, minħabba l-projbizzjoni kontenzjuża u minkejja ż-żamma tal-possibbiltà ta’ aċċess għall-prodotti tiegħu permezz tas-sit elettroniku tiegħu stess, ikun f’riskju ta’ telf tas-suq jew tal-klijentela.

145. Fir-rigward, qabelxejn, tal-kontenut tal-klawżola, din timponi li l-attività ta’ bejgħ bl-internet għandha titwettaq permezz ta’ vetrina elettronika tal-ħanut tal-bejjiegħ bl-imnut jew fuq sit terz bil-kundizzjoni li dan ma jkunx identifikabbli. Din il-klawżola għalhekk ma teskludix kull bejgħ online, iżda biss modalità fost oħrajn biex jintlaħqu l-klijenti permezz tal-internet. Il-kontenut tal-klawżola fih innifsu ma joħloqx effett ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-suq.

146. Għall-kuntrarju tal-klawżola li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), il-klawżola kontenzjuża tawtorizza l-użu tal-internet bħala kanal ta’ distribuzzjoni, sakemm il-bejjiegħ bl-imnut jeżerċita l-attività ta’ bejgħ tiegħu online permezz ta’ “vetrina elettronika” tal-ħanut awtorizzat jew permezz ta’ sit terz mhux identifikabbli u josserva d-dispożizzjonijiet kollha sabiex tinżamm in-natura lussuża tal-prodotti.

147. Bħalma semmiet il-qorti tar-rinviju, fil-fatt, din il-projbizzjoni ma xekklitx lid-distributuri awtorizzati milli jikkollaboraw ma’ terzi għal finijiet pubbliċitarji fuq l-internet. Peress li din il-projbizzjoni ma xxekkilx lil dawn id-distributuri online milli jiġu rreferenzjati fuq l-internet, il-klijenti potenzjali tagħhom dejjem setgħu jaċċedu, permezz tal-internet, għall-offerta tal-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati, bl-użu pereżempju ta’ muturi tat-tfittxija.

148. Fir-rigward, sussegwentement, tal-għan iddikjarat ta’ din il-klawżola, dan jikkonsisti fiż-żamma tan-natura lussuża tal-oġġetti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt billi jimponi li l-attività ta’ bejgħ bl-internet għandha titwettaq permezz ta’ “vetrina elettronika” tal-ħanut tal-bejjiegħ bl-imnut. Hemm ukoll, il-projbizzjoni imposta fuq id-distributuri awtorizzati milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli, a priori, ma għandhiex l-għan li tikkompartimentalizza s-suq billi tillimita t-territorju li fih, jew il-klijentela li lilha, id-distributur jew id-distributuri awtorizzati jkunu intitolati li jbigħu.

149. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku, mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mir-riżultati tal-istħarriġ settorjali dwar il-kummerċ elettroniku, jirriżulta li b’differenza mill-ħwienet online tad-distributuri awtorizzati, l-użu ta’ swieq jew ta’ pjattaformi terzi, għalkemm ivarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor u minn prodott għall-ieħor, ma huwiex neċessarjament kanal ta’ distribuzzjoni importanti. Il-projbizzjoni imposta fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jużaw tali pjattaformi ma tistax tiġi assimilata ma’ projbizzjoni totali tal-bejgħ onlajn li kienet inkwistjoni fil-kawża Pierre Fabre Dermo-Cosmétique.

150. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż f’dan il-każ li l-klawżola kontenzjuża għandha bħala effett it-tqassim tat-territorji jew il-limitazzjoni tal-aċċess għal ċerta klijentela. F’dan il-kuntest, ma ġiex stabbilit, f’dan l-istadju tal-“esperjenza miksuba”, li l-utenti tal-pjattaformi terzi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu, b’mod ġenerali u indipendentement mill-ispeċifiċitajiet ta’ suq partikolari, klijentela li tista’ tiġi delimitata, b’mod li jista’ jiġi konkluż li l-klawżola kontenzjuża twassal għal tqassim tal-klijentela fis-sens tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010.

151. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-klijentela tal-bejjiegħ bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010.

 Fuq ir-raba’ domanda: eżistenza ta’ restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali

152. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, fir-rigward tal-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali.

153. Skont il-kunsiderazzjonijiet li spjegajt iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klawżola kuntrattwali kontenzjuża tistax tiġi analizzata bħala klawżola li għandha bħala għan li tirrestrinġi l-bejgħ passiv lill-utenti finali, għandu jiġi vverifikat jekk din il-klawżola tistax titqies, fir-rigward tal-kontenut tagħha, tal-għan tagħha u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li tinsab fih, bħala li hija intrinsikament ta’ natura li tagħmel ħsara lit-twettiq tal-bejgħ passiv, jiġifieri lill-bejgħ li jsegwi t-talbiet mhux solleċitati minn klijenti individwali.

154. Naħseb li ma hemm xejn li jippermetti li jiġi dedott mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-imsemmija klawżola għandha tiġi analizzata b’dan il-mod.

155. Bħalma indikajt preċedentement, il-klawżola kuntrattwali kontenzjuża ma tipprojbixxix kull bejgħ online, għall-kuntrarju ta’ dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649). Din effettivament tawtorizza dan il-kanal ta’ distribuzzjoni, sakemm id-distributur ibigħ il-prodotti inkwistjoni permezz ta’ vetrina elettronika tal-impriża awtorizzata jew huwa jagħmel dan fuq sit terz mhux identifikabbli u josserva ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet maħsuba biex tinżamm l-immaġni tat-trade mark tal-produttur.

156. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 330/2010.

 Konklużjoni

157. Fid-dawl tal-argumenti żviluppati preċedentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

1.        Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva b’rabta mad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-“dehra ta’ lussu” tal-imsemmija prodotti jikkostitwixxu element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, bil-kundizzjoni li l-bejjiegħa mill-ġdid jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva li huma stabbiliti b’mod uniformi għal kulħadd u applikati b’mod nondiskriminatorju għall-bejjiegħa mill-ġdid kollha potenzjali, li n-natura tal-prodott inkwistjoni, inkluża d-dehra ta’ prestiġju, tirrikjedi distribuzzjoni selettiva sabiex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb u li l-kriterji stabbiliti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

2.        Sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali li tirrigwarda projbizzjoni fuq l-użu ta’ pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ online imposta fuq id-distributuri awtorizzati ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE jew le, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk din il-klawżola hijiex ikkundizzjonata min-natura tal-prodott, jekk hijiex stabbilita b’mod uniformi u applikata mingħajr distinzjoni u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

3.        Il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-klijentela tal-bejjiegħ bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010, tal-20 ta’ April 2010, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma.

4.        Il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 330/2010.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż


2      Fost l-entitajiet l-iktar magħrufa, jistgħu jissemmew pereżempju Amazon, eBay jew anki PriceMinister. Fir-Rapport finali dwar l-inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku tagħha, ippubblikat fl-10 ta’ Mejju 2017 [COM(2017) 229 final], il-Kummissjoni Ewropea madankollu nnotat li dan l-użu tas-swieq/tal-pjattaformi terzi għandu rwol iktar importanti f’xi pajjiżi bħall-Ġermanja (62 % tal-bejjiegħa bl-imnut li pparteċipaw fl-inkjesta jużaw is-swieq), ir-Renju Unit (43 %) u l-Polonja (36 %) meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn bħall-Italja u l-Awstrija (13 %) kif ukoll il-Belġju (4 %). Ir-rapport jenfasizza wkoll il-fatt li l-pjattaformi terzi huma iktar importanti bħala kanal ta’ bejgħ għall-bejjiegħa bl-imnut żgħar u ta’ daqs medju milli għad-distributuri ikbar.


3      Minbarra d-deċiżjonijiet li wasslu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jistgħu jissemmew, pereżempju, id-deċiżjonijiet adottati preċedentement mill-qrati u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ġermaniżi [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) tad-19 ta’ Settembru 2013, fil-kawża Scout (U 8/09 Kart), u tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) tat-22 ta’ Diċembru 2015, fil-kawża Deuter (U 84/14), kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Bundeskartellamt (awtorità federali tal-kompetizzjoni, il-Ġermanja), tas-27 ta’ Ġunju 2014, fil-kawża Adidas (B3-137/12), u tas-26 ta’ Awwissu 2015, fil-kawża ASICS (B2-98/11)] u Franċiżi [ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-autorité de la concurrence (awtorità tal-kompetizzjoni) Nru 14-D-07, tat-23 ta’ Lulju 2014, dwar il-prattiki implementati fis-settur tad-distribuzzjoni tal-prodotti elettrodomestiċi ħfief, b’mod partikolari televiżjonijiet, u s-sentenza tal-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) tat-2 ta’ Frar 2016, Caudalie (Nru 15/01542)].


4      Skont ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi iktar ’il fuq, is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma mifruxa ħafna fl-Unjoni Ewropea u jintużaw minn diversi produtturi. Dawn ma humiex limitati għal ċerta kategorija ta’ prodotti, iżda huma użati ħafna għad-distribuzzjoni ta’ prodotti tad-ditta “lussużi”, bħall-ħwejjeġ u ż-żraben kif ukoll il-prodotti kożmetiċi. F’dan il-kuntest, jidher li diversi distributuri jindikaw ftehim mal-fornituri bl-għan li jirrestrinġu l-aċċess għal swieq online jew pjattaformi terzi.


5      Regolament tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ April 2010, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).


6      Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C‑439/09, EU:C:2011:649).


7      ĠU 2010, C 130, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”.


8      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 21).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, EU:C:1983:293, punt 33), u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649, punt 40).


10      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 330/2010.


11      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966 (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 493).


12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, EU:C:1983:293). Il-punt 38 ta’ din is-sentenza b’hekk jippreċiża li “[a]ttitudni simili min-naħa tal-produttur ma tikkostitwixxix aġir unilaterali tal-impriża li […] jevita l-projbizzjoni [tal-akkordji]. Din tidħol […] fir-relazzjonijiet kuntrattwali li l-impriża għandha mal-bejjiegħa mill-ġdid”.


13      Tinstab rekord ta’ din l-attitudni relattivament flessibbli fir-rigward tal-ftehimiet ta’ distribuzzjoni esklużiva diġà fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38).


14      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977 (26/76, EU:C:1977:167, punt 20).


15      Seta’ jiġi enfasizzat li d-drittijiet testwali u ġurisprudenzjali relatati mal-ftehimiet vertikali kienu s-suġġett ta’ “katapulta dottrinali” [traduzzjoni libera] ġenwina (ara, f’dan ir-rigward, Petit, N., Droit européen de la concurrence, Montchrestien,2013).


16      Fost diversi studji, jista’ jissemma’ b’mod partikolari Tirole, J., The Theory of Industrial Organization, The MIT Press, Cambridge, 1988, b’mod partikolari p. 186. L-awtur jikkonkludi b’mod partikolari: “It seems important for economic theorists to develop a careful classification and operative criteria to determine in which environments certain vertical restraints are likely to lower social welfare.”


17      Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha Leegin Creative Leather Products, Inc. vs PSKS, Inc.[551 US 877 (2007)], il-qorti suprema tal-Istati Uniti tal-Amerka abbandunat il-ġurisprudenza “Dr. Miles”li sa dak iż-żmien kienet tipprojbixxi per se ċerti restrizzjonijiet vertikali billi stabbilixxiet b’mod ċar “regola ta’ raġuni”. Skont din id-deċiżjoni, “[t]he Court has abandoned the rule of per se illegality for other vertical restraints a manufacturer imposes on its distributors. Respected economic analysts, furthermore, conclude that vertical price restraints can have procompetitive effects. We now hold that Dr. Miles should be overruled and that vertical price restraints are to be judged by the rule of reason”.


18      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977 (26/76, EU:C:1977:167).


19      Ara, f’dan is-sens, Waelbroeck, M., u Frignani, A., Le droit de la CE – Concurrence, Éditions de l’Université de Bruxelles, collection “Commentaire J. Mégret”, Brussell, 1997, p. 171.


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 20), kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, EU:C:1980:289, punti 15 u 16). Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Frar 1992, Vichy vs Il-Kummissjoni (T‑19/91, EU:T:1992:28, punti 32 et seq).


21      Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211); tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 21), kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 24 sa 31).


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punti 20 u 21); tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, EU:C:1980:289, punti 15 u 16); tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, EU:C:1983:293, punt 35), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 1986, Metro vs Il-Kummissjoni (75/84, EU:C:1986:399, punti 37 u 40).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Leclerc vs Il-Kummissjoni (T‑19/92, EU:T:1996:190, punti 111 sa 120), u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Leclerc vs Il-Kummissjoni (T‑88/92, EU:T:1996:192, punti 106 sa 117).


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 20), u tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, EU:C:1983:293, punt 33).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, EU:C:1980:289).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Leclerc vs Il-Kummissjoni (T‑88/92, EU:T:1996:192, punt 109).


28      Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche (102/77, EU:C:1978:108, punt 7), kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, EU:C:2009:260, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 13).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, EU:C:2009:260, punti 24 sa 28).


31      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, EU:C:2009:260, punt 29).


32      Isir riferiment b’mod partikolari għall-eżempji ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      L-awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża kienet innotat b’mod partikolari, fil-kawża prinċipali, li din il-projbizzjoni ta’ bejgħ bl-internet kienet ekwivalenti għal limitazzjoni tal-libertà kummerċjali tad-distributuri ta’ Pierre Fabre Dermo-Cosmétique permezz tal-esklużjoni ta’ mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tillimita l-għażla tal-konsumaturi li jixtiequ jixtru bl-internet u, fl-aħħar nett, kienet tipprojbixxi l-bejgħ lix-xerrejja finali li ma humiex fiż-żona ta’ kummerċ “fiżika” tad-distributur awtorizzat.


34      Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C‑439/09, EU:C:2011:649, punti 41 u 43).


35      Fil-kawża prinċipali, mill-punt 1.1 tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva konkluż bejn Coty Germany u Parfümerie Akzente jirriżulta li l-probizzjoni li jintużaw pjattaformi terzi identifikabbli kellha preċiżament l-għan li jinżamm il-“karattru lussuż” [traduzzjoni libera] tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167); tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, EU:C:1980:289); tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, EU:C:1983:293), u tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, EU:C:2009:260).


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58).


38      Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649, punt 57).


39      Regolament tal-Kunsill, tat-2 ta’ Marzu 1965, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 11).


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll punt 57). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ppreċiżat li l-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex tiddetermina jekk koordinazzjoni bejn impriżi tinkludix tali restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jinsab fil-konstatazzjoni li tali koordinazzjoni għandha, fiha nnifisha, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni.


41      Bħall-approċċ adottat fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, ma huwiex stabbilit b’mod partikolari li l-miżuri kontenzjużi jaffettwaw b’mod iktar serju l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 74, u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).