Language of document : ECLI:EU:T:2016:468

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Settembru 2016 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark awdjo – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑408/15,

Globo Comunicação e Participações S/A, stabbilita f’Rio de Janeiro (il-Brażil), irrappreżentata minn E. Gaspar u M.‑E. De Moro-Giafferri, avukati,

rikorrenti,

vs

L‑Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-18 ta’ Mejju 2015 (Każ R 2945/2014‑5), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark awdjo bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2015,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2015,

wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ April 2014, ir-rikorrenti, Globo Comunicação e Participações S/A, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija sinjal awdjo kif irrappreżentat grafikament hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li saret matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, fil-klassijiet 9, 16, 38 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku; diski għar-reġistrazzjoni; diski kumpatti, DVD u tagħmir ieħor li jġorr id-data b’mod diġitali; softwer; applikazzjonijiet għal tablets u smartphones”;

–        klassi 16: “Karti, kartun (mhux maħdum, nofsu maħdum jew għall-kartolerija); materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartolerija; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjal għall-artisti; pniezel; tajprajters u oġġetti għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv jew għat-tagħlim (minbarra tagħmir); materjali tal-plastik għall-ippakkjar, jiġifieri boroż, pakketti, films u folji tal-karti; tipa tal-istampar; inċiżjonijiet, pubblikazzjonijiet; kotba; rivisti”;

–        klassi 38: “Servizzi ta’ xandir bit-televiżjoni”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; servizzi ta’ divertiment fil-forma ta’ programmi televiżivi; produzzjoni ta’ programmi televiżivi ta’ divertiment[; s]ervizzi ta’ divertiment, jiġifieri programmi televiżivi fil-qasam tal-attwalità, tal-edukazzjoni, tal-isport, tal-kummiedja, fil-forma ta’ sensiliet, ta’ spettakli tal-varjetà; produzzjoni ta’ programmi televiżivi; produzzjoni ta’ divertiment online”.

4        B’ittra tal-15 ta’ Mejju 2014, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata, għar-raġuni li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Huwa indika, b’mod partikolari, li din it-trade mark kienet komposta minn daqq ta’ qanpiena sempliċi u banali u li ma tistax tiġi pperċepita bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti. L-eżaminatur għalhekk stieden lir-rikorrenti tippreżentalu l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn.

5        B’ittra tal-11 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti rrispondiet, essenzjalment, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja li qasira, madankollu ma kinitx sempliċi, iżda kellha titqies li hija melodija qasira li tiġi pperċepita bħala indikatur ta’ referenza għall-prodotti u għas-servizzi tagħha stess.

6        B’deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2014, l-eżaminatur ċaħad din l-applikazzjoni, billi kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tmur kontra r-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li ma kellhiex karattru distintiv.

7        Fid-19 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

8        B’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, minn naħa, ċaħad l-appell fir-rigward tal-allegat karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, irrinvija quddiem l-eżaminatur l-eżami tal-kwistjoni mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tal-imsemmija trade mark fid-dawl tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ xandir bit-televiżjoni li jaqgħu fil-klassi 38 u s-servizzi ta’ divertiment li jaqgħu fil-klassi 41.

9        Fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu intiżi kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-professjonisti, b’mod li l-livell ta’ attenzjoni kien ivarja minn normali għal għoli.

10      Fil-punti 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li, sabiex tkun idonea sabiex tindika lill-konsumatur l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha tinkludi karatteristiċi li jippermettu li hija tinżamm fil-memorja faċilment mill-konsumatur. Għalkemm ma huwiex neċessarju li s-sinjal ikun oriġinali jew fantażjuż, jibqa’ l-fatt li ma jistax ikun banali jew totalment insinjifikattiv.

11      Fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iżid li trade mark ikkostitwita minn ħsejjes li jixbhu daqq ta’ qanpiena setgħet tissodisfa funzjoni ta’ identifikazzjoni biss jekk kienet tinkludi elementi ta’ natura li jindividwalizzawha meta mqabbla ma’ trade marks oħra. Issa f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 21 ta’ din l-istess deċiżjoni, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ikkostitwita mir-repetizzjoni ta’ ħoss li kien jixbah timbru ta’ daqq ta’ qanpiena assolutament banali, u dan minkejja l-fatt li t-trade mark kienet tikkonsisti f’biċċa mużika miktuba fi treble clef b’temp ta’ 147 noti crotchet kull minuta, b’repetizzjoni ta’ żewġ G#. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali sfumaturi meta mqabbla mal-forma klassika ta’ daqq ta’ qanpiena ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-oġġezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li kien hemm ir-riskju li l-konsumatur ikkonċernat ma jintebaħx bihom, u, fil-punt 23 ta’ din id-deċiżjoni, li kien ukoll impreċiż li jiġi sostnut li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ikkaratterizzata minn elementi speċifiċi u multipli, li jiġu pperċepiti immedjatament mill-konsumatur ikkonċernat.

12      Fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ippreżentata bħala motiv awdjo ta’ sempliċità kbira, jiġifieri essenzjalment bħala daqq ta’ qanpiena banali u komuni li l-konsumatur ikkonċernat ġeneralment ma jintebaħx bih u ma jżommux fil-memorja.

13      Għalhekk, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

14      Sussegwentement għad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti, fit-22 ta’ Lulju 2015, wettqet limitazzjoni ġdida billi rtirat, minn naħa, it-“[t]agħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku; diski għar-reġistrazzjoni; diski kumpatti” li jaqgħu fil-klassi 9 u, min-naħa l-oħra, il-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassi 16.

15      Għalhekk, fl-istadju tar-rikors, il-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-segwenti:

–        klassi 9: “DVD u tagħmir ieħor li jġorr id-data b’mod diġitali; softwer; applikazzjonijiet għal tablets u smartphones”;

–        klassi 38: “Servizzi ta’ xandir bit-televiżjoni”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; servizzi ta’ divertiment fil-forma ta’ programmi televiżivi; produzzjoni ta’ programmi televiżivi ta’ divertiment[; s]ervizzi ta’ divertiment, jiġifieri programmi televiżivi fil-qasam tal-attwalità, tal-edukazzjoni, tal-isport, tal-kummiedja, fil-forma ta’ sensiliet, ta’ spettakli tal-varjetà; produzzjoni ta’ programmi televiżivi; produzzjoni ta’ divertiment online”.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tikkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija valida sabiex tirreferi għal-lista tal-prodotti u tas-servizzi kif imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq;

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

18      L-EUIPO jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-Annessi A 29, A 29 bis, A 29 ter, A 50, A 51 bis, A 52, A 52 bis, A 53, A 53 bis, A 54, A 54 bis, A 55, A 55 bis, A 56, A 56 bis, A 57, A 58, A 58 bis, A 59, A 59 bis, A 60 et A 60 bis tar-rikors, għar-raġuni li ma ġewx prodotti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha [sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punti 136 u 138, u tal-10 ta’ Novembru 2004, Storck vs UASI (Forma ta’ ħelwa), T‑396/02, EU:T:2004:329, punt 24].

20      Għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ser isir biss fid-dawl tal-provi li ġew ikkomunikati matul il-proċedura amministrattiva u li jinsabu fil-fajl tal-EUIPO [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2014, Łaszkiewicz vs UASI – Capital Safety Group EMEA (PROTEKT), T‑576/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:667, punt 25].

 Fuq il-mertu

21      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

22      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, li jinsab fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, billi ma eżaminax il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi koperti mill-imsemmija applikazzjoni, ilment li żviluppat b’mod iktar partikolari waqt is-seduta.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu, għall-EUIPO, li jimmotiva r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jirriżulta wkoll mir-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni tal-EUIPO li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni effettiva ta’ dan id-dritt u li, għaldaqstant, għandu jirrigwarda l-legalità tal-motivazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Madankollu, meta tingħata l-istess raġuni għal rifjut għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-EUIPO jista’ jillimita ruħu għal motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kollha kkonċernati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, FTI Touristik vs UASI, C‑253/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2445, punt 48; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 37).

25      Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tista’ tillimita ruħha għal motivazzjoni globali meta tingħata raġuni għal rifjut għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jkollhom rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom sal-punt li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement omoġenji [sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Zuffa vs UASI (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T‑118/06, EU:T:2009:100, punt 28, u tat-23 ta’ Settembru 2015, Reed Exhibitions vs UASI (INFOSECURITY), T‑633/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:674, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, FTI Touristik vs UASI, C‑253/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2445, punt 48].

26      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ta l-istess raġuni għal rifjut għall-prodotti u għas-servizzi kollha li għalihom ġiet irrifjutata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-banalità tas-sinjal fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jistgħu jew ma jistgħux ikunu assoċjati ma’ daqq ta’ qanpiena ta’ telefon jew ta’ żveljarin u l-fatt li jidher diffiċli li wieħed jikkonċepixxi l-użu ta’ trade mark awdjo fir-rigward ta’ prodotti silenzjużi (ara l-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Min-naħa l-oħra, kif enfasizza ġustament l-EUIPO, teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni li jikkostitwixxu tagħmir għat-tixrid ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi (“DVD u tagħmir ieħor li jġorr id-data b’mod diġitali; applikazzjonijiet għal tablets u smartphones”, li jaqgħu fil-klassi 9; “produzzjoni ta’ divertiment online”, li taqa’ fil-klassi 41), b’mod orali (“[e]dukazzjoni; taħriġ”, li jaqgħu fil-klassi 41) jew b’mezzi televiżivi (“[s]ervizzi ta’ xandir bit-televiżjoni”, li jaqgħu fil-klassi 38; “divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; servizzi ta’ divertiment fil-forma ta’ programmi televiżivi; produzzjoni ta’ programmi televiżivi ta’ divertiment[; s]ervizzi ta’ divertiment, jiġifieri programmi televiżivi fil-qasam tal-attwalità, tal-edukazzjoni, tal-isport, tal-kummiedja, fil-forma ta’ sensiliet, ta’ spettakli tal-varjetà; produzzjoni ta’ programmi televiżivi”, li jaqgħu fil-klassi 41) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, INFOSECURITY, T‑633/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:674, punt 47).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu, wara li jkun wettaq eżami globali li jkopri l-prodotti u s-servizzi kollha inkwistjoni, jistabbilixxi konklużjoni waħda biss, ibbażata fuq l-istess raġuni għal rifjut li tirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati.

29      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

30      Għad irid jiġi vverifikat, fil-kuntest tat-tieni motiv, jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball meta kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha inkwistjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

31      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni meta rrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Billi tqis li, fil-kuntest tal-eżami tal-karattru distintiv tagħhom, it-trade marks awdjo għandhom ikunu suġġetti għall-istess kriterji bħat-trade marks verbali jew figurattivi, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-qosor tat-trade mark awdjo li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistax ineħħilha l-karattru distintiv tagħha u li l-imsemmija trade mark, minkejja li qasira, madankollu ma hijiex sempliċi, iżda hija kkaratterizzata minn sekwenza ta’ noti li jinduċu r-repetizzjoni ta’ ħoss partikolari, li, meta jiġi rripetut, ikun itwal u li, b’dan il-mod, il-konsumatur ikun jista’ jidentifikaha u jżommha fil-memorja b’iktar faċilità. Hija żżid li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita minn sigla awdjo li la hija ordinarja u lanqas abitwali.

32      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li s-sinjali awdjo ma humiex inadegwati min-natura tagħhom sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark, C‑283/01, EU:C:2003:641, punt 36).

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħsejjes jistgħu jikkostitwixxu trade mark, bil-kundizzjoni li, barra minn hekk, ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark, C‑283/01, EU:C:2003:641, punt 37).

34      Ma huwiex ikkontestat li l-indikazzjoni ta’ noti mużikali fuq biċċa mużika miktuba, akkumpanjata minn clef, minn pawżi u minn accidentals, tikkostitwixxi “rappreżenta[zzjoni] grafik[a]” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

35      Anki jekk tali rappreżentazzjoni ma tkunx tista’ tinftiehem immedjatament, jibqa’ l-fatt li hija tista’ tinftiehem faċilment, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku, b’mod partikolari l-operaturi ekonomiċi, ikunu jistgħu jkollhom għarfien eżatt tas-sinjal li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark [ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark, C‑283/01, EU:C:2003:641, punti 62 u 63; ara wkoll ir-Regola 3(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat].

36      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

37      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u għalhekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk li joriġinaw minn impriżi oħra (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 34, u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 29).

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-trade marks previsti mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huma dawk li jitqiesu li ma għandhomx il-kapaċità li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni sabiex b’hekk tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark li, meta jiġi sabiex jagħmel akkwist ieħor, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew jagħmel għażla oħra jekk l-esperjenza tkun waħda negattiva [sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, EU:C:2004:532, punt 23; tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, EU:C:2005:547, punt 60, u tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C‑304/06 P, EU:C:2008:261, punt 56; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Air France vs UASI (Forma ta’ parallelogramm), T‑159/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:176, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata].

39      Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħhom [ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C‑218/01, EU:C:2004:88, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Settembru 2010, UASI vs Borco-Marken-Import Matthiesen, C‑265/09 P, EU:C:2010:508, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat-13 ta’ April 2011, Forma ta’ parallelogramm, T‑159/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:176, punt 14, u tat-28 ta’ April 2015, Volkswagen vs USAI/OHMI (EXTRA), T‑216/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:230, punt 15].

40      Madankollu, minimu ta’ karattru distintiv huwa suffiċjenti sabiex ir-raġuni assoluta għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tkunx applikabbli [sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T‑441/05, EU:T:2007:178, punt 42; tad-29 ta’ Settembru 2009, The Smiley Company vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ nofs tbissima ta’ smiley), T‑139/08, EU:T:2009:364, punt 30, u tat-13 ta’ April 2011, Forma ta’ parallelogramm, T‑159/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:176, punt 15].

41      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għad-diversi kategoriji ta’ trade marks, jista’ jidher, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess għal kull waħda minn dawn il-kategoriji u li, għaldaqstant, jista’ jirriżulta li jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade marks ta’ ċerti kategoriji milli ta’ dawk ta’ kategoriji oħra (ara d-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2004, Glaverbel vs UASI, C‑445/02 P, EU:C:2004:393, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-pubbliku huwa mdorri jipperċepixxi trade marks verbali jew figurattivi bħala sinjali li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi, dan ma japplikax neċessarjament bl-istess mod meta s-sinjal ikun ikkostitwit biss minn element awdjo.

43      Madankollu, għandu jitqies li, f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti jew servizzi, jista’ ma jkunx inabitwali li l-konsumatur jidentifikahom permezz ta’ element awdjo. Għaldaqstant, għandu jitqies, b’mod partikolari, li, kif indika ġustament l-EUIPO waqt is-seduta, f’ċerti setturi ekonomiċi bħal dak tax-xandir bit-televiżjoni, mhux biss ma huwiex inabitwali, iżda huwa saħansitra komuni li l-konsumatur jasal sabiex jidentifika prodott jew servizz li jaqa’ fl-imsemmi settur permezz ta’ element awdjo li jippermetti li jiddistingwih bħala li joriġina minn impriża partikolari.

44      F’din l-istess perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti u servizzi marbuta, b’mod partikolari, minn naħa, ma’ mezzi ta’ komunikazzjoni jew ta’ divertiment permezz tax-xandir bit-televiżjoni jew bir-radju kif ukoll mat-telefonija u, min-naħa l-oħra, ma’ tagħmir informatiku, softwer jew mal-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni inġenerali, elementi awdjo, bħal sigli jew melodiji, jintużaw sabiex jippermettu li ssir identifikazzjoni bis-smigħ tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari.

45      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li s-sinjal awdjo li tkun saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu jkollu ċerta reżonanza li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat li jipperċepih u li jqisu bħala trade mark u mhux bħala element ta’ natura funzjonali jew bħala indikatur mingħajr karatteristika intrinsika tiegħu stess. L-imsemmi konsumatur għalhekk għandu jqis is-sinjal awdjo bħala li għandu kapaċità ta’ identifikazzjoni, fis-sens li ser ikun jista’ jiġi identifikat bħala trade mark.

46      Għaldaqstant, sinjal awdjo li ma għandux il-kapaċità li jfisser iktar mis-sempliċi kombinazzjoni banali tan-noti li jikkomponuh ma jippermettix lill-konsumatur ikkonċernat li jipperċepixxi l-funzjoni tiegħu ta’ identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, sa fejn ikun limitat għal sempliċi “effett ta’ mera”, fis-sens li, kif indika ġustament l-EUIPO waqt is-seduta, ikun jirreferi biss għalih innifsu u għal xejn iktar. Għalhekk ma jkunx idoneu sabiex iqanqal f’moħħ il-konsumatur ikkonċernat ċerta forma ta’ attenzjoni li tippermettilu jirrikonoxxi l-funzjoni indispensabbli ta’ identifikazzjoni tal-imsemmi sinjal.

47      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv.

48      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma intiżi kemm għall-pubbliku inġenerali kif ukoll għall-professjonisti li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom għalhekk ivarja minn normali għal għoli. Din l-evalwazzjoni ma tistax ma tiġix ikkonfermata.

49      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ikkostitwita mir-repetizzjoni ta’ ħoss li kien jixbah it-timbru ta’ daqq ta’ qanpiena.

50      Bl-indikazzjoni, fir-rikors, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tiġi deskritta bħala “ħoss li jixbah daqq ta’ qanpiena ta’ telefon” jew bħala “daqq ta’ qanpiena elettronika speċifika li jevoka sonar kompost mir-repetizzjoni ta’ żewġ noti”, ir-rikorrenti ma tikkontestax, kif jenfasizza ġustament l-EUIPO, id-deskrizzjoni msemmija iktar ’il fuq, magħmula mill-Bord tal-Appell, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sinjal awdjo li huwa kkaratterizzat minn sempliċità eċċessiva u li huwa limitat għas-sempliċi repetizzjoni ta’ żewġ noti identiċi ma jistax, bħala tali, jittrażmetti messaġġ li l-konsumaturi jistgħu jiftakru, b’mod li dawn tal-aħħar ma humiex ser iqisuh bħala trade mark, sakemm ma jkunx akkwista karattru distintiv permezz tal-użu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Cain Cellars vs UASI (Xbiha ta’ pentagonu), T‑304/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:271, punt 22].

52      Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti biss bħala sempliċi funzjonalità tal-prodotti u tas-servizzi koperti u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom. Kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konsumatur ta’ referenza ġeneralment ma huwiex ser jintebaħ bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u ma huwiex ser iżommha fil-memorja.

53      It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għalhekk tammonta għal daqq ta’ qanpiena ta’ żveljarin jew ta’ telefon ikun xi jkun il-kuntest li fiha tintuża u jkun xi jkun il-mezz użat u dan id-daqq ta’ qanpiena ma għandu ebda karatteristika intrinsika distinta mir-repetizzjoni tan-nota li tikkomponih u li tippermetti li tiġi identifikata xi ħaġa oħra minbarra dan id-daqq ta’ qanpiena ta’ żveljarin jew ta’ telefon.

54      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti tenniet li l-karattru inabitwali ta’ daqq ta’ qanpiena ta’ telefon bħala indikattiv tal-oriġini ta’ servizz jagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni l-karattru distintiv tagħha.

55      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-użu allegatament inabitwali ta’ daqq ta’ qanpiena ta’ telefon bħala indikatur tal-oriġini ta’ prodotti jew ta’ servizzi ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li s-sinjal huwa idoneu sabiex jidentifika tali oriġini meta, bħal f’dan il-każ, is-sempliċità eċċessiva tirrendi dan is-sinjal mhux idoneu sabiex jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi, peress li, kif irrileva ġustament l-EUIPO bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, dan is-sinjal ma għandux varjetà fit-tonalità tiegħu u jirreferi biss għalih innifsu.

56      Ir-rikorrenti tallega wkoll li, sa fejn jirriżulta mill-partitura li din hija biċċa mużika miktuba fi treble clef b’temp ta’ 147 noti crotchet kull minuta, b’repetizzjoni ta’ żewġ G#, jiġifieri l-ewwel G crotchet aċċentwata (temp wieħed), segwita mit-tieni G (minim bil-punt) (tliet tempi), marbuta ma’ semibreve (erba’ tempi), il-Bord tal-Appell ma setax ma jikkunsidrax li kien hemm ir-riskju li l-konsumatur ikkonċernat ma jintebaħx b’dawn l-isfumaturi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja din id-deskrizzjoni, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif ġiet ukoll ippreżentata lill-Qorti Ġenerali permezz tax-xandir awdjo tagħha waqt is-seduta, tammonta għar-repetizzjoni ta’ żewġ noti identiċi, mingħajr ma tista’ tiġi pperċepita bis-smigħ kwalunkwe sfumatura, u dan kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

57      Kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, trade mark ikkostitwita minn ħsejjes li jixbhu daqq ta’ qanpiena ma tistax tkun kapaċi tissodisfa funzjoni ta’ identifikazzjoni, sakemm ma tinkludix elementi ta’ natura li jindividwalizzawha meta mqabbla ma trade marks awdjo oħra, filwaqt li għandu madankollu jiġi osservat li ma huwiex neċessarju li l-imsemmija trade mark tkun oriġinali jew fantażjuża.

58      Għalhekk, it-trade mark li tkun saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha għandha tippermetti li tiġi identifikata mill-pubbliku kkonċernat bħala indikatur tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, liema kundizzjoni ma hijiex issodisfatta, f’dan il-każ, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tista’ tiġi assimilata ma’ daqq ta’ qanpiena “standard” li jkollu kull apparat elettroniku mgħammar b’timer jew kull apparat ta’ telefonija, b’mod li l-imsemmi pubbliku ma jkunx jista’, mingħajr għarfien minn qabel, jidentifika dan id-daqq ta’ qanpiena bħala element li jindika l-prodotti u s-servizzi li joriġinaw mir-rikorrenti.

59      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi assimilata ma’ sigla li tkun inabitwali għar-raġuni li tinkludi daqq ta’ qanpiena doppju.

60      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija magħrufa sew fil-Brażil u fi ħdan il-komunità Brażiljana li tirrisjedi f’diversi Stati Membri, li tidentifika l-imsemmija trade mark bħala sinjal distintiv tal-istazzjon televiżiv Globo.

61      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, b’dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kisbet karattru distintiv minħabba l-użu fit-tul li sar minnha, argument li huwa tabilħaqq rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, liema kwistjoni tressqet quddiem l-eżaminatur (ara l-punti 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 8 iktar ’il fuq), iżda mhux fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

62      Ir-rikorrenti tallega wkoll li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv, sa fejn din tal-aħħar kif ukoll trade marks awdjo oħra simili ġew irreġistrati fi Franza u fl-Istati Uniti.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema tat-trade marks tal-Unjoni hija sistema awtonoma, magħmula minn ġabra ta’ regoli u li tħaddan għanijiet li huma speċifiċi għaliha, billi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk sinjal għandux jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti [sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2007, MacLean-Fogg vs UASI (LOKTHREAD), T‑339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 57, u tal-10 ta’ Mejju 2012, Amador López vs UASI (AUTOCOACHING), T‑325/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:230, punt 45].

64      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-assenza ta’ karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istess raġuni għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali, kienet tapplika għall-imsemmija prodotti jew servizzi kollha, sa fejn il-banalità tas-sinjal baqgħet identika, irrispettivament minn jekk it-trade mark kinitx marbuta ma’ prodotti jew ma’ servizzi li setgħu jew ma setgħux ikunu assoċjati ma’ daqq ta’ qanpiena ta’ telefon jew ta’ żveljarin.

65      Il-Bord tal-Appell żied dan li ġej fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-prodotti fil-klassi 16 li mid-definizzjoni tagħhom stess huma siekta (b’eċċezzjoni, forsi, tal-kartolini ta’ awgurju awdjo) kif ukoll [is-]servizzi segwenti fil-klassi 41 ‘Edukazzjoni; taħriġ; attivitajiet sportivi u kulturali’, il-Bord iżid li jidher li huwa diffiċli li jiġi kkonċepit l-użu tat-trade mark ineżami b’rabta ma’ dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-fatt, kif jista’ wieħed jassoċja trade mark awdjo mal-bejgħ tal-karti, pereżempju? Barra minn hekk, mill-esperjenza prattika tiegħu, il-Bord jikkonkludi li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 16, il-konsumatur ma huwiex imdorri jirrikonoxxi l-oriġini ta’ dawn il-prodotti abbażi ta’ ħoss jew ta’ melodja. L-istess japplika għall-attività ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni fil-klassi 41.”

66      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 52 iktar ’il fuq, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti biss bħala sempliċi funzjonalità tal-prodotti u tas-servizzi koperti u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom.

67      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 ma humiex speċfikati espressament fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, huma jaqgħu taħt il-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ser tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti. Fil-fatt, kif enfasizza ġustament l-EUIPO, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tinftiehem bħala li tindika s-sempliċi attivazzjoni tat-tagħmir li jġorr id-data jew tal-programm informatiku jew ta’ applikazzjoni għal apparat elettroniku.

68      F’dak li jirrigwarda s-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni li jaqa’ fil-klassi 38 u s-servizzi kollha li jistgħu jiġu pprovduti fil-forma ta’ programm televiżiv u li jaqgħu fil-klassi 41, it-trade mark awdjo, minħabba l-banalità tagħha, pjuttost ser tiġi pperċepita mill-pubbliku kkonċernat bħala li tindika l-bidu jew it-tmiem ta’ programm televiżiv.

69      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

70      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-EUIPO rreġistra trade marks awdjo simili, jiġifieri ħoss ta’ qanpiena jew ta’ silofonu, b’mod li jkun insuffiċjenti li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni f’dan il-każ minħabba allegata assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-raġuni li hija sempliċi.

71      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea meħuda mill-Bordijiet tal-Appell, skont ir-Regolament Nru 207/2009, jiġu adottati fl-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk sinjal għandux jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell [sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, EU:C:2005:547, punt 47, u tas-27 ta’ Frar 2015, Universal Utility International vs UASI (Greenworld), T‑106/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:123, punt 36].

72      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li ġie deċiż li l-EUIPO kellu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 74, u tat-28 ta’ April 2015, EXTRA, T‑216/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:230, punt 30).

73      Madankollu, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Konsegwentement, persuna li tressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 75 u 76, u tat-28 ta’ April 2015, EXTRA, T‑216/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:230, punt 31).

74      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun rigoruż u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod indebitu. Dan l-eżami għandu jitwettaq f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77, u tat-28 ta’ April 2015, EXTRA, T‑216/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:230, punt 32).

75      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq eżami komplet u konkret tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex jirrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha. Barra minn hekk, minn eżami tal-ilmenti invokati mir-rikorrenti jirriżulta li dan l-eżami wassal lill-Bord tal-Appell sabiex tapplika korrettament ir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Peress li l-eżami tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni ma setax iwassal, fih innifsu, għal riżultat differenti, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks awdjo oħra ma jistgħux jirnexxu. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka utilment deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO bil-għan li tinvalida l-konklużjoni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija inkompatibbli mar-Regolament Nru 207/2009.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li kemm it-tieni motiv kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

77      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Globo Comunicação e Participações S/A hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.