Language of document : ECLI:EU:T:2011:284

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-birra – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Prova tal-ksur – Aċċess għall-fajl – Multa – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑240/07,

Heineken Nederland BV, stabbilita f’Zoeterwoude (il-Pajjizi l-Baxxi),

Heineken NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjizi l-Baxxi),

irrappreżentati minn T. Ottervanger u M. de Jong, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment, minn A. Bouquet u S. Noë u A.Nijenhuis, u sussegwentement A. Bouquet u S. Noë bħala aġenti, assistiti minn M. Slotboom, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1697, tat‑18 ta’ April 2007, dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B/37.766 − Is-suq Olandiż tal-birra), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President, A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Heineken Nederland BV u Heineken NV, li huma proprjetà tal-grupp Heineken (iktar ’il quddiem “Heineken”), li l-attività tiegħu tikkonsisti fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-birra. Heineken NV hija responsabbli għad-direzzjoni tal-grupp, filwaqt li Heineken Nederland hija kumpannija tal-produzzjoni tal-birra. Heineken NV hija proprjetarja, permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha Heineken Nederlands Beheer BV, tal-ishma kollha ta’ Heineken Nederland.

2        Heineken huwa wieħed minn erba’ atturi prinċipali fis-suq Olandiż tal-birra. Il-produtturi tal-birra predominanti l-oħra f’dan is-suq huma, fl-ewwel lok, il-grupp InBev (iktar ’il quddiem “InBev”), li, qabel l‑2004, kien magħruf bl-isem Interbrew u li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija InBev NV u l-produzzjoni tiegħu hija responsabbilità tal-kumpannija sussidjarja InBev Nederland NV, fit-tieni lok, il-grupp Grolsch (iktar ’il quddiem “Grolsch”), li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija Koninklijke Grolsch NV, u, fit-tielet lok, il-kumpannija Bavaria NV.

3        Ir-rikorrenti u t-tliet produtturi tal-birra prinċipali l-oħra f’dan is-suq ibiegħu l-birra tagħhom lill-klijent finali, partikolarment permezz ta’ żewġ mezzi ta’ distribuzzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċirkwit ta’ stabbilimenti “horeca”, jiġifieri l-lukandi, ir-restoranti u l-kafetteriji, fejn il-konsum isir fuq il-post, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkwit “food” ta’ supermarkets u ta’ ħwienet tal-inbid u tal-ispirti, fejn ix-xiri tal-birra huwa maħsub għal konsum fid-djar. Dan l-aħħar settur jinkludi wkoll il-parti tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur. Minn fost l-erba’ produtturi tal-birra kkonċernati, huma biss InBev u Bavaria li huma attivi f’din il-parti.

4        Dawn l-erba’ produtturi tal-birra huma membri tas-Centraal Brouwerij Kantoor (iktar ’il quddiem “CBK”). Din tal-aħħar hija organizzazzjoni federattiva li, skont l-istatut tagħha, tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha u hija komposta minn assemblea ġenerali u minn diversi kummissjonijiet, bħall-kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet “horeca” u l-kummissjoni finanzjarja, li saret il-bord tad-diretturi. Fir-rigward tal-laqgħat li jsiru fis-CBK, is-segretarjat tagħha jistabbilixxi avviżi u fajls uffiċjali enumerati b’mod kontinwu u li jintbagħtu lill-membri parteċipanti.

 Il-proċedura amministrattiva

5        Permezz tal-ittri tat‑28 ta’ Jannar 2000 kif ukoll tat‑3, tal‑25 u tad‑29 ta’ Frar 2000, InBev ipprovdiet serje ta’ dikjarazzjonijiet dwar informazzjoni fuq prattiki kummerċjali restrittivi fis-suq Olandiż tal-birra. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru waqt investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, partikolarment fl‑1999, fuq prattiki ta’ akkordju u fuq abbuż eventwali minn pożizzjoni dominanti fis-suq Belġjan tal-birra. B’mod konġunt ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet, InBev ressqet talba ta’ klemenza skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

6        Fit‑22 u fit‑23 ta’ Marzu tal‑2000, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ InBev, twettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-bini tar-rikorrenti u f’dawk ta’ impriżi oħra kkonċernati. Mill‑2001 sal‑2005 intbagħtu talbiet għall-informazzjoni supplementari lir-rikorrenti u lil impriżi kkonċernati oħra.

7        Fit‑30 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi oħra kkonċernati. Permezz tal-ittra tal‑24 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar dik id-dikjarazzjoni. Ħadd mill-partijiet ma talab seduta orali.

8        Permezz tal-ittri tas‑26 ta’ Jannar u tas‑7 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni kkomunikat dokumenti supplementari lir-rikorrenti. Dawn kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’talbiet għal informazzjoni indirizzati lil InBev kif ukoll f’risposti li ngħatawlhom.

9        Fit‑18 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 1697 dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B/37.766 — Is-suq Olandiż tal-birra, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sinteżi tagħha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Mejju 2008 (ĠU C 122, p. 1) li ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz tal-ittra tal‑24 ta’ April 2007.

 Id-deċiżjoni kkontestata

 Il-ksur inkwistjoni

10      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti u l-kumpanniji InBev NV, InBev Nederland, Koninklijke Grolsch u Bavaria pparteċipaw, matul il-perijodu ta’ bejn is‑27 ta’ Frar 1996 u t‑3 ta’ Novembru 1999, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE, li jikkonsisti f’għadd ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

11      Il-ksur ikkonsista, fl-ewwel lok, fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u fiż-żidiet tal-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tieni lok, fil-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjoniet kummerċjali oħra offruti lill-klijenti individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħal tislif lill-istabbilimenti, u, fit-tielet lok, fil-koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 1 u premessi 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      L-aġir antikompetittiv tal-produtturi tal-birra seħħ, skont id-deċiżjoni kkontestata, waqt ċiklu ta’ laqgħat multilaterali mhux uffiċjali li kienu b’mod regolari jlaqqgħu flimkien l-erba’ atturi prinċipali fis-suq Olandiż tal-birra, kif ukoll waqt laqgħat bilaterali kumplementari li jinvolvu l-istess produtturi tal-birra f’diversi konfigurazzjonijiet. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn il-laqgħat seħħu b’mod sigriet, b’mod intenzjonali fejn il-parteċipanti kienu jafu li huma ma kinux awtorizzati (premessi 257 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, saru serje ta’ laqgħat multilaterali msejħa “Catherijne overleg” (prattika miftiehma Catherijne) jew “agendacommissie” (kummissjoni tal-aġenda) bejn is‑27 ta’ Frar 1996 u t‑3 ta’ Novembru 1999. Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li dawn il-laqgħat, li jikkonċernaw is-settur “horeca”, iżda li jistgħu jirrigwardaw ukoll is-settur tal-konsum fid-djar, essenzjalment kellhom bħala għan li jikkoordinaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra, li jiddiskutu l-limitazzjoni tal-ammont ta’ skontijiet u tat-tqassim tal-klijentela kif ukoll li jiftiehmu fuq ċerti kundizzjonijiet kummerċjali oħra. Il-prezz tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ukoll ġie diskuss matul dawn il-laqgħat (premessi 85, 90, 98, 115 sa 127 u 247 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatti bilaterali bejn il-produtturi tal-birra, id-deċiżjoni kkontestata tindika li fit‑12 ta’ Mejju 1997, InBev u Bavaria ltaqgħu u ddiskutew iż-żieda tal-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti u Bavaria ltaqgħu fl‑1998 bil-għan li jiddiskutu r-restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-punti ta’ bejgħ fis-settur “horeca” (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tindika li saru wkoll kuntatti bilaterali fil‑5 ta’ Lulju 1999 bejn ir-rikorrenti u Grolsch fir-rigward ta’ kumpens li ngħata lill-klijenti fis-settur tal-konsum fid-djar li rriżulta fi tnaqqis temporanju tal-prezzijiet (premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Finalment, skont id-deċiżjoni kkontestata, fl‑1997, bejn InBev u Bavaria, saru kuntatti bilaterali u skambji ta’ informazzjoni rigward diskussjonijiet ġenerali dwar il-prezz tal-birra kif ukoll diskussjonijiet li jirrigwardaw ukoll il-marka tad-distributur. Il-kuntatti bilaterali, fil-forma ta’ skambji ta’ informazzjoni, rigward il-marka tad-distributur, kienu jinvolvu wkoll produtturi tal-birra Belġjani matul Ġunju u Lulju tal‑1998. Il-Kummissjoni tippreċiża li dawn id-diskussjonijiet saru fil-preżenza tar-rikorrenti u ta’ Grolsch (premessi 105, 222 sa 229 u 232 sa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Ir-responsabbiltà ta’ Heineken NV ġiet stabbilita abbażi tal-fatt li, fil-perijodu tal-ksur, Heineken Nederland kienet, direttament jew indirettament, is-sussidjarja tagħha 100 %, liema fatt ġie kkonfermat minn elementi oħra tal-fajl, li juru li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politiki kummerċjali tas-sussidjarji tagħha (premessi 400 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti

17      L-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq ir-rikorrenti in solidum, multa ta’ EUR 219 275 000.

18      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din il-multa, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u l-metodoloġija stabbilita fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) (premessi 436 u 442 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont din il-metodoloġija, l-iffissar tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sar abbażi tal-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      B’mod partikolari, il-ksur ġie kklassifikat bħala “gravi ħafna” sa fejn kien essenzjalment jikkonsisti fil-koordinazzjoni regolari tal-prezzijiet, taż-żidiet fil-prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra u fit-tqassim tal-klijentela (premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll in-natura sigrieta u intenzjonata tal-aġir antikompetittiv kif ukoll tal-fatt li l-ksur affettwa t-territorju kollu tal-Pajjiżi l-Baxxi u s-suq kollu tal-birra, jiġifieri kemm is-settur “horeca” kif ukoll is-settur tal-konsum fid-djar (premessi 453 u 455 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li f’dan il-każ ma ttiħidx inkunsiderazzjoni l-effett reali fuq is-suq Olandiż tal-aġir antikompetittiv peress li dan ma setax jitkejjel (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Barra min hekk, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat fir-rigward tar-rikorrenti bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali tagħhom u l-piż individwali tagħhom fl-aġir ikkonstatat li jikkostitwixxi ksur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni wżat il-figuri tal-bejgħ ta’ birra li twettaq mir-rikorrenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fl‑1998, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Fuq dik il-bażi, ir-rikorrenti ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali ta’ EUR 65 000 000 (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Bil-għan li tiżgura effett dissważiv suffiċjenti, ġie applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għal dak l-ammont inizjali, b’kunsiderazzjoni għad-dħul mill-bejgħ kbir ta’ Heineken (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Peress li r-rikorrenti pparteċipaw fil-ksur mis‑27 ta’ Frar 1996 sat‑3 ta’ Novembru 1999, jiġifieri matul perijodu ta’ 3 snin u 8 xhur, dan l-ammont inizjali żdied b’35 % (premessi 465 u 466 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant l-ammont bażiku kien ta’ EUR 219 375 000.

23      Finalment, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ EUR 100 000 mill-ammont tal-multa, sa fejn hija ammettiet li, f’dan il-każ, it-tul tal-proċedura amministrattiva ma kienx raġonevoli (premessi 495 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

25      B’deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2010, il-Qorti Ġenerali rrinvijat il-kawża quddiem is-Sitt Awla Estiża skont l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

26      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑12 ta’ Frar 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, li għalihom din tal-aħħar wieġbet fit-terminu stabbilit.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2010.

28      Minħabba l-impediment tal-Imħallef Relatur wara l-għeluq tal-proċedura orali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid u din is-sentenza ġiet iddeliberata mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza, skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura.

29      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn din tikkonċernhom;

–        tanulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il motiv, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra kkonċernati, fit-tieni lok, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-“prinċipju ta’ akkuratezza” u tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jirriżultaw minn nuqqas allegat ta’ investigazzjoni akkurata u imparzjali, fit-tielet lok, fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, fir-raba’ lok, fuq ksur ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fil-ħames lok, fuq insuffiċjenza ta’ provi tal-ksur, fis-sitt lok, fuq in-nuqqas ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, fis-seba’ lok, fuq determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, fit-tmien lok, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-obbligu tal-motivazzjoni, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa, fid-disa’ lok, fuq evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti, fl-għaxar lok, fuq l-effett tat-tul tal-proċedura amministrattiva fuq l-ammont tal-multa u, fil-ħdax-il lok, fuq il-livell wisq limitat tat-tnaqqis tal-multa mogħtija mill-Kummissjoni abbażi tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

32      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġu eżaminati, qabel kollox, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motivi, li huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw il-ksur, sussegwentement, l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq allegati difetti proċedurali u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u, finalment, it-tmien, id-disa’, l-għaxar, u l-ħdax-il motiv, li jikkonċernaw l-iffissar tal-ammont tal-multa.

 Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq l-insuffiċjenza tal-provi tal-ksur u n-nuqqas ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE rispettivament

 L-argumenti tal-partijiet

33      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dan is-sens tmur kontra l-preżunzjoni ta’ innoċenza u l-obbligu tal-motivazzjoni.

34      Għal dan il-għan, ir-rikorrenti jikkontestaw il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li tikkostitwixxi l-bażi prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li din tal-aħħar hija vaga wisq u kontradittorja u hija bbażata parzjalment fuq informazzjoni miksuba minn terzi. Barra minn hekk, huma jallegaw li l-Kummissjoni ma analizzatx jekk din id-dikjarazzjoni saritx b’mod informat u wara riflessjoni matura u li ma tat l-ebda każ tad-dikjarazzjonijiet li jiskaġunaw inklużi fiha.

35      Ir-rikorrenti barra minn hekk iqisu li peress li n-noti miktuba bl-idejn mir-rappreżentanti tal-produtturi tal-birra Olandiżi waqt il-laqgħat inkriminanti, kienu ta’ natura frammentarja, dawn ma humiex suffiċjenti lanqas sabiex juru l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv.

36      Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza u l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti provi dokumentarji li fuqhom ġiet ibbażata l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għadd ta’ ftehim u/jew ta’ prattiki miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

37      Ir-rikorrenti jikkontestaw li l-kuntatti bejn il-produtturi tal-birra rriżultaw fi ftehim peress li qatt ma kien hemm bejniethom qbil tal-intenzjonijiet sabiex jiffissaw linja ddeterminata tal-aġir fuq is-suq.

38      Huma jikkontestaw ukoll l-eżistenza ta’ prattika miftiehma. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-provi disponibbli ma jindikawx li l-kuntatti bejn il-produtturi tal-birra eliminaw jew, minn tal-inqas, naqqsu b’mod kunsiderevoli l-inċertezzi fir-rigward tal-aġir futur tagħhom fis-suq. Għall-kuntrarju, huma jqisu li wrew b’mod suffiċjenti li l-aġir tal-produtturi tal-birra fis-suq kien iddeterminat b’mod awtonomu.

39      Ir-rikorrenti barra minn hekk isostnu li l-laqgħat inkriminanti qatt ma kellhom għan antikompetittiv. Id-diskussjonijiet waqt dawk il-laqgħat kienu jikkonċernaw numru kbir ta’ suġġetti leġittimi b’tali mod li d-diskussjonijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fis-suq, inkluż tal-prezzijiet għall-konsumaturi fis-suq tal-birra kkonsmata fid-djar u inklużi l-offerti lil xi klijenti “horeca”, kienu biss ta’ natura okkażjonali u informali.

40      Finalment, ir-rikorrenti joġġezzjonaw kontra l-imputazzjoni tagħhom għad-diskussjonijiet bejn Interbrew u Bavaria li jikkonċernaw is-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, settur li ma humiex attivi fih.

41      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

42      Permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-Kummissjoni ma pprovatx sal-grad rikjest mill-liġi l-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom hija kkonkludiet l-eżistenza tal-ksur. Permezz tas-sitt motiv tagħhom, huma jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Peress li dawn iż-żewġ motivi huma intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-ksur, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien.

43      Skont l-Artikolu 81(1) KE l-ftehim kollu bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, huma inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu pprojbiti.

44      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod iddeterminat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal‑20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

45      Jista’ jiġi kkunsidrat li jiġi konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 KE meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

46      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma tikkonċerna forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għal ftehim veru u proprju, xjentement tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

47      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fuq dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

48      Hemm lok li jitfakkar, fir-rigward tal-ġbir tal-provi ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, li l-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi neċessarji sabiex tintwera, sal-grad rikjest mil-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 86).

49      Għalhekk, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati b’mod globali, ikunu jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punti 179 u 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fid-dawl tan-notorjetà tal-projbizzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Il-provi frammentarji u skarsi li jista’ jkollha l-Kummissjoni għandhom, fi kwalunwe sitwazzjoni, ikunu jistgħu jiġu kkompletati permezz ta’ deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawsibbli, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57).

52      Peress li l-Kummissjoni invokat provi dokumentarji insostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika antikompetittiva, huma l-partijiet li jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li għandhom, mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teorija tal-Kummissjoni, iżda li jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 187).

53      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-Imħallef għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea japplika b’mod partikolari għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 149 u 150, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP u T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punti 60 u 61).

55      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi li l-aġir tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

–       Fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev

56      Hemm lok li jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha ampjament (ara, b’mod partikolari, il-premessi 40 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata) fuq id-dikjarazzjoni pprovduta minn InBev, fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, permezz tal-ittri tat‑28 ta’ Jannar, tat‑3, tal‑25 u tad‑29 ta’ Frar 2000, ikkompletati bid-dikjarazzjonijiet annessi ta’ ħames diretturi ta’ InBev (premessi 34 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa, id-“dikjarazzjoni ta’ InBev”).

57      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li d-dikjarazzjoni ta’ InBev tindika l-eżistenza ta’ “forom differenti ta’ prattiċi miftiehma […] bejn il-produtturi tal-birra fis-suq Olandiż tal-birra”, u tagħmel distinzjoni bejn il-laqgħat uffiċjali tal-assemblea ġenerali tas-CBK, il-laqgħat informali tal-kummissjoni finanzjarja tas-CBK u l-“laqgħat l-oħra” paralleli msejħa “Catherijne overleg” (prattika miftiehma Catherijne) li l-istruttura tagħhom kienet tvarja u li fir-rigward tagħhom InBev tiddikjara li ma sabitx traċċi bil-miktub. Il-“laqgħat l-oħra” jistgħu b’mod partikolari jiġu sottodiviżi fi: “i) laqgħat tad-diretturi horeca tal-erba’ produtturi prinċipali tal-birra (Heineken, Interbrew, Grolsch u Bavaria) […]; ii) laqgħat komuni tad-diretturi horeca u tad-diretturi responsabbli għall-konsum fid-djar (tnejn fl‑1998) u iii) laqgħat tad-diretturi responsabbli għall-konsum fid-djar (wieħed fl‑1999 […])” (premessi 41 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-kummissjoni finanzjarja “kienet tinkludi aġenda uffiċjali, iżda kienet tikkostitwixxi wkoll forum ta’ diskussjoni fuq l-iffissar tal-prezzijiet għas-settur tal-konsum fid-djar u s-settur tal-horeca [; ma] hemm l-ebda rendikont ta’ [dawn] id-diskussjonijiet” (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Skont l-istess dikjarazzjoni, is-suġġetti diskussi matul “laqgħat oħra” koprew ukoll kemm is-settur tal-“horeca” kif ukoll is-settur tal-konsum fid-djar u l-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-settur “horeca”, ġew diskussi żewġ suġġetti prinċipali: “kien jeżisti ftehim fundamentali li jikkonċerna l-iffissar ta’ skontijiet massimi skont il-volum għas-settur tal-horeca […] suġġett ta’ konsultazzjoni ieħor kien jikkonċerna l-investimenti li twettqu fi ħdan il-horeca [; l]-idea kienet tikkonsisti fiż-żamma tal-istatus quo fis-settur u li jiġi evitat li jittieħdu klijenti minn produtturi oħra tal-birra” (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Direttur ta’ InBev jindika li huwa ma kienx jaf il-kontenut preċiż tal-imsemmi ftehim u direttur ieħor iddeskrivih bħala “ftehim kumpless u vag ħafna dwar l-iskali (skontijiet mogħtija lil-horeca), li qatt ma kkollaborajna fih”, li jindika li “[il-]prattika miftiehma kienet tikkonsisti f’laqgħa ta’ darbtejn fix-xahar tad-diretturi horeca li matulhom huma kienu jiddiskutu ksur magħruf tar-‘regola’ (peress li din kienet vaga; kienu jitkellmu dwar eċċess tas-suq)” (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-settur tal-konsum fid-djar, skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw kemm il-livell tal-prezzijiet b’mod ġenerali kif ukoll is-suġġett speċifiku tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur.

63      Fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet inġenerali, wieħed mid-diretturi ta’ InBev iddikjara li “kien jiġri spiss li produttur tal-birra jżid il-prezzijiet wara li jkun ħabbar dan minn qabel lill-produtturi sħabu tal-birra […;] l-inizzjattiva kienet dejjem toriġina minn wieħed mill-produtturi l-kbar tal-birra u, b’mod ġenerali, minn Heineken [; f’] dan il-każ, il-produtturi l-oħra tal-birra kien ikollhom il-ħin neċessarju sabiex jadottaw pożizzjoni [ ; ] jekk il-produtturi tal-birra kienu jallinjaw il-prezzijiet tagħhom wieħed fuq l-ieħor b’mod ġenerali, kull wieħed minnhom kien ikollu u kien iżżomm madankollu l-politika individwali tiegħu tal-prezzijiet” (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, InBev tindika li d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kienet issir bejn l-atturi Olandiżi tas-settur (Bavaria u Oranjeboom, li ġiet akkwistata minn Interbrew) mill‑1987. Hija żżid li “ż-żewġ partijiet ftiehmu, wara li wkoll tkellmu flimkien, li huma ma kellhom jaċċettaw l-ebda ndħil fiċ-ċirkli rispettivi tagħhom ta’ klijenti tal-marki tad-distributur li twassal għal telf fil-volum” (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Fir-rigward tal-implikazzjoni ta’ Heineken u ta’ Grolsch f’dan is-settur, skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, “is-suq Olandiż huwa kkaratterizzat minn diskrepanza sinjifikattiva bejn il-prezz tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (‘marki B’) u [ta’ marki oħra (‘marki A’) ;] Heineken, li ma hijiex preżenti fis-settur tal-marki tad-distributur, dejjem irrifjutat żidiet fil-prezzijiet għall-marki A sakemm il-prezz tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ma jiżdiedx [; b’] dan il-mod, hija kienet teżerċita pressjoni indiretta, b’mod partikolari fuq il-produtturi tal-marki tad-distributur, bħal Bavaria u Interbrew” (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      InBev iddikjarat li l-prezzijiet tal-marki tad-distributur ukoll ġew diskussi bejn l-erba’ produtturi tal-birra, fi kliem ieħor, fil-preżenza ukoll ta’ Grolsch, fil-kuntest tat-tema iktar ġenerali ta’ diverġenzi li għandhom jinżammu bejn il-prezzijiet tal-marki tal-birra. Skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, “Heineken u Grolsch ma żiedux il-prezzijiet tagħhom matul is-snin u l-prezzijiet tal-birer tal-marka u tal-marka tad-distributur ta’ produtturi oħra tal-birra lanqas ma żdiedu [; f’] dawn l-aħħar snin, Bavaria u Interbrew żiedu l-prezzijiet tagħhom, segwiti minn Grolsch” (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa rrilevat ukoll li, “f’dawn l-aħħar 3 sa 4 snin, dawn il-konsultazzjonijiet informali ġew integrati fil-prattika miftiehma Catherijne fil-horeca, li fihom kienu jipparteċipaw ukoll rappreżentanti tas-CBK[ ; ] wara xi laqgħat, ġie deċiż li dawn il-laqgħat jinqasmu mill-ġdid f’laqgħat dwar il-konsum fid-djar u laqgħat horeca” (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Barra minn hekk, InBev iddikjarat li l-kisba ta’ ċertu parti mis-suq mill-produttur tal-birra Belġjan Martens mill‑1996-1997 wasslet għal “ftehim bejn produtturi tal-birra Belġjani u Olandiżi attivi fis-suq tal-marki tad-distributur [ ; ] saru żewġ laqgħat [fi] Breda fl‑1998 [… ; ] ġie miftiehem li għandhom jiġi osservati l-volumi rispettivi tal-marki tad-distributur mibjugħa lil klijenti stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju” (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Skont id-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ InBev, il-“laqgħat l-oħra” kienu organizzati sabiex tiġi żgurata reċiprokament “agressività ta’ natura limitata” fis-suq (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      Fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, tad‑19 ta’ Diċembru 2001, InBev indikat li “djarji ta’ snin preċedenti u noti meħuda waqt laqgħat informali ġew distrutti fl-aħħar ta’ Novembru 1998 [ ; ] kien qrib dan il-perijodu li bdiet tiġi rrilevata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn produtturi tal-birra Olandiżi fis-suq u li nħolqot il-biża’ ta’ kontroll min-naħa tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni [ ; ] reġgħu ġew distrutti djarji fis-snin ta’ wara” (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestat).

70      Jeħtieġ jiġi rrilevat qabel kollox li l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu lill-Kummissjoni tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Jekk tali ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni ta’ aġir li jikser l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li hija attribwita lilha mit-Trattat KE (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 192).

71      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-indikazzjonijiet tad-dikjarazzjoni ta’ InBev li saru laqgħat bejn rappreżentanti tal-produtturi Olandiżi tal-birra. Huma lanqas ma jikkontestaw li huma kienu rrappreżentati fil-parti l-kbira ta’ dawn il-laqgħat u li, matul dawn tal-aħħar, ġiet diskussa b’mod informali s-sitwazzjoni ġenerali fis-suq tal-birra. Barra minn hekk, huma jammettu, fir-rikors tagħhom, li okkażjonalment, matul dawk il-laqgħat, ġie espress ukoll tħassib fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet għall-konsumatur u fir-rigward ta’ problemi marbuta ma’ ċerti klijenti.

72      Madankollu r-rikorrenti jiċħdu li d-diskussjonijiet li saru waqt dawn il-laqgħat wasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim illegali jew għat-twettiq ta’ prattika miftiehma. Huma jsostnu li l-laqgħat kienu essenzjalment jirrigwardaw suġġetti leġittimi u li, sa fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni fuq is-suq, dan ma sarx għal għanijiet antikompetittivi. F’dan ir-rigward, huma jikkontestaw l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev billi jsostnu li din tal-aħħar hija wisq vaga u kontradittorja u tinkludi, parzjalment, konstatazzjonijiet li ma kinux magħrufa direttament mill-awturi tad-dikjarazzjonijiet, li tinkludi wkoll “provi fuq kliem ħaddieħor”.

73      Fir-rigward tan-natura kontradittorja tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, ir-rikorrenti jirrimarkaw li din tal-aħħar fiha serje ta’ dikjarazzjoniijiet li jiskaġunaw.

74      Minn naħa, dawn huma dikjarazzjonijiet li ma humiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li skonthom “id-diskussjoni kienet tikkonsisti f’diskussjoni fuq il-każijiet magħrufa ta’ ksur tal-iskali (li barra minn hekk kienu vagi ħafna) [ ; ] fit-territorju, fejn kull waħda minnhom kienet tagħmel kif jidhrilha”; “l-aġir tagħna fuq is-suq kien orjentat b’mod aggressiv ħafna lejn il-kisba ta’ klijenti ġodda – anki permezz ta’ skontijiet”; “għaldaqstant aħna aġixxejna b’mod perfettament legali”; “[InBev] ma kkonkludiet l-ebda ftehim u lanqas ma osservatu”; “[il-] prattika miftiehma [Catherijne] ma tatx lok għal riżultati konkreti fir-rigward tal-effett fuq is-suq […;] fl-ebda minn dawn iż-żewġ okkażjonijiet ma tkellimna b’mod konkret dwar l-aġir fis-suq [ ; il-] laqgħa iktar kienet ta’ natura informali”; “ma kien jeżisti l-ebda ftehim għas-settur tal-ikel”; “jiena qatt ma kkonstatajt li l-laqgħa [ta’ CBK] ġiet estiża permezz ta’ diskussjonijiet dwar punti sensittivi għas-suq [; ] huwa dejjem possibbli li tali laqgħat kienu jagħtu lok għal laqgħat bilaterali informali, iżda fl-opinjoni tiegħi, ma kienx hemm dan inkwistjoni”.

75      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jirreferu għal ċerti partijiet tad-dikjarazzjonijiet iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, li: “Interbrew taħseb li din il-prattika miftiehma qatt ma kellha effetti sinjifikattivi fis-suq bħala tali u hija inqas intensa fl-aħħar żminijiet […;] id-diskussjonijet kienu ta’ natura ġenerali ħafna” (iċċitata fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata); “tkellimna fuq kollox sabiex reċiprokament nagħtu l-impressjoni li aħna nibqgħu kalmi fis-suq [;] kienet biss ftit jew ma kinitx kwistjoni ta’ skali u ta’ punti ta’ bejgħ [;] fil-fatt, wieħed kien jieħu lill-ieħor biċ-ċajt [;] f’dawn l-aħħar snin, dawn il-laqgħat kienu tilfu iktar u iktar is-sustanza tagħhom u l-prattika miftiehma saret ta’ natura iktar vaga” (iċċitata fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata); “kien jeżisti wkoll ftehim kumpless u vag ħafna dwar l-iskali (skontijiet mogħtija lil horeca), li fihom aħna qatt ma kkollaborajna [;] barra minn hekk, jiena qatt ma rajt l-ebda dokument li jirrigwarda dan is-suġġett” (iċċitata fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      Skont ir-rikorrenti, dawn id-dikjarazzjonijiet, minbarra li ma humiex konkreti, huma inkompatibbli mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti jirriżulta minnhom li l-laqgħat bejn il-produtturi tal-birra kienu ta’ natura ġenerali ħafna, li ma ġie konkluż ebda ftehim, li InBev ma osservat ebda arranġament ta’ kollużjoni u li l-prattika miftiehma ma kellha l-ebda effett fis-suq.

77      Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deduzzjonijiet magħmula mir-rikorrenti abbażi ta’ ċerti elementi tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li jindikaw in-natura ġenerali tad-diskussjonijiet, in-nuqqas ta’ ftehim fuq ċerti setturi u n-nuqqas ta’ effett tad-diskussjonijiet fuq l-aġir tal-produtturi tal-birra fuq is-suq, ma jistgħux, fihom infushom, jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-ksur.

78      Fil-fatt, fir-rigward tal-allegata natura ġenerali tal-imsemmija dikjarazzjoni, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni hija spiss imġiegħla tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, inkwantu setgħu jiddekorru diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li diversi impriżi li kienu suġġett tal-investigazzjoni ma kkooperawx b’mod attiv magħha. Jekk hija neċessarjament il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illegali ta’ tqassim tas-swieq, ikun eċċessiv li jintalab, barra minn hekk, li hija tipproduċi prova tal-mekkaniżmu speċifiku li bih għandu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża li wettqet ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament tal-ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan anitkompettiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni sakemm dawn ikollhom l-opportunità li jikkummentaw fuq il-provi kollha invokati kontrihom mill-Kummissjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 203; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 50).

79      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegati indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ effett fuq is-suq tal-aġir ikkontestat, mit-test stess tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 81 KE jirriżulta li l-ftehim u l-prattiki miftiehma bejn imprizi huma pprojbiti, indipendentement minn kull effett fuq is-suq, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 163 sa 166, u tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 29).

80      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, dik il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kontradetta permezz ta’ indikazzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kollużjoni jew in-nuqqas ta’ effett fuq is-suq.

81      Fir-rigward tal-allegati indikazzjonijiet, inklużi fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, dwar in-nuqqas ta’ ftehim fis-settur tal-konsum fid-djar u fis-settur “horeca”, jeħtieġ li jiġi osservat li s-siltiet invokati mir-rikorrenti, moqrija fil-kuntest tagħhom, ma għandhom bl-ebda mod l-effett li jeskludu l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma fis-setturi kkonċernati.

82      Fil-fatt, fir-rigward tas-settur tal-konsum fid-djar (bejgħ bl-imnut), id-dikjarazzjoni magħmula minn wieħed mid-diretturi ta’ InBev, li “ma kien jeżisti l-ebda ftehim għal [dak] is-settur”, hija segwita minn deskrizzjoni konkreta tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet applikat mill-produtturi tal-birra. Il-parti rilevanti tipprovdi kif ġej (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Ma kienx jeżisti ftehim għas-settur tal-bejgħ bl-imnut (‘Food’). Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet tal-birra, kien jiġri spiss li produttur tal-birra jżid il-prezzijiet wara li jkun ħabbar dan minn qabel lill-produtturi sħabu tal-birra. Meta wieħed mill-partijiet ikun għamel tali dikjarazzjoni, kienet issegwi diskussjoni dwar l-impatt ta’ tali żieda fuq is-suq; filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet madankollu kienet minkejja kollox tidħol fis-seħħ. L-inizzjattiva kienet dejjem toriġina minn wieħed mill-produtturi l-kbar tal-birra u b’mod ġenerali, minn Heineken. F’każ simili, il-produtturi l-oħra tal-birra kien ikollhom il-ħin neċessarju sabiex jadottaw pożizzjoni. Jekk il-produtturi tal-birra kienu jallinjaw il-prezzijiet tagħhom wieħed fuq l-ieħor b’mod ġenerali, kull wieħed minnhom kien ikollu u kien iżżomm madankollu l-politika individwali tiegħu tal-prezzijiet.”

83      F’dan il-kuntest, il-fatt waħdu li d-direttur ta’ InBev għamel referenza għan-nuqqas ta’ “ftehim” ma jistax jikkostitwixxi argument validu, peress li hija l-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, il-Qorti Ġenerali li għandha tipproċedi għall-klassifikazzjoni legali tal-aġir deskritt fid-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawk responsabbli għall-impriżi kkonċernati.

84      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ ftehim u tal-osservanza ta’ ftehim fis-settur “horeca”, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ mexxej ta’ InBev li “[InBev] ma kkonkludiet l-ebda ftehim u lanqas ma osservatu” ma tikkontradixxix il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-istess mexxej ta’ InBev isemmi b’mod espliċitu l-eżistenza, minn naħa waħda, ta’ “ftehim kumpless u vag ħafna dwar l-iskali (skontijiet mogħtija lil horeca)” u, min-naħa l-oħra, ta’ ftehim li l-għan tiegħu kien “li jevita numru kbir wisq ta’ trasferimenti fil-horeca”.

85      Jirriżulta minn dak li ntqal li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-natura kontradittorja tad-dikjarazzjoni ta’ InBev ma jistgħux jintlaqgħu. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll l-argument ibbażat fuq il-mod allegatament selettiv tal-użu ta’ dik id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni, sa fejn din ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-allegati kontradizzjonijiet.

86      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza tal-allegati kontradizzjonijiet li jistgħu jdgħajfu l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev.

87      Barra minn hekk, billi kkonfermaw li d-dikjarazzjoni ta’ InBev tinkludi “prova fuq kliem ħaddieħor”, ir-rikorrenti jirreferi għas-siltiet minnha li skonthom “Interbrew qatt ma rat id-dokument li fih jinkludi l-ftehim fuq l-iskontijiet li jirreferu għalihom id-dikussjonijiet, iżda r-regola ġenerali kienet tidher magħrufa” (iċċitata fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata), “jiena stess ma nafx dan il-ftehim (skali) u lanqas ma rajt dokument f’dan ir-rigward”, u “jiena ma nafx il-kontenut preċiż tal-ftehim […;] barra minn hekk, jiena qatt ma rajt ebda dokument li jirrigwarda dan is-suġġett”.

88      Jeħtieġ li jiġi osservat li s-siltiet invokati mir-rikorrenti jirrigwardaw esklużivament il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehim (“skala”) fuq l-iskontijiet mogħtija lil klijenti tas-settur “horeca”. Fuq dan il-punt partikolari, il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ InBev hija, ċertament, dedotta min-nuqqas ta’ prova diretta. L-affidabbiltà tal-indikazzjonijiet fornuti fir-rigward tal-eżistenza tal-“iskala” hija madankollu msaħħa miċ-ċirkustanzi li, minn naħa, joriġinaw minn żewġ sorsi differenti u, min-naħa l-oħra, jinkludu indikazzjonijiet preċiżi dwar “skala”, jiġifieri l-ammont preċiż ta’ skontijiet massimi (ara l-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata). L-eżistenza ta’ “skala” hija, barra minn hekk, ikkonfermata minn żewġ provi indipendenti ta’ InBev, jiġifieri n-noti miktubin bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria dwar il-laqgħa tal‑1 ta’ Mejju 1997 (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata) u dawk ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria dwar il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998 (riprodotti fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tinvoka l-preżenza ta’ “provi fuq kliem ħaddieħor” ma tistax għaldaqstant tikkonstata l-konkluzjonijiet ibbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev.

90      Finalment, fir-rigward tal-evalwazzjoni ġenerali tal-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tagħti lid-dikjarazzjoni ta’ InBev valur probatorju partikolarment għoli, peress li risposta mogħtija f’isem l-impriża bħala tali, hija iktar kredibbli minn dik li jista’ jkollha risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha indipendentement mill-esperjenza jew mill-istima personali ta’ dan tal-aħħar. Jeħtieġ li jiġi osservat ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ InBev tirrappreżenta r-riżultat ta’ investigazzjoni interna mwettqa mill-impriża u li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni minn avukat, li kellu l-obbligu professjonali li jaġixxi fl-interess ta’ din l-impriża. Ma setax, għaldaqstant, jammetti kif ġieb u laħaq l-eżistenza ta’ ksur mingħajr ma jevalwa l-konsegwenzi ta’ dik l-azzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 45, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 206).

91      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, filwaqt li huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali fi ftehim illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn, il-fatt li persuna titlob li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv sabiex jiġu ppreżentati elementi ta’ prova żbaljati fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fil-ftehim inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tiġi mħajra tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

92      Ċertament, hemm lok li jitfakkar li d-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat fi ftehim, li l-eżatezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi prova suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawk tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T‑337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 219).

93      Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ InBev ma tistax waħidha tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, iżda għandha tkun ikkorroborata bi provi oħra.

94      Madankollu, hemm lok li jitqies li l-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ f’din il-kawża huwa baxx, kemm f’termini ta’ preċiżjoni kif ukoll f’termini ta’ intensità, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li ma kienx ikun il-każ kieku dawn tal-aħħar ma kinux partikolarment affidabbli. Għalhekk, hemm lok li jitqies li, li kieku kellu jiġi deċiż li għadd ta’ indizji konsistenti jistgħu jikkorroboraw l-eżistenza u ċerti aspetti speċifiċi tal-prattiki esposti fid-dikjarazzjoni ta’ InBev u msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija dikjarazzjoni tista’ tkun suffiċjenti waħidha, f’din is-sitwazzjoni, sabiex tipprova aspetti oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, sa fejn prova ma tkunx f’kontradizzjoni manifesta mad-dikjarazzjoni ta’ InBev fuq l-eżistenza jew il-kontenut essenzjali tal-prattiki illegali, huwa suffiċjenti li hija tipprova elementi sinjifikattivi ta’ prattiki li hija ddeskriviet sabiex ikollha ċertu valur bħala element ta’ korroborazzjoni fil-kuntest ta’ għadd ta’ provi miżmuma kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 220, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar provi oħra, invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bil-għan li jikkorroboraw il-konstatazzjonijiet ibbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev.

–       Fuq provi oħra

96      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-dikjarazzjoni ta’ InBev hija kkorroborata minn serje ta’ dokumenti interni li joriġinaw mir-rikorrenti u minn tliet produtturi tal-birra oħra Olandiżi, minn noti miktubin bl-idejn tal-laqgħat, minn noti tal-ispejjeż u minn kopji ta’ djarji miksuba wara l-investigazzjoni u minn talbiet għal informazzjoni.

97      Fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur kummerċjali ta’ Grolsche, dwar il-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996, l-għan ta’ din il-laqgħa kien indikat permezz tal-frażi “CBK cie HOR cath”. Dawk in-noti jinkludu l-parti li ġejja: “Garanziji/finanzjamenti: finanzjamenti għal [...] superjuri għal ħtiġijiet ta’ punti preċiżi. Għaldaqstant […] miljuni”.

98      Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn din is-silta li l-erba’ produtturi tal-birra inkwistjoni ddiskutew, fil-kuntest ta’ “laqgħa Catherijne”, kundizzjonijiet finanzjarji applikati jew li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ ċerti klijenti “horeca” (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata) u b’mod iktar partikolari fir-rigward ta’ stabbilimenti ġestiti minn proprjetarju ta’ diversi stabbilimenti “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi.

99      Fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tad‑19 ta’ Ġunju 1996. In-noti jipprovdu kif ġej:

“adattament tal-prezzijiet

      konsum fid-djar għoli – baxx

            prattika miftiehma Bavaria – Interbrew

                  […] u […] -> problema […]

                        Martens

                              Schultenbrau !! 89 ct

      - żieda biss fil-prezzijiet tal-birra fil-btieti

                  argumenti

                  b’mod integrali biss Hein + Grolsch

                                    Frise US Heit

Interbrew \

            li jżidu flimkien

Bavaria /

                        -> […] ukoll

      il-baxx jogħla iktar mill-għoli

- tiddaħħal l-arja

- ftehim

      jitneħħa skont li għandu jingħata ta’ xarbiet 7.5 kull bettija Heineken

      preparazzjoni ta’ rappreżentanti fid-dawl ta’ ftehim possibbli

Interbrew \

      tista’ tintuża l-arja

Grolsch /”.

100    Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti juru li l-produtturi tal-birra inkwistjoni ddiskutew b’mod dettaljat il-prezzijiet, kemm tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur kif ukoll tal-birra mibjugħa fi btieti, u li l-prezzijiet tal-orħos birer, prodotti minn Interbrew u Bavaria, kellhom jogħlew iktar minn dawk tal-ogħla birer, prodotti minn Heineken u Grolsch (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka ittra li d-Direttur Ġenerali ta’ Interbrew Nederland bagħat fil‑25 ta’ Marzu 1997 lill-uffiċċju ta’ InBev fil-Belġju:

“Jeżisti issa qbil bejn il-produtturi prinċipali tal-birra sabiex issir żieda fil-prezzijiet qabel l‑1998. Din tkun tippermetti lill-produtturi tal-birra jkabbru l-intermedjarja tagħhom għall-baġits promozzjonali supplementari neċessarji. L-atturi tal-marka A jippruvaw jagħmlu u jvarjaw iż-żieda fil-prezzijiet bejn il-marki A (żieda ta’ 2 NLG / hl) u l-marki B (żieda ta’ 4 NLG / hl). Dan jidhirli li huwa rrealist ħafna – aħna rridu nżommu żieda integrali ta’ 4 NLG. Jien neskludi miż-żieda fil-prezzijiet il-birer speċjali tagħna ‘li jinxtorbu l-iktar’ (DAS, Hoegaarden, Leffe). In-negozjati bdew”.

102    Il-Kummissjoni kkonkludiet abbażi ta’ dik l-ittra li kienet prevista żieda fil-prezzijiet qabel l‑1998 wara negozjati fuq il-prezzijiet bejn il-produtturi prinċipali tal-birra. Barra minn hekk, l-istess ittra tikkonferma l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn produtturi u marki tal-birra pjuttost għoljin (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

103    Fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal‑amministrazzjoni ta’ Bavaria li jirrigwardaw il-laqgħa tal‑1 ta’ Mejju 1997. Hija tiċċita s-siltiet li ġejjin:

“Catherijne Club 1/5 - 97

trasferimenti ‘interni’ tal-grupp

għandhom ukoll josservaw l-‘iskala’

[…] ‘Den Haag’

Monster ZH [L-Olanda tan-Nofsinhar] toffri kompetizzjoni iktar għolja”.

104    Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti jikkonfermaw li l-produtturi tal-birra kienu jiddiskutu dwar “skala” għall-kundizzjonijiet kummerċjali mogħtija fil-punti ta’ bejgħ individwali, f’każ ta’ trasferiment ta’ grupp lil ieħor, iżda wkoll f’każ ta’ trasferiment fi ħdan l-istess grupp (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    Fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li n-noti msemmija iktar ’il fuq jinkludu wkoll l-ismijiet “Heineken/Amstel/Brand/Grolsch” fl-ewwel linja u l-ismijiet “Interbrew/Bavaria” fit-tieni linja, dawn iż-żewġ linji huma marbuta permezz ta’ parenteżi li warajha hemm il-frażi “ma hemmx żidiet fil-prezzijiet”. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li d-distinzjoni bejn il-marki A, miżmuma minn Heineken u Grolsch, u l-marki B, miżmuma minn Interbrew u Bavaria, kienu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet bejn il-produtturi tal-birra li jirrigwardaw iż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktuba bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tas‑17 ta’ Diċembru 1997. Hija tiċċita s-silta li ġejja:

“2) Sitwazzjoni tal-prezzijiet: Marzu/April

      żieda fi stadju wieħed / żieda f’żewġ stadji

      a) Heineken toġġezzjona ! ! Heineken 18.59

      b) f’każ ta’ żieda: negozjabbli ħafna; volontarjament; ikun hemm appoġġ”.

107    Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-produtturi tal-birra preżenti fil-laqgħa tas‑17 ta’ Diċembru 1997, b’mod partikolari Bavaria, Grolsch u Heineken, kienu ddiskutew żidiet fil-prezzijiet kif ukoll reazzjonijiet possibbli għaż-żidiet fil-prezzijiet (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    Fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta min-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998:

“- Mhux wisq attività mill‑1 ta’ Jannar

- Marki A ma kienx hemm paniku fir-rigward tal-prezzijiet      Hein

9.95 li jitnaqqas b’11,49 ma tantx tagħmel sens      Int

9.75      9.36 Bavaria

2x      4.95 4.75 }→

      marki tad-distributuri

prezzijiet l-iktar baxxi tas-suq

[…] nofs Marzu Bavaria xi ħaġa

      taħt Amstel (17) Bavaria (15)

      minn 9.75 għal 10.75 jekk xejn

      jekk ma tgħaddix, allura Grolsch u Hein

      żidiet pocket brasserie

→jiġi ffissat ftehim […] u Dick

Dan għandu jkun jista’ ‘jintwera’ via Nielsen inkella

xejn ma huwa ser jiġri”.

109    Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-produtturi tal-birra preżenti fil-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998 iddiskutew tnaqqis mogħti lil supermarkets Olandiżi (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ż-żidiet fil-prezzijiet ipprattikati minn Bavaria kellhom ikunu viżibbli fid-data tal-kaxxiera tas-supermarkets miġbura minn AC Nielsen (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka t-tieni silta min-noti miktubin bl-idejn imsemmija iktar ’il fuq:

“Bav      interessi      4% ?               6 1/2

      ħlief

      jekk ikun hemm kumpens għar-reklamar”.

111    Skont il-Kummissjoni, din is-silta tipprova li saret diskussjoni li tirrigwarda l-livell ta’ rati tal-interessi pprattikati fuq is-self mogħti fil-punti ta’ bejgħ “horeca” (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka t-tielet silta min-noti miktubin bl-idejn imsemmija iktar ’il fuq:

“Klabbs tal-futbol Swali tal-ispettaklu Teatri                  

Assoċjazzjonijiet ta’ studenti

[…]

Grolsch

Il-fuq/barra mill-iskala

                              130

[…]                                 (125) 124.5 ”.

113    Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-produtturi tal-birra pparteċipaw f’diskussjoni speċifika dwar klijenti “horeca” preċiżament rigward “skala”, li tikkorrobora d-dikjarazzjoni ta’ InBev dwar l-eżistenza ta’ ftehim msejjaħ “skala” (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Fil-premesssa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta min-noti miktubin bl-idejn ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria li jirrigwardaw il-laqgħa tat‑3 ta’ Lulju 1998.

“[…] Heineken żiedet

[…] >> Heineken birra fil-btieti”.

115    Il-Kummissjoni tiddeduċi minn din is-silta li l-produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet prattikati kemm ma’ klijenti fis-settur tal-konsum fid-djar kif ukoll ma’ klijent “horeca” (premessi 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta oħra min-noti miktubin bl-idejn imsemmija iktar ’il fuq:

“ Kafé      […]      1800 […]

[…]      400   […]

60 kull hl 

650.000,- V.B.K. ”

117    Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn din is-silta li l-produtturi tal-birra ddiskutew skont mogħti u/jew provvediment ta’ riduzzjoni applikata jew li għandha tiġi applikata f’punti ta’ bejgħ “horeca” speċifiċi (premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    Fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat dokument tat‑30 ta’ Ġunju 1998 u lista ta’ prezzijiet ta’ Heineken li jiddikjaraw il-prezzijiet il-ġodda applikabbli għall-birra fil-fliexken u għall-birra bid-draft (birra f’tankijiet u birra fi btieti) mill‑1 ta’ Ġunju 1998, li nstabu fl-uffiċċju tad-direttur tal-bejgħ “konsum fid-djar” ta’ Grolsch, li jinkludu l-frażi “djarju kummissjoni CBK” (kummissjoni tal-aġenda ta’ CBK). Skont il-Kummissjoni, dawn id-dokumenti jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev li kemm il-prezzijiet “konsum fid-djar” kif ukoll il-kompetizzjoni fis-suq tal-“horeca” ġew diskussi waqt il-laqgħat ikkonċernati (premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    Fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka nota interna ta’ Heineken tal‑14 ta’ Ottubru 1998, indirizzata lill-bord tat-tmexxija ta’ Heineken, redatta kif ġej: “iż-żieda fil-prezzijiet imwiegħda minn Bavaria fi ħdan is-CBK ma tidhirx b’mod ċar fiċ-ċifri ta’ Nielsen”. Skont il-Kummissjoni, din in-nota ssaħħaħ il-konklużjoni li Bavaria kienet iddikjarat waqt il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998 l-intenzjoni tagħha li żżid l-ewwel il-prezzijiet tagħha fis-settur tal-konsum fid-djar, il-produtturi l-oħra tal-birra kellhom isegwu sussegwentement, u ż-żidiet imwettqa minn Bavaria kellhom ikunu “viżibbli” fiċ-ċifri ta’ Nielsen (premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

120    Fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka ittra indirizzata lil direttur tal-unità “horeca” tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Heineken minn direttur tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-konsum fid-djar tal-produttur tal-birra Brand BV ta’ Heineken, fir-rigward tal-laqgħa tiegħu ma’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria:

      “Waqt l-eżebizzjoni tal-ikel ta’ Noordwijk, fid‑9 ta’ Settembru [1998], [membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria] kellimni dwar il-kwistjoni […] u dwar ir-reazzjoni ta’ Heineken. Fil-qosor, jidher fl-opinjoni tiegħu li Heineken setgħet tpoġġi minn qabel ħafna madwar il-mejda tan-negozjati flimkien ma’ dawk primarjament reponsabbli għal Heineken u Bavaria fis-suq Olandiż tal-horeca. L-ettolitri mitlufa għaldaqstant setgħu jiġu kkompensati b’mod ieħor. Barra minn hekk, huwa jżid li fuq tul twil ta’ żmien, Bavaria jista’ jkun li kellha f’moħħha klijenti potenzjali tas-settur tal-horeca li kienu volontarjament jixtiequ jaqilbu (saret enfażi fuq it-terminu volontarjament, bħal fil-każ […], fl-opinjoni tiegħu) għal Bavaria [isem ta’ responsabbli għall-horeca fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Heineken], huwa ovvju li dawk il-proposti jaqgħu totalament fir-retorika magħrufa ta’ […]. Ma ridtx inċaħħdek minn din l-informazzjoni. Nixtieqlek kull suċċess fil-laqgħa tiegħek.”

121    Il-Kummissjoni tqis li din l-ittra tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ InBev li l-produtturi tal-birra kienu jiddiskutu mhux biss restrizzjonijiet fuq riduzzjonijiet, iżda wkoll restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-punti ta’ bejgħ li jagħżlu produttur tal-birra ieħor, u dan mhux biss waqt laqgħat multilaterali, iżda wkoll waqt laqgħat bilaterali (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland dwar stedina għal-laqgħa tat‑8 ta’Jannar 1999:

      “-bejgħ ‘98

      -prezzijiet tal-birra→

      - kaxxa tat-tip “pinool”                   azzjonijiet / kat II

      -kaxxi                                              baxxi

                                                bettija

                                                NMA”.

123    Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-birra kienu kkonċentrati fuq erba’ elementi: fl-ewwel lok, l-azzjonijiet promozzjonali fis-suq tal-konsum fid-djar, fit-tieni lok, il-prezzijiet tal-birra l-inqas għolja u mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tielet lok, il-prezzijiet tal-birra fil-btieti, il-kontenituri l-kbar użati fis-settur “horeca” tas-suq Olandiż tal-birra u, fir-raba’ lok, l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni NMA (premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Fil-premessi 197 u 199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka l-lista ta’ suġġetti li kellhom jissemmew fil-laqgħa tat‑8 ta’ Jannar 1999, li fuqha rappreżentant ta’ Grolsch kiteb l-abbrevjazzjoni “BP”, li l-Kummissjoni tinterpreta bħala “prezz tal-birra” (bierprijs) jew “l-orħos prezz” (bodemprijs), kif ukoll “P[rivate] L[abel] 50 ct. iktar”. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dawn il-frażijiet li, fir-rigward tal-birra fil-btieti, il-produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet b’mod iddettaljat (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    Fil-premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka dokument li fih referenza għal tliet kuntatti fil-livell ta’ tmexxija bejn Heineken u Grolsch lejn il‑5 ta’ Awwissu 1999, li jsemmi “gwerra tal-prezzijiet” bejn iż-żewġ produtturi tal-birra. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li Heineken kienet f’kuntatt dirett ma’ Grolsch dwar riduzzjonijiet, u dan xahar u nofs qabel ma ġew effettivament implementati r-riduzzjonijiet temporanji, applikati minn għaqda ta’ ħwienet li ġew irrifjutati kumpens minn Grolsch (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka serje ta’ dokumenti inklużi fil-fajl amministrattiv tagħha li juru s-suġġetti li ġew diskussi waqt laqgħat bilaterali bejn Bavaria u InBev tat‑8 ta’ Marzu 1995, fit-tieni nofs ta’ Marzu tal‑1997, tat‑12 ta’ Mejju 1997, tad‑19 ta’ Ġunju 1997 u tat‑8 ta’ Settembru 1997. Hija tiċċita fiha s-siltiet li ġejjin:

–        laqgħa tat‑8 ta’ Marzu 1995 : “[Bavaria] u [Interbrew Nederland] kkonfemaw it-tnejn li għandhom problemi kbar ma’ M. […] fil-Pajjiżi l-Baxxi” (nota ta’ qiegħ il-paġna 491 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        laqgħa tat‑12 ta’ Mejju 1997: issemmew “żieda fil-prezzijiet ” u “il-marki tad-distributuri bħax-xabla ta’ Damokle […] pressjoni psikoloġika ta’ Grolsch u fuq kollox ta’ Heineken sabiex jiżdiedu l-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur” (nota ta’ qiegħ il-paġna 493 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        laqgħa tad‑19 ta’ Ġunju 1997: ġew diskussi “l-aġir li għandu jiġi adottat fis-settur tal-marki tad-distributur u, marbuta magħhom, il-pożizzjoni ta’ Interbrew fir-rigward ta’ Martens (kkunsidrata bħala mistiedna mhux mixtieqa fid-dinja tal-birra Olandiża)” (nota ta’ qiegħ il-paġna 494 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        laqgħa tat‑8 ta’ Settembru 1997: issemmew “is-sitwazzjoni tas-suq tal-marki tad-distributur fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatt li Bavaria ħadet klijenti ta’ Interbrew […] offerta baxxa magħmula lil [klijent] […] Bavaria tbiddel l-istatus quo […]” (nota ta’ qiegħ il-paġna 495 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Il-Kummissjoni tinterpreta dawn id-dokumenti bħala l-prova li l-konsultazzjonijiet bilaterali bejn Bavaria u InBev ippermettew li tinżamm “paċi armata” jew “patt ta’ nuqqas ta’ agressjoni” fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka l-ittra tas‑26 ta’ Settembru 1997, indirizzata minn direttur tal-esportazzjonijiet ta’ Interbrew Nederland lil direttur tal-esportazzjonijiet fl-uffiċju ċentrali ta’ Interbrew dwar “bejgħ ta’ birra fil-Ġermanja u marki tad-distributur”:

“Jiena tkellimt reċentement f’dan is-sens mal-kompetitur prinċipali tagħna fil-Pajjiżi l-Baxxi u fhimt f’din l-okkażjoni li huma kellhom jiltaqgħu […] sabiex jaġixxu jew le fuq il-volum tal-birra TIP għall‑1998. Jiena stħarriġt fuq il-livell ta’ prezzijiet li qegħdin jistinkaw għalihom u huwa kkonferma preċiżament l-istess prezz, bi tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-uffiċċju ċentrali ta’ […], u l-fatt li huwa ser jaċċetta volum ta’ madwar 200 000 hl b’dan il-prezz”.

129    Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn dan li Interbrew talbet u akkwistat mingħand Bavaria informazzjoni ddettaljata fuq il-prezz u l-volumi dwar konsenja eventwali, minn Bavaria, ta’ birra taħt il-marka tad-distributur lil għaqda Ġermaniża ta’ distribuzzjoni kbira. Il-Kummissjoni tqis li din il-prova tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ InBev li Interbrew u Bavaria skambjaw informazzjoni fuq il-livelli ta’ prezzijiet proposti lill-klijenti tal-birra taħt il-marka tad-distributur. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li dan il-fatt ġie rrikonoxxut minn InBev f’ittra tal‑21 ta’ Frar 2006 (premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    Fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka d-dikjarazzjoni segwenti tal-produttur tal-birra Haacht dwar il-laqgħa tal‑14 jew il‑15 ta’ Ġunju 1998 bejn Bavaria, Interbrew Nederland u l-produtturi Belġjani Interbrew Belgique, Alken-Maes, Haacht u Martens:

“Matul din il-laqgħa, il-produtturi tal-birra Olandiżi ġew informati bil-kontenut tal-iskambju ta’ informazzjoni li sar bejn il-parteċipanti Belġjani. Il-produtturi tal-birra Olandiżi taw il-kunsens tagħhom bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni li tirrigwarda l-volumi, it-tipi ta’ kundizzjonijiet, it-tul ta’ żmien tal-kuntratti u ġranet eventwali ta’ skadenza u klijenti. Fir-rigward tal-prezzijiet, il-parteċipanti ftiehmu fil-prinċipju li ma jiskambjawx informazzjoni f’dan ir-rigward […]

Il-parteċipanti fil-laqgħa qiesu li kien jeħtieġ li tiġi inkarigata parti newtrali sabiex tiċċentralizza l-iskambju tal-informazzjoni. Din it-talba ġiet ippreżentata peress li l-partijiet li kienu preżenti fis-suq Olandiż ma kellhomx fiduċja fil-partijiet l-oħra. Haacht offriet li tiċċentralizza l-informazzjoni peress li hija ma kinitx attiva fis-suq Olandiż.”

131    Il-Kummissjoni tqis li din id-dikjarazzjoni tikkonferma, fuq il-punt diskuss, id-dikjarazzjoni ta’ InBev (premessa 235 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn tal-laqgħa msemmija iktar ’il fuq tal‑14 jew il‑15 ta’ Ġunju 1998, li nstabu fl-uffiċċju tas-segretarju tal-president tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ Bavaria:

“Martens → qatt ma ġie kkonkretizzat xejn fil-Pajjiżi l-Baxxi

→ baxx – suq – tkissir tal-prezz

→ offerti ta’ prezzijiet ippreżentati

Interbrew Nederland – Martens -> offerta sottomessa lil klijent kbir tal-marki tad-distributur

[…]

                                          7,68 [ċċirkondat]

Martens – ‘roħs tal-prezzijiet Belġju’

      sal-lum NL → […]

Interbrew Belgique għamlet l-ewwel pass fir-rigward tal-P[rivate] L[abel]

biss għal                   […]

Pilsener                            […]

/ \                         /        \

      multiplikazzjoni unika

[…] – “deċiż” → għand Interbrew

      CAT I+II ”.

133    Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti jikkonfermaw li Interbrew Belgique ħadet l-inizzjattiva ta’ laqgħa fuq il-birra bil-marka tad-distributur li matulha ġie deċiż li l-kuntratt ma’ organizzazzjoni ta’ bejjiegħa “kellu jkun ma’ Interbrew fil-Pajjiżi l-Baxxi” (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Fir-rigward ta’ din l-aħħar laqgħa, il-Kummissjoni tinvoka wkoll id-dikjarazzjoni li ġejja ta’ direttur “konsum fid-djar” ta’ InBev, ippreżentata minn InBev, fil‑21 ta’ Frar 2006, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata):

“F’mument partikolari […], M. [...] ta’ […] kkonfrontani bi prezz dgħajjef li ġie propost lilu minn Martens. Huwa kkonfermali li huwa kien kiseb prezz ta’ NLG 0.32 għal kull flixkun. Dan jikkorrispondi għal ammont ta’ NLG 7.68 għal kull kaxxa ta’ 24 flixkun imsemmija fin-noti ta’ M. [responsabbli għal Bavaria]. Fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet, li saru minn April sal-bidu ta’ Ġunju 1998, jiena ssuġġerejtlu li ngħaddu għall-kategorija II u li nibbenefikaw ukoll minn riduzzjoni ta’ dazji tas-sisa. Finalment, fil-bidu ta’ Ġunju tal‑1998, aħna kkonkludejna ftehim ma’ […] dwar il-konsenja ta’ birra ġdida tal-kategorija II […]. Minħabba r-riduzzjoni ta’ dazji tas-sisa, li tirriżulta mill-bidla għal birra tal-kategorija II, aħna stajna nipproponu ammont ta’ NLG 6.36 (li tinkludi r-riduzzjoni tad-dazji tas-sisa ta’ NLG 0,84) u b’hekk nippariġġaw l-offerta ta’ Martens.

[…]

Fiż-żmien tal-laqgħa tal‑14 jew il‑15 ta’ Ġunju 1998, […] Interbrew ftiehmet ma’ […] dwar konsenji ta’ birra tal-kategorija I […] u tal-kategorija II. Matul dik il-laqgħa, jiena semmejt diskussjonijiet u l-ftehim li sar ma’ […] għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, jiena ridt nikkonfronta lil Martens fir-figward tal-offerta li kienet ippreżentat lil […], peress li hija dejjem ċaħdet li hija ppreżentat offerti ta’ prezz fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fit-tieni lok, jiena ridt ninforma lill-parteċipanti l-oħra li huma ma kellhomx jippreżentaw iktar offerti lil […], b’kunsiderazzjoni għall-ftehim konkluż bejn Interbrew u […]. Il-linja n tad-[dokument li jinsab fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata] tixhed il-komunikazzjoni tiegħi dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konsenja ta’ birra tal-kategorija I u tal-kategorija II bejn […] u Interbrew. L-eżistenza ta’ dan il-ftehim […] tirriżulta mill-faks tal‑24 ta’ Ġunju 1998”.

135    Fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tinvoka dikjarazzjoni tal-produttur tal-birra Belġjan Haacht dwar it-tieni laqgħa li tinvolvi l-Belġju u l-Olanda tas‑7 ta’ Lulju 1998, li skontha:

“Hija l-aħħar laqgħa li ġiet organizzata bejn il-partijiet. Waqt din tal-aħħar, Haacht ddistribwixxiet informazzjoni miġbura mis-suq Olandiż.

Il-partijiet sussegwentement biddlu s-suġġett sabiex jiddiskutu xi punti inqas importanti, iżda r-rappreżentant ta’ Haacht ma pparteċipax f’din id-diskussjoni. Kienet x’kienet, ma ġiet skambjata l-ebda informazzjoni importanti fuq dawk is-suġġetti. Dik il-laqgħa tat l-impressjoni li ma wasslet għall-ebda riżultat konkret.”

136    Skont il-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni ta’ direttur “konsum fid-djar” ta’ Interbrew kienet tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ Haacht li skontha kienet l-aħħar laqgħa li tinvolvi l-Belġju u l-Olanda. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni li jintemmu dawn il-laqgħat hija bbażata fuq raġuni preċiża, jiġifieri l-biża’ li l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni twettaq investigazzjoni f’bini wieħed jew iktar tal-produtturi tal-birra, kif inhuwa kkonfermat mid-dikjarazzjoni ta’ InBev (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka dikjarazzjoni interna ta’ Heineken li skontha “il-prezzijiet estremament baxxi attwalment ipprattikati mill-produttur Belġjan tal-birra Martens […] jmorru kontra l-politika li tikkonsisti fiż-żieda mill-ġdid tal-prezz baxx tas-suq għal livell ta’ prezz superjuri”.

138    Finalment, fil-premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka d-dikjarazzjoni magħmula waqt l-ispezzjoni tagħha tat‑23 ta’ Marzu 2000 u ffirmata minn direttur ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland, li sar president tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Koninklijke Grolsch:

“Huwa ħa d-dokument […] intitolat ‘Xenarji ta’ prezz baxx ibbażati fuq żieda netta tal-prezzijiet bl-ingrossa ta’ NLG 2,00 għal kull hl’, li jinkludi l-annotazzjoni ‘CBK – Fie – dejjem jittieħed’, fil-laqgħat tal-kummissjoni finanzjarja tas-CBK. Huwa uża dan id-dokument sabiex jiġbed l-attenzjoni ta’ Interbrew u ta’ Bavaria (il-produtturi tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur tal-Pajjiżi l-Baxxi) dwar l-iffissar tal-prezzijiet, li fl-opinjoni tiegħu ma humiex ġustifikabbli, tal-birra mibjugħa taħt il-marki tad-distributur (inqas minn 10 florini għal kull kaxxa).”

139    Fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka wkoll id-dikjarazzjoni li ġejja ta’ direttur ġenerali ta’ Heineken Nederland:

“Jiena diġà kont preżenti waqt laqgħa tas-CBK fejn oħrajn kienu qegħdin jitkellmu dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-marki tad-distributur. Tali rimarki ġew ifformulati sabiex jesprimu tħassib. Jiena ma rreaġixxejtx peress li fil-prinċipju Heineken ma hijiex assoċjata mal-produzzjoni tal-marki tad-distributur.”

140    Il-Kummissjoni tiddeduċi mis-siltiet iċċitati fil-premessi 248 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata li l-produtturi tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (Interbrew u Bavaria) kienu żvelaw l-istrateġija tagħhom tal-prezzijiet lil Heineken u lil Grolsch, li ma humiex attivi f’dan is-settur (premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li d-diskussjonijiet bilaterali bejn Interbrew u Bavaria intiżi sabiex iżidu l-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur kienu jiffurmaw parti mid-diskussjonijiet ġenerali li saru bejn l-erba’ produtturi tal-birra (premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-indizji enumerati iktar ’il fuq jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev u jiġġustifikaw il-konstatazzjoni li r-rappreżentanti ta’ Heineken, ta’ Grolsch, ta’ Interbrew u ta’ Bavaria jiltaqgħu b’mod regolari fil-kuntest ta’ ċiklu ta’ laqgħat informali magħrufa bl-isem “prattika miftiehma Catherijne” jew “kummissjoni tal-aġenda”) li l-kompożizzjoni tagħha kienet tvarja (dikjarazzjoni ta’ InBev ċċitata fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata; provi oħra eżaminati fil-premessi 65 sa 222 tad-deċiżjoni kkontestata). It‑18-il laqgħa msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li jaqgħu f’dan iċ-ċiklu, saru fis‑27 ta’ Frar 1996, fid‑19 ta’ Ġunju 1996, fit‑8 ta’ Ottubru 1996, fit‑8 ta’Jannar 1997, fl‑1 ta’ Mejju 1997, fit‑2 ta’ Settembru 1997, fis‑16 ta’ Diċembru 1997, fis‑17 ta’ Diċembru 1997, fit‑12 ta’ Marzu 1998, fid‑9 ta’ April 1998, fit‑3 ta’ Lulju 1998, fil‑15 ta’ Diċembru 1998, fit‑8 ta’ Jannar 1999, fl‑4 ta’ Marzu 1999, fl‑10 ta’ Mejju 1999, fil‑11 ta’ Awwissu 1999, fid‑19 ta’ Awwissu 1999 u fit‑3 ta’ Novembru 1999.

142    Fir-rigward tal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-imsemmija laqgħat, l-indizji msemmija iktar ’il fuq jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev u jistabbilixxu l-elementi li ġejjin:

– fir-rigward tas-settur tal-konsum fid-djar:

–        l-erba’ produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata iktar ’il fuq fil-premessa 51 u provi oħra ċċitati fil-premessi 76, 129, 156, 174, 193, 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata) u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 51 u provi oħra ċċitati fil-premessi 76, 89, 117 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        saru wkoll diskussjonijiet fuq il-prezzijiet permezz ta’ kuntatti bilaterali, b’mod partikolari bejn Grolsch u Heineken f’Lulju tal‑1999 (dokument iċċitat fil-premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ġew diskussi proposti konkreti fil-qasam tal-prezzijiet (ittra interna ta’ Interbrew invokata fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-informazzjoni skambjata xi kultant pjuttost iddettaljata (dokumenti invokati fil-premessi 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fl‑1997 u l‑1998 kien hemm qbil bejn il-produtturi tal-birra sabiex jipproċedu b’żieda fil-prezzijiet qabel jew waqt is-sena 1998 (dokumenti invokati fil-premessi 89, 174 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-produtturi tal-birra tal-“marki A” (Heineken u Grolsch) insistew, għall-kuntrarju tal-produtturi tal-birra tal-“marki B” (birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur) (Interbrew u Bavaria) li opponew, li dik iż-żieda fil-prezzijiet titwettaq “f’żewġ fażijiet”, primarjament, fir-rigward tal-marki B u, sussegwentement, fir-rigward tal-marki A, u li ssir differenza fir-rata ta’ żieda bejn il-marki A u l-marki B (dikjarazzjoni ta’ InBev ċċitata fil-premessa 53; provi oħra invokati fil-premessi 76, 89, 100, 117 u 193 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Bavaria ddikjarat (probabbilment waqt il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998) l-intenzjoni tagħha li żżid il-prezzijiet tagħha (provi invokati fil-premessi 129 u 179 u dikjarazzjoni ta’ InBev ċċitata fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-produtturi tal-birra l-oħra probabbilment kellhom isegwu lil Bavaria u sussegwentement jgħollu l-prezzijiet tagħhom. (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ segwitu, ġie miftiehem li ż-żidiet ipprattikati minn Bavaria kellhom ikunu viżibbli fiċ-ċifri tad-databases tas-supermarkets miġbura minn AC Nielsen (dokumenti invokati fil-premessi 129 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ma hemm l-ebda prova li saret iż-żieda fil-prezzijiet prevista għas-sena 1998;

–        fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet dwar il-prezzijiet il-produtturi tal-birra ddiskutew is-sitwazzjoni ta’ ċerti supermarkets speċifiċi (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 76 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        waqt diskussjonijiet, il-parteċipanti indikaw ċifri konkreti tal-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 76, 89, 117, 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata);

– fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur:

–        mill‑1995, iż-żewġ produtturi Olandiżi tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (Interbrew u Bavaria) esprimew diversi drabi t-tħassib tagħhom marbut mal-proġetti tal-produttur tal-birra Belġjan Martens li jidħol fis-suq Olandiż f’dan is-settur (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 55; provi oħra ċċitati fil-premessi 224, 236, 238 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        dan it-tħassib ġie diskuss fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet bilaterali bejn Bavaria u InBev (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 52; ittra interna ta’ Interbrew iċċitata fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ ħames laqgħat bilaterali (tat‑8 ta’ Marzu 1995, tat-tieni nofs ta’ Marzu 1997, tat‑12 ta’Mejju 1997, tad‑19 ta’ Ġunju 1997 u tat‑8 ta’ Settembru 1997) iddedikati għal din il-problema (dokumenti invokati fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        saru wkoll żewġ laqgħat “li jinvolvu l-Belġju u l-Olanda” fl‑14 jew il‑15 ta’ Ġunju 1998 (dokumenti invokati fil-premessi 234, 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata) u fis‑7 ta’ Lulju 1998 (dikjarazzjoni ta’ Haacht iċċitata fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata) fi Breda bejn Interbrew Nederland, Bavaria u l-produtturi tal-birra Belġjani Interbrew Belgique, Alken-Maes, Haacht u Martens (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-suġġetti marbuta mal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ukoll ġew diskussi fil-preżenza ta’ Heineken u ta’ Grolsch (li ma humiex attivi f’dan is-settur) fil-kuntest tad-diskussjoni ġenerali (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 54; provi oħra invokati fil-premessi 156, 193, 248 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 54; provi oħra invokati fil-premessi 193, 199, 227, 236, 238 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Heineken u Grolsch kienu jeżerċitaw “pressjoni psikoloġika” fuq Bavaria u Interbrew sabiex iżidu l-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (dokumenti invokati fil-premessa 224, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 493 u fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata) billi rrifjutaw li jżidu l-prezzijiet tal-marki A (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ġie miftiehem kemm fuq livell bilaterali bejn Interbrew Nederland u Bavaria kif ukoll fuq livell multilaterali bejn il-produtturi tal-birra Olandiżi u Belġjani attivi fis-settur li ma għandhomx isiru tentattivi sabiex jittieħdu klijenti u li jiġu osservati l-volumi rispettivi tal-marki tad-distributur fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju; ġie deċiż, b’mod partikolari, li l-kuntratt mal-organizzazzjoni ta’ xiri tal-bejjiegħa bl-imnut kellu jingħata lil Interbrew Nederland (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 55; dokumenti invokati fil-premessi 224, 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-produtturi tal-birra skambjaw informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali proposti lil ċerti klijenti speċifiċi (ittra invokata fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata u dokumenti invokati fil-premessi 236 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        waqt id-diskussjonijiet, il-parteċipanti indikaw ċifri konkreti tal-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 236, 238 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata);

– fir-rigward tas-settur “horeca”:

–        l-erba’ produtturi tal-birra ddiskutew il-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 174, 193 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata) u ż-żidiet fil-prezzijiet (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 76 tad-deċiżjoni kkontestata) fis-settur “horeca”;

–        kien jeżisti ftehim bejn il-produtturi tal-birra, magħruf bħala “skala”, li kien jikkonċerna l-ammont ta’ skontijiet li għandhom jingħataw lill-klijenti “horeca” (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 48; noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 92, 143 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-produtturi tal-birra kellhom “josservaw” (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata); l-osservanza ta’ dak il-ftehim kienet segwita u l-ksur magħruf kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet li saru fil-kuntest tal-laqgħat “Catherijne” (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-konsultazzjonijiet kienu jirrigwardaw ukoll l-implementazzjoni ta’ restrizzjonijiet intiżi li jżommu l-istatus quo fis-settur billi jiġi evitat it-teħid ta’ klijenti tal-produtturi l-oħra tal-birra (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 48; ittra interna ta’ Heineken li tirrigwarda t-teħid minn Bavaria ta’ assoċjazzjoni ta’ studenti, iċċitata fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        id-diskussjonijiet ta’ tali restrizzjonijiet saru wkoll permezz ta’ kuntatti bilaterali; għalhekk, fid‑9 ta’ Settembru 1998, mexxejja ta’ Heineken u ta’ Bavaria ddiskutew bejniethom it-teħid minn Bavaria ta’ klijent “horeca” ta’ Heineken (ittra interna ta’ Heineken iċċitata fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-produtturi tal-birra skambjaw informazzjoni fuq ċerti klijenti u punti ta’ bejgħ preċiżi (dokumenti invokati fil-premessi 92, 143, 156, 165 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fil-kuntest tad-diskussjonijiet, il-produtturi tal-birra semmew ċifri konkreti li jirrigwardaw il-livell ta’ skontijiet u l-provvista għal riduzzjoni (noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 143 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

143    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar it-tliet komponenti tal-aġir inkriminanti, li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tieni lok, il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi u, fit-tielet lok, il-koordinazzjoni okkażjonali dwar it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 1 u premessi 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjonijiet, minn naħa, ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-birra u, min-naħa l-oħra, ta’ koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela

144    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li n-noti miktubin bl-idejn mir-rappreżentanti tal-produtturi tal-birra fil-kuntest ta’ laqgħat ikkontestati huma interpretati mill-Kummissjon b’mod parzjali u preġudizjali.

145    Huma josservaw li n-noti miktubin bl-idejn li joriġinaw minn Bavaria u minn Grolsch huma diffiċli li jinftiehmu minn terzi li ma kinux l-awturi tagħhom. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, huma jillimitaw ruħhom li jittrattaw ir-rilevanza u l-interpretazzjoni ta’ ċerti dokumenti li joriġinaw minnhom stess u ta’ dokumenti oħra li fir-rigward tagħhom ir-reazzjoni tagħhom quddiem il-Kummissjoni ġiet riprodotta fit-test tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrilevaw biss li jista’ jkun hemm diversi interpretazzjonijiet tan-noti invokati mill-Kummissjoni u li, għaldaqstant, ma humiex suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ksur lil hinn minn kull dubju ddettat mir-raġuni.

146    Ir-rikorrenti jikkontestaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni ta’ elementi invokati fil-premessi 76, 89, 117, 156, 165, 174, 175, 179, 184, 199, 212, 213, 248, 249 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 99, 101, 106, 114, 116, 118 sa 120, 124, 125, 137 u 138 iktar ’il fuq).

147    Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-maġġoranza tal-konstatazzjonijiet fattwali enumerati fil-punti 141 u 142 iktar ’il fuq huma bbażati fuq diversi provi.

148    Fir-rigward tan-noti tad‑19 ta’Ġunju 1996 u tas‑17 ta’ Diċembru 1997 (invokati fil-premessi 76 u 117 tad-deċiżjoni kkontestata), hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-kontenut tagħhom, iżda l-mod kif ġew riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata r-reazzjonijiet inizjali tagħhom fir-rigward ta’ dawk id-dokumenti. Barra minn hekk, ma għandhom l-ebda effett fuq il-konstatazzjonijiet fattwali li d-dokumenti inkwistjoni huma intiżi li jsostnu, ir-rimarki tar-rikorrenti li, minn naħa, fir-risposti tagħhom, huma ma ppretendewx li kien hemm “negozjati”, iżda biss li d-diskussjonijiet waqt il-laqgħa tad‑19 ta’Ġunju 1996 probabbilment kienu jirrigwardaw il-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, u, min-naħa l-oħra, huma ma kkritikawx l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tan-noti tas‑17 ta’ Diċembru 1997 minħabba li s-settur rilevanti tas-suq ma setax jiġi ddeterminat, iżda sostnew li dawk in-noti ma jipprovdux prova konvinċenti ta’ prattika miftiehma illegali.

149    Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li n-noti invokati fil-premessi 76 u 117 tad-deċiżjoni kkontestata huma kkorroborati, fir-rigward ta’ kull konstatazzjoni, minn diversi provi oħra mhux ikkontestati (ara l-punt 142 iktar ’il fuq). Dan jgħodd ukoll għad-dokumenti invokati fil-premessi 165, 199, 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jsir eżami individwali ta’ dawn id-dokumenti u tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tagħhom, għall-finijiet tal-analiżi tal-fatti inkwistjoni.

150    In-noti miktubin bl-idejn tat‑3 ta’ Lulju 1998 ta’ membru tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Bavaria, in-nota interna ta’ Heineken u d-dikjarazzjonijiet ta’ direttur ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland, li sar president tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Koninklijke Grolsch, u ta’ direttur ġenerali ta’ Heineken Nederland (invokati fil-premessi 156, 248 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata), fir-rigward tagħhom, jikkostitwixxu provi importanti tal-konstatazzjoni li s-suġġetti marbuta mal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ġew diskussi fil-preżenza ta’ Heineken u ta’ Grolsch (ara l-punt 142 iktar ’il fuq). Issa, ir-rikorrenti ma jiċħdux din il-konstatazzjoni. Għall-kuntrarju, huma jopponu l-konklużjoni li Heineken kienet involuta f’dawn il-konsultazzjonijiet bejn Bavaria u Interbrew. Peress li dak l-argument jirrigwarda l-klassifikazzjoni legali tal-aġir tar-rikorrenti, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftiehma (ara l-punti 194 sa 198 iktar ’il fuq).

151    L-ittra interna ta’ Heineken li tikkonċerna t-teħid minn Bavaria ta’ assoċjazzjoni ta’ studenti (invokata fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata) hija l-unika prova li tipprovdi evidenza konkreta tad-diskussjonijiet bejn il-produtturi tal-birra (f’dan il-każ Heineken u Bavaria) dwar it-teħid ta’ klijenti “horeca” (ara l-punt 142 iktar ’ il fuq). Ir-rikorrenti ma jiċħdux li, f’din l-okkażjoni, Bavaria pproponiet lil Heineken tiddiskuti l-problema, u anki li tiġi rregolarizzata permezz ta’ kumpens. Huma jikkonfermaw, madankollu, li dan ma ġarax u li lanqas Heineken ma kinitx ipppermettieta tagħmel dan. Ir-rikorrenti jiċħdu, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ sistema ta’ kumpens bejn il-produtturi tal-birra f’każ ta’ teħid ta’ klijenti.

152    Dawk id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex plawżibbli. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li l-frażi “l-etterolitri mitlufa setgħu għaldaqstant jiġi kkumpensati b’mod ieħor”, fit-test tal-ittra inkwistjoni, tindika li ma kienx hemm diskussjoni bejn Heineken u Bavaria dwar in-neċessità ta’ kumpens, iżda biss dwar il-mezz għall-kisba ta’ kumpens (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-użu tal-kliem “retorika magħrufa”, “aċċent” u “volontarjament” ifisser li, skont l-awtur, li jifforma parti mill-grupp Heineken, hemm suspett li Bavaria ma tosservax regola li skontha l-produtturi tal-birra ma jitolbux attivament klijenti “horeca” minn produtturi oħra tal-birra (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

153    Għaldaqstant, l-element invokat fil-premessi 184 sa 188 tad-deċiżjoni kkontestata jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet inklużi fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, iċċitati fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-eżistenza ta’ arranġament ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ klijenti “horeca”.

154    Id-dokumenti li nstabu fl-uffiċċju ta’ direttur tal-bejgħ ta’ birra għal konsum fid-djar ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland (invokati fil-premessi 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata) u n-nota interna ta’ Heineken tal‑14 ta’ Ottubru 1998 (invokata fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata) jistabbilixxu l-eżistenza fl‑1997 u fl‑1998 ta’ qbil bejn il-produtturi tal-birra sabiex iwettqu żieda fil-prezzijiet qabel jew matul is-sena tal‑1998 (ara l-punt 142 iktar ’il fuq).

155    Fir-rigward tal-frażi “kummissjoni tal-aġenda tas-CBK” li tinsab fid-dokumenti invokati fil-premessi 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma jafux ir-raġunijiet li wasslu lill-mexxejja ta’ Grolsch sabiex jagħmlu din l-annotazzjoni li annotazzjoni personali waħda ma tistax tikkostitwixxi prova konvinċenti dwar l-eżistenza ta’ ftehim.

156    Huma madankollu ma jiċħdux il-konklużjoni tal-Kummissjoni li minn dawk id-dokumenti jirriżulta li l-prezzijiet u l-kompetizzjoni fis-settur tal-konsum fid-djar ġew diskussi waqt laqgħat tal-kummissjoni tal-aġenda tas-CBK, u ma jipprovdu l-ebda spjegazzjoni għall-fatt li l-mexxej ta’ Grolsch kellu lista ta’ prezzijiet ta’ Heineken u għal informazzjoni li tirrigwarda ż-żieda fil-prezzijiet ta’ Bavaria waqt tali laqgħa.

157    Fir-rigward tal-indikazzjoni fin-nota interna ta’ Heineken (invokata fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata), li skontha “iż-żieda fil-prezzijiet imwegħda minn Bavaria fi ħdan is-CBK ma tidhirx b’mod ċar fiċ-ċifri ta’ Nielsen”, ir-rikorrenti jirrimarkaw li l-fatt li ntuża l-kwalifikattiv “wegħda” sabiex tiġi deskritta dikjarazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ Bavaria, diġà magħrufa mis-suq minn xhur ilu, ma jikkostitwixxix prova konvinċenti ta’ ftehim. Din il-konklużjoni hija, barra minn hekk, kontradetta mill-fatt li Heineken għażlet li ma żżidx il-prezzijiet tagħha sa Frar tal‑2000.

158    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni tal-kelma “twiegħed” bħala l-fatt li sempliċiment “issemmi” żieda fil-prezzijiet tmur lil hinn mis-sens ordinarju. Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ impenn min-naħa ta’ Bavaria li żżid il-prezzijiet tagħha ssir iktar probabbli meta jissemma’ l-fatt li ż-żieda “ma tidhirx b’mod ċar fiċ-ċifri ta’ Nielsen”. Diġà ġie kkonstatat li d-data tal-kaxxiera tas-supermarkets miġbura minn AC Nielsen intużat bħala għodda ta’ segwitu li permezz tagħha ż-żieda fil-prezzijiet ta’ Bavaria kellha tkun “viżibbli” (ara l-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 142 iktar ’il fuq). Ir-referenza għal din id-data titniżżel b’mod iktar loġiku fil-kuntest tas-segwitu tal-implementazzjoni ta’ impenn milli f’dak tal-verifikazzjoni ta’ sempliċi kwotazzjoni.

159    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li Heineken ma żiditx il-prezzijiet tagħha sa Frar 2000 (meta ż-żieda miftiehma kienet prevista għall‑1998), ikun suffiċjenti li jiġi rrimarkat li s-sempliċi nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ ftehim fuq il-prezzijiet ma jimplikax fih innifsu li l-ftehim stess qatt ma eżista.

160    Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ qbil sabiex jiżdiedu l-prezzijiet fl‑1998 tirriżulta b’mod ċar ħafna mill-ittra interna ta’ Interbrew tal‑25 ta’ Marzu 1997 (iċċitata fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). L-interpretazzjoni tar-rikorrenti, li din l-ittra tikkonċerna n-negozjati ta’ Interbrew max-xerrejja tagħha (jiġifieri ma’ supermarkets) u mhux mal-produtturi l-oħra tal-birra, ma hijiex konvinċenti, fid-dawl tal-kwotazzjoni espliċita ta’ “produtturi prinċipali tal-birra” bħala partijiet tal-“qbil” fit-test tal-ittra.

161    Il-fatt li ż-żieda fil-prezzijiet prevista mill-ittra kellha ssir “qabel l‑1998”, minkejja li l-provi inkwistjoni msemmija iktar ’il fuq ġew redatti fl‑1998, lanqas ma jista’ jikkonferma t-teorija tar-rikorrenti li ma teżisti l-ebda rabta bejn dawn id-dokumenti. Jista’ jkun li, minħabba diffikultajiet marbuta man-negozjati tal-modalitajiet tal-implementazzjoni tagħha (b’mod partikolari, taż-żieda differenti bejn il-prezzijiet tal-marki A u B imsemmija fl-ittra interna ta’ Interbrew), iż-żieda fil-prezzijiet inizjalment prevista f’data fl‑1997 l-ewwel ġiet posposta għas-sena ta’ wara u, imbagħad, ġiet abbandunata mill-produtturi tal-birra.

162    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, b’mod kuntrarju għal dak li jippretendu r-rikorrenti, l-eżattezza tal-ittra interna ta’ Interbrew tal‑25 ta’ Marzu 1997 u b’mod iktar partikolari tal-kwotazzjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ “qbil” la hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja ta’ InBev (ara l-punti 82 u 83 iktar ’il fuq) u lanqas mill-fatt li Heineken allegatament ma żiditx il-prezzijiet tagħha sa Frar tal‑2000 (ara l-punt 159 iktar ’il fuq).

163    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni huma suffiċjenti sabiex jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ InBev meta mqabbla mal-konstatazzjonijiet fattwali li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezzijiet u t-tqassim tal-klijentela. Il-validità ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ma hijiex barra minn hekk ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-elementi enumerati fil-punt 146 iktar ’il fuq.

164    Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-elementi fattwali dwar dawn iż-żewġ komponenti tal-ksur inkwistjoni.

–       Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjoni ta’ koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca”

165    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-impriżi kkonċernati kkoordinaw il-kundizzjonijiet kummerċjali minbarra l-prezzijiet mogħtija lill-klijenti tas-settur “horeca”.

166    Il-Kummissjoni tqis li n-noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 67 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu l-prova ta’ koordinazzjoni okkażjonali, bejn l-erba’ produtturi tal-birra, ta’ ċerti kundizzjonijiet kummerċjali, bħall-kundizzjonijiet ta’ self, proposti lil klijenti individwali tal-“horeca” (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

167    In-noti miktubin bl-idejn iċċitati fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu l-frażi li ġejja: “Garanziji/finanzjament: finanzjamenti għal [...] superjuri għall-ħtiġijiet ta’ punti preċiżi. Għaldaqstant […] miljuni”.

168    Skont il-Kummissjoni, din il-kwotazzjoni għaldaqstant tfisser li, waqt il-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996, il-produtturi tal-birra ddiskutew garanziji u finanzjamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw minn produttur wieħed jew iktar tal-birra favur punti ta’ esplojtazzjoni partikolari (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

169    Issa, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti jipproponu interpretazzjoni oħra tas-silta invokata mill-Kummissjoni, li tindika li din taqa’ fil-kuntest ta’ diskussjoni fuq id-“debituri dubjużi”.

170    Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka n-noti miktubin bl-idejn ta’ direttur “horeca” ta’ Bavaria li jikkonċernaw il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998, li jinkludu s-silta li ġejja: “Bav interessi […] % ? ħlief jekk ikun hemm kumpens għar-reklamar”. Skont il-Kummissjoni, din is-silta tipprova li saret diskussjoni li tikkonċerna l-livell ta’ rati tal-interessi fuq is-self mogħti lil punti ta’ bejgħ “horeca” (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

171    Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni interpretat in-noti miktubin bl-idejn b’mod korrett, in-natura iżolata u lakonika ta’ tali referenza u n-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni konkreta li tirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra tal-birra f’diskussjoni dwar is-suġġetti inkwistjoni ma jippermettux li dawn in-noti jitqiesu bħala prova suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ kollużjoni li kienet tirrigwarda koordinazzjoni okkażjonali ta’ ċerti kundizzjonijiet kummerċjali.

172    Fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li n-noti miktubin bl-idejn, invokati fil-premessi 67 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata, huma kkorroborati mid-dikjarazzjoni ta’ InBev li minnha jirriżulta, minn naħa, li l-laqgħa “Catherijne” tat‑12 ta’ Marzu 1998 kienet iddedikata kemm għall-kwistjonijiet marbuta mal-“horeca” kif ukoll għal konsum fid-djar u, min-naħa l-oħra, li l-parteċipanti fil-laqgħat “Catherijne” ikkonċentraw fuq l-investimenti fil-“horeca” bil-għan li jiġi evitat it-teħid ta’ klijenti.

173    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ siltiet iċċitati mill-Kummissjoni kif ukoll ir-referenza magħmula minnhom “għall-ispirtu tad-dikjarazzjoni ta’ InBev” ma jirriżultawx f’indizju konkret dwar l-eżistenza ta’ diskussjonijiet bejn il-produtturi tal-birra li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self u għaldaqstant ma humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjoni magħmula f’dan is-sens mill-Kummissjoni.

174    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni okkażjonali, bejn il-produtturi tal-birra, ta’ kundizzjonijiet ta’ self proposti lill-klijenti individwali tal-“horeca” hija bbbażata fuq provi frammentarji u mhux preċiżi.

175    Fil-fatt, b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tan-natura iżolata u lakonika tar-referenzi magħmula fin-noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessi 67 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-interpretazzjoni plawżibbli mressqa mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ indiżji konkreti fuq dan il-punt fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx, sal-grad rikjest mill-liġi, li l-ksur inkwistjoni inkluda “koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil konsumaturi individwali fis-settur tal-horeca fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

176    Il-konstatazzjoni magħmula f’dan is-sens, fil-premessa 258 u fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

177    Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jirrigwardaw il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lill-klijenti individwali fis-settur “horeca”.

–       Fuq l-allegat żball ta’ liġi u ta’ klassifikazzjoni tal-fatti

178    Ir-rikorrenti jsostnu li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ numru ta’ ftehim u/jew ta’ prattiki miftiehma bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE tirriżulta minn żball li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (premessa 337 u 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

179    Hemm lok li jitfakkar, qabel kollox, li, fil-kuntest ta’ laqgħat multilaterali u tal-kuntatti bilaterali tagħhom, l-erba’ produtturi tal-birra skambjaw diversi drabi informazzjoni sensittiva fis-suq (il-prezzijiet, l-ammont ta’ skontijiet u l-offerti konkreti lil ċerti klijenti), li kultant kienu pjuttost dettaljati (dokumenti invokati fil-premessi 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienu jinkludu ċifri konkreti tal-prezzijiet (dokumenti invokati fil-premessi 76, 89, 117, 129 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata), skontijiet u provvisti għal riduzzjoni (dokumenti invokati fil-premessi 143 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll indikazzjonijiet li jikkonċernaw klijenti u punti ta’ bejgħ kemm fis-settur “horeca” (dokumenti invokati fil-premessi 92, 143, 156, 165 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll dawk tal-konsum fid-djar (dokumenti invokati fil-premessi 76 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Ġew diskussi wkoll ċerti proposti konkreti li jirrigwardaw l-aġir fis-suq, b’mod partikolari l-proposta li ssir żieda fil-prezzijiet f’żewġ stadji fis-settur tal-konsum fid-djar (dokument invokat fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

181    Iċ-ċirkustanzi li qatt ma ġie stabbilit ebda fajl uffiċjali għal-laqgħat “Catherijne”, li s-sustanza tad-diskussjonijiet kważi qatt ma ġiet riflessa f’nota interna u li djarji u noti fl-okkażjoni ta’ dawn il-laqgħat ġew distrutti f’Novembru tal‑1998 (dikjarazzjoni ta’ InBev iċċitata fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata) jindikaw, barra minn hekk, li, b’mod kuntrarju għal dak li jippretendu r-rikorrenti, id-diskussjonijiet kellhom natura sigrieta u l-parteċipanti kienu konxji mill-illegalità tal-aġir tagħhom u ppruvaw jaħbuh.

182    Għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw ir-rikorrenti, jirriżulta minn provi dokumentarji eżaminati mill-Kummissjoni li ntlaħaq qbil tal-intenzjonijiet fuq ċerti proposti, bħal dawk tal-għoti ta’ kuntratt mal-organizzazzjoni ta’ xiri tal-bejjiegħa bl-imnut lil Interbrew (dokument invokat fil-premessa 236 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 531 tad-deċiżjoni kkontestata) u taż-żieda miftiehma tal-prezzijiet qabel jew matul is-sena tal‑1998 (dokument invokat fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

183    L-eżistenza, f’dan l-aħħar każ, ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 KE la hija kkontestata miċ-ċirkustanza probabbli li l-qbil tal-intenzjonijiet bejn il-produtturi tal-birra ma kienx ikopri modalitajiet konkreti dwar l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet, u lanqas mill-fatt li din, fil-fatt, qatt ma twettqet fis-suq.

184    Fil-fatt anki jekk jitqies li qatt ma ntlaħaq ftehim fir-rigward tal-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li, permezz tad-diskussjonijiet regolari tagħhom, il-produtturi tal-birra immanifestaw b’mod ċar l-intenzjoni komuni tagħhom li jaslu għal ftehim antikompetittiv (premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

185    Barra minn hekk, l-iskambju kontinwu ta’ informazzjoni sensittiva li ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku u li r-rappreżentanti tal-erba’ produtturi tal-birra sabu utli li jniżżlu fid-djarji tagħhom u li jsemmu fil-kuntest tal-korrispondenza interna tagħhom ċertament kellha l-konsegwenza li tnaqqas għal kull wieħed minnhom l-inċertezza fir-rigward tal-aġir prevedibbli tal-kompetituri tagħhom.

186    F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan japplika iktar u iktar meta l-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil, kif inhu l-każ f’din il-kawża (ara s-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 162).

187    Ir-rikorrenti jqisu li rribattew din il-preżunzjoni billi pproduċew prova li, minkejja d-diskussjonijiet, l-erba’ produtturi tal-birra ddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq b’mod awtonomu.

188    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Huwa ċertament veru li kemm id-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja ta’ InBev kif ukoll iċ-ċirkustanza li Heineken żiedet il-prezzijiet tagħha biss fi Frar tal‑2000 jixhdu li, matul il-perijodu kkontestat, kull produttur tal-birra segwa l-politika tiegħu fis-suq. Madankollu, anki jekk din l-aħħar konstatazzjoni tista’ turi n-nuqqas ta’ impenji formali jew ta’ koordinazzjoni effettiva bejn il-produtturi tal-birra, hija ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li dawn tal-aħħar qatt ma ħadu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata waqt il-laqgħat ikkontestati sabiex jiddeterminaw, kull wieħed liberament, l-aġir tagħhom fuq is-suq.

189    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx jirribattu l-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 186 iktar ’il fuq.

190    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-elementi kostituttivi ta’ prattika miftiehma, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, huma, f’dan il-każ, sodisfatti.

191    F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha dritt li tikklassifika l-aġir inkwistjoni bħala “numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma”, sa fejn dan l-aġir kien jinkludi kemm elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ftehim” u elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “prattiki miftiehma”. Fil-fatt, fis-sitwazzjoni fattwali kumplessa, il-klassifikazzjoni doppja mwettqa mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem mhux bħala klassifikazzjoni li teżiġi simultanjament u kumulattivament il-prova li kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ fatt jippreżenta l-elementi kostituttivi ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, iżda bħala li tiddeskrivi konglomerazzjoni kumplessa li tinkludi elementi ta’ fatt, li wħud minnhom ġew kklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE, li ma jipprevedix klassifikazzjoni speċifika għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 264).

192    Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-aġir attribwit lilhom kellu għan antikompetittiv. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-laqgħat qatt ma kellhom l-għan li jikkonċertaw b’mod sigriet fuq aġir sensittiv għall-kompetizzjoni. Jista’ jkun li okkażjonalment ġiet diskussa s-sitwazzjoni fis-suq, inklużi l-prezzijiet għall-konsumatur fis-suq tal-konsum fid-djar u inklużi l-offerti lil xi klijenti “horeca”. Madankollu, id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw kwantità tant kbira ta’ suġġetti importanti għas-settur u kellhom natura tant informali u libera li ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “prattiċi miftiehma”.

193    Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-diskussjonijiet dwar l-informazzjoni sensittiva għas-suq, anki jekk jiġi preżunt li dawn kienu biss okkażjonali u segwiti simultanjament minn diskussjonijiet fuq suġġetti mhux sensittivi, kienu b’mod ċar ta’ natura li jistabbilixxu koordinazzjoni fis-suq u li jnaqqsu l-inċertezza fir-rigward tal-aġir prevedibbli tal-kompetituri. Diġà ntwera li, anki jekk il-koordinazzjoni bejn il-produtturi tal-birra ma kinitx dejjem effettiva, id-diskussjonijiet li jikkonċernaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet proposti lill-klijenti speċifiċi ppermettew li huma jsegwu mill-qrib ċertu elementi tal-aġir tal-kompetituri tagħhom u li jiddeterminaw l-aġir tagħhom skont l-informazzjoni miksuba (ara l-punti 185 sa 189 iktar ’il fuq). Il-fatt li r-rappreżentanti tal-produtturi tal-birra ħasbu li huwa utli li jieħdu nota ta’ din l-informazzjoni fid-djarji tagħhom u li jsemmuha fil-kuntest tal-korrispondenza interna tagħhom jikkostitwixxi, barra minn hekk, indizju dwar l-importanza partikolari li kellha dik l-informazzjoni għalihom u konferma tal-fatt li, anki jekk l-effett antikompetittiv tal-konsultazzjonijiet mhux dejjem intlaħaq, kien oġġettivament segwit mill-parteċipanti.

194    Ir-rikorrenti fl-aħħar jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li Heineken kienet involuta fid-diskussjonijiet, segwiti bejn Interbrew u Bavaria, li jikkonċernaw is-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur. Huma ma jikkontestawx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat multilaterali inkwistjoni, iżda jsostnu li Heineken ma kinitx attiva fis-settur ikkonċernat u li l-involviment tagħha fl-arranġamenti inkwistjoni ma jistax jiġi dedott mill-fatt li ġie espress tħassib fir-rigward tal-prezzijiet fis-settur inkwistjoni minn Grolsch, li huwa produttur ieħor tal-birra li ma kienx preżenti f’dan is-settur, u lanqas mill-fatt li Bavaria u InBev kienu ffissaw bħala l-għan tagħhom li jirrilevaw il-livell ta’ prezzijiet f’dak is-settur (premessi 249 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita kostanti, ladarba impriża tkun attendiet, anki mingħajr ma jkollha rwol attiv, f’laqgħa li matulha tkun issemmiet prattika miftiehma illegali, hija tkun preżunta li pparteċipat fl-imsemmija prattika miftiehma, sakemm hija ma tipprovax li hija tbiegħdet manifestament minnha jew li hija informat lill-parteċipanti l-oħra li kellha l-intenzjoni li tieħu sehem fil-laqgħa inkwistjoni minn perspettiva differenti minn tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 3199, u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    F’dan il-każ, hemm lok qabel xejn li jiġi osservat li għalkemm Heineken ma kinitx attiva fis-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ InBev (premessi 54 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-prezzijiet applikati f’dan is-settur kienu jikkostitwixxu tħassib komuni għall-erba’ produtturi tal-birra, inkluża Heineken.

197    Jeħtieġ imbagħad li jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-preżenza ta’ Heineken waqt id-diskussjonijiet illegali inkwistjoni dwar il-prezzijiet fis-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, dan il-fatt barra minn hekk ġie kkonfermat minn diversi provi, imsemmija fil-premessi 247 sa 251 tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti lanqas ma jsostnu li Heineken ddistanzjat ruħha apertament mill-imsemmija diskussjonijiet jew li informat lill-produtturi l-oħra tal-birra l-oħra li hija kellha l-intenzjoni li tieħu sehem fil-laqgħa inkwistjoni minn perspettiva differenti minn tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt waħdu li Heineken ma kellhiex rwol attiv f’dawn id-diskussjonijiet, anki jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, ma jistax jelimina r-responsabbiltà tagħha.

198    Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-fajl jirriżulta li l-involviment ta’ Heineken fid-diskussjonijiet li jikkonċernaw il-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ma tinkludix biss parteċipazzjoni passiva f’ċerti laqgħat u l-interess li hija kellha fir-riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, iżda kienet tinkludi wkoll il-pressjoni li hija kienet teżerċita konxjament fuq Interbrew u Bavaria billi tirrifjuta li żżid il-prezzijiet tal-marki tagħha qabel ma jkunu żdiedu l-prezzijiet tal-marki tad-distributur. L-eżerċizzju ta’ tali pressjoni hija barra minn hekk ikkonfermata kemm mid-dikjarazzjoni ta’ InBev (iċċitata fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll minn dokument li jikkonċerna l-kontenut tal-laqgħa tat‑12 ta’ Mejju 1997 (invokat fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-interpretazzjoni tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

199    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq żball ta’ liġi ma tistax tintlaqa’.

200    Fl-aħħar, peress li r-rikorrenti ma wrewx li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hemm lok li tiġi miċħuda wkoll l-argumentazzjoni tagħhom, essenzjalment ibbażata fuq l-istess premessa, li l-Kummissjoni interpretat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat, bi ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, billi naqset ukoll milli tagħti raġunijiet suffiċjenti insostenn tal-konstatazzjoni tal-ksur.

–       Konklużjoni

201    Wara l-eżami tal-ħames u s-sitt motivi iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali, minbarra tal-prezzijiet, offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijex ipprovata sal-grad rikjest mill-liġi u ma tistax tintlaqa’ (ara l-punti 167 sa 177 iktar ’il fuq).

202    Konsegwentement, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jistabbilixxi l-imsemmi komponent tal-ksur inkwistjoni kif ukoll li jiġi emendat l-ammont tal-multa konsegwentement imposta fuq ir-rikorrenti. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din l-emenda ser jiġu ppreċiżati fil-punti 435 u 436 iktar ’il quddiem.

203    Il-kumplament tal-ħames u tas-sitt motivi għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, li jikkonċerna t-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

204    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-iffissar tas‑27 ta’ Frar tal‑1996 u tat‑3 ta’ Novembru 1999 bħala dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-ksur attribwit lilhom. Huma jqisu, b’mod partikolari, li l-bidu u t-tmiem tal-ksur għandhom jiġu stabbiliti direttament minn provi u huma suġġetti għal oneru tal-prova ikbar, li ma ġiex sodisfatt f’dan il-każ peress li l-Kummissjoni ma kellhiex provi diretti tal-kontenut antikompetittiv tad-diskussjonijiet segwiti waqt il-laqgħat tas‑27 ta’ Frar 1996 u tat‑3 ta’ Novembru 1999.

205    Fir-rigward tal-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996, ir-rikorrenti jsostnu li n-noti miktubin bl-idejn invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna diskussjoni ġenerali dwar “debituri dubbjużi” fis-settur “horeca”, li ma tistax titqies li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

206    Fir-rigward tal-laqgħa tat‑3 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti jikkonstataw li l-prova tal-kontenut antikompetittiv tiegħu hija bbażata fuq risposta ta’ InBev għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma jqisu, madankollu, li dik ir-risposta hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet iktar speċifiċi tad-diretturi ta’ InBev li attendew personalment l-imsemmija laqgħa.

207    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

208    It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova jaqa’, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II-441, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 51).

209    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw l-iffissar kemm tad-data tal-bidu kif ukoll tad-data tat-tmiem tal-ksur.

–       Fuq l-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur

210    Il-Kummissjoni stabbilixxiet is‑27 ta’ Frar 1996 bħala d-data tal-bidu tal-ksur inkwistjoni, li kienet id-data tal-ewwel laqgħa “Catherijne” li fir-rigward tagħha hija kellha provi diretti tal-preżenza tal-erba’ produtturi tal-birra.

211    Kif ġie kkonstatat fil-punti 167 sa 177 iktar ’il fuq, in-noti miktubin bl-idejn dwar dik il-laqgħa, iċċitati fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwixxux, fihom infushom, għadd ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu sal-grad rikjest mill-liġi l-konstatazzjoni tal-ksur dwar il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil konsumaturi individwali fis-settur “horeca”.

212    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni fiha nfisha ma timpedix l-użu tal-istess elementi sabiex tiġi stabbilita d-data tal-bidu tal-ksur fl-intier tiegħu.

213    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996 tifforma parti minn serje ta’ laqgħat perijodiċi li kienu jinvolvu l-istess parteċipanti u li kienu jseħħu f’ċirkustanzi simili. Huma kienu magħrufa bl-ismijiet “prattika miftiehma Catherijne” u “kummissjoni tal-aġenda”, li kienu jlaqqgħu rappreżentanti ta’ erba’ produtturi Olandiżi tal-birra Heineken, InBev, Grolsch u Bavaria, li kienu organizzati b’mod parallel mal-laqgħat uffiċjali tas-CBK u d-diskussjonijiet li kienu jsiru fil-kuntest tagħhom qatt ma kienu riflessi fil-fajls u kważi qatt fin-noti interni. Fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, dawk il-laqgħat wkoll huma ppreżentanti bħala li jifformaw parti minn serje u li fl-anness ġiet ipprovduta tabella li tinkludi ismijiet, indirizzi, dati u postijiet tal-biċċa l-kbir tagħhom, inkluża dik tas‑27 ta’ Frar 1996 (premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

214    Diġà ġie kkonstatat, abbażi kemm tad-dikjarazzjoni ta’ InBev kif ukoll ta’ numru ta’ provi oħra, li l-laqgħat li jifformaw parti minn din is-serje kellhom għan antikompetittiv (punti 179 sa 184 iktar ’il fuq). Għalhekk, minn naħa, għadd ta’ indizji juru n-natura sistematika tal-laqgħat kif ukoll il-kontenut antikompetittiv tagħhom u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ InBev, li għandha valur probatorju kbir, tippermetti li jiġi stabbilit, b’riżerva għal prova kuntrarja, li l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni jivvizzja l-laqgħat kollha li jaqgħu fis-sistema, anki fin-nuqqas ta’ prova konkreta f’dan is-sens għal parti waħda minnhom.

215    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li din il-loġika ma tistax tiġi applikata fil-kuntest tal-iffissar tad-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-ksur, billi jsostnu li, għalkemm fil-prinċipju huwa permess li jiġi preżunt li l-ksur sar b’mod kontinwu bejn żewġ dati preċiżi, il-bidu u t-tmiem tal-ksur huma suġġetti għal oneru tal-prova ikbar u għandhom jiġu stabbiliti direttament permezz ta’ provi.

216    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rrilevat li, sabiex tistabbilixxi d-data tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni ma hijiex limitata li tibbaża ruħha fuq elementi li jirrigwardaw il-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996.

217    Fil-fatt, fil-premessi 466 sa 469 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-produtturi tal-birra kkonċernati, inklużi r-rikorrenti, li huwa pparteċipa fil-ksur “mill-tal-inqas bejn is‑27 ta’ Frar 1996 u t‑3 ta’ Novembru 1999”. Fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża, barra minn hekk, li, skont id-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-ksur beda qabel l‑1996, jiġifieri:

–        “fl‑1990 jew anki qabel” fir-rigward tad-diskussjonijiet li jikkonċernaw iż-żidiet fil-prezzijiet “horeca”;

–        fl-“1993‑1994” fir-rigward ta’ diskussjonijiet li jikkonċernaw l-iskontijiet u t-trasferimenti ta’ punti ta’ bejgħ horeca bejn produtturi tal-birra;

–        fl-“1987” fir-rigward ta’ diskussjonijiet bejn Oranjeboom-Interbrew u Bavaria li jikkonċernaw il-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur.

218    Fid-dawl tal-valur probatorju sinjifikattiv tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li l-ksur inkwistjoni beda minn tal-inqas fid-data tal-ewwel laqgħat fl‑1996, li jidhru fit-tabella annessa mad-dikjarazzjoni ta’ InBev, li fihom InBev kienet irrapreżentata wara li akkwistat lil Oranjeboom fl‑1995.

219    Għandu jitfakkar li mid-dikjarazzjoni ta’ InBev jirriżulta li Heineken kellha rwol fl-organizzazzjoni tal-laqgħat “Catherijne” mill-bidu, fl‑1993 jew fl‑1994. Barra minn hekk, intwera minn naħa, li Heineken kienet irrapreżentata fil-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996, u min-naħa l-oħra, li waqt il-laqgħa ta’ wara dik tad‑19 ta’ Ġunju 1996, il-produtturi tal-birra wettqu diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva (ara n-noti miktubin bl-idejn invokati fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punti 99 u 100 iktar ’il fuq). Għalkemm il-parteċipazzjoni ta’ Heineken f’din il-laqgħa ma ġietx stabbilita, l-elementi li jirrigwardaw din il-laqgħa kienu juru li ġiet diskussa l-parteċipazzjoni ta’ Heineken f’żieda eventwali fil-prezzijiet f’żewġ stadji.

220    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li r-rikorrenti kienu ħadu sehem fil-ksur inkwistjoni mill-inqas b’effett mis‑27 ta’ Frar 1996.

221    Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur qabel din id-data, fil-fatt jikkostitwixxi konċessjoni favur id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità jew l-opportunità ta’ din il-konċessjoni (ara, f’dan is-sens, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punti 340 u 341).

222    F’dawn il-kundizzjonijiet, fir-rigward tal-laqgħa li taqa’ f’sistema ta’ laqgħat regolari li n-natura antikompetittiva tagħha intweriet sal-grad rikjest mil-liġi, il-konstatazzjoni tad-data inizjali tal-ksur ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-insuffiċjenza ta’ prova konkreta dwar il-kontenut tal-laqgħa tas‑27 ta’ Frar 1996.

223    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment dwar l-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur.

–       Fuq l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur

224    Il-Kummissjoni stabbilixxiet it‑3 ta’ Novembru 1999 bħala d-data tat-tmiem tal-ksur għall-produtturi kollha tal-birra kkonċernati (premessi 466 sa 469 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija d-data tal-aħħar laqgħa “Catherijne” li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għandha provi diretti tal-preżenza ta’ erba’ produtturi tal-birra. Din il-laqgħa tinsab fl-aħħar fit-tabella kronoloġika annessa mad-dikjarazzjoni ta’ InBev. Skont risposta ta’ InBev għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, il-laqgħa tat‑3 ta’ Novembru 1999 kienet “laqgħa Catherijne (kwistjonijiet horeca/kummissjoni tal-aġenda) [;] bħal dejjem fil-konsultazzjonijiet Catherijne, kienu jitkellmu prinċipalment dwar ftehim eċċessivi u dwar koeżistenza paċifika” (premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    Ir-rikorrenti jqisu li din id-dikjarazzjoni hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet iktar speċifiċi tad-diretturi ta’ InBev li attendew il-laqgħa tat‑3 ta’ Novembru 1999, li minnhom huma jinvokaw is-siltiet li ġejjin:

–        “Fid‑19 ta’ Awwissu 1999, kien hemm prattika miftiehma li attendejt għaliha. Fit‑3 ta’ Novembru 1999, kien hemm laqgħa li attendejna għaliha jiena u M. […]. F’dan il-każ bħal fil-każ l-ieħor, ma tkellimniex b’mod konkret dwar l-aġir fis-suq. Il-laqgħa kienet iktar ta’ natura informali”;

–        “Jeżistu laqgħat ta’ erba’ diretturi horeca (Heineken, Grolsch, Bavaria u Interbrew). Jiena attendejt għal waħda biss minn dawn il-laqgħat, fit‑3 ta’ Novembru 1999 f’Enschede. M. […] akkumpanjani sabiex jintroduċini. Din il-laqgħa ma kienx fiha wisq konsistenza. Kienet iktar laqgħa informali, mingħajr aġenda partikolari. Saru kummenti ġenerali dwar l-iskontijiet. Kelli l-impressjoni li kienet ilha teżisti minn snin ilu xi forma ta’ sistema ta’ skala jew regola għall-iskontijiet, iżda dan qatt ma ntqal b’mod speċifiku. Tkellimna biss fuq ammonti globali ta’ skontijiet f’termini ġenerali ħafna, li kienet l-okkażjoni sabiex jissemmew ċerti ġrajjiet. Fl-opinjoni tiegħi l-iskala ma kinitx qiegħda tiffunzjona. Kull wieħed mill-operaturi kien jiddetermina l-istrateġija tiegħu stess. Jista’ jkun li kien hemm ċertu tentattiv ta’ intimidazzjoni, iżda kull wieħed kien jagħmel dak li kien jidhirlu”.

226    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn is-siltiet ma jikkontradixxux l-elementi stabbiliti mill-Kummissjoni. Ir-referenzi għall-“ftehim eċċessiv” u għall-“koeżistenza paċifika” kif ukoll għall-“iskala” u għar-“regola għall-iskontijiet” huma relatati b’mod ċar mal-koordinazzjoni tar-rati tal-iskontijiet applikati fil-konfront ta’ klijenti “horeca”. L-unika preċiżjoni introdotta mid-dikjarazzjonijiet ta’ diretturi ta’ InBev tikkonċerna l-livell ta’ dettall tad-diskussjonijiet, allegatament limitati għal “kummenti ġenerali”, kif ukoll in-nuqqas ta’ effett tagħhom fuq is-suq, jiġifieri l-fatt li “l-iskala ma kinitx qiegħda tiffunzjona”. Issa, diġà ġie rrilevat li la n-natura ġenerali tad-diskussjonijiet u lanqas in-nuqqas ta’ effett fuq is-suq ma huma ta’ natura li jikkontradixxu n-natura ta’ ksur tal-laqgħa kkonċernata (ara l-punti 78 u 79 iktar ’il fuq).

227    Iċ-ċirkustanza li l-laqgħa tat‑3 ta’ Novembru 1999 taqa’ f’sistema ta’ laqgħat antikompetittivi (ara l-punti 213 u 214 iktar ’il fuq) u li s-suġġetti imsemmija kienu marbuta mad-diskussjonijiet preċedenti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tindika, barra min hekk, li l-għan tat-tnedija stess tal-laqgħa kien li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex isiru dawn id-diskussjonijiet.

228    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li kienet teżisti ċerta kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ InBev invokati mir-rikorrenti, minn naħa waħda, u r-risposta ta’ InBev għat-talba għal informazzjoni, min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-saħħa probatorja ta’ din tal-aħħar hija ikbar, fid-dawl tal-ġurisprudenza li skontha dikjarazzjoni mogħtija f’isem impriża bħala tali għandha kredibbiltà ikbar minn dik li jista’ jkollha r-risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha indipendentment mill-esperjenza jew mill-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 45).

229    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment dwar l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur u, għaldaqstant, tas-seba’ motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn dan jikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra kkonċernati

 L-argumenti tal-partijiet

230    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħhom għal aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ partijiet oħra kkonċernati mill-proċedura, u b’hekk affettwat id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet minn dawn ir-risposti provi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u sabiex tiġġustifika l-ammont finali tal-multa, u li dawn ir-risposti kien fihom elementi li jiskaġunaw li setgħu bbenefikaw minnhom. Għaldaqstant, huma jsostnu li fid-dawl tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, huma kellhom jingħataw l-okkażjoni li jeżaminaw dawn l-elementi bil-għan li jistabbilixxu d-difiża tagħhom b’mod awtonomu.

231    Ir-rikorrenti jqisu, b’mod partikolari, li huma kellhom jingħataw aċċess għar-risposti ta’ Bavaria u ta’ Grolsch peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-produtturi tal-birra taw interpretazzjoni awtentika tad-dokumenti li ntużaw sussegwentement bħala provi kontra u favur tagħhom. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jinnotaw li, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka r-risposti ta’ Bavaria għad-dikajarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex turi li huma attendew il-laqgħa tad‑19 ta’ Ġunju 1996. Fil-premessi 124 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni barra minn hekk użat interpretazzjoni bbażata fuq ir-risposti ta’ Bavaria sabiex tipprova li l-prezzijiet tal-birra ġew diskussi waqt il-laqgħa tas‑17 ta’ Diċembru 1997. Fl-aħħar, ir-rikorrenti jindikaw li, fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-allegazzjonijiet li jinsabu fir-risposta ta’ Bavaria bħala prova ta’ ċerti dikjarazzjonijiet inkriminanti li huma għamlu waqt il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998.

232    Ir-rikorrenti jenfasizzaw l-importanza li jingħataw aċċess għar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ InBev, peress li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq dikjarazzjonijiet sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Bħala eżempju, ir-rikorrenti jinnotaw li jista’ jiġi dedott mill-premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-iskambju tal-ittri bejn il-Kummissjoni u InBev fi Frar tal‑2006, li r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ din tal-aħħar kien fihom elementi li jiskaġunaw.

233    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

234    Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 “[i]d-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati għandhom jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma għandhom jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil [għall-] file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ”.

235    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punti 125 sa 128, u tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 81).

236    Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 68).

237    Fir-rigward tal-provi inkriminanti, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dak id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha rigward l-eżistenza ta’ ksur u min-naħa l-oħra, li dan l-ilment seta’ jiġi pprovat biss permezz ta’ riferiment għal dan id-dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku jiġi miċħud bħala mezz ta’ prova (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

238    Għall-kuntrarju, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu ta’ din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ikun suffiċjenti li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha (sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 81), billi turi b’mod partikolari li hija setgħet tinvoka elementi li ma jaqblux mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u għaldaqstant setgħet tinfluwenza, bi kwalunkwe mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 75).

239    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa att maħsub li jillimita s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra impriża u jiżgura l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

240    Huwa f’din il-perspettiva li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija mdawwra b’garanziji proċedurali li japplikaw il-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, li fosthom hemm id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jkunu fil-fajl tal-Kummissjoni.

241    Ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jifformawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 380).

242    Fir-rigward ta’ dokumenti li ma jifformawx parti mill-fajl kkostitwit fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tiżvela l-imsemmija risposti lill-partijiet oħra kkonċernati biss jekk dawn ikun fihom elementi ġodda li jinkriminaw jew li jiskaġunaw.

243    Bl-istess mod, skont il-punt 27 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7), bħala regola ġenerali, il-partijiet ma għandhomx aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ partijiet oħra kkonċernati mill-investigazzjoni. Parti jkollha biss aċċess għal dawn id-dokumenti meta dawn ikunu jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, kemm jekk dawn ikunu inkriminanti jew skaġunanti, fir-rigward ta’ allegazzjonijiet fformulati fil-konfront ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

244    F’dan ir-rigward, dwar, minn naħa, l-elementi l-ġodda li jinkriminaw, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq element ibbażat fuq risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitpoġġew f’pożżizzjoni fejn ikunu jistgħu jikkummentaw fuq tali prova ġdida (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 386, u tas‑27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 50).

245    Dokument jista’ biss jiġi kkunsidrat bħala dokument inkriminanti meta dan jintuża mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriża. Sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ma huwiex biżżejjed li l-impriża inkwistjoni turi li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tikkummenta fuq dokument użat f’parti kwalunkwe tad-deċiżjoni kkontestata. Jeħtieġ li hija turi li l-Kummissjoni użat dak id-dokument, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala prova addizzjonali sabiex issostni ksur li fih tkun ipparteċipat l-impriża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 35).

246    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi bbażati fuq risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn Bavaria u minn Grolsch intużaw mill-Kummissjoni bħala elementi ġodda li jinkriminaw. Huma jirreferu, f’dan ir-rigward għall-premessi 75, 124 sa 126 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata.

247    Qabel kollox, fir-rigward tal-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm riferiment għal silta bbażata fuq ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn Bavaria li tindika li kien “possibbli ħafna” li Heineken kienet irrappreżentata fil-laqgħa tad‑19 ta’ Ġunju 1996. Issa, għalkemm il-Kummissjoni invokat din il-kwotazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija indikat ukoll li l-fajl ma fih l-ebda prova dwar dan il-fatt. Ma jirriżultax mill-premessa inkwistjoni li Heineken kienet effettivament irrappreżentata waqt il-laqgħa inkwistjoni, iżda biss li, fi kwalunkwe każ, hija ħadet sehem fil-laqgħa preċedenti u fil-laqgħat sussegwenti.

248    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kwotazzjoni tas-silta inkwistjoni, ibbażata fuq ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtijia minn Bavaria, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-użu ta’ element ġdid li jinkrimina.

249    Barra minn hekk, fir-rigward tal-premessi 124 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċernaw il-laqgħa tas‑17 ta’ Diċembru 1997, hemm lok li jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 117 sa 121 tad-deċiżjoni kkontestata li l-għan tal-laqgħa ġie stabbilit abbażi tal-elementi inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni.

250    F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment fil-premessi 124 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata għal interpretazzjoni alternattiva ta’ dawk l-elementi mogħtija minn Bavaria fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biss bil-għan li tirrispondi għall-argumenti tal-impriża kkonċernata. Barra minn hekk, minn dawn il-premessi jirriżulta li l-interpretazzjoni magħmula minn Bavaria ma ġietx ikkunsidrata bħala plawżibbli u ma ġietx invokata mill-Kummissjoni.

251    Finalment, fir-rigward tal-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħti sinteżi ta’ interpretazzjoni oħra mogħtija minn Bavaria fir-rigward ta’ elementi tal-fajl dwar il-laqgħa tat‑12 ta’ Marzu 1998, jeħtieġ li jiġi osservat li l-imsemmija interpretazzjoni ġiet espliċitament miċħuda fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata u li għaldaqstant ma setgħetx tiġi invokata bħala element inkriminanti addizzjonali.

252    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni użat elementi inkriminanti addizzjonali li joriġinaw minn risposti mogħtija mill-partijiet l-oħra kkonċernati mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

253    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-elementi ġodda li jiskaġunaw, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tirrendihom aċċessibbli fuq inizjattiva tagħha stess. Fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun ċaħdet, matul il-proċedura amministrattiva, talba ta’ rikorrenti intiża għal aċċess għal dokumenti li ma jinsabux fil-fajl tal-investigazzjoni, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul dik il-proċedura (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 383).

254    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-kunsiderazzjoni li tirriżulta mis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq (punt 126), li ma huwiex kompitu tal-Kummissjoni waħidha li tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża għall-impriża kkonċernata. L-imsemmija kunsiderazzjoni, dwar dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl tal-Kummissjoni, ma jistgħux japplikaw għal risposti mogħtija minn partijiet oħra kkonċernati mill-oġġezzjonijiet kkomunikati mill-Kummissjoni.

255    Għaldaqstant, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistgħux, fil-prinċipju, iwasslu sabiex jobbligaw lill-Kummissjoni tiżvela r-risposti inkwistjoni lil partijiet oħra, bil-għan li huma jkunu jistgħu jivverfikaw in-nuqqas ta’ elementi eventwali li jiskaġunaw.

256    Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-eżistenza tal-allegati elementi li jiskaġunaw fir-risposti mhux żvelati, huwa obbligu tagħhom li jipprovdu l-ewwel indizju tal-utilità ta’ dawn id-dokumenti għad-difiża tagħhom.

257    Huma għandhom jindikaw l-elementi potenzjali li jiskaġunaw jew jipprovdu indizju li juri l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għall-ħtiġijiet tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 351 sa 359).

258    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li jista’ jiġi dedott mill-premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-iskambju ta’ ittri li seħħ bejn il-Kummissjoni u InBev wara r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li InBev tat indikazzjonijiet li jistgħu jinftiehmu bħala li jikkontestaw, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ ftehim kollużorju u, minn naħa l-oħra, l-eżistenza jew it-tul tal-ksur inkwistjoni.

259    F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-allegata indikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim kollużorju inkwistjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-fatt li l-partijiet l-oħra kkonċernati essenzjalment ippreżentaw, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-istess argumenti bħar-rikorrenti sabiex isostnu li l-ftehim ma ġiex implementat, ma jistax jikkostitwixxi element li jiskaġuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 353).

260    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat indizju tal-konstatazzjoni tal-eżistenza jew it-tul tal-ksur, jeħtieġ li jiġi osservat li, insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jirreferu għall-ittra tal-avukat ta’ InBev, tal‑21 ta’ Frar 2006, mibgħuta bħal risposta għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, li tindika li “il-klijenti [tagħha] b’ebda mod ma kellhom l-intenzjoni li b’xi mod jimminimizzaw ir-rwol tagħhom fil-fatti allegati u lanqas li jikkontestaw l-eżistenza jew it-tul tal-ksur fuq il-mertu”. Issa, b’mod kuntrarju għal dak li jallegaw r-rikorrenti, minn dik l-unika preċiżjoni ma jirriżultax li r-riposta ta’ InBev għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħet tinkludi indikazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu elementi li jiskaġunaw.

261    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma rrilevawx elementi li jiskaġunaw li jistgħu jirriżultaw mir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra kkonċernati u, għaldaqstant, ma pproduċew ebda indizju dwar l-utilità tagħhom għad-difiża tagħhom.

262    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-allegata preżenza ta’ elementi li jiskaġunaw fir-risposti inkwistjoni.

263    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-“prinċipju ta’ akkuratezza” u tal-prinċipju tal-kontradittorju, li jirriżulta minn allegat nuqqas ta’ investigazzjoni akkurata u imparzjali

 L-argumenti tal-partijiet

264    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’akkuratezza u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha inkwistjoni u li użat l-elementi tal-fajl b’mod selettiv bil-għan li ssostni t-teorija tagħha li kien hemm ksur tal-Artikolu 81 KE.

265    B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Kummissjoni bbażat il-prova inkriminanti fuq id-dikjarazzjonijiet li għamlet InBev fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, meta dawn tal-aħħar kienu vagi, kontradittorji u ma kinux esklużivament ibbażati fuq il-konstatazzjonijiet tal-awturi tad-dikjarazzjonijiet u li kienu jinkludu wkoll, parzjalment, il-“prova ’ fuq kliem ħaddieħor”.

266    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tagħhom u billi ċaħdet, b’mod partikolari, il-provi prodotti minnhom bil-għan li juru li s-suq Olandiż tal-birra ma kienx evolva, matul il-perijodu inkwistjoni, b’mod li jindika l-eżistenza ta’ ftehim fuq il-prezzijiet.

267    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

268    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fost il-garanziji pprovduti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14).

269    F’dan il-każ, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’akkuratezza u imparzjalità l-provi, hemm lok li jitfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat waqt l-eżami tal-ħames u s-sitt motiv iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ressqet provi suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, fir-rigward ta’ żewġ komponenti tal-ksur inkwistjoni (ara l-punt 163 iktar ’il fuq). Fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali diġà evalwat il-kritiki tar-rikorrenti fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ InBev kif ukoll ta’ elementi intiżi li jistabbilixxu l-prova kuntrarja mressqa waqt il-proċedura amministrattiva.

270    B’mod partikolari, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li jikkontestaw il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ InBev, peress li din hija vaga, kontradittorja u tinkludi l-“prova fuq kliem ħaddieħor”, jeħtieġ li jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ħames u s-sitt motiv fil-punti 70 sa 90 iktar ’il fuq.

271    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jitqies li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ investigazzjoni kompleta, iddettaljata u imparzjali hija mħallta mal-argumenti eżaminati fil-kuntest tal-ħames u s-sitt motiv iktar ’il fuq u ma tirrikjedix eżami awtonomu.

272    Konsegwentement, l-ewwel motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

 L-argumenti tal-partijiet

273    Ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw il-ksur tal-prinċipju tal-innoċenza minħabba li membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni kien iddikjara, waqt programm televiżiv Olandiż, li l-“konsumatur iħallas wisq għall-birra tiegħu” u, għalhekk, ippreġudika l-eżistenza ta’ ftehim fuq is-suq Olandiż tal-birra.

274    Ir-rikorrenti għaldaqstant iqisu li l-ksur ġie ppreżentat bħala fatt li ġie stabbilit minn qabel sew it-tmiem tal-proċedura amministrattiva, u anki qabel ma huma setgħu jirreaġixxu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

275    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-membru tal-Kummissjoni kkonċernat ma tippermettix li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jiġu eżaminati mill-Kummissjoni b’mod oġġettiv u retrospettivament.

276    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

277    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

278    Fil-fatt, l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata biss skont il-provi miġbura mill-Kummissjoni. Meta jiġu effettivament stabbiliti l-fatti tal-ksur fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-prova ta’ manifestazzjoni prematura mill-Kummissjoni, matul din il-proċedura, tal-konvinzjoni tagħha li jeżisti l-imsemmi ksur, ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad il-prova tal-ksur innifsu (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 726).

279    Fi kwalunwe każ, l-opinjonijiet espressi minn membru tal-Kummissjoni waqt xandira televiżiva Olandiża, li semmew, fil-kuntest ta’ eżempji ta’ interventi mill-Kummissjoni, li l-konsumaturi Olandiżi “ħallsu wisq għall-birra tagħhom” wara aġir tal-produtturi tal-birra, anki li kieku l-għażla ta’ dawk l-opinjonijiet kienet sfortunata, ma humiex ta’ natura li juru li l-Kummissjoni ppreġudikat id-deċiżjoni tagħha.

280    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, bħala kulleġġ, tiddelibera abbażi ta’ abbozz ta’ deċiżjoni. F’dan ir-rigward, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-opinjonijiet ta’ membru tal-Kummissjoni kkonċernat li jsemmu l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienu jimplikaw li l-Kummissjoni tqis il-ħtija tal-produtturi tal-birra bħala diġà stabbilita.

281    Peress li l-kliem magħżul mill-membru tal-Kummissjoni kkonċernat ma kien jimplika ebda konstatazzjoni dwar il-ħtija tar-rikorrenti, dawk il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu invalidati miċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li l-opinjonijiet inkwistjoni ġew espressi qabel ma huma setgħu jirreaġixxu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, din iċ-ċirkustanza lanqas ma tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma eżaminatx ir-risposti mogħtija mir-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’mod oġġettiv u retrospettivament biżżejjed.

282    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat-terminu raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

283    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li t-tul totali tal-proċedura, kif ukoll dak ta’ kull waħda mill-istadji li jikkomponuha, eċċeda ampjament dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli. Huma jsostnu b’mod partikolari li huma ma kinux f’pożizzjoni li jippreparaw id-difiża tagħhom, peress li, matul il-perijodu ta’ qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, is-suġġett eżatt tal-investigazzjoni ma kienx ċar. Huma jsostnu wkoll li, fid-dawl tal-mogħdija tas-snin, il-memorja tal-fatti allegati mill-Kummissjoni ddgħajfet.

284    Il-Kummissjoni tindika li hija rrikonoxxiet espressament, fil-premessi 497 sa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tal-proċedura kien eċċessiv u li għaldaqstant hija tat tnaqqis eċċezzjonali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Barra minn hekk, hija tirrimarka li, għalkemm l-osservazzjoni tat-terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi hija rikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur sakemm ma jiġix stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

285    F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tas‑17 ta’ Marzu 2000 indirizzata lir-rikorrenti tathom il-possibbiltà, kuntrarjament għal dak li jsostnu, li jsiru jafu bil-parti prinċipali tal-ksur kif ukoll bis-swieq u bil-perijodu li matulu twettaq tali ksur. Skont il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni diġà kienet tirreferi għal prattiki antikompetittivi relatati mal-iffissar tal-prezzijiet, mat-tqassim tas-swieq u/jew mal-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur Olandiż tal-birra, kemm għas-suq tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll għas-suq tal-“horeca”. L-argument tar-rikorrenti lanqas ma jista’ jkun ammissibbli minħabba n-natura ddettaljata tal-mistoqsijiet li sarulhom mis-sena 2001.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

286    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qrati Komunitarji għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu (senetenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 167 sa 171, u tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 40).

287    Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-fażi struttorja ta’ qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi mal-bqija tal-proċedura amministrattiva, fejn kull waħda minn dawn tal-aħħar hija suġġetta għal loġika interna separata (sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 42).

288    L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat li ngħatawla mil-leġiżlatur, tieħu miżuri li jinvolvu l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura. It-tieni perijodu, min-naħa tiegħu, jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-ksur allegat (sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 43).

–       Fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva

289    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tal-proċedura amministrattiva kien eċċessiv u li hija kienet responsabbli għal dan il-fatt.

290    Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat li, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri dik li testendi min-notifika tar-rikorrenti bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni f’Marzu 2000 sa meta waslet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’Awwissu 2005, kien iddekorra perijodu ta’ 65 xahar.

291    Peress li l-ispezzjonijiet matul l-investigazzjoni twettqu fix-xhur ta’ Marzu u April 2000, it-tul totali ta’ din il-fażi tal-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi ġġustifikat bis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni indirizzat lill-partijiet serje ta’ talbiet għal informazzjoni bejn l‑2001 u l‑2005.

292    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni kumplimentari min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjonijiet diliġenti matul dan il-perijodu, it-tul tal-ewwel fażi tal-proċedura għandu jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punt 77).

293    It-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, li estendiet mill-wasla tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’April tal‑2007, damet 20 xahar, li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni kumplimentari għalhekk teċċedi t-terminu normalment neċessarju għall-adozzjoni tad-deċiżjoni.

294    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni kien eċċessiv u kien jirriżulta min-nuqqas ta’ azzjoni imputabbli lill-Kummissjoni, li wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

–       Fuq l-effett tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

295    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur sakemm it-tul tal-proċedura ma jkollux effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura (ara, f’dan is-sens,is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

296    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li t-tul eċċessiv tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom, peress li huma ma setgħux jidentifikaw b’eżattezza s-suġġett tal-investgazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni sal-wasla tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u dan ippreġudika l-possibbiltajiet tagħhom li jiġbru provi li jiskaġunaw.

297    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li ma setgħux jidentifikaw is-suġġett tal-investigazzjoni sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

298    Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, indirizzata lil Heineken NV u Heineken Holding NV tas‑17 ta’ Marzu 2000, kienet tiddikjara li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet relatata ma’ prattiki anitkompetittivi partikolari bħall-“iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur Olandiż tal-birra, kemm għas-suq tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll għas-suq tal-horeca”. Min-naħa l-oħra, it-talbiet għal-informazzjoni indirizzati lil Heineken NV fix-xahar ta’ Ottubru 2001 kienu jippreċiżaw it-tipi ta’ laqgħat, id-dati, kif ukoll il-postijiet li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

299    B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn il-komunikazzjonijiet tawhom il-possibbiltà li jsiru jafu, b’mod suffiċjentement preċiż, is-suġġett tal-investigazzjoni, il-ksur li jistgħu jiġu akkużati bih kif ukoll is-setturi kkonċernati tas-suq u, għaldaqstant, poġġewhom f’pożizzjoni fejn setgħu jidentifikaw u jiġbru provi eventwali li jiskaġunaw.

300    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, għalkemm isostnu argument ibbażat fuq diffikultajiet sabiex jiġbru ċerti provi li jiskaġunaw li jindika li l-memorji personali ta’ persuni kkonċernati saru iktar vagi, naqsu li jsostnu din l-allegazzjoni permezz ta’ elementi konkreti u, b’mod partikolari, li jippreċiżaw l-impjegati kkonċernati u r-raġunijiet li għalihom kien kruċjali li jirrikorru għall-memorji tagħhom kif ukoll iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom ma kienx iktar possibbli li jiksbu informazzjoni b’mezzi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 64).

301    Barra minn hekk, skont l-obbligu ġenerali tal-prudenza li hija suġġetta għalih kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, ir-rikorrenti huma obbligati jiżguraw il-konservazzjoni tajba, fil-kotba u l-arkivji tagħhom, tal-elementi li jistgħu jipprovdu rendikont tal-attività tagħhom, bil-għan, b’mod partikolari, li jkollhom il-provi neċessarji fil-każ ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi. Peress li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ talbiet għal informazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), huma kienu obbligati, a fortiori, li jaġixxu b’diliġenza addizzjonali u li jieħdu l-miżuri utli kollha bil-għan li jippriżervaw il-provi li huma setgħu raġonevolment ikollhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punt 87).

302    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li huma ma kinux informati, mill-bidu tal-investigazzjoni, bis-suġġett tagħha kif ukoll bl-ilmenti eventwali tal-Kummissjoni, b’tali mod li huma ma kinux f’pożizzjoni li jippreparaw id-difiża tagħhom u li jiġbru l-provi li jiskaġunaw li huma kellhom, ma tistax tintlaqa’.

303    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ preġudizzju għad-difiża tagħom riżultanti mit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

304    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv,ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ “natura raġonevoli” kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

305    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-mod kif il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa f’dan il-każ, u b’mod partikolari l-analiżi tagħha fir-rigward tal-gravità tal-ksur, tat-trattament differenti, tal-koeffiċjent multiplikatur applikat għall-finijiet ta’ disważjoni u taż-żieda abbażi tat-tul tal-ksur. Essenzjalment, huma jikkunsidraw li l-ksur ma setax jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna u li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifkaw ċerti passi fl-iffisar tal-ammont finali, fosthom b’mod partikolari l-effett fuq is-suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddevjat b’mod kunsiderevoli mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha 2003/569/KE tal‑5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ IV/37.614/F3 PO – Interbrew u Alken-Maes, ĠU 2003, L 200, p. 1). Fl-aħħar, skont ir-rikorrenti, kellha tiġi applikata riduzzjoni tal-ammont bażiku peress li t-tul tal-ksur ma ġiex stabbilit korrettament mill-Kummissjoni.

306    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

307    Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, huma jiksru l-Artikolu 81 KE. Skont din l-istess dispożizzjoni, għal kull impriża parteċipanti fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi l‑10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tas-sena kummerċjali ta’ qabel.

308    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-linji gwida fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112).

309    Barra minn hekk, f’oqsma bħall-istabbiliment tal-ammont ta’ multa skont ir-Regolament Nru 1/2003, fejn il-Kummissjoni għandha din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II-2917, punt 79).

310    Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti marbuta miegħu ma jippreġudikawx, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni, fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 538), li għandha l-kapaċità tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62).

311    Dan il-motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet, li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, fit-tieni lok, l-applikazzjoni ta’ trattament differenti u l-istabbiliment tal-ammont inizjali, fit-tielet lok, iż-żieda tal-ammont inizjali abbażi tal-effett dissważiv u, fir-raba’ lok, iż-żieda abbażi tat-tul tal-ksur.

312    B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-dawl tan-natura imprevedibbli tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-ewwel parti, li tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

313    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

314    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241, u tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 91).

315    B’mod partikolari, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.

316    Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat mal-gravità tal-ksur u tibbilanċja l-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 136).

317    Ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti intiżi li jikkontestaw l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur. Fl-ewwel lok, huma joġġezzjonaw għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi ħafna fid-dawl tan-natura u l-għan tal-kollużjoni. Fit-tieni lok, huma jallegaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-impatt tal-ftehim fuq is-suq u li f’dan ir-rigward kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fit-tielet lok, huma jqisu li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, id-daqs ġeografiku tas-suq inkwistjoni kellu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala fattur ta’ moderazzjoni għad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur.

318    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-aġir kkontestat huwa limitat għal skambju ta’ opinjonijiet ġenerali fuq iċ-ċirkustanzi tas-suq u ma ħax il-forma ta’ prattika miftiehma fuq aġir konkret, il-ksur jista’ biss jiġi kklassifikat bħala ftit gravi jew gravi. Barra minn hekk, huma jsostnu li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħassret diversi elementi tal-ksur meta mqabbla mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

319    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-ksur gravi ħafna essenzjalment jikkorrispondi, b’mod partikolari, għal “restrizzjonijiet oriżżontali tat-tip ‘kartell tal-prezzijiet’ u ta’ kwoti tat-tqassim tas-swieq”.

320    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita l-akkordji ta’ dan it-tip jaqgħu taħt il-forom l-iktar gravi tal-ksur tal-kompetizzjoni, peress li huma maħsuba, mill-għan tagħhom stess, sempliċement u purament sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jimplementawhom, u minħabba dan il-fatt imorru kontra l-għanijiet fundamentali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Otturbu 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).

321    Issa, peress li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan li joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, b’mod partikolari permezz tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet tal-prezzijiet u permezz tat-tqassim tal-klijentela, l-argument tar-rikorrenti li l-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala gravi ħafna ma jistax jiġi milqugħ.

322    Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li saret fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur f’dan il-każ, minn natura stess tiegħu, għandu, b’mod konformi mal-linji gwida, jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna, ma hijiex ivvizzjata bi żball. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li ċerti elementi tal-ksur indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ġewx inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, peress li din tal-aħħar fiha elementi li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi ħafna.

323    Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom, li jikkonċerna l-effett tal-ftehim fuq is-suq, ir-rikorrenti jikkunsidraw li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala gravi ħafna, minħabba n-nuqqas ta’ effett perċepibbli fuq is-suq. Huma jallegaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet f’dan is-sens li jinsabu f’rapport ekonomiku ta’ esperti li huma ppreżentawlha matul l-investigazzjoni amministrattiva, li r-riżultati tiegħu ġew barra minn hekk ikkonfermati minn rapport ta’ esperti ieħor, li huma ordnaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, billi llimitat ruħha għal konferma li l-effett tal-ksur ma setax jitkejjel. Barra minn hekk, il-premessi 453 u 457 tad-deċiżjoni kkontestata jwasslu għal konklużjoni kuntrarja.

324    Jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm l-eżistenza ta’ effett konkret tal-ksur fis-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħan-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jirriżulta li dan l-effett għandu biss jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun jista’ jitkejjel.

325    Jeħtieġ jitfakkar li l-akkordji orizzontali fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq, bħall-ksur inkwistjoni f’din il-kawża, jistgħu jiġu klassifikati bħala gravi ħafna sempliċement abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi effett reali tal-ksur fuq is-suq. L-effett konkret tal-ksur jikkostitwixxi biss element wieħed fost oħrajn li, jekk ikun jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti li l-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu prevedibbli ta’ EUR 20 miljun (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punti 74 u 75).

326    F’dan il-każ, fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata:

“Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma huwiex possibbli li jitkejjel l-effett reali fuq is-suq Olandiż, tal-ftehim kollu li jifforma l-ksur u l-Kummissjoni għaldaqstant ma tibbażax ruħha fuq l-effett partikolari, b’mod konformi mal-linji gwida li skonthom l-effett konkret għandu biss jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun jista’ jitkejjel […] Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex ser tieħu inkunsiderazzjoni l-effett fuq is-suq sabiex tistabbilixxi l-multi applikabbli f’dan il-każ.”

327    Sussegwentement, fil-premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi l-konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet:

“B’kunsiderazzjoni tan-natura tal-ksur u tal-fatt li dan kien estiż għat-territorju kollu tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni wettqu ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 [KE].”

328    Minn dawk is-siltiet jirriżulta li, bil-għan li tistabbilixxi l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-effett tal-ksur fuq is-suq, iżda fuq in-natura tal-ksur u fuq il-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

329    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’kunsiderazzjoni għan-natura tal-ksur ikkonstatat, li kellu bħala l-għan tiegħu, b’mod partikolari, koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezzijiet kif ukoll koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela, il-Kummissjoni setgħet leġittimament ma tiħux inkunsiderazzjoni l-effett tal-ksur fuq is-suq.

330    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw iktar li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapport tal-esperti li huma pprovdewlha waqt il-proċedura amministrattiva, insostenn tal-argument tagħhom li l-ksur ma kellux effett fuq is-suq.

331    Barra minn hekk, fir-rigward tal-element fakultattiv fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, li barra minn hekk ma ttiħidx inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jallegaw li l-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet għall-konstatazzjoni tagħha dwar in-natura mhux kwantifikabbli tal-effett konkret tal-ksur.

332    Barra minn hekk, ir-rikorrenti b’mod żbaljat isostnu li mill-premessi 453 u 457 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta fir-realtà, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-effett fuq is-suq, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

333    Fil-fatt, mill-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett inkwistjoni. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma hija kontradetta mill-motivi li jinsabu fil-premessi 453 u 457 tad-deċiżjoni kkontestata invokati mir-rikorrenti. Għalhekk, fil-premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tevalwa d-daqs tas-suq inkwistjoni, mingħajr ma evalwat l-effett tal-ksur fuq dan is-suq. Fil-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, hija llimitat ruħha li tfakkar il-ħtieġa li jiġu individwalizzati l-ammonti inizjali, fil-kuntest tat-trattament differenti, fid-dawl tal-piż individwali tal-aġir ta’ kull impriża kkonċernata.

334    Konsegwentement, it-tieni lment tar-rikorrenti huwa infondat.

335    Permezz tat-tielet ilment tagħhom, li jirrigwarda d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, ir-rikorrenti jsemmu l-erja żgħira tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-importanza limitata tas-suq tal-birra għall-ekonomija globali tagħha. Barra minn hekk, huma jsostnu li s-sempliċi fatt li l-parti mis-suq totali tal-produtturi tal-birra kkonċernati tirrapreżenta iktar minn 90 % tas-suq Olandiż ma jimpedixxix li l-ksur jiġi klassifikat bħala ftit gravi jew gravi, b’mod partikolari fid-dawl tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

336    Fil-premessa 453 tad-deċiżjoni kkonestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-fatt li “il-parti tas-suq totali tal-impriżi kkunsidrati fuq is-suq Olandiż kienet teċċedi d‑90 %”. Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li l-ksur kien jikkonċerna kemm is-settur “horeca” kif ukoll dak tal-konsum fid-djar. Għalhekk, hija kkonkludiet li “90 % tas-suq kollu Olandiż tal-birra kien suġġett ta’ akkordju”.

337    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-territorju sħiħ ta’ Stat Membru jikkostitwixxi parti sostanzjali mis-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 28).

338    Għalhekk, peress li kkonstatat li l-ksur kien jirrigwarda 90 % tas-suq Olandiż tal-birra u li kien jikkonċerna kull wieħed mis-setturi prinċipali tal-kummerċjalizzazzjoni fil-kuntest ta’ dan is-suq, il-Kummissjoni setgħet ġustament tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni bil-għan li tikklassifika l-ksur bħala gravi ħafna.

339    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li ksur bħal ftehim jew prattiki miftiehma li jipprevedu b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-klijenti jistgħu, skont il-ġurisprudenza, iwasslu, abbażi biss tan-natura proprja tagħhom, għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi ħafna, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir jkun ikkaratterizzat minn portata ġeografika partikolari.

340    Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni indikattiva tal-ksur serju fil-linji gwida ssemmi li “dan jikkonċerna l-iktar spiss ir-restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali […] b’applikazzjoni li hija aktar rigoruża, b’impatt fuq is-suq li huwa usa’ u li jistgħu jkollhom effetti fuq żoni estiżi tas-suq komuni”, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ effett konkret fuq is-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari. (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 150).

341    Minn dan jirriżulta li, fi kwalunwe każ, il-fatt li d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni huwa ta’ dimensjoni nazzjonali ma jipprekludix li l-ksur imwettaq f’dan il-każ jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna.

342    Din is-soluzzjoni hija neċessarja a fortiori fir-rigward tal-importanza allegatament limitata tas-suq tal-birra għall-ekonomija Olandiża, id-daqs limitat tas-suq tal-prodott ikkonċernat, peress li bħala prinċipju, id-daqs tas-suq tal-prodott ma huwiex element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda huwa biss element rilevanti fost oħrajn sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 132).

343    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, it-tielet ilment kif ukoll l-ewwel parti ta’ dan il-motiv fl-intier tiegħu ma jistgħux jiġu milqugħa.

–       Fuq it-tieni parti, li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont inizjali u l-applikazzjoni tat-trattament differenti

344    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom, fl-ewwel lok, billi jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-multi imposti fuq il-produtturi tal-birra Belġjani fid-Deċiżjoni 2003/569/KE. Waqt li jinvokaw ksur tal-istess prinċipju, huma jirreferu wkoll għal ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ksur li jikkonċerna s-suq ta’ Stat Membru wieħed, li wasslu għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “gravi” jew għall-iffissar ta’ ammonti inizjali inqas għoljin minn dawk stabbiliti f’dan il-każ.

345    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 292) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament Nru 1/2003, marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi bil-għan li torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 216) u s-setgħa li fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijet ta’ din il-politika (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 169).

346    F’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti twettqet, b’mod konformi mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fid-dawl tal-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw argument validu mis-sempliċi fatt biss li, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ssanzjonat aġir simili billi imponiet multi inferjuri għal dawk imposti fuqhom f’dan il-każ.

347    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma jistgħux iktar jieħdu vantaġġ minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni eventwali, peress li ma huwiex wisq probabbli li ċ-ċirkustanzi ta’ dawn tal-aħħar, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodu kkonċernati jkunu identiċi (ara s-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata).

348    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tinvoka l-klassifikazzjoni tal-ksur u l-livell tal-multi imposti permezz tad-deċiżjonijiet dwar ċertu ksur limitat għas-suq ta’ Stat Membru, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, ħlief f’din l-aħħar ċirkustanza, ir-rikorrenti ma argumentawx dwar l-identità tal-ksur invokat, f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati. Għaldaqstant din l-argumentazzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-allegat trattament diskriminatorju.

349    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2003/569/KE, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-multi imposti fuq il-produtturi tal-birra Belġjani involuti kienu sinjifikattivament inqas għoljin minn dawk imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li la n-natura tal-ksur u lanqas il-kundizzjonijiet tas-swieq ikkonċernati ma jippreżentaw differenzi li jiġġustifikaw din l-esklużjoni.

350    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni tevalwa l-gravità tal-ksur skont diversi elementi li ma jirriżultawx minn lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, barra minn hekk, ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża fir-rigward tal-ammont totali tal-multa imposta jew tal-kompożizzjoni tagħha minn diversi elementi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punti 187 u 188, u l-ġurisprudenza ċċitata).

351    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-paragun dirett tal-multi imposti fuq id-destinatarji ta’ żewġ deċiżjonijiet li jirrigwardaw ksur distint jista’ jwassal għal żnaturament tal-funzjonijiet speċifiċi li għandhom l-istadji differenti tal-kalkolu tal-multa. Fil-fatt, l-ammonti finali tal-multi jirriflettu ċirkustanzi speċifiċi partikolari għal kull akkordju kif ukoll l-evalwazzjonijiet xierqa għal każ inkwistjoni.

352    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ impriżi kkonċernati mid-deċiżjonijiet preċedenti invokati.

353    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.

354    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat trattament differenti billi telqet minn premessi żbaljati, bi ksur tal-prinċipji ta’ “natura raġonevoli”, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

355    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti b’mod żbaljat isostnu li l-Kummissjoni applikat trattament differenti abbażi tal-effett reali tal-ksur fuq is-suq, b’kontradizzjoni mal-konklużjoni, li tinsab fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi effett ma ttiħidx inkunsiderazzjoni.

356    Fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti jirriżulta minn qari żbaljat tal-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija limitata sabiex tfakkar il-kunsiderazzjoni espressa fis-sitt paragrafu tal-punt 1 A, tal-linji gwida, li skontu, għal ksur ta’ gravità partikolari, fil-każijiet li jimplikaw diversi impriżi bħall-kartelli, l-ammont bażiku ġenerali għandu jiġi bbilanċjat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u konsegwentement l-effett reali, tal-aġir li jikkostiwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-dimensjoni tal-impriżi li jikkommettu ksur tal-istess natura.

357    B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-“piż speċifiku, u konsegwentement tal-effett reali, tal-aġir li jikkostiwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni” jikkonċerna t-tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji, skont id-dimensjoni tagħhom fuq is-suq matul perijodu ta’ referenza, u ma jinvolvix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett fuq is-suq tal-ksur meħud fl-intier tiegħu.

358    B’mod kuntrarju għal dak li jindikaw ir-rikorrenti, l-applikazzjoni tat-trattament differenti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq u, għaldaqstant, ma timplikax li l-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur inkwistjoni kellu tali effett.

359    Min-naħa l-oħra, billi jinvokaw il-ksur tal-prinċipji ta’ “natura raġonevoli” u ta’ trattament ugwali, fid-dawl tal-fatt li InBev kisbet immunità mill-multa, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex jippreżentaw argumentazzjoni, li diġà ġiet miċħuda fil-punti 70 sa 90 iktar ’il fuq, ibbażata fuq l-allegata natura vaga u kontradittorja tad-dikjarazzjoni ta’ InBev.

360    Fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tat-trattament differenti, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi l-obbligu tal-motivazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-multa huma, skont ġurisprudenza stabbilita, sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppremettewha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 463, u l-ġurisprudenza ċċitata).

361    F’dan il-każ, mill-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni rreferiet għall-bejgħ tal-birra li hija wettqet fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, jiġifieri s-sena 1998. Ir-rikorrenti ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija f’termini ta’ importanza relattiva fuq is-suq, minħabba li l-bejgħ tal-birra li wettqu kien ferm superjuri għal dak ta’ produtturi oħra tal-birra.

362    Sa fejn il-Kummissjoni indikat id-dħul mill-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti fl‑1998 bħala raġuni għall-inklużjoni tagħhom fl-ewwel kategorija, l-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni ma tistax tintlaqa’. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet esposti b’mod partikolari fil-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti jsiru jafu r-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u lill-Qorti Ġenerali li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑266/06 P, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 103).

363    Finalment, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa għal kollox kompatibbli mal-kriterji stabbiliti mil-linji gwida u mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, peress li ċ-ċifri tal-bejgħ tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, matul il-perijodu ta’ referenza, jikkostitwixxu indikazzjoni utli tal-piż individwali tagħhom fuq is-suq. Għaldaqstant, l-iffissar tal-ammont inizjali li jirriżulta minn dan l-approċċ ma jistax bħala tali jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

364    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipji invokati mir-rikorrenti meta stabbilixxiet l-ammont inizjali u meta applikat it-trattament differenti, u ma interpretatx b’mod żbaljat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

365    Konsegwentement, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, li tikkonċerna ż-żieda abbażi tal-effett disważiv

366    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi applikat il-koeffiċjent multiplikatur inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

367    Jeħtieġ li jitfakkar li, bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-karattru dissważiv tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 106, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 63).

368    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 367 iktar ’il fuq, punt 120, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 243).

369    Bl-istess mod, ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jipprevedu li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiżgura effett suffiċjentament disważiv.

370    F’dan il-każ, b’mod konformi ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li kien jeħtieġ li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi f’livell li jiżġura effett suffiċjentement disważiv, b’kunsiderazzjoni għad-daqs ta’ kull impriża (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

371    Fl-istess premessa, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 fuq l-ammont inizjali fir-rigward tar-rikorrenti, fid-dawl tad-daqs kbir ta’ Heineken, li jirriżulta mid-dħul mill-bejgħ dinji kunsiderevoli tagħha matul is-sena finanzjarja l-iktar riċenti ta’ qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha kienet disponibbli d-data.

372    F’dan ir-rigward, sa fejn hija kkonċernata l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-multiplikaturi applikati f’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tal-multi bil-għan li torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tip ta’ ksur ma jistax għaldaqstant jċaħħadha mill-possibbiltà li żżid, fi kwalunkwe mument, dak il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni u sabiex issaħħaħ l-effett disważiv tal-multi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra. p. II‑2511, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

373    Għaldaqstant, il-fatt li, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni applikat multiplikaturi inqas għoljin fil-konfront ta’ impriżi ta’ daqs pargunabbli ma’ dak ta’ Heineken la jista’ jwassal għal natura sporporzjonata u diskriminatorja taż-żieda inkwistjoni u lanqas għal ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

374    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi rreferiet, minn naħa, għall-ħtieġa li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi f’livell li jiżgura effett disważiv u, min-naħa l-oħra, għad-daqs kbir ta’ Heineken, li jirriżulta mid-dħul mill-bejgħ dinji konsiderevoli tagħha (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni esponiet, sal-grad meħtieġ mill-liġi, l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiżdied, għall-finijiet ta’ disważjoni, l-ammont inizjali fil-konfront tar-rikorrenti, li jippermettulhom għalhekk ikunu jafu l-ġustifikazzjoni għal dik iż-żieda, imwettqa fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, u li jsostnu d-drittijiet tagħhom kif ukoll li l-qorti twettaq l-istħarriġ tagħha.

375    Fil-fatt, fil-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika l-livell tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tindika l-elementi tal-figuri li ggwidaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett disważiv meħtieġ, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 39 sa 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 125).

376    Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa, ġustament, fir-rigward tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni, ir-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li, meta ddeterminat il-multiplikatur inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, bħan-natura tal-ksur, l-allegat nuqqas tal-effett tiegħu fuq is-suq, il-fatt li kien diġà ntemm il-ksur qabel il-bidu tal-investigazzjoni jew li l-proċedura amministrattiva kienet ta’ tul eċċessiv.

377    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti, li tikkonċerna ż-żieda abbażi tat-tul tal-ksur

378    Fil-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li Heineken ipparteċipat fil-ksur mill-inqas bejn is‑27 ta’ Frar 1996 u t‑3 ta’ Novembru 1999, jiġifieri matul perijodu ta’ tliet snin u tmien xhur. Konsegwentement, l-ammont inizjali tal-multa żdied, fil-konfront tar-rikorrenti, b’ 35 %, jiġifieri 10 % għal kull sena sħiħa ta’ ksur u 5 % għall-kumplament tal-perijodu ta’ sitt xhur jew iktar.

379    Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni billi jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-ksur inkwistjoni.

380    Hemm lok li jiġi rrilevat li, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tas-seba’ motiv fil-punti 210 sa 229 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament stabbilixxiet li t-tul tal-ksur, fil-konfront tar-rikorrenti, kien jikkorrispondi għall-perijodu ta’ bejn is‑27 ta’ Frar 1996 u t‑3 ta’ Novembru 1999. F’dan ir-rigward, iż-żieda ta’ 35 % imwettqa mill-Kummissjoni dwar l-ammont inizjali tal-multa ma tistax tiġi kkontestata.

381    Għaldaqstant, ir-raba’ parti li tikkonċerna t-tul tal-ksur ma tistax tintlaqa’.

–       Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

382    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont tal-multa kif stabbilit mill-Kummissjoni ma kienx prevedibbli, anki approssimattivament.

383    Hemm lok li jitfakkar li ċ-ċertezza legali tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi b’mod partikolari li, leġiżlazzjoni li twassal għal konsegwenzi sfavorevoli fil-konfront ta’ persuni partikolari, għandha tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal dawk suġġetti għaliha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

384    Dan il-prinċipju huwa korollarju tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, li jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jissanzjonawh (sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 362 iktar ’il fuq, punt 39).

385    Jeħtieġ li jitfakkar f’dan ir-rigward, li għalkemm l-Artikolu 23 (2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, madankollu, dan l-artikolu jillimita l-eżerċizzju billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni għandha ssegwi. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta hija suġġetta għal limitu massimu kwantifikabbli u assolut, b’mod illi l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost kontra impriża partikolari huwa ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni huwa limitat ukoll mir-regoli li imponiet il-Kummissjoni stess fil-linji gwida, peress li barra minn hekk il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għal stħarriġ sħiħ mill-qorti tal-Unjoni. Operatur avżat jista’ b’hekk, wara li jieħu parir legali, jipprevedi b’mod biżżejjed preċiż il-metodu tal-kalkolu u d-daqs tal-multi li huwa jinkorri għal imġiba partikolari min-naħa tiegħu, u l-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf l-ammont eżatt tal-multi li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 sa 55).

386    Barra minn hekk, l-impriżi implikati fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punti 229 u 230). Il-fatt li l-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe mument tirrevedi l-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika oħra tal-kompetizzjoni huwa għaldaqstant raġonevolment prevedibbli għall-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 367 iktar ’il fuq, punt 48).

387    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, a fortiori, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ ksur gravi ħafna min-natura tiegħu, magħmul minn aġir li l-illegalità tiegħu ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet.

388    Għalhekk, minkejja li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni, minn qabel, li jkunu jafu bi preċiżjoni l-livell tal-multi li l-Kummissjoni kienet ser tapplika f’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari taż-żieda tal-livell ġenerali tal-multi li saret wara li seħħew il-fatti li jikkostitwixxi ksur, din iċ-ċirkustanza ma hijiex indikattiva ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità tal-pieni, sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha filwaqt li osservat kemm il-kuntest leġiżlattiv indikat mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll ir-regoli ta’ tmexxija li imponiet hija stess fil-linji gwida.

389    Konsegwentement, dan l-ilment kif ukoll it-tmien motiv fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq id-disa’ motiv, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

390    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li d-data tat-tmiem tal-ksur ġiet stabbilita bħala t‑3 ta’ Novembru 1999, meta l-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni twettqu biss fit‑22 u t‑23 ta’ Marzu 2000, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bil-għan li timmodera l-ammont bażiku tal-multa.

391    Fit-tieni lok, huma jsostnu li qatt ma żiedu l-prezzijiet tagħhom fis-settur tal-konsum fid-djar matul il-perijodu tal-ksur. Għalhekk, il-koordinazzjoni kkontestata qatt ma ġiet implementata. Peress li madwar 62 % tal-birra tinbiegħ permezz tal-konsum fid-djar, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kienet stabbilita għall-parti l-kbira tal-bejgħ tagħhom. Barra minn hekk, il-kumplessità u l-opaċità tal-istruttura tas-settur “horeca” tirrendi impossibbli t-twettiq ta’ ftehim veru jew ta’ prattika miftiehma vera li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

392    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

393    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed iċ-ċirkustanzi attenwanti bbażati, fl-ewwel lok, fuq it-tmiem tal-ksur qabel l-ewwel interventi u, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim illegali inkwistjoni.

394    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel ċirkustanza invokata, jeħtieġ li jitfakkar li b’mod konformi mal-punt 3 tal-linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa ffissat mill-Kummissjoni għandu jitnaqqas, b’mod partikolari, meta l-impriża akkużata twaqqaf il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

395    L-għoti ta’ tali tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa huwa marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ, li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li impriża li tipparteċipa fi ftehim illegali ma għandhiex tibbenifika minnu. B’mod partikolari, jekk jiġi rrikonoxxut il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti f’sitwazzjonijiet fejn impriża hija parti minn ftehim manifestament illegali, li hija kienet taf bih jew li ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, dan jista’ jħeġġeġ lill-impriżi jidħlu fi ftehim sigriet għall-itwal żmien possibbli, bit-tama li l-imġiba tagħhom ma tinkixef qatt, filwaqt li jkunu jafu li jekk jinkixfu, huma jistgħu jkollhom il-multa mnaqqsa billi jwaqqfu l-ksur. Tali rikonoxximent ineħħi kull effett disważiv tal-multa imposta u jkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE (ara sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punti 104 u 105).

396    Fil-fatt peress li din hija ċirkustanza attenwanti li, b’kunsiderazzjoni tal-effett utli tal-Artikolu 81 KE, għandha tiġi interpretata ristrettivament, huma biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 337 u 338).

397    B’mod partikolari, il-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment ma għandux jitqies bħala ċirkustanza attenwanti meta tali waqfien jintemm minħabba intervent tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T-59/02, punt 396 iktar ’il fuq, punt 341, u l-ġurisprudenza ċċitata).

398    Għaldaqstant, huwa abbażi ta’ premessa żbaljata li r-rikorrenti jressqu l-argument a fortiori, li jindika li ċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni għandha tingħata, iktar u iktar, fil-każ ta’ waqfien mill-ksur qabel l-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

399    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma japplikawx bl-istess saħħa fil-każ ta’ waqfien mill-ksur imwettaq fuq inizjattiva tal-investigat qabel l-ewwel interventi tal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni ma tistax, fil-prinċipju, tkun xierqa fir-rigward ta’ aġir intenzjonat li l-illegalità tiegħu ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet.

400    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tirrileva fil-premessa 475 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ ksur gravi ħafna min-natura tiegħu u manifestament illegali, il-fatt li impriża twaqqaf l-aġir ikkontestat qabel kull intervent tal-Kummissjoni ma jimmeritax li jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti.

401    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wriet, fil-passat, pożizzjoni differenti fir-rigward taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa ma jfissirx li hija obbligata twettaq l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 395).

402    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti intiża għar-rikoxximent bħala ċirkustanza attenwanti tat-twaqqif tal-aġir tagħhom li jikkostitwixxi ksur qabel l-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma tistax tintlaqa’.

403    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti humiex tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih huma ħadu sehem fil-ftehim li jikkostitwixxi ksur, huma effettivament astjenew milli jimplementawhom billi adottaw aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, b’mod ċar u sostanzjali, osservaw l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dak l-akkordju b’tali mod li fixklu l-funzjonament tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113).

404    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ebda parteċipant ma wera li huwa astjena mill-applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, peress li n-nuqqas okkażjonali ta’ eżekuzzjoni ma jistax isarraf f’“ċaħda kompleta u totali tal-ftehim konkluż”.

405    Ir-rikorrenti jikkritikaw dawn il-kunsiderazzjonijiet, billi jindikaw li, fis-settur tal-konsum fid-djar, Heineken qatt ma żiedet il-prezzijiet tagħha matul il-perijodu ta’ ksur u li, fir-rigward tas-settur “horeca”, l-istruttura tas-suq hija tant kumplessa li kien impossibbli li jintlaħaq ftehim veru u, a fortiori, li dan jiġi eżegwit.

406    Huma jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq ir-rapporti ekonomiċi mehmuża mar-rikors, li minnhom jirriżulta b’mod partikolari li l-prezzijiet tagħhom fis-settur tal-konsum fid-djar ma żdidux matul il-perijodu tal-ksur, li l-imsemmi settur huwa kkaraterrizzat minn kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-birra, b’ċaqliq kunsiderevoli fl-ishma tas-suq, setgħa ta’ xiri kbira min-naħa tax-xerrejja u minn żieda fil-volum tal-iskontijiet, u li, fir-rigward tas-settur “horeca”, il-prezzijiet tagħhom ma żdidux fl‑1996 u fl‑1997, peress li t-total taż-żidiet fil-prezzijiet f’dan is-settur matul il-ksur kien barra minn hekk inferjuri għall-medja taż-żidiet fil-prezzijiet fuq medda twila ta’ żmien u peress li l-istruttura tas-suq wasslet għal kompetizzjoni għas-setturi “horeca” ġodda u “liberi”, b’ċaqliq kunsiderevoli fl-ishma tas-suq bejn il-produtturi tal-birra.

407    Barra minn hekk, huma jallegaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx id-data korretta, f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet, u, b’mod partikolari, li ma evalwatx in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim għal kull impriża kkunsidrata individwalment.

408    Il-Kummissjoni tinnega li kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li l-kollużjoni inkwistjoni wasslet għal żidiet effettivi fil-prezzijiet. Hija tikkunsidra li l-fatt li kienet ġiet stabbilta l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet kien biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-argument tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ arranġamenti inkwistjoni.

409    Jeħtieġ li jiġi osservat li dan l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għalkemm is-sempliċi ċirkustanza li impriża ma ssegwix arranġamenti illegali ma hijiex ta’ natura li telimina r-responsabbiltà tagħha, din hija madankollu ċirkustanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa.

410    Madankollu, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li, kif jirriżulta mill-premessi 349 sa 354 tad-deċiżjoni kkontestata u kif ġie kkonfermat fil-kuntest tal-eżami tal-ħames u s-sitt motiv iktar ’il fuq, il-ksur inkwistjoni kkonsista f’akkordju kumpless implementat permezz ta’ ftehim u permezz ta’ prattiki miftiehma li jaqgħu taħt pjan komuni ta’ kartell applikat matul perijodu twil u li kellu bħala l-għan tiegħu ż-żamma tal-istatus quo u t-tnaqqis tal-kompetizzjoni. Il-parteċipanti tiegħu kkoordinaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari fis-settur tal-“horeca”, billi llimitaw ir-riduzzjonijiet, fis-settur tal-konsum fid-djar, kif ukoll il-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur. Il-kollużjoni kopriet ukoll prattiċi miftiehma fuq it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll, fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, tas-settur tal-konsum fid-djar. Il-parteċipanti saħħew il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-klijenti tagħhom, jiġifieri s-supermarkets fis-settur tal-konsum fid-djar u l-punti ta’ bejgħ fis-settur “horeca”, billi kkonsultawhom b’mod regolari u mill-qrib u billi wettqu negozjati fuq l-aspetti sensittivi kollha tal-parametri tal-kompetizzjoni, bil-għan li jiksbu zidiet fil-prezzijiet jew mill-inqas l-istabbiltà tal-prezzijiet kif ukoll li jillimitaw in-numru u l-effetti ta’ bdil tal-produttur tal-birra mwettaq mill-klijenti fis-settur tal-konsum fid-djar.

411    B’kunsiderazzjoni għall-eżistenza ta’ dan il-pjan globali, li mmanifesta ruħu fil-kuntest tal-laqgħat li saru b’mod sigriet u intenzjonat, matul perijodu kunsiderevoli, l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti, intiżi prinċipalment sabiex jistabbilixxu n-nuqqas ta’ żidiet effettivi tal-prezzijiet, ma humiex biżżejjed sabiex juru li huma astjenew mill-applikazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti kollha inkwistjoni jew, minn tal-inqas, li huma kisru b’mod ċar u kunsiderevoli l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni tagħhom, sal-punt li fixklu l-funzjonament anki tal-akkordju.

412    Fir-rigward tal-allegati indizji tal-aġir antikompetittiv fis-setturi kkonċernati, li jirriżultaw mill-analiżi ekonomiċi mehmuża mar-rikors, jiġifieri ċaqliq fl-ishma tas-suq, iż-żieda fil-volum tal-iskontijiet kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw l-istruttura tas-suq fis-settur “horeca”, jiġifieri l-eżistenza ta’ kuntratti ta’ żmien twil, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li dawn ġew stabbiliti, dawk il-fatti ma jikkostitwixxux indizji konkreti ta’ aġir antikompetittiv li jista’ jfixkel il-funzjonament stess tal-arranġamenti kollużorji deskritti fil-punt 410 iktar ’il fuq u, għaldaqstant, ma jikkontradixxux, bħala tali, l-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni.

413    Finalment, sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għal ċerti indikazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim inkwistjoni espressi fid-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti diretturi ta’ InBev, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li peress li dawn l-indikazzjonijiet huma limitati għal sempliċi allegazzjonijiet li ma humiex suffiċjenti, fihom infushom, sabiex juru li l-akkordju ma ġiex implementat jew li l-funzjonament tiegħu ġie mfixkel.

414    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-arranġamenti kollużorji inkwistjoni.

415    Konsegwentement, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-effett tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva fuq l-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

416    Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva wassal għall-istabbiliment ta’ multa iktar għolja, li rriżulta direttament miż-żieda fil-livell tal-multi imposti mill-Kummissjoni meta mqabbel ma’ perijodi preċedenti. B’mod partikolari huma jirrimarkaw li, kieku ttieħdet deċiżjoni f’terminu raġonevoli, l-ammont tal-multa kien ikun inqas għoli.

417    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

418    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, iżda li, b’mod kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċji tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġu li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara s-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 367 iktar ’il fuq, punt 109, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 169).

419    B’kunsiderazzjoni għal din il-ġurisprudenza, rikorrent ma jistax validament isostni li s-sanzjoni tiegħu setgħet tkun inqas għolja li kieku l-Kummissjoni lestiet il-proċedura amministrattiva qabel, peress li hija għolliet il-livell ġenerali tas-sanzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, T‑52/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 486).

420    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tul tal-proċedura amministrattiva, għalkemm kienet eċċessiva, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba s-sempliċi fatt li fil-frattemp il-Kummissjoni żiedet il-livell tal-multi.

421    Għaldaqstant, f’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni ammettiet, waqt is-seduta, li hija żiedet il-livell ġenerali tal-multi lejn is-sena 2005, jiġifieri matul il-proċedura amministrattiva inkwistjoni, dan il-fatt ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effett tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

422    Għaldaqstant, l-għaxar motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-ħdax-il motiv, li jikkonċerna l-livell ta’ tnaqqis tal-multa mogħti abbażi tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

423    Ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis tal-multa, b’EUR 100 000, mogħti mill-Kummissjoni abbażi tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva huwa limitat wisq meta mqabbel mal-ammont tal-multa imposta.

424    Il-Kummissjoni tindika li hija għamlet użu mill-possibbiltà li tagħti, fuq inizjattiva tagħha, tnaqqis tal-multa, li hija waħda mill-prerogattivi tagħha, li għaliha hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument li jiġġustifika tnaqqis supplementari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

425    Hemm lok li jiġi rrilevat li irregolarità proċedurali, anki jekk din ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni, tista’ tiġġustifika tnaqqis tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punti 26 sa 48, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punti 436 sa 438).

426    Il-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli jista’ jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas b’ekwità l-ammont tal-multa, peress li l-possibbiltà li jingħata tali tnaqqis taqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punti 202 sa 204).

427    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa abbażi tat-tul “mhux raġonevoli” tal-proċedura amministrattiva (premessi 498 u 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

428    L-eżerċizzju ta’ din il-prerogattiva mill-Kummissjoni ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, milli tagħti tnaqqis supplementari tal-ammont tal-multa.

429    Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis ta’ EUR 100 000, mogħti mill-Kummissjoni, bl-ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-multa imposta f’dan il-każ, li kienet tammonta għal EUR 219 375 000 qabel it-tnaqqis, u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix tnaqqis tas-sanzjoni li tista’ tindirizza mill-ġdid b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura amministrattiva.

430    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġustament isostnu li l-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma ttieħdux inkunsiderazzjoni biżżejjed mill-Kummissjoni, fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

431    Fir-rigward tal-livell adegwat tat-tnaqqis tas-sanzjoni, jeħtieġ madankollu jinċaħad l-argument tar-rikorrenti, invokat għall-ewwel darba fir-replika, li, peress li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jikkostitwixxi fatt li jsarraf f’danni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, l-ammont tad-danni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tnaqqis tal-multa.

432    Fil-fatt, it-tnaqqis tas-sanzjoni f’dan il-każ għandu l-għan li jindirizza mill-ġdid il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u għandu, għaldaqstant, jiġi stabbilit f’livell adegwat fid-dawl tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti. Xorta jibqa’ l-fatt li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dan it-tnaqqis sar b’ekwità u ma għandux ikun ippreċedut minn eżami tal-kundizzjonijiet dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

433    Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti, la ressqu talbiet għad-danni fir-rikors u lanqas barra minn hekk fir-replika, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tagħhom ibbażat fuq l-ammont tal-allegati danni, li jinvoka evalwazzjoni ipotetika tal-ammont tal-multa li kien jiġi impost fuqhom kieku l-Kummissjoni lestiet il-proċedura f’terminu raġonevoli, u lanqas dwar l-argument tagħhom ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ness ta’ kawżalità bejn il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u l-imsemmija danni.

434    B’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li bil-għan li tagħti lir-rikorrenti sodisfazzjon ekwitabbli minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, it-tnaqqis inkwistjoni għandu jkun ta’ 5 % tal-ammont tal-multa.

 Konklużjoni fuq il-multa

435    Wara l-eżami tal-motivi mressqa mir-rikorrenti u l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hemm lok li jiġi emendat l-ammont tal-multa imposta, konġuntement u in solidum fuq ir-rikorrenti, minn naħa, billi jiġi stabbilit l-ammont inizjali ta’ EUR 61 750 000, minflok EUR 65 000 000, b’konsegwenza tal-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan kien jistabbilixxi l-komponent tal-ksur li jikkonsisti fil-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali, minbarra tal-prezzijiet, offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi (ara l-punti 201 u 202 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, billi t-tnaqqis mogħti abbażi tal-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura jissarraf f’ 5 % tal-ammont finali tal-multa, minflok f’EUR 100 000 (ara l-punt 434 iktar ’il fuq).

436    Konsegwentement skont din l-emenda, l-ammont tal-multa huwa kkalkolat billi dan l-ammont jiġi mmultiplikat b’ 2.5, abbażi tal-effett disważiv, l-ammont inizjali emendat, billi mbagħad jiżdied b’ 35 % abbażi tat-tul tal-ksur, u billi dak l-ammont jitnaqqas b’ 5 %, abbażi tal-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura. Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ffissat għal EUR 197 985 937.5.

 Fuq l-ispejjeż

437    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

438    F’dan il-każ, peress li t-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti jbatu żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u li din tal-aħħar tbati terz tal-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1697 tat‑18 ta’ April 2007, dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B/37.766 — Is-suq Olandiż tal-birra), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat f’tali artikolu li Heineken NV u Heineken Nederland BV ipparteċipaw fi ksur li jikkonsisti fil-koordinazzjoni okkażjonali tal-kundizzjonijiet kummerċjali, minbarra tal-prezzijiet, offruti lill-konsumaturi individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Heineken u fuq Heineken Nederland fl-Artikolu 3(a), tad-Deċiżjoni C (2007) 1697 huwa ta’ EUR 197 985 937.5.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Heineken u Heineken Nederland għandhom ibatu żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Heineken u ta’ Heineken Nederland.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-ksur inkwistjoni

Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq l-insuffiċjenza tal-provi tal-ksur u n-nuqqas ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE rispettivament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq id-dikjarazzjoni ta’ InBev

– Fuq provi oħra

– Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjonijiet, minn naħa, ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-birra u, min-naħa l-oħra, ta’ koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela

– Fuq l-elementi fattwali dwar il-konstatazzjoni ta’ koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil klijenti individwali fis-settur “horeca”

– Fuq l-allegat żball ta’ liġi u ta’ klassifikazzjoni tal-fatti

– Konklużjoni

Fuq is-seba’ motiv, li jikkonċerna t-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur

– Fuq l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn dan jikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra kkonċernati

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-“prinċipju ta’ akkuratezza” u tal-prinċipju tal-kontradittorju, li jirriżulta minn allegat nuqqas ta’ investigazzjoni akkurata u imparzjali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat-terminu raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva

– Fuq l-effett tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-tmien motiv,ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalitŕ u ta’ “natura raġonevoli” kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-ewwel parti, li tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

– Fuq it-tieni parti, li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont inizjali u l-applikazzjoni tat-trattament differenti

– Fuq it-tielet parti, li tikkonċerna ż-żieda abbażi tal-effett disważiv

– Fuq ir-raba’ parti, li tikkonċerna ż-żieda abbażi tat-tul tal-ksur

– Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq id-disa’ motiv, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-effett tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva fuq l-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħdax-il motiv, li jikkonċerna l-livell ta’ tnaqqis tal-multa mogħti abbażi tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Konklużjoni fuq il-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.