Language of document : ECLI:EU:C:2006:543

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Settembru 2006(*)

"Il-Parlament Ewropew – Elezzjonijiet – Dritt għall-vot – Ċittadini tal-Commonwealth residenti f’Ġibiltà u li mgħandhomx iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni"

Fil-kawża C-145/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 227 KE, imressaq fit-18 ta’ Marzu 2004,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, F. Díez Moreno u I. del Cuvillo Contreras, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn P. Goldsmith, D. Wyatt u D. Anderson, QC, kif ukoll minn M. Chamberlain, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn C. Ladenburger, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur), K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta’ l-Awla, J.-P. Puissochet, P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bil-liġi ta’ l-2003 dwar ir-rappreżentazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew [European Parliament (Representation) Act 2003, iktar ‘il quddiem, l-"EPRA 2003"], ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq naqas mill-obbligi imposti fuqu mill-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE kif ukoll mill-att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom ta’ l-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU L 278, p. 1), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1, iktar ‘il quddiem l-"Att ta’ 1976").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-liġi Komunitarja

2        L-Artikolu 17 KE jgħid hekk:

"1.      Qed tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi ċ-ċittadinanza nazzjonali.

2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu."

3        Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, ir-Renju Unit iddefinixxa l-kelma "ċittadini" f’dikjarazzjoni annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat dwar l-adeżjoni mal-Komunitajiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1972, L 73, p. 196 iktar ‘il quddiem, id-"dikjarazzjoni ta’ l-1972"). Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ fir-Renju Unit ta’ liġi ġdida fuq in-nazzjonalità, din id-dikjarazzjoni ġiet sostitwita, fl-1982, b’dikjarazzjoni ġdida (ĠU 1983, C 23, p. 1, iktar ‘il quddiem, id-"dikjarazzjoni ta’ l-1982"), li ssemmi l-kategoriji li ġejjin:

"a)      cittadini Britanniċi;

b)       persuni li huma suġġetti Britanniċi skond ir-raba’ parti tal-liġi ta’ l-1981 fuq in-nazzjonalità Britannika u li għandhom id-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit u li għalhekk huma eżenti minn kontroll ta’ l-immigrazzjoni tar-Renju Unit;

c)       ċittadini ta’ territorji dipendenti Britanniċi li jiksbu ċ-ċittadinanza tagħhom permezz ta’ rabta ma’ Ġibiltà."

4        L-Artikolu 19(2) KE jistipola li:

"Mingħajr ħsara għall-Artikolu 190(4) u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru."

5        B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill adotta d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru 1993, dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329, p. 34).

6        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 189 KE jgħid hekk:

"Il-Parlament Ewropew, li għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-popli ta’ l-Istati miġbura flimkien fil-Komunità, għandu jeżerċita dawk il-poteri lilu attribwiti b’dan it-Trattat."

7        Skond l-Artikolu 190 KE:

"1.       Ir-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew, tal-popli tal-Istati mlaqqgħin flimkien fil-Komunità għandhom ikunu eletti b’vot universali dirett.

[…]

4.      Il-Parlament Ewropew għandu jħejji proposta għal elezzjonijiet b’vot dirett universali skond il-poċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

Il-Kunsill għandu, b’vot unanimu, wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri li jikkomponuh, jistipula d-dispożizzjonijiet adatti, li huwa għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiġu addottati skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

[…]"

8        L-Artikolu 8 ta’ l-Att ta’ l-1976 jipprovdi:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-att, il-proċedura elettorali hija ggvernata, f’kull Stat Membru, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu eventwalment jieħdu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari fl-Istati Membri, m’għandhomx globalment ifixklu l-proporzjonalità tas-sistema tal-votazzjoni." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 15 ta’ dan l-att jgħid hekk:

""L-Annessi II u III għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan l-Att." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      L-Anness II ta’ l-Att ta’ l-1976, li sar l-Anness I skond l-innumerar il-ġdid li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2002/772 (iktar ‘il quddiem l-"Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976"), huwa fformulat kif ġej:

"Ir-Renju Unit għandu japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att biss f’dak li jirrigwarda r-Renju Unit." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      Fis-sentenza tagħha Matthews vs Ir-Renju Unit tat-18 ta’ Frar 1999 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1999-I), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li, billi f’Ġibiltà ma jiġux organizzati elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, ir-Renju Unit kiser l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ‘il quddiem il-"protokoll Nru 1 tal-KEDB"), li jipprovdi l-obbligu, għall-partijiet kontraenti, li jorganizzaw, b’intervalli raġjonevoli, elezzjonijiet ħielsa b’vot sigriet, b’kundizzjonijiet li jiżguraw espressjoni ħielsa ta’ l-opinjoni tal-poplu fuq l-għażla tal-korp leġiżlattiv. Fil-punt 64 tas-sentenza tagħha, din il-Qorti qieset li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ residenti ta’ Ġibiltà, hija mċaħħda mill-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq l-għażla tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit ippreċiża li, kif jirriżulta mir-rapport tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, Matthews hija ċittadina Britannika.

12      L-Att ta’ l-1976, fil-verżjoni inizjali tiegħu, ġie emendat mid-Deċiżjoni 2002/772, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004. Meta seħħet din l-emenda, ir-Renju ta’ Spanja oppona t-tneħħija, issuġġerita mir-Renju Unit, ta’ l-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976. Madankollu, id-dikjarazzjoni segwenti tar-Renju Unit, li tirrifletti ftehim bilaterali milħuq bejn dan l-Istat Membru u r-Renju ta’ Spanja, ġiet inkluża fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 (iktar ‘il quddiem id-"dikjarazzjoni tat-18 ta’ Frar 2002"):

"Fid-dawl ta’ l-Artikolu 6(2) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, li jiddisponi li: ‘L-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, hekk kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u hekk kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju’, ir-Renju Unit għandu jiżgura li jsiru l-emendi neċessarji sabiex jiġi permess lill-eletturi ta’ Ġibiltà li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala parti minn kostitwenza eżistenti tar-Renju Unit u bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi l-oħra ta’ din il-kostitwenza, sabiex jonora l-obbligu tiegħu li japplika d-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Matthews vs Ir-Renju-Unit, skond id-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Bl-istess mod ġiet imniżżla wkoll fil-minuti, id-dikjarazzjoni li ġejja tal-Kunsill u l-Kummissjoni:

"Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu att tad-dikjarazzjoni tar-Renju Unit li tgħid li, sabiex jiġi onorat l-obbligu tiegħu li japplika d-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Matthews vs Ir-Renju-Unit, ir-Renju-Unit għandu jiżgura li jsiru l-emendi neċessarji sabiex jiġi permess lill-eletturi ta’ Ġibiltà li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala parti minn kostitwenza eżistenti tar-Renju Unit u bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi l-oħra ta’ din il-kostitwenza, skond id-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

 L-istatus ta’ Ġibiltà

14      Ġibiltà ġiet ċeduta mir-Re ta’ Spanja lill-Kuruna Britannika permezz tat-Trattat ta’ Utrecht konkluż bejn dak ta’ l-ewwel u r-Reġina tal-Gran Brittanja fit-13 ta’ Lulju 1713, fil-kuntest tat-Trattati li ġabu fit-tmiem il-gwerra ta’ suċċessjoni ta’ Spanja. L-aħħar frażi ta’ l-Artikolu X ta’ dan it-Trattat jippreċiża li jekk il-Kuruna Britannika qatt ikollha l-intenzjoni li tagħti, tbiegħ jew tittrasferixxi bi kwalunkwe mezz ieħor il-proprjetà tal-belt ta’ Ġibiltà, hija għandha tagħti preferenza lill-Kuruna ta’ Spanja, bi prijorità fuq kull interess ieħor.

15      Bħalissa, Gibiltà hija kolonja tal-Kuruna Britannika. Ma tagħmilx parti mir-Renju Unit.

16      Il-poter eżekuttiv huwa eżerċitat minn gvernatur maħtur mir-Reġina u, għal kompetenzi interni determinati, minn Chief minister u ministri eletti lokalment. Dawn ta’ l-aħħar huma responsabbli lejn il-Parlament (House of Assembly), li jiġi elett kull ħames snin.

17      Il-Parlament għandu l-poter jivvota liġijiet dwar suġġetti interni determinati. Madankollu, il-gvernatur għandu l-poter jirrifjuta li japprova liġi. Il-Parlament tar-Renju Unit u r-Reġina fi ħdan il-Kunsill privat tagħha (Queen in Council) għandhom il-poter jippromulgaw liġijiet applikabbli għal Ġibiltà.

18      Ġibiltà għandha qrati tagħha stess. Madankollu, teżisti possibbiltà ta’ appell mis-sentenzi ta’ l-ogħla qorti ta’ Ġibiltà quddiem il-kumitat ġudizzjarju tal-Kunsill Privat (Judicial Committee of the Privy Council).

19      Skond id-dritt Komunitarju, Ġibiltà hija territorju Ewropew li għar-relazzjonijiet esterni tagħha huwa responsabbli Stat Membru skond l-Artikolu 299(4) KE u li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. L-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u l-emendi għat-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14) madankollu jipprovdi li ċertu partijiet tat-Trattat ma japplikawx għal Ġibiltà.

 L-EPRA 2003

20      Fit-8 ta’ Mejju 2003, ir-Renju Unit adotta l-EPRA 2003.

21      L-Artikolu 9 ta’ l-EPRA jipprovdi li Ġibiltà għandha tiġi magħquda ma’ kostitwenza elettorali eżistenti ta’ l-Ingilterra jew ta’ Wales sabiex jifforma kostitwenza ġdida. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet Britanniċi għaqdu lil Ġibiltà mal-kostitwenza tal-Lbiċ ta’ l-Ingilterra bid-digriet ta’ l-2004 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għall-kostitwenza elettorali ta’ Ġibiltà kif ukoll għall-ispejjeż tal-kampanja elettorali [European Parliamentary Elections (Combined Region and Campaign Expenditure) (United Kingdom and Gibraltar) Order 2004].

22      L-Artikolu 14 ta’ l-EPRA 2003 jipprovdi li, f’Ġibiltà, ir-reġistratur tal-Parlament ta’ Ġibiltà (clerk of the House of Assembly of Gibraltar), għandu jżomm reġistru ta’ l-eletturi għall-elezzjonijiet Ewropej (iktar ‘il quddiem, ir-"reġistru ta’ Ġibiltà").

23      L-Artikolu 15 ta’ l-EPRA 2003 jipprovdi li persuna tista’ tivvota fl-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew, f’Ġibiltà, meta, fil-jum ta’ l-elezzjonijiet, tkun imniżżla fir-reġistru ta’ Ġibiltà.

24      Skond l-Artikolu 16(1) ta’ l-EPRA 2003, tista’ tkun imniżżla f’dan ir-reġistru kull persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

–      tkun residenti f’Ġibiltà;

–      ma tkunx suġġetta għal inkapaċità legali li tisskwalifikaha milli tivvota f’Ġibiltà fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ħlief għall-kundizzjoni marbuta ma’ l-età);

­­–      tkun ċittadina tal-Commonwealth li tissodisfa ċertu kriterji [qualifying Commonwealth citizen, iktar ‘il quddiem il-"QCC"»] jew ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea (jekk mhux QCC) u

–      tkun għallinqas għalqet it-18-il sena.

25      L-Artikolu 16(5) ta’ l-EPRA 2003 jiddefinixxi QCC bħala persuna li:

–      fir-rigward tagħha, skond il-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà, mhuwiex mitlub permess jew ċertifikat biex tidħol f’Ġibiltà jew biex tirrisjedi hemmhekk, jew,

–      bħalissa, hija fil-pussess ta’ permess jew ċertifikat li jawtorizzaha tidħol f’Ġibiltà u tirrisjedi hemmhekk (jew li, skond dispożizzjoni kwalunkwe tal-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà, hija kkunsidrata fil-pussess ta’ tali permess jew ċertifikat).

26      L-Artikoli 17 u 18 ta’ l-EPRA 2003 jipprovdu li diversi metodi għar-reġistrazzjoni f’Ġibiltà u għad-dritt tal-vot jistgħu jiġu adottati mil-Lord Chancellor jew mil-liġi. Tali metodi ġew stabbiliti mis-segretarju ta’ l-Istat għall-affarijiet Kostituzzjonali (secretary of State for constitutional affairs), li lilu ġew trasferiti ċertu funzjonijiet tal-Lord Chancellor, bil-leġiżlazzjoni ta’ l-2004 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (European Parliamentary Elections Regulations 2004) u bl-ordinanza ta’ l-2004 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (European Parliamentary Elections Ordinance 2004) adottata mill-Parlament ta’ Ġibiltà.

27      L-Artikolu 21 ta’ l-EPRA 2003 jemenda, sabiex issir referenza għal Ġibiltà, l-Artikolu 10 tal-liġi ta’ l-2002 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (il-"European Parliamentary Elections Act 2002"), li minnu jirriżulta li persuna mhijiex miċħuda mid-dritt li tkun eletta membru tal-Parlament Ewropew minħabba l-fatt li m’għandiex il-kwalità ta’ ċittadin Britanniku, iżda dik ta’ ċittadin tal-Commonwealth.

28      L-Artikolu 22 ta’ l-EPRA 2003 jawtorizza l-ħolqien ta’ regoli speċifiċi għall-kostitwenzi elettorali differenti u, partikolarment, għall-kostitwenza magħquda ta’ l-Ingilterra u tal-pajjiż ta’ Wales u għal Ġibiltà.

29      Skond l-Artikolu 23 ta’ l-EPRA 2003, il-qrati ta’ Ġibiltà huma kompetenti biex jisimgħu kawżi dwar elezzjonijiet.

30      Fl-Artikolu 28(2) tiegħu, l-EPRA 2003 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu bħala r-Renju Unit u Ġibiltà.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31      Wara skambju ta’ ittri, ir-Renju ta’ Spanja qajjem ilment kontra r-Renju Unit, quddiem il-Kummissjoni, fit-28 ta’ Lulju 2003, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 227 KE, sabiex hija tibda proċedura ta’ vjolazzjoni kontra dan l-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-allegata inkompatibbiltà ta’ l-EPRA 2003 mad-dritt Komunitarju. Ir-Renju Unit ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta għal dan l-ilment quddiem il-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 2003. Il-Kummissjoni pproċediet għal smigħ tar-rappreżentanti taż-żewġ Stati Membri kkonċernati fl-1 ta’ Ottubru 2003. Wara dan is-smigħ il-Kummissjoni awtorizzat lil dawn l-Istati Membri jippreżentaw l-osservazzjonijiet supplementari tagħhom bil-miktub, li għamlu fit-3 ta’ Ottubru 2003.

32      Fid-29 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja:

"Wara eżami fil-fond ta’ l-ilment ta’ Spanja u wara smigħ li sar fl-1 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju Unit estenda d-dritt għall-vot lil persuni residenti f’Ġibiltà fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mid-dritt Komunitarju. Madankollu, fid-dawl tan-natura sensibbli tal-kwistjoni bilaterali preżenti, il-Kummissjoni tastjeni ruħha f’dan l-istadju milli tadotta opinjoni motivata skond l-Artikolu 227 tat-Trattat [KE] u tistieden lill-partijiet sabiex isibu soluzzjoni amikevoli". [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

33      Il-komunikat stampa tal-Kummissjoni b’mod partikolari jindika:

"It-Trattat KE jipprovdi li l-Komunità Ewropea hija kompetenti biex tiddefinixxi proċedura uniformi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Din il-proċedura uniformi jista’ jkollha regoli li jiddefinixxu l-kategorija ta’ persuni awtorizzati biex jivvutaw. Madankollu, l-Att ta’ l-1976 ma jittrattax il-kwistjoni tad-dritt għall-vot. Għalhekk huma d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw.

Anki jekk id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej huwa rregolat minn prinċipji ġenerali dwar l-elezzjonijiet (jiġifieri li l-votazzjoni għandha tkun diretta, universali, ħielsa u sigrieta), l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprovdi li, għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-elettorat għandu jiġi llimitat għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-kostitwenzi elettorali, l-Att ta’ l-1976 ma fih ebda dispożizzjoni dwar il-ħolqien ta’ kostitwenzi elettorali; għalhekk huwa f’idejn l-Istati Membri li jipprovdu tali dispożizzjonijiet.

L-Anness [I] ta’ l-Att ta’ l-1976 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem [u tal-Libertajiet Fundamentali], li tiggarantixxi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa għall-għażla tal-korp leġiżlattiv, sabiex jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija flessibbli biżżejjed biex tippermetti lir-Renju Unit li jinkludi l-elettorat ta’ Ġibiltà fl-elettorat Britanniku għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, skond is-sistema elettorali nazzjonali tiegħu." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

34      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża in sostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

 Fuq ir-rikors

35      Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li r-rikors tiegħu jirrigwarda biss l-elezzjonijiet organizzati f’Ġibiltà u mhux il-fatt li r-Renju Unit jirrikonoxxi d-dritt għall-vot għall-Parlament Ewropew tal-QCC li jinsabu fit-territorju tar-Renju Unit.

36      Huwa jinvoka żewġ raġunijiet in sostenn tar-rikors tiegħu. Permezz ta’ l-ewwel raġuni, huwa jsostni li l-estensjoni tad-dritt għall-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew lil persuni li mhumiex ċittadini Britanniċi skond id-dirtt Komunitarju, kif jipprovdi l-EPRA 2003, jikser l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE. Permezz tat-tieni raġuni, huwa jsostni li l-ħolqien ta’ kostitwenza elettorali magħquda jikser l-Att ta’ l-1976 kif ukoll l-obbligi assunti mill-Gvern tar-Renju Unit fid-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Frar 2002.

 Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE

37      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, bl-għoti tad-dritt għall-vot lil xi QCC, li mhumiex ċittadini Komunitarji, ir-Renju Unit kiser l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE li, interpretati b’mod storiku u sistematiku, jirrikonoxxu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura biss liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

38      Huwa jfakkar li r-Renju Unit iddefinixxa numru ta’ kategoriji ta’ ċittadini Britanniċi li fir-rigward tagħhom irrikonoxxa drittijiet differenti skond in-natura tar-rabta miegħu. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet fil-punt 24 tas-sentenza tagħha ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C-192/99, Ġabra p. I-1237), id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit f’dan ir-rigward għandhom jittieħdu in kunisderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-Trattat KE. Mhuwiex ikkontestat li l-QCC ma jagħmlux parti mill-kategoriji msemmija f’din id-dikjarazzjoni ta’ l-1982. Billi l-Artikolu 17(1) KE jorbot iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, il-QCC mhumiex ċittadini ta’ l-Unjoni.

39      Skond ir-Renju ta’ Spanja, huwa biss fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jista’ jiġi rikonoxxut id-dritt tagħhom għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew minħabba r-rabta manifesta eżistenti bejn iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, minn naħa, u t-tgawdija tad-drittijiet ipprovduti mit-Trattat, min-naħa l-oħra. L-Artikolu 190 KE, li jirrikonoxxi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura, u l-Artikolu 17(2) KE, li jippreċiża li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jgawdu mid-drittijiet ipprovduti mit-Trattat, għandhom fil-fatt jiġu interpretati b’mod sistematiku. Kull estensjoni ta’ dawn id-drittijiet lil persuni oħra għandha tkun espressament ipprovduta, jew mit-Trattat, jew mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja. Billi r-rikonoxximent tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura huma kompetenzi tal-Komunità, kull emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dawn id-drittijiet ma tistax tiġi effettwata jekk mhux mid-dritt Komunitarju.

40      F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax il-fatt li l-Att ta’ l-1976 ma pprovdiex għal proċedura elettorali uniformi u li l-proċedura elettorali baqgħet irregolata, fl-Istati Membri, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali. Madankollu, huwa jqis li d-determinazzjoni tal-persuni bi dritt għall-vot hija rregolata mill-Artikoli 189 KE u 190 KE, flimkien ma’ l-Artikoli 17 KE u 19 KE, u li hija imposta fuq l-Istati Membri.

41      L-Artikolu 19(2) KE, li jirrikonoxxi fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, u d-Direttiva 93/109, li tiffissa l-metodi ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt, juru r-rabta eżistenti bejn in-nazzjonalità u d-dritt għall-vot. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jqis li QCC skond l-EPRA 2003 residenti fi Stat Membru ieħor ma jistax jeżerċita d-dritt għall-vot tiegħu f’dan l-Istat skond dawn id-dispożizzjonijiet.

42      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka wkoll, in sostenn ta’ l-argument tiegħu, id-dispożizzjoni simili fformulata fl-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, proklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1), li tuża’ l-espressjoni "[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni" u mhux l-espressjoni "kull persuna" jew espressjoni li tirreferi għal-liġi nazzjonali. Huwa jippreċiża li, peress li d-dritt għall-vot ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jiġi kkwalifikat bħala "dritt tal-bniedem" jew tal-"libertà fundamentali", kull referenza għall-Artikolu 53 ta’ din il-Karta, li jipprovdi li din ma tistax tiġi interpretata bħala li tillimita jew tippreġudika d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mid-dritt ta’ l-Unjoni, mhijiex fondata.

43      Fir-rigward ta’ l-espressjoni "popli ta’ l-Istati" li tinsab fl-Artikolu 189 KE, ir-Renju ta’ Spanja l-ewwel nett iqis li din id-dispożizzjoni ma tirregolax id-dritt għall-vot għall-elezzjonijiet. Minbarra dan, il-fatt li din id-dispożizzjoni kienet teżisti fit-Trattat KE qabel ma ddaħħal il-kunċett ta’ ċittadinanza mit-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea jispjega r-raġunijiet hija għaliex ma tirreferix għal dan il-kunċett, billi fit-test tat-Trattat KE ma saret ebda reviżjoni sistematika qabel l-aħħar konferenza intergovernamentali. Fi kwalunkwe każ, l-espressjoni "popli ta’ l-Istati", hija espressjoni stilistika li tkopri persuni li għandhom l-istess nazzjonalità u mhux il-popolazzjoni residenti fit-territorju. L-użu tal-kelma "poplu" bħala "nazzjon" minn numru ta’ kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri jikkonferma din l-interpretazzjoni.

44      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argument li d-drittijiet li jitnisslu miċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni jista’ jkollhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti, għaliex dan jissupponi żmembrament ta’ din iċ-ċittadinanza. Fil-fehma tiegħu, waħda mill-karatteristiċi taċ-ċittadinanza hija l-għaqda, fis-sens li kull persuna li tibbenefika minn dan l-istatus għandha tgawdi mid-drittijiet kollha u tkun suġġetta għall-obbligi kollha li jirriżultaw minnu. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-estensjoni tal-protezzjoni diplomatika lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, mogħtija bħala eżempju mir-Renju Unit, tikkostitwixxi kwistjoni barra mill-iskop tad-dritt Komunitarju, billi din tirrigwarda protezzjoni diplomatika nazzjonali.

45      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU 2004, C 310, p. 1) li fih, skond hu, ir-rabta bejn id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni mhijiex iktar biss intiża, iżda espliċita. Fil-fatt, l-Artikolu I-10(2)(b), ta’ dan it-Trattat jistipula li "ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni […] għandhom […] id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew", l-Artikolu I-20(2) ta’ dan it-Trattat jistabbilixxi li "l-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni", u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu I-46(2) ta’ dan l-istess Trattat jipprovdi li "[f]il-livell ta’ l-Unjoni, [i]ċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew".

46      Ir-Renju Unit jesponi r-raġunijiet storiċi li jispjegaw għalfejn iddeċieda li jkompli jagħti d-dritt għall-vot liċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Commonwealth residenti fit-territorju tiegħu. Wara t-tieni gwerra dinjija, kien ġie deċiż, waqt konferenza, fl-1947, li laqqgħat lir-Renju Unit u d-dominions, li kull wieħed jagħraf fil-konfront ta’ l-ieħor il-libertà li jadottaw il-liġijiet tagħhom fir-rigward ta’ nazzjonalità iżda li kull persuna identifikata minn dawn il-liġijiet bħala ċittadin trid tkompli, minbarra dan, iżomm l-istatus komuni ta’ "suġġett Britanniku". L-Irlanda wkoll ipparteċipat f’din il-konferenza u status speċjali ġie pprovdut favur iċ-ċittadini tagħha. Jirriżulta mir-rapport finali ta’ din il-konferenza, intitolat "Status ta’ ċittadin ta’ pajjiz tal-Commonwealth f’pajjiż ieħor tal-Commonwealth li tiegħu mhuwiex ċittadin" li b’mod partikolari, "sabiex jitwettaq l-istatus komuni ta’ suġġett Britanniku, iċ-ċittadini ta’ pajjiż tal-Commonwealth li jirrisjedu f’pajjiż ieħor tal-Commonwealth għandhom, fil-limiti tas-sistema l-ġdida ta’ ċittadinanza u sakemm il-kundizzjonijiet lokali jippermettu, jingħataw l-istess drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiż li fih qed jirrisjedu". B’mod partikolari, ukoll, il-QCCs, jiġifieri ċ-ċittadini tal-Commonwealth li fir-rigward tagħhom mhuwiex mitlub permess jew ċertifikat biex jidħlu fir-Renju Unit jew biex jibqgħu hemmhekk jew li għandhom permess li jawtorizzahom jidħlu fir-Renju Unit u li jibqgħu hemmhekk, għandhom, bla ħsara għall-kundizzjoni ta’ residenza, id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Parlamentari Britanniċi. Il-liġi tipprovdi wkoll li, il-QCCs residenti fir-Renju Unit għandhom id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Għalhekk, iktar minn miljun fosthom ħadu sehem f’kull waħda minn dawn l-elezzjonijiet mill-1978. Dan l-għoti tad-dritt għall-vot lill-QCC huwa kkunsidrat bħala li jagħmel parti mit-tradizzjoni kostituzzjonali tar-Renju Unit.

47      Id-dispożizzjonijiet adottati għal Ġibiltà u l-QCCs residenti f’Ġibiltà, li n-numru tagħhom huwa stmat għal 200, huma simili. Li jiġi rikonoxxut, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors dwar Ġibiltà, il-prinċipju li abbażi tiegħu l-QCCs ma jistgħux jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu bħala konsegwenza li r-Renju Unit ikollu jċaħħad numru kbir ta’ persuni, kemm f’Ġibiltà kif ukoll fir-Renju Unit, minn dritt għall-vot li kellhom s’issa.

48      Sostnut mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit ikkontesta l-konklużjoni li r-Renju ta’ Spanja joħroġ mill-punt 24 tas-sentenza Kaur, iċċitata iktar ‘il fuq. Huwa jsostni li, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE għandhom kamp ta’ applikazzjoni ratione personae differenti skond il-kwistjonijiet ikkonċernati u l-kwistjoni li waslet għas-sentenza Kaur tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni u d-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza f’dan ir-rigward. Huwa jenfasizza l-għan limitat tad-dikjarazzjoni ta’ l-1982 u l-fatt li din id-dikjarazzjoni ma kellhiex l-għan li tiddefinixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Għalhekk din id-dikjarazzjoni ma tistax tintuża biex jiġi determinat min huwa intitolat għad-dritt għall-vot għall-Parlament Ewropew u lanqas ma għandha tinftiehem fis-sens li r-Renju Unit esprima l-intenzjoni li jirtira d-dritt għall-vot tal-QCCs residenti fir-Renju Unit li ilhom jiddisponu minn dan id-dritt mill-ewwel elezzjonijiet diretti tal-Parlament Ewropew. Minbarra dan, ir-Renju Unit ma marx kontra d-dikjarazzjoni tiegħu stess billi estenda d-dritt għall-vot għall-Parlament Ewropew lill-QCCs residenti f’Ġibiltà.

49      Ir-Renju Unit, sostnut fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, jikkunsidra li għandu d-dritt jestendi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma topponi dan.

50      Fl-ewwel lok, id-dritt Komunitarju ma jirregolax il-kwistjoni kollha dwar id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew. Fil-fatt, il-Komunità eżerċitat il-kompetenza, li jirrikonoxxi l-Artikolu 190(4) KE fil-konfront tagħha, li tiddefinixxi "proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha" biss bl-Att ta’ l-1976, li l-Artikolu 8 tiegħu jirreferi, għall-kwistjonijiet mhux regolati minn dan l-att, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Peress li l-Att ta’ l-1976 ma jiddefinixxix il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huwa b’mod kumpatibbli ma’ dan l-Att li din il-kwistjoni setgħet tiġi rregolata mill-EPRA 2003.

51      L-Artikolu 19(2) KE, li jirrikonoxxi fil-konfront taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni d-dritt għall-vot fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu, u d-Direttiva 93/109, li tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat dan id-dritt, mipprekludux l-għoti tad-dritt għall-vot lil-persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Unjoni. Ir-Renju Unit jirreferi għat-tielet premessa tad-Direttiva 93/109, li tipprovdi li d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew fl-Istat ta’ residenza, "huwa eżempju fejn ikun qed jiġi applikat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini u dawk li m’humiex u r-riżultat tad-dritt tal-moviment u r-residenza libera". B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet ifittxu essenzjalment li jneħħu l-kundizzjoni tan-nazzjonalità, iżda mhux li jiddefinixxu d-dritt għall-vot.

52      Minbarra dan, l-Artikoli 189 KE u 190 KE ma jsemmux iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, iżda jużaw l-espressjoni "popli ta’ l-Istati miġbura flimkien fil-Komunità", li mhux bilfors trid tiftiehem bħala sinonimu ta’ "ċittadini ta’ l-Istati Membri" iżda li wkoll tista’ tiddefinixxi numru ta’ persuni usa’, bħall-persuni residenti f’territorju partikolari. Ir-Renju Unit iqis li, minkejja li kien possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu emendati, b’mod partikolari waqt l-adozzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, il-kliem "ċittadini" jew "ċittadini ta’ l-Unjoni" ma ntużawx. Għalhekk, ma tistax tiġi invokata interpretazzjoni storika u, ma tistax tiġi stabbilita rabta bejn iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u d-dritt għall-vot għall-Parlament Ewropew abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

53      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-Artikoli ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv, kif isostni r-Renju ta’ Spanja. Mhux f’kull Stat Membru teżisti rabta bejn il-leġittimità tal-poter pubbliku u n-nazzjonalità. Għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-metodi differenti, bħal dawk li jirriżultaw mit-tradizzjoni kostituzzjonali tar-Renju Unit.

54      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 17(2) KE, dan ma jipprovdix li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni biss jiddisponu minn drittijiet mogħtija mit-Trattat. Ir-Renju Unit, sostnut mill-Kummissjoni, iqis f’dan ir-rigward li t-Trattat jagħti lill-persuni li mgħandhomx il-kwalifika ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni ċertu drittijiet, bħad-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew jew id-dritt li jindirizzaw lill-Ombudsman Ewropew. Ir-Renju Unit iqis ukoll li l-Istati Membri jistgħu jestendu lil tali persuni drittijiet mogħtija mit-Trattat liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, bħad-dritt għall-protezzjoni ta’ l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari. Dan japplika wkoll għad-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja politika li tista’ tingħata minn Stat Membru lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Ma jsegwix minn dan "żmembrament taċ-ċittadinanza ta’ l- Unjoni".

55      Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward li ma jistax jiġi rrilevat ksur tal-kunċett ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni ħlief fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet taċ-ċittadini, jew minħabba ċaħda ċara u sempliċi ta’ dawn id-drittijiet, jew minħabba xkiel għall-eżerċizzju tagħhom. Il-fatt li Stat Membru, minħabba l-istorja u t-tradizzjoni kostituzzjonali tiegħu, jestendi d-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, b’ċertu kundizzjonijiet, lil residenti ta’ pajjiżi terzi li magħhom għandu rabtiet storiċi partikolari ma jiksirx id-dritt għall-vot taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. Ir-Renju Unit jippreċiża li l-estensjoni tad-dritt għall-vot lill-QCC hija mingħajr effett fuq l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jew fuq Stati Membri oħra u taffettwa biss l-identità tar-rappreżentanti li jkunu ġejjin mill-kostitwenzi Britanniċi eletti fil-Parlament Ewropew.

56      Ir-Renju Unit, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-Artikolu 39(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, safejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqisha rilevanti għal din il-kawża, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ l-Artikolu 53 ta’ din il-Karta. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-ifformular ta’ l-Artikolu 39 ta’ din il-Karta ma jistax jiġi kkunsidrat fih innifsu bħala l-prova ta’ limitazzjoni tad-dritt għall-vot għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni biss. Kemm ir-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jinterpretaw din id-dispożizzjoni bħala li ma tippermettix il-limitazzjoni tad-dritt għall-vot li huwa rikonoxxut attwalment minn Stat Membru favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

57      Fir-rigward tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, ir-Renju Unit isostni li dan għadu ma daħalx fis-seħħ u li, għalhekk, mhuwiex rilevanti. Minbarra dan, la l-Artikolu I-20 u lanqas l-Artikolu I‑46 ta’ dan it-Trattat ma jippretendu, ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn, li jeskludu lic-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mid-dritt għall-vot u lanqas li jippreskrivu l-mod kif l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-vot. L-Artikolu III-330 li, bħall-Artikolu 190(4) KE, jagħti lill-Kunsill il-poter li jadotta miżuri għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ma jfittix li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kunsill. F’kull każ, jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet unilaterali annessi ma’ din il-Kostituzzjoni, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni Nru 48 tar-Renju Unit fuq id-dritt għall-vot għall-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej, li l-Istati Membri ma kinux jaqblu fuq il-kwistjoni tad-dritt għall-vot taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

58      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li, jekk il-kunċett ta’ ċittadinanza hija fundamentali għall-Unjoni, l-istess japplika għall-obbligu ta’ l-Unjoni li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-membri tagħha. L-Artikolu 8 ta’ l-Att ta’ l-1976 jikkonferma dan il-prinċipju billi jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura elettorali jistgħu eventwalment jieħdu in kunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Permezz ta’ l-ewwel raġuni tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-Renju Unit kiser l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE billi ta lill-QCCs residenti f’Ġibiltà d-dritt għall-vot u li jkunu eletti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Din ir-raġuni hija bbażata fuq il-premessa li dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jistabilixxu rabta bejn ċittadinanza ta’ l-Unjoni u dritt għall-vot kif ukoll għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew, l-eżistenza ta’ din ir-rabta għandha bħala konsegwenza li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni biss jistgħu jkunu intitolati għal dan id-dritt.

60      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li r-Renju Unit adotta l-leġiżlazzjoni kkontestata mir-Renju ta’ Spanja biex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq.

61      Hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Frar 2002, ir-Renju Unit intrabat biex "jiżgura li jsiru l-emendi neċessarji sabiex jiġi permess lill-eletturi ta’ Ġibiltà li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala parti minn kostitwenza eżistenti tar-Renju Unit u bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi l-oħra ta’ din il-kostitwenza".

62      Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, li dwarha mhuwiex ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja li tirrifletti ftehim milħuq bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u li minbarra dan ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-ksur tagħha permezz tat-tieni raġuni tiegħu, ir-Renju Unit adotta, għal Ġibiltà, leġiżlazzjoni li tipprovdi l-istess kundizzjonijiet dwar id-dritt għall-vot u għall-kandidatura bħal dawk ipprovduti mil-leġiżlazzjoni applikabbli fir-Renju Unit. L-espressjoni "eletturi ta’ Ġibiltà" hija fil-fatt mifhuma bħala referenza għall-kunċett ta’ eletturi kif iddefinita mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.

63      Għal raġunijiet marbuta mat-tradizzzjonimat-tradizzjoni kostituzzjonali tiegħu, ir-Renju Unit għamel l-għażla, kemm għall-elezzjonijiet nazzjonali fir-Renju Unit kif ukoll għall-elezzjonijiet tal-Parlament ta’ Ġibiltà, li jagħti d-dritt għall-vot u għall-kandidatura lill-QCCs li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li juru rabta speċifika mat-territorju li għalih huma organizzati l-elezzjonijiet.

64      F’dan ir-rigward jeħtieġ jiġi kkunsidrat li, minħabba fil-fatt li s-Sinjura Matthews, "bħala residenti ta’ Ġibiltà, ġiet miċħuda minn kull possibiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq l-għażla tal-membri tal-Parlament Ewropew", il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat in-nuqqas ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew organizzati f’Ġibiltà bħala li jmur kontra l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB.

65      Skond ir-Renju ta’ Spanja, l-estensjoni tad-dritt għall-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew lil persuni li m’għandhomx il-kwalifika ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni tikser l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE. L-Artikoli 189 KE u 190 KE ma jindikawx b’mod espliċitu u preċiż min huma l-benefiċjarji tad-dritt għall-vot u tal-kandidatura għall-Parlament Ewropew.

66      Fir-rigward ta’ l-Artikoli 17 KE u 19 KE, li jagħmlu parti mit-Tieni Parti tat-Trattat, dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, hija biss l-aħħar waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li ttrattat b’mod speċifiku, fit-tieni paragrafu tagħha, id-dritt għall-vot fil-Parlament Ewropew. Dan l-Artikolu jillimita ruħu biex japplika l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, billi jipprovdi li kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li mhuwiex ċittadin tiegħu għandu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat.

67      L-Artikolu 190(4) KE jirrigwarda l-proċedura għal dawn l-elezzjonijiet. Huwa jippreċiża li l-elezzjoni ssir b’vot dirett universali skond proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

68      L-Att ta’ l-1976 jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu, li l-membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti fuq il-bażi ta’ rappreżentanza proporzjonali u li l-elezzjoni sseħħ b’vot dirett universali, ħieles u sigriet. Skond l-Artikolu 2 ta’ dan l-att, l-Istati Membri jistgħu, skond sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi, jistabbilixxu kostitwenzi għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jew jipprovdu għal suddiviżjonijiet oħra tad-distretti elettorali, mingħajr ma jaffettwaw kumplessivament il-proporzjonalità tas-sistema tal-votazzjoni. Skond l-Artikolu 3 ta’ dan l-att, huma jistgħu jistabbilixxu limitu minimu għall-allokazzjoni ta’ siġġijiet.

69      L-Artikolu 8 ta’ l-Att ta’ l-1976 jippreċiża li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att, il-proċedura elettorali hija rregolata, f’kull Stat Membru, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali; iżda dawn, li eventwalment jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni karatteristiċi partikolari fl-Istati Membri, m’għandhomx kumplessivament ifixklu l-proporzjonalità tas-sistema tal-votazzjoni.

70      Madankollu, la l-Artikolu 190 KE u lanqas l-Att ta’ l-1976 ma jiddetermina b’mod espliċitu u preċiż min huma l-benefiċjarji tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew. Bħala tali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li persuna li m’għandhiex il-kwalifika ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, bħal QCC residenti f’Ġibiltà, tibbenifika mid-dritt għall-vot u għall-kandidatura. Fl-istess ħin jeħtieġ jiġi vverifikat jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, teżistix rabta manifesta bejn iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u d-dritt għall-vot u għall-kandidatura, ħaġa li timponi li dan id-dritt ikun dejjem irriżervat għaċ-ċittadini ta l-Unjoni.

71      F’dan ir-rigward, ma tista’ tiġi dedotta edba konklużjoni ċara mill-Artikoli 189 KE u 190 KE, dwar il-Parlament Ewropew, li jindikaw li dan huwa magħmul minn rappreżentanti tal-popli ta’ l-Istati Membri, billi l-kelma "popli", li mhijiex definita, jista’ jkollha tifsiriet differenti skond l-Istati Membri u l-lingwi ta’ l-Unjoni.

72      Fir-rigward ta’ l-Artikoli tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, ma jistax jiġi dedott minnhom prinċipju li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma l-uniċi benefiċjarji tad-dispożizzjonijiet kollha l-oħra tat-Trattat, li jkun ifisser li l-Artikoli 189 KE u 190 KE japplikaw għal dawn iċ-ċittadini biss.

73      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 17(2) KE jipprovdi li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jgawdu minn drittijiet u huma suġġetti għall-obbligi previsti mit-Trattat, għandu jiġi kkonstatat li dan ta’ l-aħħar jirrikonoxxi drittijiet li mhumiex marbutin mal-kwalifika ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni jew ta’ ċittadin ta’ Stat Membru. Għalhekk, per eżempju, l-Artikoli 194 KE u 195 KE jistipolaw li d-dritt li tiġi ppreżentata petizzjoni lill-Parlament Ewropew jew li jitressaq ilment lill-Ombudsman mhuwiex irriservat għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, iżda jista’ jiġi eżerċitat minn "kull persuna fiżika jew legali li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru".

74      Barra minn hekk, għalkemm l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u b’hekk jippermetti lil dawk fosthom li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, C-184/99, Grzelczyk, Ġabra p. I-6193, punt 31), dan mhux neċċessarjament iwassal għall-konsegwenza li d-drittijiet rikonoxxuti mit-Trattat huma rriservati għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

75      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Kaur, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tfakkar l-importanza tad-dikjarazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit rigward id-definizzjoni tal-kelma "ċittadini" għall-partijiet kontraenti l-oħra tat-Trattat dwar l-adeżjoni mal-Komunitajiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, tindika, fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li din id-dikjarazzjoni tippermetti li jiġi determinat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma s-suġġett ta’ dan it-Trattat. Moqrija fil-kuntest tagħha, b’mod iktar partikolari flimkien mal-punt 22 ta’ l-istess sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, bid-dikjarazzjoni ta’ l-1972, ir-Renju Unit indika lill-partijiet kontraenti l-oħra liema kienu l-kategoriji ta’ ċittadini li jridu jiġu kkunsidrati bħala ċittadini tiegħu skond id-dritt Komunitarju, din il-frażi tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirreferu għall-kunċett ta’ "ċittadin", bħad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni, in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tat lok għal din is-sentenza, u mhux id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, kif isostni r-Renju ta’ Spanja.

76      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 19(2) KE wkoll invokat mir-Renju ta’ Spanja in sostenn tat-teżi tiegħu li teżisti rabta bejn iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew, dan jillimita ruħu, kif huwa mfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, għal dikjarazzjoni ta’ regoli ta’ trattament ugwali bejn iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni residenti fi Stat Membru għal dak li jirrigwarda dan id-dritt għall-vot u għall-kandidatura. Għalkemm din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 19(1) KE dwar id-dritt għall-vot u għall-kandidatura taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għall-elezzjonijiet muniċipali, jimplika li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru jibbenfikaw mid-dritt għall-vot u għall-kandidatura fil-pajjiż tagħhom stess u jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrikonoxxu dawn id-drittijiet liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni residenti fit-territorju tagħhom, minn dan ma jistax jiġi dedott li Stat Membru li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-Renju Unit huwa prekluż milli jagħti d-dritt għall-vot u għall-kandidatura lil persuni speċifiċi li għandhom rabta stretta miegħu mingħajr il-kwalifika ta’ ċittadini ta’ dan l-Istat jew ta’ Stat Membru ieħor.

77      Minbarra dan, billi n-numru ta’ rappreżentanti eletti f’kull Stat Membru huwa stabbilit mill-Artikolu 190(2) KE u billi, fl-istatus attwali tad-dritt Komunitarju, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma organizzati f’kull Stat Membru għar-rappreżentanti eletti f’dan l-Istat, estensjoni, minn Stat Membru, tad-dritt għall-vot f’dawn l-elezzjonijiet lil persuni oħra li mhumiex ċittadini tiegħu jew ċittadini ta’ l-Unjoni residenti fit-territorju tiegħu taffettwa biss l-għażla tar-rappreżentanti eletti f’dan l-Istat Membru u m’għandha rilevanza la fuq l-għażla u lanqas fuq in-numru ta’ rappreżentanti eletti fl-Istati Membri l-oħra.

78      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li, fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, id-determinazzjoni ta’ min huwa intitolat għad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew huwa ta’ kompetenza ta’ kull Stat Membru filwaqt li jirrispetta d-dritt Komunitarju, u li l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE ma jipprekludux li l-Istati Membri jagħtu dan id-dritt għall-vot u għall-kandidatura lil persuni partikolari li għandhom rabtiet mill-qrib magħhom, minbarra liċ-ċittadini tagħhom jew liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju tagħhom.

79      Għal raġunijiet marbuta mat-tradizzjoni kostituzzjonali tiegħu, ir- r-Renju Unit għażel li jagħti d-dritt għall-vot u għall-kandidatura lil QCCs li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li juru rabta speċifika mat-territorju li għalih huma organizzati l-elezzjonijiet. Fin-nuqqas, fit-Trattati Komunitarji, ta’ dispożizzjonijiet li jindikaw b’mod espliċitu u preċiż il-benefiċjarji tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew, ma jidhirx li l-għażla tar-Renju Unit li jittrasponi għall-elezzjonijiet ta’ dan il-Parlament organizzat f’Ġibiltà il-kundizzjonijiet għall-vot u għall-kandidatura previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kemm għall-elezzjonijiet nazzjonali fir-Renju Unit kif ukoll għall-elezzjonijiet għall-Parlament ta’ Ġibiltà tmur kontra d-dritt Komunitarju.

80      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma stabbilixxiex li r-Renju Unit kiser l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE meta adotta l-EPRA 2003 li jipprovdi, f’dak li jirrigwarda Ġibiltà, li QCCs residenti f’dan it-territorju, li m’għandhomx il-kwalifika ta’ ċittadin Komunitarju, għandhom id-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-Parlament Ewropew. Konsegwentement, l-ewwel raġuni mhijiex fondata.

 Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-Att ta’ l-1976 u ta’ l-obbligi meħuda mir-Renju Unit fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Frar 2002

81      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, billi permezz ta’ l-EPRA 2003, ir-Renju Unit ma llimitax ruħu li jinkludi l-eletturi residenti f’Ġibiltà ma’ kostitwenza elettorali Britannika inkwantu huma persuni li għandhom nazzjonalità Britannika skond id-dikjarazzjoni ta’ l-1982, iżda billi dan l-Att jipprovdi li t-territorju ta’ Ġibiltà għandu jiġi inkluż f’kostitwenza elettorali eżistenti fl-Ingilterra jew f’Wales, ir-Renju Unit kiser l-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976 u d-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Frar 2002.

82      Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar l-istatus ta’ Ġibiltà kif iddefinit mill-Artikolu X tat-Trattat ta’ Utrecht u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ preferenza rikonoxxut lir-Renju ta’ Spanja permezz ta’ l-aħħar frażi ta’ dan l-Artikolu. Huwa jippreċiża li, fl-1830, ir-Renju Unit ta lil Ġibiltà l-istatus ta’ kolonja tal-Kuruna (Crown colony) u li, meta ġew stabbiliti n-Nazzjonijiet Uniti fl-1946, Ġibiltà ġiet imniżżla bħala "territorju mhux awtonomu" skond il-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Minbarra dan, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar in-negozjati li għaddejjin bejnu u r-Renju Unit dwar id-dekolonizzazzjoni ta’ Ġibiltà.

83      Skond ir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) ta’ l-24 ta’ Ottubru 1970, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, it-territorju ta’ kolonja għandu jkollu status separat u distint minn dak tat-territorju li jamministrah. L-Anness I ta l-Att ta’ l-1976 huwa applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Skond, ir-Renju ta’ Spanja, l-EPRA 2003 jikser l-istatus internazzjonali ta’ Ġibiltà u l-Anness ta’ l-Att ta’ l-1976 billi fih regolament dwar it-territorju ta’ Ġibiltà. Hekk kif jispjega r-rappreżentant tar-Renju ta’ Spanja fis-seduta, il-pożizzjoni ta’ Ġibiltà hija pożizzjoni ta’ kolonja u r-rikonoxximent ta’ territorju elettorali distint huwa pass lejn l-indipendenza li jmur kontra r-regoli internazzjonali li jirregolaw din il-kolonja.

84      Skond irSkond ir-Renju ta’ Spanja, għalkemm l-Artikolu 9 ta’ l-EPRA 2003 mhuwiex neċessarjament kuntrarju għall-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976 inkwantu jipprovdi għall-inklużjoni tat-territorju ta’ Ġibiltà f’reġjun elettorali fl-Ingilterra jew f’Wales, dan mhuwiex il-każ ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni, li jirreferu biss għal Ġibiltà. Għalhekk, l-Artikolu 14 jipprovdi għaż-żamma ta’ reġistru ta’ eletturi f’Ġibiltà, taħt ir-responsabbiltà tar-reġistratur tal-Parlament ta’ Ġibiltà, u mhux taħt dik ta’ aġent tal-Kuruna Britannika. Bl-istess mod, id-dritt li wieħed ikun imniżżel fir-reġistru ta’ Ġibiltà huwa definit fir-rigward tat-territorju ta’ Ġibiltà u d-dritt għall-vot huwa pprovdut f’Ġibiltà. Il-qrati lokali ta’ Ġibiltà huma kompetenti għas-smigħ ta’ kawżi dwar elezzjonijiet. Fl-aħħar, l-Artikolu 28(2) ta’ l-EPRA 2003 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu bħala r-Renju Unit u Ġibiltà. Għalhekk hemm applikazzjoni territorjali tad-dispożizzjonijiet dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew filwaqt li Ġibiltà hija eskluża mill-Att ta’ l-1976 .

85      Fid-dawl ta’ l-inkonsistenzi ta’ l-EPRA 2003 ma’ l-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976, ir-Renju ta’ Spanja jqis li r-Renju Unit kiser id-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Frar 2002, dikjarazzjoni unilaterali li toħloq obbligu ta’ dritt internazzjonali min-naħa ta’ dan l-Istat Membru lejn ir-Renju ta’ Spanja, li permezz tiegħu jintrabat, sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, li jagħmel l-emendi neċċessarji sabiex jippermetti lill-elettorat ta’ Ġibiltà jivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bħala parti minn kostitwenza elettorali fir-Renju Unit skond id-dritt Komunitarju. Skond ir-Renju ta’ Spanja, kien ikun biżżejjed għar-Renju Unit li jgħaqqad l-elettorat ta’ Ġibiltà f’kostitwenza elettorali tar-Renju Unit, mingħajr ma jagħmel referenza għat-territorju ta’ Ġibiltà.

86      Ir-Renju Unit, sostnut mill-Kummissjoni, ifakkar il-bżonn li l-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976 jiġi interpretat, kemm jista’ jkun, fid-dawl u skond id-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għal parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet rikonoxxut mill-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq. Sabiex iwettaq l-obbligu li huwa għandu skond il-KEDB, hekk kif interpretat f’din is-sentenza, u filwaqt li jinżamm amment tar-rifjut espress mir-Renju ta’ Spanja li jitneħħa l-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976, ir-Renju Unit intrabat, permezz tad-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Frar 2002, li jiżgura li jsiru l-emendi neċessarji sabiex jiġi permess lill-eletturi ta’ Ġibiltà li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi ta’ kostitwenza elettorali eżistenti fir-Renju Unit.

87      Ir-Renju Unit iqis li ma kisirx dan l-obbligu. Ġibiltà ġiet inkluża fil-kostitwenza elettorali tal-Lbiċ ta’ l-Ingilterra skond rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni elettorali wara konsultazzjoni pubblika. Il-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti biex wieħed ikun elettur huma l-istess bħal dawk previsti mil-liġi elettorali tar-Renju Unit, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ ċittadinanza, ta’ residenza u ta’ inklużjoni fir-reġistru elettorali. Dawn il-kundizzjonijiet ġew sempliċiment adattati, mutatis mutandis, għall-eletturi ta’ Ġibiltà.

88      Skond ir-Renju Unit, it-teknika użata, inkwantu tirreferi għat-territorju ta’ Ġibiltà b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-post fejn jirrisjedi l-elettur, hija parti mis-sistema elettorali Britannika u m’għandhiex l-effett li Ġibiltà tiġi tidher li hija bħala parti mir-Renju Unit. Fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet elettorali jew iż-żamma tar-reġistru elettorali, ir-Renju Unit jqis li l-lokalizzazzjoni tagħhom f’Ġibiltà hija intiża biex tippermetti lill-eletturi ta’ Ġibiltà li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi l-oħra tar-reġjun tal-Lbiċ ta’ l-Ingilterra, jiġifieri qrib fejn jirrisjedu.

89      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-marġni ta’ diskrezzjoni li titħalla lill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà hija mnaqqsa u li l-EPRA 2003 jipprovdi garanziji li jiżguraw kontroll suffiċjenti mill-awtoritajiet Britanniċi.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Hekk kif huwa mfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, ir-Renju Unit adotta l-leġiżlazzjoni kkontestata mir-Renju ta’ Spanja biex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li r-Renju Unit kien obbligat jirrispetta dan l-obbligu, minkejja l-Anness I ta’ l-Att ta’ l-1976. Minbarra dan, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li d-dikjarazzjoni tar-Renju Unit tat-18 ta’ Frar 2002 tirrifletti ftehim bejn dawn iż-żewġ Stati Membri fuq il-kundizzjonijiet li fihom ir-Renju Unit kellu jikkonforma ma’ din is-sentenza. Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħadu att ta’ din id-dikjarazzjoni.

91      F’din id-dikjarazzjoni, ir-Renju Unit intrabat li "jiżgura li jsiru l-emendi neċessarji sabiex jiġi permess lill-eletturi ta’ Ġibiltà li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala parti minn kostitwenza eżistenti tar-Renju Unit u bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi l-oħra ta’ din il-kostitwenza".

92      Hekk kif ġustament sostnew ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, l-espressjoni "bl-istess kundizzjonijiet" ma tistax tinftiehem fis-sens li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit hija applikabbli, mingħajr ma tiġi adattata, għall-eletturi ta’ Ġibiltà billi dawn jiġu assimilati ma’ l-eletturi tal-kostitwenza elettorali tar-Renju Unit li magħhom huma inklużi. Tali ipoteżi timplika fil-fatt li d-dritt għall-vot u għall-kandidatura jkunu definiti b’relazzjoni mat-territorju tar-Renju Unit, li l-eletturi jkollhom jivvjaġġaw sar-Renju Unit biex jikkonsultaw ir-reġistru elettorali, jivvutaw fir-Renju Unit jew bil-posta u jippreżentaw kawżi dwar kwistjonijiet elettorali quddiem il-qrati tar-Renju Unit.

93      Għall-kuntrarju, huwa sabiex jiġu rispettati r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-"istess kundizzjonijiet" li r-Renju Unit ttraspona l-leġiżlazzjoni tiegħu f’Ġibiltà u adattaha, mutatis mutandis, għal dan it-territorju. Għalhekk, elettur ta’ Ġibiltà jinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ elettur tar-Renju Unit u m’għandux jiltaqa’ ma’ diffikultajiet marbuta ma’ l-istatus ta’ Ġibiltà, li ma jippermettulux jeżerċita dan id-dritt għall-vot jew jiġi dissważ milli jagħmel dan.

94      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, kif jirriżulta minn punt 63 tas-sentenza Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, l-Istati kontraenti jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jimponu kundizzjonijiet għad-dritt għall-vot. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux inaqqsu d-drittijiet in kwistjoni sal-punt li jintlaqtu fis-sustanza tagħhom u li jiġu miċħuda mill-effettività tagħhom. Għandhom isegwu għan leġittimu u r-raġunijiet għalihom ma jistgħux ikunu sproporzjonati (ara wkoll, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Mathieu-Mohin u Clerfayt vs Il-Belġju tat-2 ta’ Marzu 1987, serje A Nru 113, punt 52, u Melnitchenko vs L-Ukrajna tad-19 ta’ Ottubru 2004, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2004-X, punt 54).

95      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-fatt li din il-qorti ddikjarat li n-nuqqas ta’ organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġibiltà jmur kontra l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, billi jċaħħad "lir-rikorrenti, bħala residenti ta’ Ġibiltà" minn kull possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq l-għażla tal-membri tal-Parlament Ewropew ir-Renju Unit ma jistax jiġi kkritikat talli adotta l-leġiżlazzjoni neċessarja għall-organizzazzjoni ta’ tali elezzjonijiet b’kundizzjonijiet ekwivalenti, mutatis mutandis, għal dawk ipprovduti mil-leġiżlazzjoni applikabbli fir-Renju Unit.

96      Raġuni oħra għaliex it-trasposizzjoni għat-territorju ta’ Ġibiltà, mutatis mutandis, tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma tistax tiġi kkontestata hija li, hekk kif jirriżulta minn punt 59 tas-sentenza Matthews vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma sabet l-ebda element, fl-istatus ta’ Ġibiltà, li juri li hemm bżonnijiet lokali li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 56(3) tal-KEDB, għall-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għal territorju li Stat kontraenti huwa responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu.

97      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li lanqas it-tieni raġuni tar-Renju ta’ Spanja ma huwa fondat.

 Fuq l-ispejjeż

98      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju Unit. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4), il-Kummissjoni, li interveniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.