Language of document : ECLI:EU:C:2010:816

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Proprjetà intellettwali – Direttiva 91/250/KEE – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Kunċett ta’ ‘kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal‑kompjuter’ – Inklużjoni jew nuqqas ta’ inklużjoni ta’ user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter – Drittijiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Xandir televiżiv ta’ user interface grafiku – Komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku”

Fil-Kawża C‑393/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Bezpečnostní softwarová asociace – Svaz softwarové ochrany

vs

Ministerstvo kultury,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bezpečnostní softwarová asociace – Svaz softwarové ochrany, minn I. Juřena, avukat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal‑14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Bezpečnostní softwarová asociace – Svaz softwarové ochrany (assoċjazzjoni għall-protezzjoni tas-software, iktar ’il quddiem il-“BSA”) u Ministerstvo kultury (Ministeru għall-Kultura), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lill-BSA l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur marbuta mal-programmi tal-kompjuter.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Skont l-Artikolu 10(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994 u li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar il konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ADPIC”):

“Programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew tal-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħolijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berna [(l-Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Berna’)].”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 91/250

4        Is-seba’, l-għaxar u l-ħdax‑il premessa tad-Direttiva 91/250 huma miktuba kif ġej:

“Billi, għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programm tal-kompjuter’ għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware; billi dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba li n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem;

[…]

Billi l-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u ma’ utenti u, għal dan l-iskop, interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn hu xieraq, waħda fiżika hija meħtieġa biex tippermetti l-elementi kollha tas-software u hardware li jaħdmu ma’ software u hardware ieħor u ma’ utenti fil-modi kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw;

Billi l-partijiet tal-programm li jipprovdu għal din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn l-elementi tas-software u l-hardware huma ġeneralment magħrufa bħala ‘interfaces’”.

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/250 jipprevedi:

“1.      Skont id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “programmi tal-kompjuter” għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.      Protezzjoni skont din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma [kull forma ta’ espressjoni] ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.      Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

 Id-Direttiva 2001/29

6        Id-disa’ u l-għaxar premessa tad-Direttiva 2001/29 jindikaw:

“Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi tal-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk irrikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi “fuq talba”, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.”

7        L-għoxrin u t-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2001/29 jippreċiżaw:

“Din id-Direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi preżentement fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttiva 91/250/KEE. Hija tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva..

[…]

Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt tal-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

2.      Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

a) il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom ”.

10      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Id-Direttiva 91/250 ġiet trasposta fis-sistema legali Ċeka permezz tal-Liġi Nru 121/2000 fuq id-drittijiet tal-awtur, fuq id-drittijiet relatati u fuq l-emenda ta’ ċerti liġijiet (zákon č. 121/2000 o právu autorském, o právech souvisejících s právem autorským a o změně některých zákonů), tas‑7 ta’ April 2000 (iktar ’il quddiem, il-“Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur”).

12      Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, id-drittijiet tal-awtur għandhom bħala suġġett kull xogħol letterarju u kull xogħol ieħor artistiku kreattiv tal-awtur espress f’xi forma li tkun oġġettivament perċepibbli, anki f’forma elettronika, permanenti jew provviżorja, indipendentement mill-portata, mill-iskop jew mill-importanza tiegħu.

13      L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija liġi jindika li l-programm tal-kompjuter huwa wkoll ikkunsidrat bħala xogħol jekk huwa jkun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess.

14      Skont l-Artikolu 65 tal-imsemmija liġi:

“1.      Il-programm tal-kompjuter, indipendentement mill-forma ta’ espressjoni tiegħu, inklużi l-elementi preparatorji ta’ disinn, huwa protett bħala xogħol letterarju.

2.      L-ideat u l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li huma l-bażi tal-konnessjoni tiegħu ma’ programm ieħor, ma humiex protetti taħt din il-leġiżlazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fid‑9 ta’ April 2001, il-BSA, fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni, ressqet quddiem il-Ministerstvo kultury talba sabiex tiġi awtorizzata tamministra b’mod kollettiv id-drittijiet patrimonjali tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter, skont l-Artikolu 98 tal-Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur. Il-BSA ddefiniet il-portata ta’ dawn id-drittijiet f’ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2001.

16      Din tal-aħħar ġiet rrifjutata bħalma ġie rrifjutat ir-rikors amministrattiv ippreżentat kontra dan ir-rifjut. Il-BSA għalhekk ippreżentat rikors ġudizzjarju kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Vrchní soud v Praze.

17      Wara l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet ta’ rifjut min-Nejvyšší správní soud, li quddiemha ġiet irrinvijata l-kawża, il-Ministerstvo kultury adotta, fl‑14 ta’ April 2004, deċiżjoni ġdida li permezz tagħha ċaħad mill-ġdid it-talba tal-BSA. Għalhekk din tal-aħħar ippreżentat rikors amministrattiv quddiem il-Ministerstvo kultury, li rtira din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

18      Fis‑27 ta’ Jannar 2005, il-Ministerstvo kultury adotta deċiżjoni ġdida li permezz tagħha huwa, għal darb’oħra, ċaħad it-talba tal-BSA, minħabba b’mod partikolari li, minn naħa, il-Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur tipproteġi biss il-kodiċi tal-oġġett u l-kodiċi tas-sors ta’ programm tal-kompjuter, iżda bl-ebda mod ma tipproteġi r-riżultat tad-dehera tal-programm fuq l-iskrin tal-kompjuter, peress li l-user interface grafiku huwa biss protett kontra l-kompetizzjoni żleali. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li l-amministrazzjoni kollettiva tal-programmi tal-kompjuter kienet ċertament teoretikament possibbli, iżda li l-amministrazzjoni kollettiva obbligatorja ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni u li l-amministrazzjoni kollettiva volontarja ma kinitx utli.

19      Il-BSA ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministerstvo kultury tas‑6 ta’ Ġunju 2005. Wara din iċ-ċaħda, din l-assoċjazzjoni kkontestat id-deċiżjoni msemmija l-aħħar quddiem il-Mĕstský soud v Praze. Fir-rikors tagħha, il-BSA sostniet li d-definizzjoni ta’ programm tal-kompjuter li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur tikkonċerna wkoll il-user interface grafiku. Skont l-assoċjazzjoni, programm tal-kompjuter huwa perċepibbli kemm fuq il-livell tal-kodiċi tal-oġġett jew tal-kodiċi tas-sors kif ukoll fuq il-livell tal-mezz ta’ komunikazzjoni (interface ta’ komunikazzjoni).

20      Peress li l-Mĕstský soud v Praze ċaħdet ir-rikors tagħha, il-BSA ppreżentat appell ulterjuri quddiem in-Nejvyšší správní soud. Il-BSA tikkunsidra li programm tal-kompjuter huwa suġġett għal użu meta dan jiġi ppreżentat permezz ta’ dehera fuq skrins u li, konsegwentement, tali użu għandu jiġi protett permezz tad-drittijiet tal-awtur.

21      Peress li kellha dubji rigward l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 91/250 u 2001/29, il-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finjiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter, bħala xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur skont l-imsemmija direttiva, ‘espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter’ għandha tfisser ukoll user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter jew parti minnu?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, xandir televiżiv li jippermetti lill-pubbliku perċezzjoni sensorjali tal-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter, jew parti minnu, għalkemm mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll attiv ta’ dan il-programm, huwa komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur, jew ta’ parti minnu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29]?”

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti tal-kawża prinċipali ġraw qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-ewwel deċiżjoni tal-Ministerstvo kultury ittieħdet fl‑20 ta’ Lulju 2001.

23      Madankollu, wara d-diversi rikorsi tal-BSA, il-Ministerstvo kultury adotta deċiżjoni ġdida tas‑27 ta’ Jannar 2005, li tiċħad mill-ġdid it-talba tal-BSA. Peress li din tal-aħħar ikkontestat, mingħajr ebda suċċess, din id-deċiżjoni l-ġdida quddiem il-Ministerstvo kultury, hija ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li tikseb l-annullament tagħha.

24      Għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali ttieħdet wara d-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, li hija tirregola sitwazzjoni fil-futur u mhux fil-passat, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic, C‑64/06, Ġabra p. I‑4887, punt 21).

25      Peress li d-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħala prinċipju, mingħajr ma jkun neċessarju li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali ħassewhom fid-dmir li jressqulha d-domandi kif ukoll jipproponu li japplikaw id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu talbuha tinterpreta (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1996, Reisdorf, C‑85/95, Ġabra p. I‑6257, punt 15, u Telefónica O2 Czech Republic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

26      Pożizzjoni differenti tittieħed biss fil-każjiet fejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li jkunu seħħew qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni jew fejn ikun evidenti li l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx applikabbli (ara s-sentenza Telefónica O2 Czech Republic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

27      Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-direttivi invokati mill-qorti tar-rinviju u hemm lok li tingħata risposta għad-domandi mressqha minnha.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter huwiex forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u jibbenefikax, għaldaqstant, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ programmi tal-kompjuter kif jirriżulta minn din id-direttiva.

29      Id-Direttiva 91/250 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter”.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit fid-dawl tat-termini u tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 fejn dan jinsab, kif ukoll fid-dawl kemm tal-għanijiet ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha kif ukoll tad-dritt internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, punt 32).

31      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250, il-programmi tal-kompjuter huma protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jestendi tali protezzjoni għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter.

32      L-ewwel sentenza tas-seba’ premessa tad-Direttiva 91/250 tindika li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, it-terminu “programm tal-kompjuter” għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware.

33      F’dan ir-rigward, hemm lok li jsir riferiment għall-Artikolu 10(1) tal-Ftehim ADPIC, li jipprevedi li l-programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew tal-oġġett, għandhom ikunu protetti bħallikieku huma xogħlijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berna.

34      Minn dan jirriżulta li l-kodiċi tas-sors u l-kodiċi tal-oġġett ta’ programm tal-kompjuter huma forom ta’ espressjoni tal-programm tal-kompjuter, li ħaqqhom, konsegwentement, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250.

35      Għaldaqstant, l-għan tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva jirrigwarda l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha ta’ espressjoni tiegħu, li jippermettu li dan jiġi riprodott fid-diversi lingwi tal-informatika, bħall-kodiċi tas-sors u l-kodiċi tal-oġġett.

36      Jeħtieġ ukoll li tiġi enfasizzata t-tieni sentenza tas-seba’ premessa tad-Direttiva 91/250, li tipprovdi li t-terminu “programm tal-kompjuter” jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba n-natura tax-xogħol preparatorju tkun tali li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju iktar ’il quddiem.

37      B’dan il-mod, l-għan tal-protezzjoni tad-Direttiva 91/250 ikopri l-forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll ix-xogħlijiet preparatorji ta’ disinn li jistgħu jwasslu rispettivament għar-riproduzzjoni jew il-ħolqien ulterjuri ta’ tali programm.

38      Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijet tiegħu, kull forma ta’ espressioni ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun protetta sa mill-mument meta r-riproduzzjoni tagħha tirriżulta fir-riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter innifsu, u b’hekk tippermetti wkoll li l-kompjuter iwettaq il-funzjoni tiegħu.

39      Skont l-għaxar u l-ħdax il-premessa tad-Direttiva 91/250, l-interfaces huma partijiet mill-programm tal-kompjuter li jiżguraw l-interkonnessjoni u l-interazzjoni tal-elementi kollha tas-software u hardware ma’ software u hardware ieħor kif ukoll mal-utenti bil-għan li jiġi permess il-funzjonament sħiħ tal-imsemmija software u l-hardware.

40      B’mod partikolari, il-user interface grafiku huwa interface ta’ interazzjoni, li jippermetti komunikazzjoni bejn il-programm tal-kompjuter u l-utent.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-user interface grafiku ma jippermettix li jiġi riprodott dan il-programm tal-kompjuter, iżda jikkostitwixxi sempliċiment element tal-programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il-funzjonalitajiet tal-imsemmi programm.

42      Għaldaqstant dan l-interface ma jikkostitwixxix forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u, konsegwentement, ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni speċifika tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter taħt din id-direttiva.

43      Madankollu, anki jekk il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu użati sabiex il-kawża li hija jkollha quddiemha tiġi deċiża, indipendentement minn jekk hija tagħmilx jew le riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Alevizos, C‑392/05, Ġabra p. I‑3505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi vverifikat jekk il-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter jistax jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-dritt komuni skont id-Direttiva 2001/29.

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet tal-awtur fis-sens tad-Direttiva 2001/29 jistgħu japplikaw biss fir-rigward ta’ xogħol li huwa oriġinali fis-sens li huwa ħolqien intellettwali tal-awtur stess (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 sa 37).

46      Konsegwentment, il-user interface grafiku jista’ jibbenefika, inkwantu xogħol, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jekk huwa ħolqien intellettwali tal-awtur stess.

47      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża miġjuba quddiemha.

48      Fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni jew il-konfigurazzjoni speċifika tal-komponenti kollha li jiffurmaw parti mill-user interface grafiku bil-għan li tiddetermina liema minnhom jissodisfaw il-kriterju tal-oriġinalità. F’dan ir-rigward, dan il-kriterju ma jistax jiġi sodisfatt mill-komponenti tal-user interface grafiku li huma karatterizzati unikament mill-funzjoni teknika tagħhom.

49      Fil-fatt, kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-espressjoni tal-imsemmija komponenti tkun iddettata mill-funzjoni teknika tagħhom, il-kriterju tal-oriġinalità ma huwiex sodisfatt, peress li l-modi differenti sabiex tiġi implementata idea huma tant limitati li l-idea u l-espressjoni jitfixklu.

50      F’tali sitwazzjoni, il-komponenti tal-user interface grafiku ma jippermettix lill-awtur li jesprimi l-ispirtu kreattiv tiegħu b’mod oriġinali u li jwassal għal riżultat li jikkostitwixxi ħolqien intellettwali ta’ dan l-awtur stess.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-user interface grafiku ma jikkostitwixxix forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq programmi tal-kompjuter taħt din id-direttiva. Madankollu, tali interface jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol, taħt id-Direttiva 2001/29, jekk dan l-interface jikkostitwixxi ħolqien intellettwali tal-awtur stess.

 Fuq it-tieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ix-xandir televiżiv ta’ user interface grafiku huwiex komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

53      Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jista’ jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

54      Mit-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jinftiehem f’sens wiesa’. Tali interpretazzjoni hija barra minn dan indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-imsemmija direttiva, liema għan, hekk kif jirriżulta mid-disa’ u l-għaxar premessa, huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni favur, fost oħrajn, l-awturi, li jippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 36).

55      Għaldaqstant, fil-prinċipju, ix-xandir televiżiv ta’ xogħol huwa komunikazzjoni lill-pubbliku li l-awtur tiegħu għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi.

56      Barra minn dan, mill-punt [46] ta’din is-sentenza jirriżulta li l-user interface grafiku jista’ jikkostitwixxi ħolqien intellettwali tal-awtur stess.

57      Madankollu, jekk, fil-kuntest tax-xandir televiżiv ta’ trażmissjoni, jintwera user interface grafiku t-telespettaturi jirċievu l-komunikazzjoni ta’ dan il-user interface grafiku unikament b’mod passiv, mingħajr il-possibbiltà li jintervjenu. Huma ma jistgħux jużaw il-funzjoni tal-imsemmi interface, li tikkonsisti fl-interazzjoni bejn il-programm tal-kompjuter u l-utent. Peress li, permezz tax-xandir televiżiv, il-user interface grafiku ma jitqiegħedx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkomponu dan tal-aħħar ikun jista’ jkollhom aċċess għall-element essenzjali li jikkaratterizza l-interface, jiġifieri l-interazzjoni mal-utent, ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku tal-user interface grafiku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

58      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li x-xandir televiżiv ta’ user interface grafiku ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-user interface grafiku ma jikkostitwixxix forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250/KEE, tal‑14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter u ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq programmi tal-kompjuter skont din id-direttiva. Madankollu, tali interface jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol, bis-saħħa tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jekk dan l-interface jikkostitwixxi ħolqien intellettwali tal-awtur stess.

2)      Ix-xandir televiżiv ta’ user interface grafiku ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.