Language of document : ECLI:EU:C:2018:240

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ April 2018 (1)

Kawża C115/17

Administration des douanes et droits indirects

u

Etablissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

vs

Hubert Clergeau et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il‑Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli – It-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ ċanga u vitella bla għadma – Ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni miksuba permezz ta’ manuvri jew dikjarazzjonijiet foloz li jikkonċernaw in-natura tal-oġġetti esportati – Oġġetti li, fid-data li fiha ġew ssottomessi d-dikjarazzjonijiet foloz, ma kinux jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni, iżda li sussegwentement ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha wara emenda fil-leġiżlazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Tista’ tiġi ssanzjonata persuna li, permezz ta’ dikjarazzjoni falza dwar l-oġġetti esportati minnha tkun kisbet, b’mod frawdolenti, appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, jekk l-oġġetti li effettivament ġew esportati fiż-żmien li fih twettaq il-ksur ma kinux eliġibbli, iżda saru eliġibbli wara emenda fid-dispożizzjonijiet rilevanti wara t-twettiq tal-ksur?

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistħarreġ din il-problema fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tagħha huwa stabbilit il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior), dritt fundamentali ta’ sinjifikat prattiku sostanzjali u li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet adita kemm-il darba bl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu (2).

3.        Fl-isfond ta’ dan il-każ hemm skandlu tal-laħam fuq skala kbira li kien hemm diversi dibattiti fuqu anki fi Franza (3). L-imputati tal-kawża prinċipali ssottomettew jew kienu kompliċi fis-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ ċanga u vitella intiża għall-esportazzjoni lejn Stati terzi. B’hekk, l-impriża li għaliha kienu jaħdmu l-imputati kisbet appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-Unjoni fil-forma ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċanga u vitella, għalkemm f’dak iż-żmien ma kinux previsti sussidji, iffinanzjati mill-kontribwenti Ewropej, fuq l-esportazzjoni ta’ dak it-tip ta’ biċċiet ta’ laħam. Huwa biss fi stadju sussegwenti li dan it-tip ta’ laħam sar eliġibbli għal appoġġ Ewropew bħala riżultat ta’ emenda fil-leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni.

4.        Hija proprju din l-emenda sussegwenti fil-leġiżlazzjoni li qegħdin jinvokaw l-imputati sabiex jitolbu impunità. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jisħqu li d-dikjarazzjoni falza li saret dak iż-żmien dwar il-biċċiet tal-laħam inkwistjoni kienet u tibqa’ dikjarazzjoni falza li għandha tiġi ssanzjonata, irrispettivament minn jekk ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni korrispondenti dwar l-appoġġ ġewx sadanittant emendati jew le.

5.        Bis-sentenza tagħha f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi kontribuzzjoni importanti għall-ġestjoni prattika tal-mekkaniżmi ta’ sanzjonijiet, li bihom għandhom jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 325 TFUE fuq il-livell tal-Istati Membri.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni ta’ dan il-każ fil-qofol tiegħu huwa stabbilit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta. Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 4(3) TUE u għall-Artikolu 325(1) TFUE kif ukoll għar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012 (4), (KEE) Nru 1964/82 (5), (KE) Nru 2469/97 (6) u (KE) Nru 1359/2007 (7). Min-naħa l-oħra, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8), li ssemma minn uħud mill-partijiet fil-kawża, ma huwiex ta’ rilevanza għaliex jirrigwarda biss sanzjonijiet amministrattivi, iżda mhux kriminali, intiżi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

1.      Id-dritt primarju

7.        Il-prinċipju tal-legalità tal-pieni huwa stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta u jipprovdi hekk:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

8.        Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa espress fl-Artikolu 4(3) TUE:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’ periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni.”

9.        Barra minn hekk, fl-Artikolu 325(1) TFUE wieħed isib id-dispożizzjoni li ġejja dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni:

“L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.”

2.      Id-dritt sekondarju

a)      Ir-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea

10.      Ir-Regolament Nru 966/2012 jistipula r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Taħt it-titolu “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, l-Artikolu 59(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“2.      Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inklużi dawk leġislattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġiferi:

[…]

b)      jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi.

Biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, u f’konformità ma’ dan l-Artikolu, u r-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur, iwettqu kontrolli ex ante u ex post inkluż, fejn xieraq, kontrolli fuq il-post fuq kampjuni rappreżentattivi u/jew ibbażati fuq ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet. Għandhom ukoll jirkupraw fondi li ma kellhomx jitħallsu u jressqu proċedimenti legali jekk meħtieġ f’dan ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jimponu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq ir-riċevituri fejn stipulat fir-regoli speċifiċi għas-setturi u f’dispożizzjonijiet speċifiċi fil-leġislazzjoni nazzjonali.

[…]”

b)      Il-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni taċ-ċanga u l-vitella bla għadma

11.      Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ ċanga u vitella bla għadma mill-Unjoni lejn Stati terzi ġew emendati bosta drabi matul is-snin. Inizjalment dawn kienu stipulati fir-Regolament Nru 1964/82, imbagħad ġew emendati bir-Regolament Nru 2469/97 u finalment ġew riprodotti f’verżjoni kkodifikata fir-Regolament Nru 1359/2007.

–       Il-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 1964/82

12.      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1964/82 inizjalment kien jipprevedi din id-dispożizzjoni:

“Qatgħat bla għadam minn robbi warranija friski jew imkessħa ta’ bhejjem adulti maskili imgeżwer individwalment għandhom, meta t-termini ta’ dan ir-Regolament jiġu osservati, jikkwalifikaw għal rifużjoni speċjali ta’ l-esportazzjoni.”

13.      Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1964/82 tipprovdi tagħrif dwar il-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni:

“Billi, minħabba s-sitwazzjoni tas-suq, is-sitwazzjoni ekonomika fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u l-intenzjoni li jinbiegħu [l-opportunitajiet ta’ bejgħ ta’] ċerti prodotti fis-settur, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tar-rifużjonijiet speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq dawn il-prodotti għandu jiġi stabbilit; billi, b’mod partikolari, kondizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti għal ċerti qatgħat ta’ laħam li jsiru bid-dissussar tar-robbi warranija ta’ bhejjem maskili;”

–       Il-verżjoni emendata tar-Regolament Nru 1964/82

14.      Lejn l-aħħar tal‑1997, ġiet adottata verżjoni ġdida tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1964/82:

“Qatgħat bla għadam mill-kwarti ta’ quddiem u l-kwarti ta’ wara [friski jew imkessħa] ta’ qobla maskili adulti b’medja ta’ kontenut ta’ dgħif tal-laħam ta’ 55 % jew aktar għandu, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jikkwalifikaw għal rifondi speċjali ta’ l-esportazzjoni.”

15.      Il-verżjoni tal-aħħar tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1964/82 ġiet introdotta permezz tar-Regolament Nru 2469/97. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2469/97 kien irregolat fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid‑19 ta’ Jannar 1998.

Għandu japplika għal operazzjonijiet li dwarhom [hija aċċettata] id-dikjarazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3(1) jew dik li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, akkumpanjata b’liċenzja ta’ l-esportazzjoni maħruġa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament […]”

16.      Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 2469/97 tipprovdi tagħrif dwar ir-raġunijiet għad-dispożizzjoni l-ġdida introdotta permezz ta’ dan ir-regolament:

“Billi, b’segwiment ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul il-Laqgħa ta’ l-Urugwaj ta’ Negozjati ta’ Kummerċ Multilaterali, arranġamenti għandhom jiddaħħlu li jippermettu miri aħjar għall-prodotti taċ-ċanga u l-vitella li dwarhom għandha tingħata preferenza għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; billi l-introduzzjoni ta’ rifondi speċjali għal qatgħat bl-għadam [bla għadam] mill-kwarti ta’ quddiem ta’ qobla maskili adulti għandhom iwasslu biex jintlaħaq dak l-objettiv; billi l-arranġamenti li hemm provvediment dwarhom fir-Regolament (KEE) Nru 1964/82 għandhom għalhekk jiġu estiżi għal dawk il-prodotti;”

–       Ir-Regolament Nru 1359/2007

17.      Illum il-ġurnata, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1359/2007 japplika, u huwa fformultat kif ġej:

“Qatgħat bla għadam mill-kwarti ta’ quddiem u l-kwarti ta’ wara friski jew iffriżati [imkessħa] ta’ qobla maskili adulti b’medja ta’ kontenut ta’ dgħif tal-laħam ta’ 55 % jew aktar għandu, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jikkwalifikaw għal rifondi speċjali ta’ l-esportazzjoni.”

18.      Konformement mal-Artikoli 11 u 12 tiegħu, ir-Regolament Nru 1359/2007 daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2008 u b’effett minn dak il-jum ħassar ir-Regolament Nru 1964/82. Kif jista’ jiġi dedott mill-premessa 1 tiegħu, dan iservi għall-kodifikazzjoni tal-bosta emendi li saru fir-rigward tar-regolament tal-aħħar, għall-finijiet ta’ iktar ċarezza u razzjonalità.

19.      Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1359/2007:

“Minħabba s-sitwazzjoni tas-suq, is-sitwazzjoni ekonomika fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u l-intenzjoni li jinbiegħu ċerti prodotti fis-settur, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tar-rifużjonijiet speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq dawn il-prodotti għandu jiġi stabbilit. B’mod partikolari, kondizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti għal ċerti qatgħat ta’ laħam li jsiru bid-dissussar tar-robbi ta’ bhejjem maskili.”

B.      Id-dritt nazzjonali

20.      L-Artikolu 426 tal-Kodiċi Doganali Franċiż (9), li fid-data li twettaq ir-reat diġà kien fis-seħħ, jipprovdi:

“Bħala importazzjoni jew esportazzjoni mingħajr dikjarazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti jitqiesu:

[…]

4.      dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri li l-iskop tagħhom huwa li jinkiseb, b’mod sħiħ jew parzjali, ħlas lura, eżenzjoni, tnaqqis tal-imposti jew kwalunkwe tip ieħor ta’ vantaġġ b’rabta mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità jew l-imballaġġ meta dan il-ksur ma għandux l-għan li jwassal għall-ksib ta’ ħlas lura, eżenzjoni, tnaqqis tal-imposti jew vantaġġ ekonomiku;

[…]”

21.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 414 tal-Code des douanes (il-Kodiċi Doganali Franċiż), l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti mingħajr dikjarazzjoni hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet snin u diversi pieni supplimentari ta’ natura patrimonjali.

22.      Finalment, fl-Artikolu 112‑1 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż (10) huwa stabbilit il-prinċipju tal-legalità tal-pieni kif ġej:

“Huma punibbli biss dawk l-atti li fid-data tat-twettiq tagħhom kienu jikkostitwixxu ksur.

Jistgħu jiġu imposti biss dawk il-pieni li f’dik id-data kienu applikabbli skont il-liġi.

Madankollu, dispożizzjonijiet ġodda, li huma inqas stretti mid-dispożizzjonijiet preċedenti, huma applikabbli wkoll għall-ksur imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom jekk dan ma jkunx wassal għal kundanna li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.”

III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

23.      Id-disa’ imputati fil-kawża prinċipali qegħdin jiġu akkużati, fi proċedura kriminali quddiem il-qrati Franċiżi, bi ksur doganali, fejn dawn allegatament kienu involuti bħala atturi jew bħala kompliċi. Il-qofol tal-allegazzjoni huwa li, fil-perijodu bejn l‑1987 u l‑1992, l-imputati, permezz ta’ dikjarazzjonijiet doganali foloz u manuvri frawdolenti kisbu iżjed ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni taċ-ċanga u l-vitella għall-kumpannija Franċiża Clergeau SA (11) milli kienet intitolata għalihom din l-impriża skont id-dritt tal-Unjoni fiż-żmien li fih twettaq il-ksur.

24.      Speċifikament, l-imputati qegħdin jiġu akkużati li b’intenzjoni frawdolenti ddikjaraw ċanga u vitella minn kwarti ta’ quddiem ta’ qobla maskili adulti bħala ċanga u vitella minn kwarti ta’ wara. Madankollu, fil-perijodu inkwistjoni, iċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ quddiem, b’differenza għaċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ wara, kienu għadhom ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni dwar il-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni, iżda ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni biss f’data sussegwenti – fid‑19 ta’ Jannar 1998.

25.      Fuq in-naħa tal-Istat Franċiż, il-partijiet fil-proċedura kriminali huma l-Administration des douanes et droits indirects (12) (Administration des douanes) kif ukoll, bħala parti ċivili, l-Établissement national des produits de l’Agriculture et de la Mer (13) (FranceAgriMer). Din tal-aħħar hija responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar sussidji agrikoli u l-kontrolli assoċjati.

26.      B’sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2013, it-Tribunal correctionnel de La Rochelle (14) illiberat l-imputati kollha filwaqt li invokat il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar favorevoli, fid-dawl tal-fatt li llum il-ġurnata mhux iċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ wara biss huma eliġibbli għal ħlas lura speċjali fuq l-esportazzjoni kif stabbilit bid-dritt tal-Unjoni, iżda anki dawk minn kwarti ta’ quddiem. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fit-tieni istanza mill-Cour d’appel de Poitiers (15) b’sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2015. Wara li tressqu l-appelli ta’ kassazzjoni mill-Administration des douanes (16) u minn FranceAgriMer, il-proċedura kriminali issa hija pendenti quddiem id-Diviżjoni Kriminali tal-Cour de cassation Franċiża (17) għall-finijiet ta’ stħarriġ tal-legalità tas-sentenza appellata.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      B’sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Marzu 2017, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

“L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna tinstab ħatja li kisbet ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li ma kinux dovuti permezz ta’ manuvri jew dikjarazzjonijiet foloz li jikkonċernaw in-natura tal-oġġetti li fir-rigward tagħhom intalbu l-ħlasijiet lura, meta, permezz ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni li jkun daħal fis-seħħ wara l-akkadut ta’ dawn il-fatti, l-oġġetti li din il-persuna tkun effettivament esportat ikunu saru eliġibbli għal dawn il-ħlasijiet lura?”

28.      Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju spjegat, b’mod supplimentari, li l-imputati tal-kawża prinċipali ġew ipproċessati minħabba s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew minħabba manuvri li, b’mod sħiħ jew parzjali, wasslu għall-ksib ta’ ħlas lura, eżenzjoni, tnaqqis tal-imposti jew għal kwalunkwe tip ieħor ta’ vantaġġ b’rabta mal-esportazzjoni.

29.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, erbgħa mill-imputati tal-kawża prinċipali ppreżentaw nota komuni (18); barra minn hekk, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Awstrijak, l-istess partijiet fil-proċedura kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tat‑28 ta’ Frar 2018.

V.      Analiżi

30.      Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li tistabbilixxi, fuq il-livell tal-Unjoni, il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli.

31.      L-imputati tal-kawża prinċipali huma mħassba li d-drittijiet tagħhom stabbiliti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jistgħu jiġu ssagrifikati għall-finijiet tal-ġlieda l-iktar effettiva kontra l-frodi għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Madankollu, dan it-tħassib huwa infondat. Huwa ovvju li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ tinkiseb biss b’mezzi li josservaw l-istat tad-dritt (19). Għaldaqstant, il-garanzija proċedurali fundamentali stabbilita fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tapplika għal kull min jinżamm responsabbli skont il-liġi kriminali f’sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni u ħadd ma jista’ jċaħħad lill-imputati milli jinvokaw id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, f’dan il-każ għandu jiġi ċċarat il-kontenut preċiż tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli.

 L-applikabbiltà tat-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta

32.      Skont l-Artikolu 51(1) tagħha, f’dan il-każ il-Karta hija applikabbli ratione materiae peress li l-kwistjoni tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli tqum fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn huma kompetenti għall-pagament u l-monitoraġġ tal-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni li tagħti l-Unjoni għaċ-ċanga u l-vitella u f’dak ir-rigward għandhom iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ta’ natura effettiva, proporzjonali u dissważiva (Artikolu 4(3) TUE, Artikolu 325(1) TFUE u Artikolu 59(2) tar-Regolament Nru 966/2012) (20).

33.      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta lanqas ma hija prekluża mill-fatt li l-atti li fir-rigward tagħhom hemm prosekuzzjoni mill-ġustizzja Franċiża f’dan il-każ twettqu qabel l‑1 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri qabel il-jum li fih il-Karta kisbet effett legali vinkolanti u status kostituzzjonali bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (ara b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) TUE). Dan għaliex fid-dispożizzjoni tal-Karta li qiegħda tiġi interpretata huwa stabbilit prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li qabel id-dħul fis-seħħ tagħha diġà kien jirriżulta kemm mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri (21) kif ukoll mill-ftehimiet internazzjonali konklużi minn dawn (22), u kien ġie rrikonoxxut kemm-il darba mill-Qorti tal-Ġustizzja (23).

 L-interazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kriminali u dispożizzjonijiet mhux kriminali

34.      Id-diffikultajiet partikolari li qiegħda taffaċċja l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) f’dan il-każ fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju (24) fl-aħħar mill-aħħar ġejjin mill-interazzjoni bejn dispożizzjoni kriminali u dispożizzjoni mhux kriminali.

35.      Id-dispożizzjoni kriminali, inkwantu tali, hija inkluża fid-dritt nazzjonali u hija limitata għall-penalizzazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet foloz u manuvri frawdolenti li għandhom l-għan jew l-effett li jinkiseb vantaġġ ekonomiku indebitu waqt l-importazzjoni jew l-esportazzjoni (il-punt 4 tal-Artikolu 426 tal-Kodiċi Doganali Franċiż). Madankollu, x’jikkostitwixxi tali vantaġġ finanzjarju indebitu jista’ jiġi dedott biss minn dispożizzjoni mhux kriminali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar l-agrikoltura jew fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ barrani – f’dan il-każ mir-regoli dwar il-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni taċ-ċanga u l-vitella.

36.      Filwaqt li d-dispożizzjoni kriminali fil-punt 4 tal-Artikolu 426 tal-Kodiċi Doganali Franċiż ma ġietx emendata, id-dispożizzjoni mhux kriminali tad-dritt tal-Unjoni nbidlet matul iż-żmien: fil-fatt, filwaqt li inizjalment skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1964/82 iċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ wara biss kienu eliġibbli għal ħlas lura speċjali fuq l-esportazzjoni, b’riżultat tal-emendi li daħlu fis-seħħ permezz tar-Regolament Nru 2469/97 mid‑19 ta’ Jannar 1998 saru eliġibbli wkoll iċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ quddiem; is-sitwazzjoni legali ta’ din tal-aħħar imbagħad ġiet ikkodifikata fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1359/2007 u għadha tapplika sal-lum.

37.      Jista’ wieħed isostni li daħlet fis-seħħ liġi kriminali iktar moderata jekk tkun ġiet emendata biss id-dispożizzjoni mhux kriminali – hawnhekk dik dwar l-eliġibbiltà ta’ ċerti oġġetti għall-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni li jingħataw mill-Unjoni –, filwaqt li d-dispożizzjoni ġenwinament kriminali – f’dan il-każ, dik li tirrendi kriminali dikjarazzjonijiet foloz u manuvri – baqgħet l-istess? Din hija essenzjalment id-domanda li biha hija kkonfrontata l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

38.      Sabiex tingħata risposta ser nirrikorri għas-sens u l-iskop tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli.

 Is-sens u l-iskop tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli

39.      L-applikazzjoni ta’ liġijiet kriminali iktar favorevoli suċċessivi tikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju fundamentali tal-legalità tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), peress li tinvolvi l-applikazzjoni retroattiva ta’ dispożizzjoni differenti minn dik li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti (25).

40.      Fl-aħħar mill-aħħar, din l-eċċezzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità (26). L-applikazzjoni retroattiva ta’ liġijiet kriminali iktar favorevoli hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li imputat ma għandux jiġi kkundannat għal aġir li, skont l-opinjoni (riveduta) tal-leġiżlatur, ma għadux punibbli fil-mument tal-proċeduri kriminali. Għalhekk, l-evalwazzjonijiet riveduti tal-leġiżlatur għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-imputat (27).

41.      Madankollu, f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda emenda fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur dwar il-punibbiltà tal-aġir tal-imputati fil-kawża prinċipali, la fuq il-livell tal-Unjoni u lanqas fuq il-livell nazzjonali. Dan l-aspett ġie enfasizzat ġustament, fost l-oħrajn mir-Repubblika ta’ Franza u mir-Repubblika tal-Awstrija.

42.      Dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri li għandhom bħala għan jew bħala effett li jinkisbu vantaġġi ekonomiċi indebiti b’rabta mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni kienu punibbli fid-data tal-fatti u għadhom punibbli bl-istess mod sal-ġurnata tal-lum, b’mod partikolari għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-leġiżlatur, kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fuq il-livell nazzjonali, fl-ebda mument ma kellu l-intenzjoni li jirrendi dawn il-manuvri mhux punibbli jew li jnaqqas, b’xi mod jew ieħor, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

43.      L-emendi fil-liġi li saru fuq il-livell tal-Unjoni b’rabta mal-għoti ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċanga u vitella pjuttost kienu intiżi għall-adattament tad-dispożizzjonijiet agrikoli rilevanti maċ-ċirkustanzi tas-suq li kienu qed jinbidlu, partikolarment ma’ sitwazzjoni differenti fis-suq globali b’konsegwenza tan-negozjati tal-WTO taċ-Ċiklu tal-Urugwaj (28). Għaldaqstant dan il-bdil kien evalwazzjoni ġdida ta’ natura purament ekonomika u mhux evalwazzjoni ġdida, min-naħa tal-awtoritajiet politiċi kompetenti fl-Unjoni, tal-punibbiltà ta’ ċertu aġir.

44.      Is-sempliċi fatt li fil-preżent tapplika regola iktar favorevoli fir-rigward tal-għoti ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni, li tkopri ċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ quddiem u ta’ wara, bl-ebda mod ma tippermetti l-konklużjoni li l-leġiżlatur retroattivament qies li r-regola applikabbli preċedentement, li kienet tapplika biss għaċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ wara, kienet wisq stretta jew wisq restrittiva. Kif jenfasizzaw ġustament il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, sitwazzjonijiet tas-suq differenti fi żminijiet differenti, jistgħu jitolbu, kull waħda minnhom, regoli differenti rigward l-eliġibbiltà ta’ esportazzjonijiet agrikoli mill-Unjoni lejn Stati terzi. Huma eliġibbli għal tali appoġġ biss dawk il-persuni li l-prodotti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli fil-perijodu rilevanti.

45.      F’dan ir-rigward dan il-każ huwa simili għal-leġiżlazzjoni fiskali: f’dak il-qasam ukoll jistgħu jinbidlu minn sena għal sena d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali materjali li għandhom jiġu osservati mill-persuni taxxabbli. Min ikun evada taxxa speċifika fl‑2017 u b’hekk ikun kiseb vantaġġ ekonomiku ma jistax jaħrab il-prosekuzzjoni kriminali tiegħu billi jirreferi għall-abolizzjoni tat-taxxa inkwistjoni, għat-tnaqqis tar-rata tat-taxxa applikabbli jew għall-fatt li eżenzjonijiet fiskali iktar ġenerużi ġew previsti mis-sena 2018 ’il quddiem. L-att tal-evażjoni tat-taxxa huwa u jibqa’ punibbli għal dak il-perijodu li fih kienet dovuta t-taxxa.

 Paralleli mal-kawża Paoletti et

46.      Kif enfasizzaw ġustament uħud mill-partijiet fil-proċedura, dan il-każ għandu ċerti paralleli mal-kawża Paoletti et (29). F’dak il-każ kien ikkonċernat ir-reat kriminali ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, tibqa’ l-possibbiltà ta’ prosekuzzjoni għal dan ir-reat kriminali anki jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz inkwistjoni, sadanittant, kisbu l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni permezz tal-adeżjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom mal-Unjoni. Dan l-akkwist taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ fatt li ma hijiex tali li tibdel l-elementi kostituttivi tar-reat kriminali ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali (30).

47.      Ikolli nammetti li bejn dan il-każ u l-kawża Paoletti et teżisti d-differenza li f’dak il-każ kien hemm tibdil fis-sitwazzjoni ta’ fatt (l-akkwist tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mill-persuni kkonċernati) filwaqt li hawnhekk inbidel fatt ta’ liġi (l-eliġibbiltà taċ-ċanga u l-vitella minn kwarti ta’ quddiem). Madankollu, il-punt deċiżiv huwa li fiż-żewġ każijiet inbidlu biss sitwazzjonijiet mhux kriminali filwaqt li l-punibbiltà tal-aġir inkriminanti (fil-kawża Paoletti et, għajnuna għall-immigrazzjoni illegali, u hawnhekk dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri mwettqa b’intenzjoni frawdolenti fl-esportazzjoni ta’ oġġetti) baqgħet l-istess u ma kinitx is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġdida.

48.      Kif josservaw ġustament Franza u l-Awstrija, jekk wieħed iqis li anki l-emenda f’sitwazzjonijiet mhux kriminali bħal dawn hija biżżejjed għall-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, dan prattikament ikun ta’ inċentiv għal manuvri frawdolenti (31).

49.      Pereżempju, jekk ikun hemm indikazzjoni li fil-futur qrib mhux il-laħam minn kwarti ta’ wara biss iżda anki l-laħam minn kwarti ta’ quddiem ser igawdu minn ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni taċ-ċanga u l-vitella, allura din tista’ twassal għal żieda fit-tentazzjoni għall-operaturi ekonomiċi biex sa minn qabel jibdew jiddikjaraw b’mod falz il-laħam minn kwarti ta’ quddiem li jiġi esportat u sussegwentement jinvokaw l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli.

50.      B’dan il-mod, il-ħsieb nobbli sottostanti għall-prinċipju stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jkollu l-effett oppost.

 Konklużjoni intermedja

51.      Għalhekk, kollox ma’ kollox, il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (it-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta) ma jipprekludix l-issanzjonar ta’ persuna li, permezz ta’ manuvri jew dikjarazzjonijiet foloz dwar it-tip ta’ oġġetti ddikjarata għal ħlas lura speċjali fuq l-esportazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni kisbet jew fittxet li tikseb vantaġġ indebitu, sakemm fil-mument ta’ dawn il-manuvri jew dikjarazzjonijiet l-oġġetti li effettivament ġew esportati ma kinux eliġibbli għall-ħlasijiet lura u kien biss permezz ta’ emenda fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tkun daħlet fis-seħħ wara s-seħħ tal-fatti li l-imsemmija oġġetti saru eliġibbli għall-ħlasijiet lura.

VI.    Kummenti addizzjonali

52.      Purament għal raġunijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza, biex nagħlaq, żewġ aspetti li ġew diskussi b’mod marġinali mal-partijiet fil-proċedura.

 Fuq il-vantaġġ ekonomiku mfittex

53.      L-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti jirrigwarda l-vantaġġ ekonomiku (jiġifieri, il-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni) li l-imputati allegatament kisbu b’mod indebitu għall-impriża li għaliha kienu jaħdmu, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri fil-kuntest tal-esportazzjoni ta’ prodotti taċ-ċanga u l-vitella.

54.      Fid-dawl tat-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandha ssir distinzjoni, għall-evalwazzjoni tal-każ ineżami, skont jekk l-imputati tal-kawża prinċipali humiex suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba li effettivament kisbu tali vantaġġ ekonomiku indebitu għall-impriża tagħhom, jew biss talli wettqu manuvri frawdolenti sabiex jiksbu tali vantaġġ?

55.      Fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li ssir tali distinzjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk impriża hijiex intitolata taħt il-liġi għal ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti mill-Unjoni lejn Stat terz, minnha nnifisha ma għandhiex x’taqsam mal-punibbiltà tal-aġir tal-impjegati tagħha.

56.      Kif ikkonfermat b’mod espliċitu l-qorti tar-rinviju meta ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imputati tal-kawża prinċipali huma suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba l-fatt li ssottomettew dikjarazzjonijiet foloz u wettqu manuvri bl-intenzjoni frawdolenti li jiksbu tali ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni.

 Fuq id-dikjarazzjoni skorretta ta’ laħam iffriżat bħala laħam frisk jew imkessaħ

57.      It-tieni aspett jirrigwarda l-indikazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa li l-imputati tal-kawża prinċipali mhux biss għamlu dikjarazzjonijiet foloz dwar jekk iċ-ċanga u l-vitella li għalihom riedu jirċievu ħlas lura speċjali fuq l-esportazzjoni kinux joriġinaw minn kwarti ta’ quddiem jew ta’ wara, iżda, barra minn hekk, b’intenzjoni frawdolenti, iddikjaraw ukoll ċanga u vitella ffriżati bħala ċanga u vitella friski jew imkessħin (32).

58.      Din iċ-ċirkustanza, li l-qorti tar-rinviju fl-ebda parti ma tidħol iktar fil-fond fiha, ma tidhirx li kienet determinanti għall-finijiet tad-domanda preliminari tagħha. Għaldaqstant, din iċ-ċirkustanza lanqas ma hija s-suġġett ta’ stħarriġ legali iktar iddettaljat f’dawn il-konklużjonijiet.

59.      Ser nillimita ruħi biex ninnota li d-dritt tal-Unjoni applikabbli kien kostanti sa fejn dejjem kienu eliġibbli għall-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni inkwistjoni ċ-ċanga u l-vitella friski jew imkessħin, iżda qatt dawk iffriżati. Għaldaqstant, l-imputati tal-kawża prinċipali mill-bidu nett ma jistgħux jinvokaw l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbiltà kriminali tagħhom għall-eventwali dikjarazzjonijiet foloz li dawn għamlu fir-rigward tal-livell ta’ freskezza tal-biċċiet tal-laħam inkwistjoni.

VII. Konklużjoni

60.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

It-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-issanzjonar ta’ persuna li, permezz ta’ manuvri jew dikjarazzjonijiet foloz dwar in-natura tal-oġġetti fir-rigward ta’ liema hija talbet ħlas lura speċjali fuq l-esportazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, kisbet jew fittxet li tikseb vantaġġ indebitu, sakemm fil-mument ta’ dawn il-manuvri jew dikjarazzjonijiet l-oġġetti li effettivament ġew esportati ma kinux eliġibbli għall-ħlasijiet lura u kien biss permezz ta’ emenda fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tkun daħlet fis-seħħ wara s-seħħ tal-fatti li l-imsemmija oġġetti saru eliġibbli għall-ħlasijiet lura.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      F’dan ir-rigward, għandha tissemma partikolarment is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270). Ara, barra minn hekk, speċifikament fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-agrikoltura, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2004, Gerken (C‑295/02, EU:C:2004:400, punt 61), tat‑8 ta’ Marzu 2007, Campina (C‑45/06, EU:C:2007:154, punti 32 u 40) u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Société ED et F Man Alcohols (C‑669/11, EU:C:2012:618, punt 52).


3      B’dan il-mod, fit‑2 ta’ Ottubru 2013 fil-gazzetta Sud Ouest, Pierre-Marie Lemaire rrapporta taħt it-titolu “Clergeau: tambouille et carambouille” dwar “vaste escroquerie présumée aux fonds agricoles européens”.


4      Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).


5      Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1964/82 ta’ l‑20 ta’ Lulju 1982 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat ta’ l-annimali bovini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 5, p. 146).


6      Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2469/97 tal‑11 ta’ Diċembru 1997 li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1964/82 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ rifużjonijiet speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti qatgħat ta’ laħam bl-għadma ta’ l-annimali bovina, (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifondi fuq l-esportazzjoni u (KE) Nru 1445/95 dwar regoli għall-applikazzjoni ta’ liċenzji għall-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 125).


7      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1359/2007 tal‑21 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat ta’ l-annimali bovini (ĠU 2007, L 304, p. 21).


8      Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


9      Code des douanes.


10      Code pénal.


11      Kif stqarr il-Gvern Franċiż, hija kkonċernata impriża li hija attiva fix-xiri u fil-bejgħ, fit-trasportazzjoni, fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni tal-laħam kif ukoll fil-qasam tal-biċċeriji.


12      L-Amministrazzjoni Doganali (Franza).


13      L-Aġenzija Nazzjonali għal Prodotti Agrikoli u għas-Sajd (Franza).


14      Il-Qorti Kriminali ta’ La Rochelle (Franza).


15      Il-Qorti tal-Appell ta’ Poitiers (Franza).


16      B’mod iktar preċiż, huwa kkonċernat id-Direction nationale du renseignement et des enquètes douanières, dipartiment ta’ investigazzjoni f’materji relatati ma’ frodi doganali.


17      Il-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza).


18      Dawn huma l-imputati H. Clergeau, J. Labrousse, A. Bouchet u J. Matrat.


19      F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza reċenti tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 48, 51 u 52).


20      Ara, fl-istess sens, b’rabta mal-issanzjonar kriminali ta’ irregolaritajiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, b’mod partikolari l-punti 27 u 28) u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 52).


21      Sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 68 u 69), tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 61), tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 64) u tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 25).


22      Ara, b’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (li nfetaħ għall-firem fid‑19 ta’ Diċembru 1966, UN Treaty Series, Volum 999, p. 171). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tqis li l-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli huwa inkluż fl-Artikolu 7 tal-KEDB; ara s-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L-Italja (Nru 2) (Rikors Nru 10249/03, CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, punti 108 u 109).


23      Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


24      B’mod marġinali biss ninnota li fit‑18 ta’ Novembru 2016, jiġifieri ftit jiem biss qabel it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’dan il-każ, is-seduta plenarja tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) kienet adita bi kwistjoni simili dwar il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, madankollu mingħajr ma rrinvijat il-kawża deċiża f’dak iż-żmien quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (sentenza Nru 15‑21.438, ECLI:FR:CCASS:2016:AP00630).


25      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 159) kif ukoll fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 60).


26      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 160) kif ukoll fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 60).


27      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 161) kif ukoll fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 60); ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 27).


28      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 2469/97 u l-premessa 3 tar-Regolament Nru 1359/2007 kif ukoll, b’mod supplimentari għar-regola inizjali, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1964/82. Minn dawn joħroġ biċ-ċar li, għat-tfassil speċifiku tal-kundizzjonijiet applikabbli fi kwalunkwe mument għall-għoti ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni taċ-ċanga u l-vitella, kienu deċiżivi s-sitwazzjoni tas-suq, is-sitwazzjoni ekonomika fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u l-opportunitajiet ta’ bejgħ.


29      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748).


30      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punti 33 u 42).


31      Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 36).


32      Id-distinzjoni bejn ċanga u vitella friski jew imkessħin, minn naħa, u ċanga u vitella ffriżati, min-naħa l-oħra, hija ta’ rilevanza kunsiderevoli fir-rigward tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti mill-fruntieri doganali tal-Unjoni, kif turi b’mod partikolari ħarsa lejn in-Nomenklatura Magħquda: il-kodiċi NM 0201 jirrigwarda “Laħam ta’ annimali ta’ l-ifrat, frisk jew imkessaħ” filwaqt li l-kodiċi NM 0202 jirrigwarda “Laħam ta’ annimali ta’ l-ifrat, friżat”. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 tas‑17 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni ta’ l-esportazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 325) jirreferi espliċitament għal dawn il-kodiċi NM.