Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-20 ta’ Ottubru 2017 – IBA Molecular Italy Srl vs Azienda ULSS n. 3 et

(Kawża C-606/17)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: IBA Molecular Italy Srl

Konvenuta: Azienda ULSS n. 3, Regione Veneto, Ministero della Salute, Ospedale dell’Angelo di Mestre

Domandi preliminari

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti u, iktar speċifikatament, tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE 1 , jinkludi wkoll l-operazzjonijiet kumplessi li permezz tagħhom awtorità pubblika kontraenti għandha l-intenzjoni li tagħti, direttament, lil operatur ekonomiku partikolari finanzjament speċifiku, li l-uniku skop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti bla ħlas, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti ulterjuri, lil diversi amministrazzjonijiet li huma eżentati mill-ħlas ta’ xi korrispettiv lill-imsemmi fornitur; konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni Ewropea tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti dirett ta’ finanzjament speċifiku li l-iskop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti ulterjuri, lil diversi amministrazzjonijiet li huma eżentati mill-ħlas ta’ xi korrispettiv lill-imsemmi fornitur?

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti u, iktar speċifikatament, l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE u l-Artikoli 49, 56, 105 et seq TUE, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tassimila l-isptarijiet privati “klassifikati” għal dawk pubbliċi, permezz tad-dħul tagħhom fis-sistema ta’ programmazzjoni pubblika tas-saħħa nazzjonali, irregolata minn ftehimiet ad hoc, differenti mir-relazzjonijiet normali ta’ akkreditazzjoni mas-suġġetti privati l-oħra li jipparteċipaw fis-sistema ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa, meta dawn l-isptarijiet ikklassifikati la jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex jiġu rikonoxxuti bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku u lanqas ir-rekwiżiti għall-għoti dirett skont il-mudell tal-in house providing, teħlishom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn dik tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi, anki fil-każ fejn tali suġġetti jkunu inkarigati mill-manifattura u mill-provvista bla ħlas, lill-istrutturi tas-saħħa pubbliċi, ta’ prodotti neċessarji għall-iżvolġiment tas-servizz tas-saħħa, filwaqt li fl-istess ħin jirċievu finanzjament pubbliku ddedikat għall-manifattura ta’ dawn il-provvisti?

____________

1 Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).