Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 taʼ April 2013 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-625/10) 

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Trasport - Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji - Direttiva 91/440/KEE - Artikolu 6(3) u Anness II - Direttiva 2001/14/KE - Artikolu 14(2) - Nuqqas ta' indipendenza ġuridika tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja - Artikolu 11 - Assenza ta' sistema ta' titjib tal-ħidma - Traspożizzjoni inkompleta)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Keppenne u H. Støvlbæk, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: G. De Bergues, M. Perrot u S. Menez, aġenti)

Parti intervenjenti insostenn tal-parti konvenuta: Ir-Renju taʼ Spanja (rappreżentant: S. Centeno Huerta, aġent)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Nuqqas li jadotta, fit-terminu previst, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 6(3) u mal-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta' Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341) u mal-Artikoli 6(2) sa (5), 14(2) u 11 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404)

Dispożittiv

Billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-entità fdata bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta' Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 2001, tkun indipendenti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta' trasport ferrovjarju b'mod konformi mal-Artikolu 6(3) u mal-Anness II ta' din id-direttiva kif ukoll mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2007, u billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

____________

1 - ĠU C 103, 02.04.2011