Language of document : ECLI:EU:C:2012:558

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Settembru 2012 (*)

“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Xkejjer tal-irqad għat-trabi u t-tfal żgħar — Subintestaturi 6209 20 00 jew 6211 42 90”

Fil-Kawża C‑524/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Lowlands Design Holding BV

vs

Minister van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn U. Lõhmus, President tal-Awla, A. Rosas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lowlands Design Holding BV, minn G. van Slooten, belastingadviseur,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M.A.M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), b’mod partikolari tas-subintestaturi 6209 20 00 u 6211 42 90.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Lowlands Design Holding BV (iktar ’il quddiem “Lowlands Design”) u l-Minister van Financiën, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-ixkejjer tal-irqad (“trappelzakken”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-klassifikazzjoni tariffarja internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll ta’ emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, awtorità li l-organizzazzjoni tagħha hija rregolata mill-Artikolu 6 tagħha. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, il-funzjonijiet ta’ dan il-kumitat jinkludu, b’mod partikolari li jipproponi emendi għaliha u li jipprepara noti ta’ spjega, opinjonijiet dwar il-klassifikazzjoni kif ukoll opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.

5        Fil-verżjoni tagħha tal-2005, applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, in-Nota 6(a) tal-Kapitolu 61 tan-nomenklatura tas-SA, intitolata “oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ġanċ (crocheted)” tipprovdi b’mod partikolari li, għall-interpretazzjoni tan-Nru 61.11, “l-espressjoni “ilbies u aċċessorji ta’ lbies tat-trabi” tfisser oġġetti għal tfal żgħar li ma jkunux itwal minn 86 ċm; tkopri ukoll srievet tat-trabi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Skont it-termini tan-Nota 4 tal-Kapitolu 62 tas-SA, intitolat “oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted)”:

“Għall-interpretazzjoni tan-Nru 62.09:

a)      l-espressjoni “ilbies u aċċessorji ta’ lbies tat-trabi” tfisser oġġetti għal tfal żgħar li ma jkunux itwal minn 86 ċm; tkopri wkoll srievet tat-trabi;

b)      l-oġġetti li jistgħu jaqgħu kemm taħt in-Nru 62.09 kif ukoll taħt intestaturi oħra ta’ dan il-kapitolu għandhom jaqgħu taħt in-Nru 62.09” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 62.09 hija fformulata kif ġej:

“62.09          — Ilbies u aċċessorji ta’ lbies għat-trabi

6209.10 — Suf jew xagħar fin tal-annimali

6209.20 — Qoton

6209.30 — Fibra sintetika

6209.90 — Materjal tessili ieħor

Skont it-termini tan-Nota 4(a) ta’ dan il-kapitolu l-espressjoni lbies u aċċessorji ta’ lbies tat-trabi tinkludi oġġetti għal tfal żgħar li ma jkunux itwal minn 86 ċm. Hija tkopri ukoll srievet tat-trabi.

Fost l-oġġetti li jaqgħu taħt din l-intestatura jistgħu jissemmew: l-ilbiesi tal-magħmudija, pixie suits, ilbies għal-logħob, bavalori, ingwanti, mittens, mitts u krakar mhux maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted), mingħajr pett estern inkollat, meħjut jew imwaħħal b’xi mod ieħor jew imwaħħal minn fuq, għat-trabi.

Għandu jiġi osservat li l-oġġetti li jistgħu jaqgħu kemm taħt din l-intestatura kif ukoll taħt intestaturi oħra ta’ dan il-kapitolu għandhom jaqgħu taħt in-Nru 62.09 (ara n-Nota 4(b) ta’ dan il-kapitolu.

Din l-intestatura ma tinkludix is-srievet għat-trabi tal-karta, materjal artab ta’ ċelluloża jew srievet tal-fibra taċ-ċelluloża (Nru 48.18), jew ta’ materjal artab tessili (Nru 56.01), lanqas il-kpiepel għat-trabi maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted) (Nru 65.05), lanqas l-aċċessorji inklużi speċifikament f’kapitoli oħra tan-Nomenklatura [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

 In-Nomenklatura Magħquda

8        Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-Ewwel Parti, Taqsima I, A, tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, jipprovdu:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

3.      Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)      l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)      meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[...]

6      Għall-finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, in-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli relattivi japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

9        It-tieni parti tan-NM tinkludi Taqsima XI dwar tessuti u oġġetti ta’ tessuti. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitoli 61 u 62, rispettivament intitolati “oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted)”. Il-Kapitolu 62 tan-NM jinkludi l-intestaturi u s-subintestaturi segwenti:

“6209 Ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ ta’ trabi

[...]

6209 20 00 − tal-qoton

[...]

6211      Track suits, ilbiesi ta’ skijar u malji ta’ l-għawm; ħwejjeġ oħrajn

[...]

–        tan-nisa jew tal-bniet

[...]

6211 42 — — tal-qoton

[...]

6211 42 90 — — — oħrajn

[...]”

10      Skont in-Nota 1 tat-Taqsima XI tan-NM:

“Din it-taqsima ma tkoprix:

[...]

s)      oġġetti ta’ Kapitlu 94 (per eżempju, għamara, friex, lampi u tagħmir tad-dawl);

11      L-imsemmi Kapitolu 62 jinkludi barra minn hekk in-noti segwenti:

“1.      Dan il -kapitlu japplika biss għal oġġetti manifatturati minn kull drapp ta’ tessuti li mhuwiex materjal artab (wadding), ħlief oġġetti maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted) (ħlief dawk ta’ titlu 6212).

[...]

4.      Għall-għanijiet ta’ titlu 6209:

a)      l-espressjoni “ilbies u aċċessorji ta’ lbies tat-trabi”’ tfisser oġġetti għal tfal żgħar li ma jkunux itwal minn 86 ċm; tkopri ukoll srievet tat-trabi

[...]

8.      [...]

Ħwejjeġ li ma jingħarfux jekk humiex ta’ irġiel jew ta’ subien inkella ta’ nisa jew ta’ bniet għandhom ikunu kklassifikati taħt it-titli li jkopru ħwejjeġ ta’ nisa jew ta’ bniet.”

12      Il-Kapitolu 94 jagħmel parti mit-Taqsima XX tan-NM. Din it-taqsima hija intitolata “Oġġetti manifatturati varja”. Il-Kapitolu 94, intitolat “għamara; friex, mtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir simili mimli; lampi u tagħmir tad-dawl, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra, sinjali mdawwlin, pjanċi ta’ l-isem imdawwlin u bħalhom, bini prefabbrikat”, jinkludi l-intestatura 9404, li hija fformulata kif ġej:

“9404 Irfid għal imtieraħ; oġġetti ta’ friex u tagħmir simili (per eżempju, imtieraħ, kutri ikkuttunati, kutri ta’ l-edredun, kuxxini, pouffes u mħaded) armati b’molol jew mimlijin jew b’xi materjal imwaħħal minn ġewwa jew ta’ lastiku jew plastiks ċellulari, miksijin jew le:

9404 10 00  − Irfid għal imtieraħ

–        Imtieraħ:

9404 21 − − Ta’ lastiku jew plastiks ċellulari, miksijin jew le:

[...]

9404 29 − − Ta’ materjali oħrajn:

[...]

9404 30 00 − Xkora għall-irqad”

13      Skont in-Noti ta’ Spjega tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2006, C 50, p. 1), pubblikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87:

“6111 Ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ ta’ trabi, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ

Ara Nota 6(a) għal dan il-kapitlu.

Dan it-titlu jkopri varjetà ta’ lbies maħsuba għat-tfal żgħar ta’ tul ta’ mhux aktar minn 86 ċm (ġeneralment tfal żgħar ta’ madwar 18-il xahar). Dawn jinkludu: kowtijiet, kappotti, xalel ikkuttunati, pixie suits, blużi ta’ ġewwa, lbies magħmul minnżewġ biċċiet, rompers, qliezet, qliezet ta’ fuq, knickerbockers, lbies għal-logħob, kowtijiet tal-qadd, ġkieket għar-riħ, lbiesi,dbielet, boleros, ġkieket, inċirati, mantelli, tuniċi, blawżijiet, qomos-blawżijiet, xortsijiet, eċċ.

X’uħud minn dawn il-ħwejjeġ huma oġġetti layette. Fost dawk l-oġġetti layette hemm xi uħud li d-daqs tagħhom ma jistax jiġi ddefinit.

Dan japplika b’mod partikolari għal:

[...]

3.      il-pixie suits: ilbies bil-barnuża u bil-kmiem, li qishom kemm kowt kif ukoll borża ( kompletament magħluq minn isfel);

4.      xkejjer tal-irqad (bil-kmiem jew toqob minn fejn jgħaddu l-idejn).

L-ilbies l-ieħor jaqa’ taħt din il-pożizzjoni biss jekk id-daqs tagħhom ikun ta’ tfal li ma humiex itwal minn 86 ċm (daqs kummerċjali 86 ikluż).

[...]

6209      Ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ ta’ trabi:

In-nota ta’ spjega tan-Nru 6111 hija applikabbli mutatis mutandis.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Fit-3 ta’ Ottubru 2006, Lowlands Design ressqet quddiem l-amministrazzjoni tad-dwana Olandiża erba’ domandi għal informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar prodotti deskritti bħala “xkejjer tal-irqad għat-tfal”.

15      Dawn il-prodotti huma kollha tal-istess mudell u għandhom l-istess karatteristiċi. Huma żewġt ixkejjer (interna u esterna) tal-qoton li jintużaw flimkien, fejn it-tnejn li huma għandhom toqba fid-dawra tal-għonq u fejn il-kmiem. Il-parti ta’ fuq hija maqtugħa f’forma ta’ bust u għandha lastku mal-qadd. Il-parti ta’ quddiem għandha fetħa kbira li tingħalaq b’żip. Il-parti ta’ wara għandha, fin-nofs, fetħa li tippermetti li tgħaddi ċinga ta’ sigurtà. L-imsemmija prodotti huma differenti biss fid-daqs tagħhom, jiġifieri 86 ċm dawk intiżi għat-trabi u 110 ċm dawk intiżi għat-tfal żgħar.

16      Lowlands Design ikkunsidrat li l-istess oġġetti jaqgħu taħt is-subintestatura 9404 30 00 tan-NM dwar l-“xkejjer tal-irqad” u li għalhekk kienu suġġetti għal dazju ta’ 3.7 %.

17      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 u tat-28 ta’ Novembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-amministrazzjoni tad-dwana Olandiża kkunsidrat li l-prodotti intiżi għat-tfal żgħar kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 6211 42 “[Ilbies ta’ fuq tal-isport, ilbiesi sħaħ għall-iski, malji u xorts u slip għall-għawm — ilbies ieħor tal-qoton”] u kienu suġġetti għal dazju ta’ 12 %, dawk għat-trabi kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 6209 20 00 (“ilbies u aċċessorji tal-ilbies għat-trabi — tal-qoton”) u għalhekk kienu suġġetti għal dazju ta’ 10.5 %.

18      Wara li ġew miċħuda kemm ir-rikors fl-ewwel istanza kif ukoll l-appell, Lowlands Design appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Hija ssostni li dawn l-oġġetti għandhom jaqgħu taħt is-subintestatura 9404 30 00 minħabba l-formulazzjoni tagħha u minħabba n-Nota 1(s) tat-Taqsima XI tan-NM.

19      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-oġġetti inkwistjoni jixbħu, fil-parti ta’ fuq tagħhom, għal ilbies u, fil-parti inferjuri tagħhom, għal xkora tal-irqad. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-klassifikazzjoni tagħhom taħt is-subintestatura 9404 30 00 ma tistax tiġi eskluża. Hija tistaqsi jekk l-oġġetti inkwistjoni għandhomx jaqgħu taħt is-subintestaturi 6209 20 00 u 6211 42 90 jew jekk jaqgħux taħt is-sub-intestatura 9404 30 00.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Kif għandhom jiġu interpretati s-subintestaturi 6209 20, 6211 42 u 9404 30 tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ artikoli għat-trabi u għat-tfal żgħar bħall-prodotti inkwistjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li xkejjer tal-irqad tad-daqs ta’ 86 ċm, għal dawk intiżi għat-trabi u ta’ 110 ċm għal dawk intiżi għat-tfal żgħar, għandhomx jaqgħu taħt is-subintestatura 6209 20 00 jew 6211 42 90, jew inkella, jekk għandhomx jaqgħu taħt is-subintestatura 9404 30 00.

22      Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha l-ewwel tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu, fejn il-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimijiet jew tal-kapitoli għandha biss valur indikattiv.

23      F’dan ir-rigward, jaqbel li titfakkar ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C‑339/98, Ġabra p. I‑8947, punt 9, u tal-14 ta’ Lulju 2011, Paderborner Brauerei Haus Cramer, C‑196/10, Ġabra p. I‑6201, punt 31).

24      Lowlands Design issostni li l-oġġetti inkwistjoni għandhom karatteristika essenzjali li tippermetti lill-utent li jorqod fihom fejn ikun protett u għas-sħana u huma intiżi sabiex jintużaw bħala xkora tal-irqad. Għalhekk, dawn huma xkejjer tal-irqad, fis-sens tas-subintestatura 9404 30 00 tan-NM. Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li dawn il-prodotti għandhom jaqgħu taħt is-subintestaturi 6209 20 00 jew 6211 42 90.

25      Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-prodotti inkwistjoni huma, fid-dawl tad-daqs u tan-natura tagħhom, esklużivament intiżi għall-użu mit-trabi u mit-tfal żgħar. Huma għandhom diversi karatteristiċi bħall-ilbies. Għalhekk, il-parti ta’ fuq ta’ dawn il-prodotti hija adattata għall-forma tal-ġisem. Huma għandhom toqba għall-għonq, għall-kmiem, fetħa fuq quddiem biż-żip kif ukoll lastku fil-qadd. Il-parti ta’ isfel tal-imsemmija prodotti hija kompletament magħluqa, bħal xkora tal-irqad.

26      Fir-rigward ta’ din l-aħħar karatteristika, huwa importanti li jiġi osservat li l-intestatura 9403 taqa’ taħt il-Kapitolu 94 tan-NM intitolat “għamara; friex, mtieraħ, irfid għal imtieraħ, kuxxini u tagħmir simili mimli; lampi u tagħmir tad-dawl, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra, sinjali mdawwlin, pjanċi ta’ l-isem imdawwlin u bħalhom, bini prefabbrikat”. Il-formulazzjoni tagħha tinkludi “Irfid għal imtieraħ; oġġetti ta’ friex u tagħmir simili [...] armati b’molol jew mimlijin jew b’xi materjal imwaħħal minn ġewwa [...]”. Fir-rigward tas-subintestatura 9404 30 00, din tikkonċerna “xkora għall-irqad” b’mod ġenerali mingħajr ma tidentifika, għal din il-kategorija, sotto-prodotti abbażi tal-karatteristiċi tagħhom.

27      Min-naħa l-oħra, il-Kapitlu 62 tan-NM, dwar l-“oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted), jinkludi, fl-intestatura 6209 il-“Ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ ta’ trabi”, is-subintestatura 6209 20 00 b’mod speċjali dawk tal-qoton. Issa, minħabba l-karatteristiċi tal-parti superjuri tagħhom, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħwejjeġ li jaqgħu taħt it-Taqsima XI tan-NM u mhux bħala oġġetti tas-sodda fil-Kapitolu 94 tat-Taqsima XX tan-NM.

28      Barra minn hekk, min-nota ta’ spjega tan-NM applikabbli għall-intestatura 6209 jirriżulta li din tinkludi, bħal ma huwa previst fin-nota ta’ spjega dwar l-interpretazzjoni tal-intestatura 6209 tas-SA, ċertu numru ta’ oġġetti intiżi għal tfal ta’ età żgħira, b’mod partikolari il-pixie suits u lbies għal-logħob. Dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi li, mingħajr ma huma identiċi għal dawk bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma madankollu simili. Fost il-prodotti hekk msemmija min-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 6209 tan-NM hemm ukoll ċerti tipi ta’ xkejjer tal-irqad bil-kmiem u toqob minn fejn jgħaddu l-idejn, intiżi b’mod ġenerali għat-tfal ta’ inqas minn tmintax-il xahar.

29      Lowlands Design issostni f’dan ir-rigward, li n-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 6209 hija kuntrarja għan-Nota 1(s) tat-Taqsima XI tan-NM peress li din tal-aħħar teskludi espressament mill-kamp ta’ din it-taqsima l-prodotti elenkati fil-Kapitolu 94 tat-Taqsima XX tan-NM, li fosthom hemm, fis-subintestatura 9404 30 00, l-ixkejjer tal-irqad. Madankollu, għandu jiġi rrelevat li din in-nota ta’ taqsima għandha tiġi mifhuma fis-sens li hija limitata sabiex tindika li l-oġġetti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 94 ma jaqgħux taħt it-Taqsima XI.

30      Issa, fid-dawl tar-regola ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-NM minn fejn jirriżulta li l-intestatura l-iktar speċifika għandha l-prijorità fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġeneral, l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt is-subintestatura 9404 30, iżda għandhom, bħala regola, jaqgħu taħt is-subintestatura 6209 20 00.

31      F’dan ir-rigward, in-Nota 4 tal-Kapitolu 62 tan-NM, bħan-Nota 4 tal-Kapitolu 62 tas-SA, jipprovdi li “ilbies u aċċessorji ta’ lbies tat-trabi” imsemmija fl-intestatura 6209 jinkludi oġġetti għat-tfal żgħar mhux itwal minn 86 ċm.

32      In-nota ta’ spjega tan-NM applikabbli għall-intestatura 6209 tipprovdi li din l-intestatura tinkludi diversi lbies intiż b’mod ġenerali għat-tfal ta’ inqas minn tmintax-il xahar u li ċertu lbies li jikkostitwixxi manifestament oġġetti ta’ “layette” jistgħu għalhekk jaqgħu taħt din l-intestatura jkun xi jkun id-daqs tagħhom. Dan huwa l-każ, skont l-imsemmija nota ta’ spjega, tal-pixie suits u tal-ixkejjer tal-irqad bil-kmiem jew bit-toqob minn fejn jgħaddu l-idejn, fejn l-ilbies l-ieħor jaqa’ taħt l-intestatura 6209 “biss jekk id-daqs tagħhom ikun ta’ tfal li ma humiex itwal minn 86 ċm (daqs kummerċjali 86 ikluż)”.

33      Għandu jitfakkar li l-kontenut tan-noti ta’ spjega tan-NM, li ma jissostitwix dawk tas-SA iżda għandu jitqies li jikkomplementa lil dawn tal-aħħar u għandu jiġi kkonsultat flimkien magħhom, għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (sentenza tal-14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, Ġabra p. I‑2851, punt 64).

34      Skont dawn il-prinċipji ta’ interpretazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li prodotti tal-qoton bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jaqgħu taħt is-subintestatura 6209 20 00 jekk, minħabba d-daqs tagħhom, huma magħmulin għal tfal li ma humiex itwal minn 86 ċm, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Jekk dan ma huwiex il-każ, il-formulazzjoni tan-Nota 4 tal-Kapitolu 62 tan-NM teskludi li dawn il-prodotti jaqgħu taħt l-intestatura 6209. F’din l-aħħar ipoteżi, fin-nuqqas tal-pożizzjoni speċifika għal prodotti ta’ dan it-tip u skont ir-regola ġenerali 3(c) għall-interpretazzjoni tan-NM, għandu jiġi kkunsidrat li jaqgħu taħt is-subintestatura 6211 42 90 taħt il-kategorija “oħrajn” fost “ilbies ieħor tan-nisa jew tal-bniet” tal-qoton.

35      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li xkejjer tal-irqad bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jaqgħu taħt is-subintestatura 6209 20 00 “ilbies u aċċessorji ta’ lbies għat-trabi, tal-qoton” jekk, minħabba d-daqs tagħhom ikunu magħmula għal tfal li ma humiex itwal minn 86 ċm. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn il-prodotti għandhom jaqgħu taħt is-subintestatura 6211 42 90 bħala “ilbies ieħor tan-nisa jew tal-bniet, tal-qoton”.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li xkejjer tal-irqad bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jaqgħu taħt is-subintestatura 6209 20 00 “ilbies u aċċessorji ta’ lbies għat-trabi, tal-qoton” jekk, minħabba d-daqs tagħhom ikunu magħmula għal tfal li ma humiex itwal minn 86 ċm. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn il-prodotti għandhom jaqgħu taħt is-subintestatura 6211 42 90 bħala “ilbies ieħor tan-nisa jew tal-bniet, tal-qoton”.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.