Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Svilengrad (il-Bulgarija) fid-19 ta’ Diċembru 2017 – Proċeduri kriminali kontra Daniela Pinzaru u Robert-Andrei Ciristiniu

(Kawża C-707/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad Svilengrad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Daniela Pinzaru u Robert-Andrei Ciristiniu

Domandi preliminari

L-Artikolu 65(3) TFUE u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, tipprevedi sanzjonijiet ta’ tip u b’portata ta’ natura tali li, bħal dawk previsti fl-Artikolu 251 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali) tar-Repubblika tal-Bulgarija li, fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprevedi bħala possibbiltajiet alternattivi għall-impożizzjoni ta’ piena jew ċaħda ta’ libertà għal mhux iktar minn snin snin, bil-possibbiltà ta’ priġunerija effettiva anki fil-każ tal-ewwel reat, jew piena fil-forma ta’ multa li l-ammont tagħha jikkorrispondi għad-doppju tal-ammont li jkun is-suġġett tar-reat, u li, flimkien ma’ waħda miż-żewġ pieni alternattivi previsti, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, bħala sanzjoni addizzjonali u kumulattiva, il-konfiska mill-Istat tal-flus kollha li ma jkunux ġew iddikjarati, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu investigati l-oriġini u l-użu intenzjonat tagħhom, sa fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali tikkostitwixxi kombinazzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-reat u tal-piena, kif stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li jikkostitwixxu restrizzjoni mistura tal-moviment liberu tal-kapital?

Ikkunsidrati flimkien, id-dispożizzjonijiet msemmija, jiġifieri l-Artikolu 65(3) TFUE u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewroepw u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità, l-Artikolu 3 tal-istess regolament, kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 251(2) tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Bulgarija, li, minbarra l-pieni prinċipali previsti fir-rigward ta’ ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1889/2005, tipprevedi wkoll il-konfiska mill-Istat tal-flus kollha li ma jkunux ġew iddikjarati, irrispettivament mill-oriġini u mill-użu intenzjonat tagħhom?

L-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali prevista fl-Artikolu 251(2) tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Bulgarija, bħala miżura li tinvolvi konfiska u li tissanzjona s-sempliċi nuqqas tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, ma tiżgurax bilanċ korrett bejn l-interess pubbliku u r-rekwiżit li jiġi protett id-dritt għall-proprjetà kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

____________

1 ĠU 2005, L 309, p. 9.