Language of document : ECLI:EU:C:2006:456

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Lulju 2006 (*)

"Direttiva 2000/78/KE– Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Kunċett ta’ diżabilità"

Fil-kawża C-13/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 33 ta’ Madrid (Spanja), permezz tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2005, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2005, fil-proċedura

Sonia Chacón Navas

vs

Eurest Colectividades SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta’ Awla, J.-P. Puissochet, N. Colneric (Relatur), K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wars li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Eurest Colectividades SA, minn R. Sanz García-Muro, abogada,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martinez del Peral Cagigal u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, għal dak li jikkonċerna d-diskriminazzjoni bbażata fuq diżabilità, tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16), u, fit-tieni lok, fuq projbizzjoni eventwali ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-mard.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Chacón Navas kontra l-kumpannija Eurest Colectividades SA (iktar ’il quddiem "Eurest") dwar sensji li jseħħu waqt waqfien mix-xogħol minħabba mard.

 Il-kuntest ġuridiku u leġiżlattiv

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 136 KE jipprovdi:

"Il-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità ta’ l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira il-promozzjoni ta’ l-impieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ [i]mp[j]ieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni."

4       L-Artikolu 137(1) u (2) KE jagħtu lill-Komunità l-kompetenzi sabiex iwettqu u jikkompletaw l-azzjoni ta’ l-Istati Membri sabiex jitwettqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 136 KE, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

5       Id-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 KE fil-verżjoni tagħha wara t-Trattat ta’ Nizza li tipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għad-dispo[ż]izzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-di[ż]abilità, l-età jew it-tendenzi sesswali."

6       L-Artikolu 1 ta’ Direttiva 2000/78 jipprovdi:

"L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta[‘] ugwaljanza fit-trattament."

7       Din id-direttiva tgħid fil-premessi tagħha:

"(11) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, di[ż]abilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ [i]mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, di[ż]abilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ [oqsma] koperti minn din id-Direttiva għandhom [i]kunu pprojbiti fil-Komunità kollha. [...]

[…]

(16)      Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba di[ż]abilità.

(17)      Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu [p]provduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’di[ż]abilitajiet.

[…]

(27)      Fir-Rakkomandazzjoni tagħha 86/379/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-impjieg ta’ persuni b’di[ż]abilità fil-Komunità [ĠU L 225, p.43], il-Kunsill stab[b]ilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità, u fir-Reżoluzzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar opportunitajiet ta’ [i]mpjieg ugwali għall-persuni b’diżabilitajiet, iddikjarat l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika fost affarijiet oħra lir-reklutaġġ, lid-detenzjoni, lit-taħriġ u t-tagħlim kontinwu għar-rigward ta’ persuni b’diżabilità."

8       L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

"1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, "il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament" għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni [i]ndiretta meta fejn dispo[ż]izzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispo[ż]izzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

ii)      fir-rigward ta’ persuni b’di[ż]abilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legi[ż]lazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispo[ż]izzjoni, kriterju jew prattika simili."

9       Skond l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

"1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]"

10     L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

"Sabiex tiġi [g]garantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi [p]provduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li [j]ħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar di[ż]abilità fl-Istat Membru ikkonċernat."

11     Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li seħħet fi Strasburgu fid-9 ta’ Diċembru 1989, li fiha l-Artikolu 136(1) KE jagħmel referenza għaliha, issemmi fil-punt 26 tagħha:

"Kull persuna b’diżabilità, tkun xi tkun l-oriġini u n-natura tad-diżabilità tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri addizzjonali konkreti intiżi li jiffavorixxu l-integrazzjoni professjonali u soċjali tagħhom.

Dawn il-miżuri ta’ titjib għandhom b’mod partikolari jikkonċernaw, abbażi tal-kapaċitajiet tal-persuni kkonċernati, il-formazzjoni professjonali, tax-xogħol, l-acċċessibbiltà, il-mobbiltà, il-mezzi tat-trasport u l-akkomodazzjoni." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Skond l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola:

"L-Ispanjoli huma ugwali quddiem il-liġi, u ma tistax isseħħ ebda diskriminazzjoni minħabba twelid, razza, sess, reliġjon, opinjoni, jew kwalunkwe kundizzjoni oħra jew ċirkustanza personali jew soċjali."

13     Id-diġriet Irjali leġiżlattiv Nru 1/1995, ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, li japprova l-abbozz emendat tal-liġi tal-ħaddiema (Estatuto de los Trabajadores, BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem il-"liġi tal-ħaddiema"), jagħmel distinzjoni bejn is-sensji irregolari u s-sensji nulli.

14     L-Artikolu 55(5) u (6) tal-liġi tal-ħaddiema jgħid hekk:

"5.      Hija meqjusa nulla kull sensja li għandha bħala motiv waħda mill-kawżi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti mill-Kostituzzjoni jew mil-liġi, jew li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi rrikonoxxuti favur il-ħaddiema.

[…]

6.      Sensja nulla għandha bħala effett ir-reintegrazzjoni immedjata tal-ħaddiem, bi ħlas tas-salarji mhux riċevuti."

15     Jirriżulta mill-Artikolu 56(1) u(2) tal-liġi tal-ħaddiema li, fil-każ ta’ sensji irregolari, sakemm minn iħaddem ma jiddeċidiex li jirreintegrah, il-ħaddiem jitlef xogħlu u jitħallas kumpens.

16     Għal dak li jikkonċerna l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fir-relazzjonijiet tax-xogħol, l-Artikolu 17 tal-liġi tal-ħaddiema, fil-verżjoni tiegħu emendat mil-liġi 62/2003 tat-30 ta’ Diċembru 2003 li tistabbilixxi miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ ordni soċjali (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2003, p. 46874), li tipprovdi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 fil-liġi Spanjola, jipprovdi hekk:

"1.      Huma meqjusa nulli u bla effett id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, il-klawżoli tal-ftehim kollettivi, il-kuntratti individwali u d-deċiżjonijiet unilaterali ta’ minn iħaddem li joħolqu direttament jew indirettament diskriminazzjoni negattiva bbażata fuq l-età jew diżabilità kemm pożittivi kemm negattivi fil-qasam tax-xogħol, tal-ħlas, tal-ħin tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet oħra tax-xogħol ibbażati fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, l-istat ċivili, is-sitwazzjoni soċjali, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjonijiet politiċi, l-orjentazzjoni sesswali, l-isħubija jew li wieħed joqgħod lura milli jissieħeb f’sindakat u għall-ftehim tagħhom, rabtiet ta’ parentela ma’ ħaddiema oħra tal-kumpannija u l-lingwa fl-Istat Spanjol.

[…]".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17     S. Chacón Navas kienet taħdem għal Eurest, kumpannija speċjalizzata fir-ristorazzjoni (catering). Hija kellha tieqaf mix-xogħol minħabba mard fl-14 ta’ Ottubru 2003 u, skond is-servizzi pubbliċi tas-saħħa li kienu qed jikkurawha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li terġa tkompli bl-attività professjonali tagħha fi żmien qasir. Il-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda indikazzjoni dwar il-marda li kienet tbati minnha S. Chacón Navas.

18     Fit-28 ta’ Mejju 2004, Eurest innotifikat lill-S. Chacón Navas li kienet qed tagħtiha s-sensja, mingħajr ma tat raġuni, waqt li rrikonoxxiet in-natura irregolari tagħha filwaqt li offritilha kumpens.

19     Fid-29 ta’ Ġunju 2004, S. Chacón Navas ressqet rikors kontra Eurest, li fih sostniet li s-sensja kienet nulla minħabba li hija kienet is-suġġett ta’ inugwaljanza fit-trattament u ta’ diskriminazzjoni, li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tal-waqfien mix-xogħol li fiha hija kienet tinsab wara tmien xhur. Hija talbet li Eurest tiġi ordnata terġa timpjegaha fil-kariga tagħha.

20     Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni oħra jew prova fl-atti, jirriżulta mill-inversjoni ta’ l-oneru tal-prova li S. Chacón Navas għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat sensja għar-raġuni biss li hi kienet waqfet mix-xogħol minħabba mard.

21     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-ġurisprudenza Spanjola, jeżistu preċedenti li jindikaw li din it-tip ta’ sensja hija kklassifikata bħala irregolari u mhux nulla peress li, fid-dritt Spanjol, il-mard mhuwiex espressament indikat fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti fir-relazzjonijiet bejn persuni privati.

22     Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li teżisti rabta kawżali bejn il-marda u d-diżabilità. Sabiex tiddefinixxi t-terminu "diżabilità", ikun xieraq li tintuża l-klassifikazzjoni internazzjonali tal-funzjonament, tad-diżabilità u tas-saħħa (CIF), stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Jirriżulta li t-terminu "diżabilità" huwa terminu ġeneriku li jinkludi n-nuqqasijiet u l-fatturi li jillimitaw l-attività u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali. Il-marda tista’ tinkludi nuqqasijiet li jiddiżabilitaw lill-individwu.

23     Peress li l-marda spiss tista’ tinkludi diżabilità irriversibbli, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ħaddiema għandhom ikunu protetti fi żmien xieraq abbażi tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità. Soluzzjoni inversa essenzjalment tneħħi l-protezzjoni mixtieqa mil-leġiżlatur peress li jkun ukoll possibbli li jiġu implementati prattiċi diskriminatorji mhux ikkontrollati.

24     Fil-każ fejn wieħed jikkunsidra li d-diżabilità u l-marda huma żewġ kunċetti differenti u li l-leġiżlazzjoni komunitarja mhijiex applikabbli direttament għal din ta’ l-aħħar, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li jiġi kkonstatat li l-marda tikkostitwixxi sinjal ta’ identità mhux speċifikament iċċitat li jrid jiġi miżjud ma’ dawk li abbażi tagħhom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kollha. Dik il-kostatazzjoni toħroġ minn qari flimkien ta’ l-Artikoli 13 KE, 136 KE u 137 KE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu II‑21 ta’ l-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

25     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social Nru 33 ta’ Madrid iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      Peress li l-Artikolu [1] tagħha jistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, id-Direttiva 2000/78 tipproteġi ħaddiem li lilha ngħatat is-senja mill-kumpannija tagħha unikament għaliex kienet marida?

2)      Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jekk jiġi ikkunsidrat li l-marda ma taqax fil-qafas ta’ protezzjoni li d-Direttiva 2000/78 toffri kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq id-diżabilità:

Il-marda tista’ tiġi kkunsidrata bħala sinjal ta’ identità supplementari li jiżdied ma’ dawk li għalihom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni?"

 Fuq l-ammissibiltà tar-rinviju preliminari

26     Il-Kummissjoni tpoġġi fid-dubju l-ammissibbiltà tad-domandi mressqa għar-raġuni li l-fatti deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju mhumiex preċiżi.

27     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, minkejja n-nuqqas ta’ kull informazzjoni dwar in-natura u l-evoluzzjoni eventwali tal-marda ta’ S. Chacón Navas, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed elementi sabiex tkun tista’ tirrispondi għad-domandi magħmula b’mod xieraq.

28     Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li S. Chacón Navas, li waqfet mix-xogħol minħabba mard u li ma kinitx aktar f’pożizzjoni li tkompli fi żmien qasir bl-attività professjonali tagħha, ingħatat, skond il-qorti tar-rinviju, is-sensja għar-raġuni biss li hija kienet waqfet mix-xogħol minħabba mard. Jirriżulta wkoll minn din id-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tqis li teżisti rabta kawżali bejn il-marda u d-diżabilità u li ħaddiem fis-sitwazzjoni ta’ S. Chacón Navas irid ikun protett abbażi tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq id-diżabilità.

29     Id-domanda magħmula fl-ewwel lok tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ "diżabilità" skond id-Direttiva 2000/78. L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lil dan il-kunċett għandha l-għan li tippermetti lill-qorti tar-rinviju teżamina jekk fil-mument ta’ l-għoti tas-sensja S. Chacón Navas kinitx, minħabba mard, persuna b’diżabilità fis-sens ta’ dik id-direttiva, li tgawdi mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha.

30     Għal dak li jikkonċerna d-domanda magħmula fit-tieni lok, din tirreferi għall-marda bħala "sinjal ta’ identità" u għalhekk tirrigwarda kull tip ta’ marda.

31     Eurest tqis li r-rinviju preliminari mhuwiex ammissibbli peress li l-qrati Spanjoli, b’mod partikolari t-Tribunal Supremo, fil-passat kienu diġà iddeċidew, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni komunitarja, li s-sensja ta’ ħaddiem wieqaf mix-xogħol minħabba mard, fih innifsu ma jammontax għal diskriminazzjoni. Madankollu, il-fatt li qorti nazzjonali diġà interpretat leġiżlazzjoni komunitarja ma jirrendix inammissibbli rinviju preliminari.

32     Għal dak li jikkonċerna l-argument ta’ Eurest li skond dan hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija keċċiet lil S. Chacón Navas, indipendentement mill-fatt li din l-aħħar imsemmija kienet waqfet mix-xogħol minħabba mard, peress li, f’dak il-mument, is-servizzi tagħha ma kinux aktar indispensabbli, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni kollha tal-fatti tal-kawża jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-imħallef nazzjonali. Hija kompetenza esklużiva ta’ l-imħallef nazzjonali, li jkun qed jisma’ l-kawża u li jkun irid jassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li jevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi, u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27, u tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 33).

33     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi mitluba mill-qorti nazzjonali bil-għan li tiġi vverifikata l-kompetenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju mitluba m’għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39, u tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I-1529, punt 25).

34     F’dan il-każ partikolari, peress li l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma seħħew, id-domanda għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

35     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk il-kuntest ġenerali stabbilit mid-Direttiva 2000/78 sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità tassigura protezzjoni lil persuna li tingħata s-sensja minn min iħaddimha esklużivament minħabba mard.

36     Kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, din tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità, lill-persuni kollha, f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għal għoti ta’ sensji.

37     F’dawn il-limiti, il-kuntest ġenerali stabbilit mid-Direttiva 2000/78 għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità għalhekk hija applikabbli fil-qasam tas-sensji.

38     Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, jeħtieġ li fl-ewwel lok, jiġi interpretat il-kunċett ta’ "diżabilità" fis-sens tad-Direttiva 2000/78 u, fit-tieni lok, li jiġi eżaminat b’liema mod il-persuni b’diżabilità huma protetti minnha, għal dak li jikkonċerna s-sensji.

 Fuq il-kunċett ta’ "diżabilità"

39     Il-kunċett ta’ "diżabilità" mhuwiex iddefinit mid-Direttiva 2000/78 stess. Din id-direttiva ma tagħmilx aktar riferiment għad-dritt ta’ l-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

40     Issa, jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm ta’ l-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt komunitarju li ma jinkludi ebda riferiment speċifiku għad-dritt ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens tagħhom u l-portata tagħha għandu normalment isib, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li trid tiġi mfittxija fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imħaddan mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11, u tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-323/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 32).

41     Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha bħala għan qafas ġenerali għall-ġlieda, għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi previsti f’dan l-Artikolu, li fosthom tidher id-diżabilità.

42     Kif jirriżulta minn dan il-għan, il-kunċett ta’ "diżabilità" skond id-Direttiva 2000/78 għandu, skond ir-regola msemmija fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi.

43     Id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tiġġieled ċerti tipi ta’ diskriminazzjoni għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ "diżabilità" irid jiġi mifhum bħala li jirreferi għal limitazzjoni, ikkawżata b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali.

44     Madankollu, bl-użu tal-kunċett ta’ "diżabilità" fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur deliberatament għażel terminu li huwa differenti minn dak ta’ "mard". Assimilazzjoni pura u sempliċi taż-żewġ kunċetti hija allura eskluża.

45     Is-sittax-il premessa tad-Direttiva 2000/78 tgħid li l-"[i]l-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità". L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur komunitarju lill-miżuri intiżi li jirregolaw il-post tax-xogħol fir-rigward tad-diżabilità turi li huwa ppreveda sitwazzjonijiet li fihom il-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali hija mxekkla għal perijodu twil. Sabiex il-limitazzjoni toħroġ mill-kunċett ta’ "diżabilità", irid ikun għalhekk probabbli li hija tkun għal żmien twil.

46     Id-Direttiva 2000/78 ma tinkludi ebda indikazzjoni li tħalli x’wieħed jaħseb li l-ħaddiema huma protetti abbażi tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità malli marda kwalunkwe tkun manifesta.

47     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li persuna li ġiet mogħtija sensja minn min iħaddimha esklużivament minħabba mard ma taqax taħt il-qafas ġenerali stabbilit għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità permezz tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-qasam tas-sensji

48     Trattament żvantaġġuż ibbażat fuq diżabilità ma jmurx kontra l-protezzjoni prevista fid-Direttiva 2000/78 sa fejn din tikkostitwixxi diskriminazzjoni skond l-Artikolu 2(1) tagħha.

49     Skond is-sbatax-il premessa tagħha, id-Direttiva 2000/78 ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol ikkonċernat, bla ħsara għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabilità.

50     Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, għandhom isiru arranġamenti raġonevoli sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikolari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fi, jew tavvanza fl-impjieg, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem.

51     Il-projbizzjoni, fil-qasam tas-sensji, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, li toħroġ mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, tipprojbixxi sensji bbażati fuq diżabilità li, kif jirriżulta mill-obbligu li jsiru arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabilità, mhijiex iġġustifikata mill-fatt li l-persuna kkonċernata mhijiex kompetenti, mhijiex kapaċi u lanqas disponibbli biex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol tagħha.

52     Jirriżulta minn dawn il-premessi kollha msemmija iktar ’il fuq li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula fis-sens li:

–       persuna li ngħatat sensja minn min iħaddimha esklużivament għal raġuni ta’ mard ma taqax taħt il-kwadru ġenerali stabbilit sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità mid-Direttiva 2000/78;

–       il-projbizzjoni, fil-qasam tas-sensji, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, li toħroġ mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, tipprojbixxi sensja bbażata fuq diżabilità li, kif jirriżulta mill-obbligu li jsiru arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabilità, mhijiex iġġustifikata mill-fatt li l-persuna kkonċernata mhijiex kompetenti, mhijiex kapaċi u lanqas disponibbli biex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol tagħha.

 Fuq it-tieni domanda

53     Permezz tat-tieni domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk il-mard jistax jiġi kkunsidrat bħala motiv li jista’ jiġi miżjud ma’ dawk li abbażi tagħhom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni.

54     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma għandu projbizzjoni għad-diskriminazzjoni bbażata fuq mard fih nnifsu.

55     Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 13 KE kif ukoll l-Artikolu 137 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 136 KE, huma jinkludu regolament wieħed biss fuq il-kompetenzi tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, lil hinn mid-diskriminazzjoni bbażata fuq diżabilità, l-Artikolu 13 KE ma jsemmix dik ibbażata fuq mard fih nnfishu u għalhekk ma jikkostitwixxix bażi ġuridika tal-miżuri tal-Kunsill li għandhom l-għan li jiġġieldu diskriminazzjoni bħal din.

56     Ċertament, fost in-numru ta’ drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju hemm b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali ta’ non diskriminazzjoni. Għaldaqstant, dan jorbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I-11915, punti 30 u 32, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I-5659, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq). Madankollu, ma jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 irid jiġi estiż b’analoġija lil hinn mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-motivi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha.

57     Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda fis-sens li l-mard fih innifsu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala motiv li jiġi inkluż ma dawk li abbażi tagħhom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

58     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Persuna li ngħatat sensja minn min iħaddimha esklużivament għal raġuni ta’ mard ma taqax taħt il-kwadru ġenerali stabbilit sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

2)      Il-projbizzjoni, fil-qasam tas-sensji, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, li toħroġ mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, tipprekludi sensja bbażata fuq diżabilità li, kif jirriżulta mill-obbligu li jsiru arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabilità, mhijiex iġġustifikata mill-fatt li l-persuna kkonċernata mhijiex kompetenti, mhijiex kapaċi u lanqas disponibbli biex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol tagħha.

3)      Il-mard fih innifsu ma jistax jiġi kkunsidrata bħala motiv li jiġi inkluż ma dawk li abbażi tagħhom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.