Language of document : ECLI:EU:C:2009:107

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

19 ta’ Frar 2009 (*)

“Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Żamma u żvelar ta’ ċerta data dwar it-traffiku tal-Internet – Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunċett ta’ ‘intermedjarju’ fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE”

Fil-Kawża C‑557/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura

LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten GmbH

vs

Tele2 Telecommunication GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

il-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi dwar it-tieni domanda permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

wara li l-qorti tar-rinviju ġiet informata li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi dwar l-ewwel domanda permezz ta’ digriet motivat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

wara li l-partijiet interessati li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1         It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230‑239), id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514-524), u d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32-39).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten GmbH (iktar ’il quddiem “LSG”) u Tele2 Telecommunication GmbH (iktar ’il quddiem “Tele2”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li biex tibgħatilha l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni li lilhom tipprovdi aċċess għall-internet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-dispożizzjonijiet dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari d-dritt tal-awtur.

–       Id-Direttiva 2000/31/KE

3        Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399-414), għandha bħala għan li tikkontribwixxi għal funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni.

–       Id-Direttiva 2001/29

4        Id-disa’ u ħamsin premessa tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi:

“Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni [mandat ta’ inibizzjoni] kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli anke fejn l-atti mwettqa minn intermedjarju jkunu eżenti skond l-Artikolu 5. Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

5        Skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, din tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, b’enfasi partikolari fuq is-soċjetà tal-informazzjoni.

6        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet” jipprovdi:

“Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

a) trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

b) użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.”

7        Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat: “Sanzjonijiet u Rimedji”:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

–       Id-Direttiva 2004/48

8        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 huwa miktub kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

a) instab f’possessjoni [ikollu fil-pussess tiegħu] ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

b) instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

ċ) instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu; jew

d) kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

2. L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

a) l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

b) informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

(a) jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

b) jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

(ċ) jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt tal-informazzjoni; jew

(d) jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; jew

(e) jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

 Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-protezzjoni ta’ data personali

–       Id-Direttiva 95/46/KE

9        L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355-374), jipprovdi taħt it-titolu “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”:

“1. Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:a) sigurtà nazzjonali;

b) difiża;

ċ) sigurtà pubblika;

d) prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e) interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

f) monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

g) il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

–       Id-Direttiva 2002/58

10      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

11      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1. Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2. Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3. Għall-iskopijiet ta’ marketing ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew marketing, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih jirrelataw id-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku f kull ħin.

[…]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

6. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jgħoddu bla preġudizzu għall-possibilità ta’ korpij kompetenti li jiġu informati dwar data dwar it-traffiku skond il-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu riżolti d-disputi, partikolarment disputi dwar interkonnessjoni jew kontijiet.”

12      Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      L-Artikolu 81 tal-liġi federali dwar id-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet letterarji jew artistiċi u fuq id-drittijiet relatati (Bundesgesetz über das Urheberrecht an Werken der Literatur und der Kunst und über verwandte Schutzrechte), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGB1. I,81/2006 (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jipprovdi:

“1) Kull persuna li d-dritt esklużiv tagħha mogħti mil-liġi preżenti jiġi miksur jew li taħseb li jista’ jkun hemm tali ksur tista’tagħmel rikors għal mandat ta’ inibizzjoni. Jistgħu wkoll jittieħdu passi legali wkoll kontra l-proprjetarju ta’ impriża jekk il-ksur twettaq, jew hemm ir-riskju li jitwettaq, matul l-attività tal-impriża tiegħu minn wieħed mill-impjegati tiegħu jew minn mandatarju.

1 a)      Jekk l-awtur ta’ tali ksur jew persuna li tista’ twettaq tali ksur jużaw għal dan il-għan is-servizzi ta’ intermedjarju, att ta’ inibizzjoni jista’ jitressaq kontra dan tal-aħħar.

[…]”

14      L-Artikolu 87b(2) u (3) tal-UrhG jipprovdi:

“2) Kull persuna li d-dritt esklużiv tagħha mogħti mil-liġi preżenti ġie miksur tista’ titlob informazzjoni dwar l-oriġini u l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti u servizzi ffalsifikati, taħt il-kundizzjoni li tali talba ma tkunx sproporzjonata fil-konfront tal-gravità tal-ksur u ma tmurx kontra l-obbligi legali ta’ kunfidenzjalità; huma marbuta li jipprovdu tali informazzjoni min iwettaq il-ksur kif ukoll il-persuni li, fuq bażi kummerċjali:

1.      kienu fil-pussess ta’ merkanzija ffalsifikata;

2.      uzaw servizzi ffalsifikati, jew

3.      ipprovdew servizzi użati f’attivitajiet ta’ falsfikazzjoni.

2 a)      L-obbligu ta’ informazzjoni previst fil-paragrafu 2 huwa bbażat, skont il-każ:

1.       fuq l-ismijiet u indirizzi ta’ manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi preċedenti oħrajn ta’ merkanzija jew ta’ servizzi kif ukoll bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

2.      fuq il-kwantitajiet manifatturati, kunsinnati, irċevuti jew ordnati, kif ukoll fuq il-prezz imħallas għall-merkanzija jew servizzi inkwistjoni.

3)      L-intermedjarji fis-sens tal-Artikolu 81(1)(a) huma marbuta jipprovdu lill-persuna leża, fuq talba tagħha bil-miktub u mmotivata b’mod adegwat, l-informazzjoni li tikkonċerna l-identità tal-persuna li twettaq il-ksur (isem u indirizz) jew li huma neċessarji sabiex din tiġi identifikata. Din it-talba għandha tiġi mmotivata b’mod partikolari permezz ta’ indikazzjonijiet suffiċjentement konkreti tal-fatti li huma l-bażi tad-dubju ta’ ksur. Il-persuna leża hija marbuta tikkumpensa lill-intermedjarju l-ispejjeż raġonevoli maħluqa mill-provvista ta’ tali informazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      LSG hija kumpannija ta’ amministrazzjoni kollettiva. Fil-kwalità tagħha ta’ amministrattriċi ta’ trust, hija tiddefendi d-drittijiet tal-produtturi tal-fonogrammi fuq ir-reġistrazzjonijiet tagħhom fid-dinja kollha kif ukoll id-drittijiet tal-artisti fuq il-wirjiet tagħhom fl-Awstrija. Dawn id-drittijiet huma, b’mod partikolari, id-dritt ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni kif ukoll id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku.

16      Tele2 tipprovdi aċċess għall-internet li tassenja lill-klijenti tagħha indirizz IP (“Internet Protocol”), fil-biċċa l-kbira dinamiku. Malli tagħti l-indirizz u mill-perijodu jew il-mument preċiż li fih dan l-indirizz ikun ġie assenjat, Tele2 hija f’pożizzjoni li tidentifika klijent.

17      Minħabba l-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ qsim ta’ fajls, li jippermettu lill-parteċipanti li jibdlu kopji ta’ data miżmuma, il-proprjetarji tad-drittijiet li tirrappreżenta LSG batew dannu finanzjarju. Sabiex tkun tista’ tressaq proċedura ċivili kontra min wettaq il-ksur, LSG talbet li Tele2 tiġi ordnata tipprovdiha l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni li lilhom din ipprovdiet servizz ta’ aċċess għall-internet, kif ukoll l-indirizz IP, il-ġurnata u l-ħin ta’ konnessjoni ukoll. Tele2 qieset, minn naħa tagħha, li t-talba għal informazzjoni kellha tiġi miċħuda. Hija sostniet li mhijiex intermedjarja u mhijiex awtorizzata żżomm data relatata mal-aċċess.

18      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2006, il-Handelsgericht Wien laqgħat it-talba ta’ LSG, billi kkunsidrat li Tele2, li kienet tipprovdi aċċess għall-internet, hija intermedjarja skont l-Artikolu 81(1)(a) tal-UrhG u li, b’hekk, hija marbuta tipprovdi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 87b(3) tal-UrhG.

19      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Oberlandesgericht Wien ikkonfermat, fl-appell, id-deċiżjoni tal-ewwel istanza permezz tas-sentenza tat-12 ta’ April 2007, li kienet is-suġġett ta’ rikors għal “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof.

20      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Tele2 issostni, minn naħa, li hija mhijiex intermedjarja skont l-Artikolu 81(1)(a) tal-UrhG u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, peress li, bħala persuna li tipprovdi aċċess għall-internet, huwa minnu li hija tippermetti lil utent li jkollu aċċess għan-netwerk, iżda hija ma twettaq l-ebda kontroll, de jure jew de facto, fuq is-servizzi użati minnu. Min-naħa l-oħra, il-problemi eżistenti bejn id-dritt għall-informazzjoni, li jimplika l-protezzjoni ġuridika tad-drittijiet tal-awtur, u l-limiti taż-żamma u l-komunikazzjoni ta’ data personali imposti mid-dritt għall-protezzjoni tad-data ġew solvuti mid-direttivi Komunitarju favur il-protezzjoni tad-data.

21      L-Oberster Gerichtshof tqis li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271), mogħtija wara r-rinviju preliminari preżenti, joħolqu xi dubji fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-dritt għall-informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 87b(3) tal-UrhG, moqri flimkien mal-Artikolu 81(1)(a) tal-istess liġi, huwiex konformi mad-direttivi adottati rigward il-protezzjoni tad-data u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 5, 6 u 15 tad-Direttiva 2002/58. L-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jimponu fil-fatt li tiġi pprovduta, lil persuni privati terzi, l-informazzjoni li tirrigwarda d-data personali dwar it-traffiku tal-internet, u dan l-obbligu ta’ informazzjoni jeżiġi minn qabel it-trattament u ż-żamma tad-data dwar it-traffiku tal-internet.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kelma ‘intermedjarju’ użata fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2001/29/KE] għandha tiġi interpretata fis-sens li dan il-kunċett ikopri wkoll fornitur ta’ aċċess li kull ma jagħmel huwa li jagħti lill-utent aċċess għan-netwerk billi jassenjalu indirizz IP dinamiku, iżda li ma jipprovdix huwa stess lill-utent servizzi bħalma huma s-servizzi ta’ posta elettronika, ta’ tniżżil (downloading) jew ta’ qsim ta’ fajls, u li ma jeżerċita l-ebda kontroll de jure jew de facto fuq is-servizz użat mill-utent?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fir-rigward tal-Artikoli 6 u 15 tad-Direttiva [2002/58], l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2004/48/KE] għandu jiġi interpretat (b’mod restrittiv) fis-sens li ma jawtorizzax it-trażmissjoni, lil persuni privati terzi, ta’ data personali dwar it-traffiku tal-internet sabiex jinbdew proċeduri quddiem il-qrati ċivili dwar ksur, stabbilit prima facie, ta’ drittijiet ta’ esklużività mogħtija mid-drittijiet tal-awtur (drittijiet ta’ sfruttament u tal-użu tax-xogħol)?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri, b’mod partikolari, meta t-tweġiba għal domanda preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal din id-domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ f’kull mument, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.

 Fuq it-tieni domanda

24      Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 15 tad-Direttiva 2002/58, jipprekludux li l-Istati Membri jistabbilixxu l-obbligu li tintbagħat data personali lil persuni privati terzi dwar it-traffiku tal-internet sabiex ikunu jistgħu, quddiem il-qrati ċivili, jieħdu proċeduri kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

25      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26      Fil-fatt, fil-punt 53 tas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fost l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jirreferi b’mod speċifiku għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, hemm miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn. Peress li d-Direttiva 2002/58 ma tippreċiżax id-drittijiet u l-libertajiet ikkonċernati minn din l-eċċezzjoni, din għandha tiġi interpretata li tesprimi r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li ma jiġux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-protezzjoni tad-dritt għal proprjetà u lanqas is-sitwazzjonijiet li fihom l-awturi jfittxu li jiksbu din il-protezzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza Promusicae, li d-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari fl-Artikolu 15(1) tagħha, ma teskludix il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprovdu l-obbligu ta’ żvelar, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, tad-data personali, iżda li lanqas ma tobbliga lil dawn l-Istati sabiex jipprovdu tali obbligu.

28      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-libertà mogħtija lill-Istati Membri biex jikklassifikaw b’mod prevalenti d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew id-dritt għal proprjetà titnaqqas minħabba diversi rekwiżiti. B’hekk, matul it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/31, 2001/29, 2002/58 u 2004/48, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti protetti mis-sistema Komunitarja. Barra minn hekk, l-awtoritajiet, kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri kellhom matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttivi, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi għal dawn id-direttivi, iżda jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħalma huwa l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza Promusicae, iċċitata iktar il fuq, punt 70).

29      Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha tingħatalha r-risposta li d-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati terzi ta’ data personali dwar it-traffiku tal-internet sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem qrati ċivili, kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, id-dritt Komunitarju jeżiġi li l-Istati Membri, matul it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/31, 2001/29, 2002/58 u 2004/48, għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti inkwistjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet, kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri għandhom, matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttivi, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi, iżda wkoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħalma huwa l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk persuna li tipprovdi aċċess, li sempliċement tipprovdi lill-utenti l-aċċess għall-internet, mingħajr ma tipproponi servizzi oħra u li ma teżerċitax kontroll de jure jew de facto fuq is-servizz użat, taqax taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju” fis-sens tal-Artikoli 5(1)(a) u 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

31      Peress li r-risposta għal din id-domanda ma tħallix lok għal dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, informat lill-qorti tar-rinviju li qed tipproponi li tiddeċiedi dwar it-tieni domanda permezz ta’ digriet motivat u stiednet lill-persuni interessati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar dan is-suġġett.

32      LSG, il-Gvern Spanjol, il-Gvern tar-Renju-Unit kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indikaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma kellhomx oġġezzjonijiet xi jressqu fir-rigward tal-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

33      Minn naħa tagħha, Tele2 limitat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, essenzjalment, għall-elementi diġà mqajma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Skont id-dritt Komunitarju, persuna li tipprovdi aċċess għall-internet tibbenefika, f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tagħha, minn trattament privileġgjat, li huwa inkompatibbli mal-obbligu ta’ informazzjoni mingħajr limitu. Madankollu, din il-kumpannija tikkunsidra li l-argument tagħha b’hekk ripetut m’għandux iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tikkunsidrax il-mezzi proċedurali previsti.

34      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-kliem tad-domandi magħmula jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tfittex li ssir taf jekk persuna li tipprovdi aċċess għall-internet, li sempliċement tippermetti lil utent ikollu aċċess għan-netwerk, għandhiex l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fit-tieni domanda.

35      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2001/29 jawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu xi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni.

36      Madankollu, il-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju hija intiża li jsir magħruf jekk LSG tistax issostni dritt għal informazzjoni kontra Tele2 u mhux jekk din tal-aħħar kisritx dritt ta’ riproduzzjoni.

37      Isegwi li interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2001/29 ma tippreżenta ebda utilità għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

38      Tele2 issostni b’mod partikolari li l-intermedjarji għandhom huma stess itemmu l-ksur imwettaq kontra d-drittijiet tal-awtur. Madankollu, persuni li jipprovdu aċċess għall-internet, sa fejn m’għandhom ebda kontroll de jure jew de facto fuq is-servizzi li għalihom l-utent għandu aċċess, mhumiex f’pożizzjoni li jtemmu tali ksur u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29.

39      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-kawża li tat lok għas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna l-komunikazzjoni, minn Telefónica de España SAU, kumpannija kummerċjali li għandha bħala attività, b’mod partikolari, il-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, tal-identità u tal-indirizz fiżiku ta’ ċerti persuni li lilhom hija kienet tipprovdi tali servizzi u għalhekk l-indirizz IP tagħhom kif ukoll id-data u l-ħin tal-konnessjoni kienu magħrufa (sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).

40      Huwa paċifiku, kif jirriżulta mid-domanda magħmula u mill-fatti tal-kawża prinċipali li taw lok għas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar il fuq, li l-kumpannija kummerċjali Telefónica de España SAU kienet tipprovdi l-aċċess għall-internet (sentenza Promusicae, iċċitata iktar il fuq, punti 30 u 34).

41      Għaldaqstant, billi ddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar il fuq, li d-Direttivi 2000/31, 2001/29, 2002/58 u 2004/48 ma jimponux fuq l-Istati Membri li jipprovdu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, l-obbligu li tiġi kkomunikata data personali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett ma eskludietx il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ persuna li tipprovdi aċċess għall-internet.

42      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni li japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom ikunu użati minn terzi biex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat.

43      Madankollu, persuna li tipprovdi aċcess, li sempliċement tippermetti lil klijent li jkollu aċċess għall-internet anki mingħajr ma tipproponi servizzi oħra u lanqas ma twettaq kontroll de jure jew de facto fuq is-servizz użat, tkun qed tipprovdi servizz li jista’ jintuża minn terzi sabiex tikser id-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat, meta tipprovdi lill-utent il-konnessjoni li permezz tagħha jkun jista’ jikser tali drittijiet.

44      Barra minn hekk, skont id-disa’ u ħamsin premessa tad-Direttiva 2001/29, id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikollhom il-possibbiltà li japplikaw għal mandat ta’ inibizzjoni kontra intermedjarju li jittrażmetti f’netwerk falsfikazzjoni mwettqa minn terzi ta’ xogħol protett jew suġġett protett ieħor. Issa, huwa paċifiku li persuna li tipprovdi aċċess, meta tagħti l-aċċess għan-netwerk tal-internet, tippermetti t-trażmissjoni ta’ tali falsfikazzjoni bejn abbonat u terzi.

45      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan tad-Direttiva 2001/29 li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) tagħha, hija intiża li tiżgura l-protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern. Fil-fatt, li tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “intermedjarju”, fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, persuna li tipprovdi aċċess, li hija l-unika persuna li żżomm data li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu identifikati l-utenti li jkunu kisru dawn id-drittijiet, inaqqas sostanzjalment il-protezzjoni mixtieqa minn din id-direttiva.

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li persuna li tipprovdi aċċess, li sempliċement tipprovdi aċċess għall-internet lill-utenti, mingħajr ma tipproponi servizzi oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ posta elettronika, ta’ tniżżil jew ta’ qsim ta’ fajls, u lanqas ma twettaq kontroll de jure jew de facto fuq is-servizz użat, għandha titqies li hija “intermedjarju” fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati terzi ta’ data personali dwar it-traffiku tal-internet sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem qrati ċivili, kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, id-dritt Komunitarju jeżiġi li l-Istati Membri, matul it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, id-Direttivi 2002/58 u 2004/48, għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti inkwistjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet, kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri għandhom, matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttivi, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi, iżda wkoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħalma huwa l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2)      Persuna li tipprovdi aċċess, li sempliċement tipprovdi aċċess għall-internet lill-utenti, mingħajr ma tipproponi servizzi oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ posta elettronika, ta’ tniżżil jew ta’ qsim ta’ fajls, u lanqas ma twettaq kontroll de jure jew de facto fuq is-servizz użat, għandha titqies li hija “intermedjarju” fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.