Language of document : ECLI:EU:C:2013:223

Kawża C‑401/11

Blanka Soukupová

vs

Ministerstvo zemědělství

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud)

“Agrikoltura — FAEGG — Regolament (KE) Nru 1257/1999 — Appoġġ għall-iżvilupp rurali — Appoġġ għal irtirar kmieni — Persuna li tittrasferixxi li għandha tal-inqas 55 sena, mingħajr ma tkun laħqet l-età ta’ rtirar fil-mument tat-trasferiment — Kunċett ta’ ‘età ta’ rtirar’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi età ta’ rtirar li tvarja skont is-sess kif ukoll, għan-nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija — Prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ April 2013

1.        Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Għajnuna għall-iżvilupp rurali — Skema ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni — Regolament Nru 1257/1999 — Kunċett ta’ età normali tal-irtirar

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20, 21(1), 23 u 51(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, premessa 40, il-ħdax‑il inċiż tal-Artikolu 2, u Artikolu 10(1))

2.        Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Għajnuna għall-iżvilupp rurali — Skema ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni — Regolament Nru 1257/1999 — Leġiżlazzjoni nazzjonali fejn l-età ta’ rtirar normali tiġi ddeterminata skont is-sess tal-applikant u, fir-rigward tan-nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija — Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, il-ħdax‑il inċiż tal-Artikolu 2, u t-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1))

1.        L-għajnuna għall-irtirar kmieni stabbilita mir-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, jikkostitwixxi strument tal-Politika Agrikola Komuni, iffinanzjata mill-(FAEGG), li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-vijabbiltà tal-attivitajiet agrikoli, u mhux benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

Għalkemm, ċertament, l-iffissar tal-età ta’ rtirar fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jaqa’, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, dawn l-Istati ma jistgħux jibbenefikaw mid-differenza fit-trattament li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 79/7 jawtorizzahom iżommu fil-qasam tal-iffissar tal-età ta’ rtirar fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkunsidrat, minħabba dan ir-riferiment għal kunċett mhux armonizzat, bħala li awtorizza lill-imsemmija Stati, fl-implementazzjoni tal-imsemmi regolament, sabiex jadottaw miżuri li jiksru l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-drittijiet fundamentali. Konsegwentement, fid-dawl ukoll tal-premessa 40 u tal-ħdax‑il inċiż tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, fl-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li josservaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20, 21(1) u 23 tal-imsemmija Karta.

(ara l-punti 25-28)

2.        Ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji ġenerali tagħha ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li, skont dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ rtirar ta’ Stat Membru dwar l-età neċessarja sabiex wieħed ikun intitolat għal pensjoni tal-irtirar, l-età ta’ rtirar normali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, tiġi ddeterminata b’mod differenti skont is-sess tal-applikant għall-għajnuna għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura u, fir-rigward tal-applikanti nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija mill-persuna kkonċernata.

Fil-fatt, ikunu ta’ liema sess ikunu, il-bdiewa xjuħ huma f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex bl-appoġġ għall-irtirar kmieni previst fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, li huwa intiż sabiex iħeġġeġ lil dawn il-bdiewa, indipendentement mis-sess tagħhom u min-numru ta’ tfal li rabbew, li jtemmu definittivament l-attivitajiet agrikoli tagħhom b’mod prematur, sabiex tiġi ggarantita b’mod aħjar il-vijabbiltà tal-impriżi agrikoli. Għaldaqstant, huwa kontra d-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tagħha ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li l-imsemmija sitwazzjonijiet jiġu trattati b’mod differenti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’sitwazzjoni bħal dik, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata.

(ara l-punti 30, 31, 35, 36 u d-dispożittiv)