Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtsbank Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-12 ta’ Ġunju 2017 – A, B, C, D, E, F, G vs Staatssecretaris van Economische Zaken

(Kawża C-347/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtsbank Rotterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A, B, C, D, E, F, G

Konvenut: Staatssecretaris van Economische Zaken

Domanda preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali 1 […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li karkassa tat-tjur ma jista’ jkollha fiha ebda kontaminazzjoni viżibbli wara t-tneħħija tal-interjuri u t-tindif?

Id-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 […], jirrigwardaw il-kontaminazzjoni fekali, il-kontaminazzjoni li tirriżulta mill-ħawsla u l-kontaminazzjoni mill-bili?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjoni tal-punt 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 […], għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tindif għandu jsir direttament wara t-tneħħija tal-interjuri, jew din id-dispożizzjoni tawtorizza l-eliminazzjoni tal-kontaminazzjoni viżibbli matul it-tkessiħ, it-tqattigħ jew l-ippakkjar?

Il-punt 1 tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, jawtorizza lill-awtorità kompetenti li tirtira, matul il-verifika, karkassi fil-linja tal-qatla, kif ukoll li tikkontrolla l-preżenza ta’ kontaminazzjoni viżibbli kemm fuq l-uċuh esterni kif ukoll fuq l-uċuh interni, kif ukoll taħt it-tessuti adipusi?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u jekk, konsegwentement, karkassa ta’ tjur tista’ tkompli tippreżenta kontaminazzjoni viżibbli, kif huwa xieraq li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 […]? Kif jista’ jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75.