Language of document : ECLI:EU:C:2013:677

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 63 TFUE — Sistemi ta’ proprjetà — Artikolu 345 TFUE — Operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass — Projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni — Projbizzjoni ta’ rabtiet ma’ impriżi li jipproduċu, jipprovdu jew jieħdu sehem fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass — Projbizzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk”

Fil-Kawżi magħquda C‑105/12 sa C‑107/12,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Frar 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Frar 2012, fil-proċeduri

Staat der Nederlanden

vs

Essent NV (C-105/12),

Essent Nederland BV (C-105/12),

Eneco Holding NV (C-106/12),

Delta NV (C-107/12),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen u M. Safjan, Presidenti tal-Awla, A. Rosas, J. Malenovský, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev (Relatur), D. Šváby u M. Berger u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Essent NV u Essent Nederland BV, minn W. Knibbeler u A. Pliego Selie, avukati,

–        għal Eneco Holding NV, minn C. Kroes, avukat,

–        għal Delta NV, minn T. Ottervanger u P. Glazener, avukati,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti kif ukoll minn S. Noë u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 TFUE u 345 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaat der Nederlanden u Essent NV, Essent Nederland BV, Eneco Holding NV u Delta NV, kumpanniji attivi, b’mod partikolari, fil-produzzjoni, fil-provvista kif ukoll fin-negozju tal-elettriku u tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ʼil quddiem, flimkien, “Essent et”), fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fl-ewwel lok, il-bejgħ ta’ azzjonijiet miżmuma fi ħdan l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass attivi fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-investituri privati (iktar ʼil quddiem il-“projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni”), fit-tieni lok, ir-rabtiet ta’ proprjetà jew ta’ kontroll bejn, minn naħa, il-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ tali netwerks ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi impriża li tipproduċi, tipprovdi jew li tieħu sehem fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ʼil quddiem il-“projbizzjoni ta’ grupp”) u, fit-tielet lok, it-twettiq minn tali operatur u mill-grupp li minnu jifforma parti ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-interessi tal-ġestjoni tan-netwerk ikkonċernat (iktar ʼil quddiem il-“projbizzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/54/KE

3        Skont il-premessi 4 sa 8, 10 u 23 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211):

“(4)      Il-ħelsien li t-Trattat [KE] jiggarantixxi liċ-ċittadini Ewropej — il-moviment liberu tal-oġġetti, il-libertà li jiġu provduti s-servizzi u l-ħelsien tal-istabbiliment — ikunu possibbli biss f’suq miftuħ kompletament, li jħalli lill-konsumaturi kollha biex b’mod ħieles jagħżlu lil min ifornihom u li dawk kollha li jfornu jkunu ħielsa li jqassmu l-prodott tagħhom lill-klijenti tagħhom.

(5)      L-ostakli ewlenin biex wieħed jasal għal suq intern kompetittiv u li jitħaddem b’mod sħiħ huma marbuta fost oħrajn ma’ kwistjonijiet ta’ aċċess għan-netwerks, kwistjonijiet ta’ tarifikazzjoni u gradi differenti ta’ ftuħ ta’ swieq bejn l-Istati Membri.

(6)      Biex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiffunzjona sew, l-aċċess għan netwerks għandu jkun wieħed mhux diskriminatorja, trasparenti u prezzat b’mod ġust.

(7)      Biex jitkompla s-suq intern tal-elettriku, l-aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk tal-operatur tat-trasmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni huwa ta’ importanza kbira. Operatur tat-trasmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni jista’ jkun jikkomprendi fih impriża waħda jew aktar minn waħda.

(8)      Biex ikun żgurat aċċess għal netwerk li jkun effiċjenti u mhux diskriminatorju ikun xieraq li s-sistemi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jkunu mħaddma permezz ta’ entitajiet legali separati fejn ikunu jeżistu impriżi integrati vertikalment. Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tevalwa il-miżuri ta’ effett ekwivalenti, li jkun żviluppat mill-Istati Membri biex jinkiseb l-għan ta’ dan il-kriterju, u, fejn ikun xieraq, tissottometti proposti biex tkun emendata din id-Direttiva. Ikun xieraq ukoll li l-operaturi tat-trasmissjoni u tas-sistema tad-distribuzzjoni ikollhom drittijiet effettivi dwar it-teħid ta’ deċiżjonjijiet b’mod speċjali fejn jikkonċerna l-assi meħtieġa għaż-żamma, it-tħaddim u l-iżvilupp ta’ netwerks meta l-assi inkwistjoni jkunu ta’ u mħaddma minn impriżi integrati vertikalment.

Huwa neċessarju li l-awtonomija tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni u dawk tas-sistema tat-trasmissjoni tkun waħda garantita speċjalment fejn jikkonċerna l-interessi tal-ġenerazzjoni [produtturi] u l-provvista [tal-fornituri]. Strutturi indipendenti ta’ amministrazzjoni għandhom għalhekk jitpoġġew bejn l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni u dawk tas-sistema ta’ trasmissjoni u kwalunkwe kumpaniji ta’ ġenerazzjoni [produzzjoni]/provvista.

Madankollu huwa importanti li wieħed jiddistingwi bejn separazzjoni legali bħal din u d-diviżjoni tal-pussess. Separazzjoni legali ma timplikax bdil fil-pussess tal-assi, u xejn ma jħalli kondizzjonijiet ta’ xogħol simili jew identiċi milli jkunu japplikaw matul l-impriżi kollha integrati vertikalment. Madankollu, il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mhux diskriminatorju għandu jkun żgurat permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni dwar l-awtonomija ta’ dawk li jkunu reponsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet.

[...]

(10)      Waqt li din id-Direttiva mhix tindirizza kwistjonijiet dwar pussess, qed jiġi mfakkar li fil-każ ta’ impriża ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, u li tkun separata fil-forma legali tagħha minn dawk l-impriżi li jiġġeneraw u/jew jipprovdu, l-operaturi tas-sistema li tkun ġiet nominata tista’ tkun l-istess impriża li jkollha l-infrastruttura.

[…]

(23)      Fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, il-bilanċ tal-provvista/domanda fl-Istati Membri individwali għandu jiġi sorveljat sew, waqt li dan għandu jiġi segwit minn rapport fuq is-sitwazzjoni fuq livell ta’ Komunità, waqt li tkun kunsidrata l-kapaċità tal-interkonettività bejn iż-żoni. [...] Il-bini u ż-żamma tal-infrastruttura meħtieġa tan-netwerks, inkluża l-kapaċità tal-interkonettività, għandhom jgħinu biex tkun żgurata provvista stabbli tal-elettriku.”

4        L-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Id-diviżjoni tal-pussess tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Fejn l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti minn tal-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, organizzazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet minn attivitajiet oħra li ma jkunux jikkonċernaw id-distribuzzjoni. Dawn ir-regoli m’għandhomx joħolqu l-obbligu biex il-pusses tal-assi tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, [minn naħa], jiġi separat minn impriża integrata vertikalment, [min-naħa l-oħra].

2.      F’żjieda mal-kriterji tal-paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema tad-distrbuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti, f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, minn attivitajiet oħra la ma jkunux marbuta mad-distribuzzjoni. Biex jinkiseb dan, dawn il-kriterji minimi li ġejjin għandhom jgħoddu:

a)      Dawk il-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jistgħu ma jipparteċipawx fl-istrutturi tal-kumpanija tal-impriża integrata vertikalment li tkun responsabbli, direttament jew indirettament, mit-tħaddim ta’ kuljum tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u l-provvista tal-elettriku;

b)      għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex ikun żgurat li l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni jkunu ġew tabilħaqq kunsidrati, f’manjiera li jkun żgurat li dawn ikunu verament kapaċi li jaħdmu b’mod indipendenti;

ċ)      l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkollu drittijiet effettivi dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet, li jkunu indipendenti mill-impriża integrata vertikalment, dwar l-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-netwerks. Dan m’għandux jeskludi l-eżistenza ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ kordinazzjoni biex ikun żgurat li d-drittijiet tas-sorveljanza ekonomika u tal-amministrazzjoni tal-kumpanija-omm [kumpannija parent] dwar id-dħul fuq l-assi, regolati indirettament f’konformità mal-Artikolu 23(2), ikunu verament żgurati f’waħda sussidjarja. B’mod partikolari, dan għandu jwassal biex il-kumpanija-omm tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti ieħor, tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, u biex tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta’ dejn li kumpanija sussidjaraja tagħha jista’ jkollha. Dan m’għandux iwassal biex il-kumpanija-omm tagħti xi struzzjonijiet dwar it-tħaddim ta’ kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali marbuta mal-bini jew l-immodernizzar tal-linji ta’ distribuzzjoni, li ma jkunux jeċċedu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti ieħor;

d)      l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ konformità, li jwaqqaf miżuri meħuda biex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda mġieba diskriminatorja, u biex ikun żgurat ukoll li l-ħarsien ta’ dan ikun sorveljat tajjeb. [...]

[...]”

 Id-Direttiva 2003/55/KE

5        Il-premessi 4, 6 u 7 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), kienu fformulati f’termini identiċi li jikkorrispondu għal dawk tal-premessi 4, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/54. Il-kliem tal-premessi 8 u 23 tad-Direttiva 2003/55 jikkorrispondi, mutatis mutandis, għal dak tal-premessi 7 u 23 tad-Direttiva 2003/54.

6        Il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2003/55 jipprovdu:

“(9)      Fil-każ ta’ impriża tal-gass li twettaq attivitajiet ta’ trasmissjoni, distribuzzjoni, ħażna jew gass naturali likwifikat (LNG) u li hija separata fil-forma legali tagħha minn dawk l-impriżi li jwettqu attivitajiet ta’ produzzjoni u/jew fornitura, l-operatur tas-sistema indikat jista’ jkun l-istess impriża li hija l-proprjetarja tal-infrastruttura.

(10)      Sabiex jiċi aċċertat aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerks, huwa xieraq li s-sistemi ta’ trasmissjoni u operazzjoni jitħaddmu minn entitajiet legalment separati fejn jeżistu impriżi integrati vertikalment. Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-miżuri ta’ effett ekwivalenti, żviluppati mill-Istati Membri biex jintlaħaq l-iskop ta’ dan ir-rekwiżit, u, fejn xieraq, tagħmel proposti biex tiġi emendata din id-Direttiva.

Huwa wkoll xieraq li l-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni għandhom drittijiet effettivi li jieħdu deċiżjonijiet rigward l-assi meħtieġa biex in-netwerks jiġu operati u żviluppati meta l-assi in kwistjoni huma l-proprjetà ta’ u jitħaddmu mill-impriża integrata b’mod vertikali.

Madankollu huwa importanti li ssir distinzjoni bejn separazzjoni legali bħal din u unbundling tal-proprjetà. Is-separazzjoni legali ma timplika la tibdil fil-proprjetà tal-assi u xejn ma jrażżan li jkun hemm kondizzjonijiet ta’ impjieg fl-impriża sħiħa integrata vertikalment kolha kemm hi. Madankollu, għandu jiġi aċċertat proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mhux diskriminatorju permezz ta’ miżuri tal-organizzazzjoni rigward l-indipendenza tal-persuni responsabbli li jieħdu d-deċiżjonijiet.”

7        L-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Separazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni”, kien, mutatis mutandis, identiku għall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/54.

 Id-Direttiva 2009/72/KE

8        Il-premessi 3, 4, 7, 9 sa 12, 15, 16, 21, 25, 26 u 44 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55), jiddikjaraw dan li ġej:

“(3)      Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni — inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

(4)      Madankollu, fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-elettriku fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġi fl-[Unjoni]. B’mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell effettiv ugwalment ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, għad ma jeżistux.

[...]

(7)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata ‘Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa’ enfasizzat l-importanza li jitlesta s-suq intern fl-elettriku u li jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha tal-elettriku stabbiliti fl-[Unjoni]. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata: ‘Prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku’ u ‘Inkjesta taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-Setturi Ewropej tal-Gass u tal-Elettriku (Rapport Finali)’ urew li r-regoli u l-miżuri preżenti ma jipprovdux il-qafas meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb.

[...]

(9)      Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u provvista ta’ separazzjoni effettiva, hemm ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-network iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

(10)      Madankollu, ir-regoli dwar is-separazzjoni legali u funzjonali kif previsti fid-Direttiva 2003/54/KE ma wasslux għas-separazzjoni effettiva tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni. Għalhekk, fil-laqgħa tiegħu fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti leġislattivi għas-‘separazzjoni effettiva tal-attivitajiet ta’ provvista u ġenerazzjoni, [minn naħa], mill-operazzjonijiet tan-network, [min-naħa l-oħra].’

(11)      Tkun biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-network u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-network bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interessi ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-konflitt ta’ interess inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għal dik ir-raġuni, il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2007 dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku [ĠU 2008, C 175 E, p. 206] rrifera għas-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fil-livell tat-trasmissjoni bħala l-aktar għodda effettiva għall-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastrutturi b’mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-network għal parteċipanti ġodda u t-trasparenza fis-suq. Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu meħtieġa jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista u, fl-istess waqt, jeżerċitaw kontroll jew kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista. F’dawn il-limiti, impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista għandha tkun tista’ jkollha parteċipazzjoni minoritarja fl-ishma f’operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew f’sistema ta’ trasmissjoni.

(12)      Kwalunkwe sistema ta’ separazzjoni għandha tkun effettiva fit-tneħħija ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, sabiex jinħolqu inċentivi għall-investimenti neċessarji u jiġi garantit l-aċċess ta’ parteċipanti ġodda fis-suq skont sistema regolatorja trasparenti u effiċjenti u m’għandhiex toħloq sistema regolatorja tqila żżejjed għall-awtoritajiet regolatorji.

[...]

(15)      Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-operat tan-network mill-interessi tal-provvista u l-ġenerazzjoni u sabiex ma jkun hemm skambji ta’ ebda informazzjoni kunfidenzjali, l-istess persuna ma għandhiex tkun membru tal-bordijiet ta’ amministrazzjoni kemm ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni kif ukoll ta’ impriża li twettaq kwalunkwe mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista. Għall-istess raġuni, l-istess persuna ma għandhiex tkun intitolata taħtar membri tal-bordijiet ta’ amministrazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni u teżerċita kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista.

(16)      L-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkun indipendenti mill indipendenti mill-interessi ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni għandu jippermetti lill- impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom fir-rigward tal-assi tan-network filwaqt li jiżgura separazzjoni tal-interessi effettiva, sakemm tali operatur indipendenti ta’ sistema jew tali operatur indipendenti tat-trasmissjoni iwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema u sakemm jiġu attwati regolamentazzjoni ddettaljata u mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji estensivi.

[...]

(21)      Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel separazzjoni sħiħa ta’ proprjetà fit-territorju tiegħu. Fejn Stat Membru jkun eżerċita dak id-dritt, impriża ma jkollhiex id-dritt li tistabbilixxi operatur indipendenti tas-sistema jew operatur indipendenti tat-trasmissjoni. Barra minn hekk, intrapriża li tkun qed twettaq kwalunkwe funzjoni ta’ ġenerazzjoni jew provvista ma tistax tikkontrolla jew teżerċita direttament jew indirettament ebda dritt fuq operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni minn Stat Membru li għażel separazzjoni sħiħa ta’ proprjetà.

[...]

(25)      Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija hija element essenzjali tas-sikurezza pubblika u hija għalhekk intrinsikament marbuta mat-tħaddim effiċjenti tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea tal-elettriku u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri. [...]

(26)      L-aċċess non-diskriminatorju għan-network ta’ distribuzzjoni jiddetermina l-aċċess downstream għall-klijenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. L-ambitu għad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess u l-investiment ta’ parti terza huwa madankollu anqas sinifikanti fil-livell ta’ distribuzzjoni milli fil-livell ta’ trasmissjoni fejn il-konġestjoni u l-influwenza tal-interessi tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista huma ġeneralment akbar mil-livell ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, is-separazzjoni legali u funzjonali tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, kienet rikjesta, skont id-Direttiva 2003/54/KE, biss mill-1 ta’ Lulju 2007 u l-effetti tagħha fuq is-suq intern tal-gass naturali għad iridu jiġu evalwati. Ir-regoli dwar is-separazzjoni legali u funzjonali li bħalissa huma fis-seħħ jistgħu jwasslu għal separazzjoni effettiva sakemm dawn jiġu definiti b’mod aktar ċar, implimentati sewwa u sorveljati mill-qrib. Sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ugwali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, l-attivitajiet ta’ operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandhom għalhekk ikunu sorveljati sabiex dawn ma jitħallewx japprofittaw ruħhom mill-integrazzjoni vertikali tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni kompettitiva tagħhom fis-suq, partikolarment fir-rigward ta’ klijenti żgħar domestiċi u mhux domestiċi.

[...]

(44)      Fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fl-Istati Membri individwali għandu jiġi ssorveljat, u s-sorveljanza għandha tkun segwita b’rapport dwar is-sitwazzjoni fil-livell Komunitarju, b’kont meħud tal-kapaċità ta’ interkonettività bejn iż-żoni. [...] Il-bini u ż-żamma tal-infrastruttura meħtieġa tan-network, inklużi l-kapaċità tal-interkonettività u l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-elettriku, huma elementi importanti fl-iżgurar ta’ provvista stabbli ta’ elettriku.”

9        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/72 jirrigwarda s-“[s]eparazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni” u l-Artikolu 14 tad-direttiva jirrigwarda “[s]eparazzjoni tal-proprjetarji ta’ sistemi ta’ trasmissjoni”. L-Artikoli 18 u 19 ta’ din id-direttiva huma intiżi, skont it-titolu tagħhom, li jiżguraw, rispettivament, l-“[i]ndipendenza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” u l-“[i]ndipendenza tal-persunal u ġestjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni”.

10      Skont l-Artikolu 26(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-separazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”:

“1.      Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni mill-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta’ separazzjoni tal-proprjetà tal-assi tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni, [minn naħa waħda], mill-impriża integrata vertikalment, [min-naħa l-oħra].

2.      Addizzjonalment għar-rekwiżiti tal-Paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

a)      dawk il-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ma jistgħux jieħdu sehem fi strutturi tal-kumpanija tal-impriża tal-elettriku integrata responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operazzjoni ta’ kuljum tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u l-provvista tal-elettriku;

b)      għandhom jittieħdu miżuri adatti biex ikun żgurat li jittieħed kont, b’mod li jkun żgurat li huma kapaċi jaġixxu indipendentement, tal-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

c)      l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi, li jkunu indipendenti mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-network. Sabiex jitwettqu dawk il-kompiti, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa, inklużi dawk umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji. Dan ma għandux jipprevjeni l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni adatti biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ superviżjoni ekonomika u amministrattiva tal-kumpanija ewlenija fir-rigward tal-qliegħ mill-assi, regolati indirettament taħt l-Artikolu 37(6), f’sussidjara jiġu protetti. B’mod partikolari, dan għandu jippermetti lill-kumpanija ewlenija tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta’ dejn tas-sussidjarja tagħha. Dan ma għandux jippermetti l-kumpanija ewlenija biex tagħti istruzzjonijiet dwar l-operazzjoni ta’ kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali dwar il-bini jew l-immodernizzar tal-linji ta’ distribuzzjoni, li ma jkunux jaqbżu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti; u

d)      l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ konformità, li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li tkun eskluża mġiba diskriminatorja, u jiżgura li l-osservanza tiegħu tkun adegwatament sorveljata. [...]

3.      Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jifforma parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiġu ssorveljat minn awtoritajiet regolatorji jew minn korpi oħra kompetenti, sabiex ma jkunx jista’ japprofitta ruħu mill-integrazzjoni vertikali tiegħu biex ixekkel il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni integrati vertikalment ma għandhomx, fil-komunikazzjonijiet u l-użu tal-marka (branding) tagħhom, joħolqu konfużjoni fir-rigward tal-identità separata tal-fergħa tal-[‘]forniment[’] tal-impriża vertikalment integrata.”

11      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-istess direttiva, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha jiskadi fit-3 ta’ Marzu 2011.

 Id-Direttiva 2009/73/KE

12      Il-premessi 3, 5, 6, 8, 9, 12, 13 u 18 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94), huma fformulati f’termini li jikkorrispondu għal dawk tal-premessi 3, 7, 9, 11, 12, 15, 16 u 21 tad-Direttiva 2009/72. Il-premessi 4, 7, 22, 25 u 40 tad-Direttiva 2009/73 jikkorrispondu, mutatis mutandis, għall-premessi 4, 10, 25, 26 u 44 tad-Direttiva 2003/72.

13      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73 jirrigwarda s-“[s]eparazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni” u l-Artikolu 15 tagħha jirrigwarda s-“[s]eparazzjoni tal-proprjetarji tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistema ta’ ħżin”. L-Artikoli 18 u 19 ta’ din id-direttiva huma intiżi li jiżguraw, rispettivament, skont it-titolu ta’ dawn l-Artikoli, l-“[i]ndipendenza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” u l-“[i]ndipendenza tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni”.

14      L-Artikolu 26(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva, intitolat “[i]s-separazzjoni tal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni”, huwa, mutatis mutandis, identiku għall-Artikolu 26(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/72.

15      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2009/73, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fit-3 ta’ Marzu 2011.

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

 Il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni

16      Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti li taw lok għall-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali, il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni kienet tirriżulta minn qari flimkien, minn naħa, tal-Artikolu 93(2) tal-Liġi li tirregola l-qasam tal-produzzjoni, tal-provvista u tat-trasport tal-elettriku (Liġi tal-1998 dwar l-elettriku) [Wet van 2 juli 1998, houdende regels met betrekking tot de productie, het transport en de levering van elektriciteit (Elektriciteitswet 1998)], tat-2 ta’ Lulju 1998, (Staatsblad 1998, n°427, iktar ʼil quddiem il-“Liġi dwar l-elettriku”), u/jew l-Artikolu 85(2) tal-Liġi li tirregola t-trasport u l-provvista tal-gass (Liġi dwar il-gass) [Wet van 22 juni 2000, houdende regels omtrent het transport en de levering van gas (Gaswet)], tat-22 ta’ Ġunju 2000 (Staatsblad 2000, n°305, iktar ʼil quddiem il-“liġi dwar il-gass”), flimkien, min-naħa l-oħra, mad-digriet li jistabbilixxi r-regoli dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal emendi dwar id-drittijiet marbuta mal-azzjonijiet tal-operaturi ta’ netwerk kif imsemmi fil-Liġi tal-1998 dwar l-elettriku u fil-Liġi dwar il-gass (Digriet dwar l-azzjonijiet tal-operaturi ta’ netwerk) [Besluit van 9 februari 2008, houdende regels omtrent het verlenen van instemming met wijzigingen ten aanzien van rechten op aandelen in een netbeheerder als bedoeld in de Elektriciteitswet 1998 en in de Gaswet (Besluit aandelen netbeheerders)], tad-9 ta’ Frar 2008, (Staatsblad 2008, n°62, iktar ʼil quddiem id-“digriet tal-2008”), li ġie adottat b’implementazzjoni tal-Artikolu 93(4) tal-Liġi dwar l-elettriku u tal-Artikolu 85(4) tal-Liġi dwar il-gass.

17      Skont l-Artikolu 93(2) tal-Liġi dwar l-elettriku u tal-Artikolu 85(2) tal-Liġi dwar il-gass, it-trasferiment tal-azzjonijiet f’operaturi ta’ netwerk kien suġġett għall-kunsens tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi. Skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Digriet tal-2008, dan il-kunsens kellu jiġi rrifjutat meta tali trasferiment kellu bħala konsegwenza li l-azzjonijiet kienu jsiru l-proprjetà ta’ persuni oħra differenti mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-provinċji jew mid-distretti tiegħu (iktar ʼil quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet”), jew ukoll ċerti persuni ġuridiċi, fejn fosthom insibu lil Essent et, fejn it-totalità tal-azzjonijiet kienu miżmuma, direttament jew indirettament, mill-imsemmija awtoritajiet.

 Il-projbizzjoni ta’ grupp

18      Bħal projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, il-projbizzjoni ta’ grupp ġiet introdotta fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-elettriku u l-Liġi dwar il-gass fir-rigward tal-metodi ta’ ġestjoni indipendenti tan-netwerks (Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks) [Wet van 23 november 2006 tot wijziging van de Elektriciteitswet 1998 en van de Gaswet in verband met nadere regels omtrent een onafhankelijk netbeheer (Wet onafhankelijk netbeheer)], tat-23 ta’ Novembru 2006, (Staatsblad 2006, n°614, iktar ʼil quddiem il-“Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks”), fl-Artikolu 10b(1) tal-Liġi dwar l-elettriku u fl-Artikolu 2c(1) tal-Liġi dwar il-gass. Il-Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks, b’mod partikolari, emendat id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu ġew adottati sabiex jimplementaw id-Direttivi 2003/54 u 2003/55 (iktar ʼil quddiem, id-“Direttivi tal-2003”).

19      Skont l-Artikolu 10b(1) sa (3) tal-Liġi dwar l-elettriku:

“1.      Operatur ta’ netwerk ma jagħmilx parti minn grupp fis-sens tal-Artikolu 24b tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ċivili li jinkludi wkoll persuna ġuridika jew kumpannija li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.      Il-persuni ġuridiċi u l-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp fis-sens tal-Artikolu 24b tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ċivili li jinkudi wkoll persuna ġuridika jew kumpannija li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jkollhom l-ebda azzjoni f’operatur ta’ netwerk jew f’persuna ġuridika li tappartjeni fi grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk u ma jiksbu l-ebda holding f’kumpannija li tagħmel parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk.

3.      Operatur ta’ netwerk u l-kumpanniji tal-grupp fis-sens tal-Artikolu 24b tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ċivili marbuta mal-operatur ta’ netwerk:

a.      ma jkollhomx azzjonijiet f’persuna ġuridika li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi jew f’persuna ġuridika li tagħmel parti minn grupp li jinkludi persuna ġuridika li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi;

b.      ma jiksbux azzjonijiet f’kumpannija li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi jew f’kumpannija li tagħmel parti minn grupp li jinkludi persuna ġuridika jew kumpannija li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi.”

 Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk

20      Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk, li kienet ukoll introdotta fl-ordinament ġuridiku tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks, kienet prevista fl-Artikolu 17(2) u (3) tal-Liġi dwar l-elettriku u fl-Artikolu 10b(2) u (3), tal-Liġi dwar il-gass. Skont dawn id-dispożizzjonijiet legali:

“2.      Jekk operatur ta’ netwerk li ma huwiex l-operatur ta’ netwerk nazzjonali b’vultaġġ qawwi jagħmel parti minn grupp fis-sens tal-Artikolu 24b tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ċivili, dan il-grupp ma huwiex awtorizzat iwettaq operazzjonijiet jew attivitajiet li jistgħu jmorru kontra l-interess tal-ġestjoni tan-netwerk inkwistjoni.

3.      Fi kwalunkwe każ, operazzjonijiet u attivitajiet fis-sens tal-paragrafu 2, tfisser:

a.      l-operazzjonijiet u l-attivitajiet li ma għandhom l-ebda konnessjoni mat-tagħmir tal-infrastruttura jew ma’ attivitajiet relatati,

b.      l-għotja, mill-operatur tan-netwerk, ta’ garanziji għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ persuni ġuridiċi jew ta’ kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp, u

c.      il-fatt li, operatur ta’ netwerk, ikun garanti għad-djun ta’ persuni ġuridiċi jew ta’ kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp,

sakemm l-operatur ta’ netwerk ma jagħtix garanziji jew ma jkunx garanti għad-djun:

1.      għall-bżonnijiet tal-operazzjonijiet jew ta’ attivitajiet li jista’ jinvolvi ruħu fihom l-operatur ta’ netwerk stess,

2.      għal raġunijiet oħra relatati mal-ġestjoni ta’ netwerk, jew

3.      sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Fil-waqt tal-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks, li introduċiet il-projbizzjonijiet ta’ gruppi u ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni ta’ netwerk fil-Liġi dwar l-elettriku u fil-Liġi dwar il-gass, Essent et kienu impriżi integrati vertikalment, attivi kemm fil-produzzjoni, fil-provvista u/jew fin-negozju tal-elettriku u/jew tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fil-ġestjoni u fl-operat ta’ netwerks għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass fl-istess territorju.

22      Wara l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks li tistabbilixxi b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ grupp, Essent NV ġiet diviża, fl-1 ta’ Lulju 2009, f’żewġ kumpanniji separati, jiġifieri, minn naħa, Enexis Holding NV, kumpannija li għandha bħala għan il-ġestjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass u tal-elettriku fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li l-azzjonijiet kollha tagħha huma miżmuma minn awtoritajiet, u, min-naħa l-oħra, Essent NV, l kumpannija li għandha bħala għan li tipproduċi, tipprovdi u tinnegozja l-elettriku u l-gass. Din l-aħħar kumpannija nxtrat mis-sussidjarja ta’ grupp Ġermaniż speċjalizzat fis-settur tal-enerġija, RWE AG. Eneco Holding NV u Delta NV ma ġewx diviżi, iżda nnominaw is-sussidjarji tagħhom Stedin Netbeheer BV u Delta Netwerkbedrijf BV bħala operaturi rispettivi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tagħhom f’dan l-istess territorju.

23      Essent et talbu, permezz ta’ tliet kawżi separati, lil Rechtbank Den Haag sabiex tikkonstata li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jinkludu l-projbizzjonijiet ta’ grupp u ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk imorru kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 63 TFUE u, għalhekk, għandhom jibqgħu mingħajr effett.

24      L-iStaat der Nederlanden, konvenut f’kull waħda minn dawn l-kawżi, invoka kontra dawn l-azzjonijiet, prinċipalment, il-prinċipju li jinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni u li, skont dan l-Istat, jikkostitwixxi sistema ta’ proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 345 TFUE. Din il-projbizzjoni għandha bħala konsegwenza, minn naħa, li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jagħmlu parti minn investimenti privati u, min-naħa l-oħra, li r-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment jibqgħu mingħajr effett. Sussidjarjament, dan l-Istat Membru sostna li l-projbizzjonijiet ta’ grupp u ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk la jostakolaw il-moviment liberu tal-kapital u lanqas il-libertà ta’ stabbiliment, jew, minn tal-inqas, li limitazzjoni għal dawn il-libertajiet hija ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

25      Permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, ir-Rechtbank Den Haag ċaħdet it-talbiet ta’ Essent et. Fl-appell, il-Gerechtshof Den Haag annulla din is-sentenza permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010 u ġustament iddikjara li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali huma inkompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE u li dawn għandhom għalhekk jibqgħu mingħajr effett. L-iStaat der Nederlanden appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati f’termini identiċi f’kull waħda mill-kawżi magħquda:

“1)      L-Artikolu 345 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ ‘sistema tal-proprjetà fl-Istati Membri’ is-sistema tal-projbizzjoni assoluta ta’ privatizzazzjoni inkwistjoni [fil]-kawża [prinċipali], hekk kif stabbilita fid-[digriet tal-2008], moqri flimkien mal-Artikolu 93 tal-[Liġi dwar l-elettriku] u l-Artikolu 85 tal-Liġi dwar il-gass, li timplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk jistgħu jiġu ttrasferiti biss fl-ambitu tal-awtoritajiet pubbliċi?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għandu dan bħala konsegwenza li r-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital ma humiex applikabbli għall-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji [u għall-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jfixxlu l-ġestjoni tan-netwerk], jew tal-inqas li ma hemmx bżonn tiġi eżaminata l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji [u l-projbizzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jfixxlu l-ġestjoni tan-netwerk] fid-dawl tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital?

3)      L-għanijiet, li huma wkoll dawk tal-[Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks], intiżi, permezz tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’ (inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika), sabiex jiżguraw it-trasparenza fis-suq tal-enerġija u sabiex jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, huma interessi ekonomiċi puri, jew jistgħu jitqiesu wkoll bħala interessi ta’ natura mhux ekonomika, fis-sens li, f’ċerti ċirkustanzi, huma jistgħu jikkostitwixxu, inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ġustifikazzjoni għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27      B’digriet tas-26 ta’ Marzu 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C‑105/12 sa C‑107/12 P, għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

28      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 345 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri sistema ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fatt li jimplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jinżammu, direttament jew indirettament, minn awtoritajiet pubbliċi identifikati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk interpretazzjoni bħal din għandhiex bħala konsegwenza li tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprojbixxu, minn-naħa, rabtiet ta’ proprjetà jew ta’ kontroll bejn il-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fl-imsemmi territorju u l-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi impriża li tipproduċi, tipprovdi jew li tieħu sehem fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass f’dan l-istess territorju kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ operazzjonijiet jew ta’ attivitajiet, minn tali operatur u mill-grupp li dan tal-aħħar jagħmel parti minnu, “li jistgħu jfixxklu l-interessi tal-ġestjoni tan-netwerk” ikkonċernat.

29      L-Artikolu 345 TFUE jesprimi l-prinċipju ta’ newtralità tat-Trattati fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.

30      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala prinċipju, it-trattati la jipprekludu n-nazzjonalizzazzjoni tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1141, 1163) u lanqas il-privatizzazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑244/11, punt 17).

31      Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu b’mod leġittimu jilħqu l-għan li jikkonsisti fl-istabbiliment jew fiż-żamma ta’ sistema ta’ proprjetà pubblika għal ċerti impriżi.

32      Fil-kawżi prinċipali, mill-Artikolu 93(2) tal-Liġi dwar l-elettriku, mill-Artikolu 85(2) tal-Liġi dwar il-gass u mill-Artikolu 1 tad-digriet tal-2008, li s-sunt tal-portata tagħha ġie espost fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tawtorizza, essenzjalment, it-trasferiment ta’ azzjonijiet f’operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni biss favur awtoritajiet u persuni ġuridiċi miżmuma, direttament jew indirettament, mill-imsemmija awtoritajiet, sa fejn kull trasferiment li għandu bħala konsegwenza li l-azzjonijiet isiru l-proprjetà ta’ persuni oħra differenti minn dawk indikati mil-leġiżlazzjoni huwa pprojbit.

33      Minn dan isegwi li l-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni tipprekludi ż-żamma ta’ azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi minn kull persuna privata. Hija intiża għaldaqstant li żżomm sistema ta’ proprjetà pubblika fir-rigward tal-imsemmija operaturi.

34      Tali projbizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 345 TFUE.

35      Fil-kawża ineżami jidher barra minn hekk li l-imsemmija projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni tkopri l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10b(2) tal-Liġi dwar l-elettriku u fl-Artikolu 2c(2) tal-Liġi dwar il-gass, li bis-saħħa tagħhom l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor attivi fil-produzzjoni, fil-provvista jew fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-kumpanniji ta’ Stat Membru ieħor li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi tali impriża ma jistgħux jiksbu azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fl-imsemmi territorju.

36      Madankollu, l-Artikolu 345 TFUE ma għandux l-effett li jeżenta lis-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari, dawk ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 1984, Fearon, 182/83, Ġabra p. 3677, punt 7; tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, Ġabra p. I‑3099, punt 38; tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C‑452/01, Ġabra p. I‑9743, punt 24; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, Ġabra p. I‑6817, punt 64; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑271/09, Ġabra p. I‑13613, punt 44, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 16).

37      Għaldaqstant, il-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreveda, fis-settur tal-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attivi fit-territorju tiegħu, sistema ta’ proprjetà pubblika koperta mill-Artikolu 345 TFUE ma huwiex ta’ natura li jeħles lil dan l-Istat Membru mill-osservanza, fl-imsemmi settur, tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE u għandha tiġi evalwata fid-dawl tiegħu, l-istess jgħodd għall-projbizzjoni ta’ grupp u anki għall-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-interess tal-ġestjoni tan-netwerk.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi, b’mod ġenerali, ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri (sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 48).

40      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fit-Trattat FUE, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jikkostitwixxu moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, b’mod partikolari, l-investimenti msejħa “diretti”, jiġifieri, l-investimenti taħt forma ta’ holding f’impriża permezz ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni u fil-kontroll tagħha, kif ukoll l-investimenti msejħa “portafoll”, jiġifieri l-investimenti taħt forma ta’ kisba ta’ titoli fis-suq tal-kapital imwettaq bl-uniku għan li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati l-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża (ara is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 19, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 49).

41      Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ investimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, miżuri nazzjonali li jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw il-ksib ta’ azzjonijiet fl-impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiskoraġġixxu lill-investituri minn Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tagħhom (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punti 45 u 46; Il-Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, Ġabra p. I‑4781, punt 40; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑463/00, Ġabra, p. I‑4581, punti 61 u 62; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punti 47 u 49; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑174/04, Ġabra p. I‑4933, punti 30 u 31, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 20).

42      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li dispożizzjoni nazzjonali li timponi limiti kwantitattivi jew kwalitattivi fir-rigward ta’ investimenti li saru fl-Istati Membri l-oħra tipproduċi effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra peress li tali dispożizzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-ġbir tal-kapital, sa fejn il-ksib b’mod partikolari ta’ azzjonijiet huwa limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-kawżi prinċipali, il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni tfisser li l-ebda investitur privat ma jista’ jikseb azzjonijiet jew holding fil-kapital ta’ operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

44      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-projbizzjonijiet tal-grupp u tal-attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni tan-netwerk, għandu jiġi nnotat li dawn jinvolvu bosta aspetti. L-ewwel nett, mill-projbizzjoni ta’ grupp jirriżulta li kumpannija fi Stat Membru ieħor li tagħmel parti minn grupp li jinkludi impriża attiva fil-produzzjoni, fil-provvista jew fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tistax tikseb azzjonijiet mingħand kumpannija li tagħmel parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fl-imsemmi territorju.

45      It-tieni nett, l-imsemmija projbizzjoni tfisser ukoll li kumpannija li tagħmel parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tistax tinvesti f’impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor attiva fis-settur tal-produzzjoni, tal-provvista jew tan-negozju tal-elettriku jew tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jew f’kumpannija li tagħmel parti minn grupp li jinkludi tali impriża.

46      It-tielet nett, il-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni ta’ netwerk hija wkoll ta’ natura li timponi limiti kwalitattivi fuq l-investimenti fi Stati Membri oħra, peress li din teskludi, direttament jew indirettament, li l-kumpanniji ta’ grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi tinvesti f’impriżi attivi f’setturi oħra li ma humiex il-ġestjoni ta’ netwerks.

47      Għalhekk, dawn il-projbizzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

48      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 345 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sistema ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attivi fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jinżammu, direttament jew indirettament, minn awtoritajiet pubbliċi identifikati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma għandhiex bħala konsegwenza li tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprojbixxu l-privatizzazzjoni tal-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass, u li jipprojbixxu wkoll, minn naħa, rabtiet ta’ proprjetà jew ta’ kontroll bejn il-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi impriża li tipproduċi, tipprovdi jew li tieħu sehem fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass f’dan l-istess territorju kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ operazzjoni jew ta’ attivitajiet, minn tali operatur u mill-grupp li dan tal-aħħar jagħmel parti minnu, li jistgħu jfixklu l-interessi tal-ġestjoni tan-netwerk rilevanti.

 Fuq it-tielet domanda

49      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-għanijiet li jikkonsistu fil-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fis-suq tal-elettriku u tal-gass u sabiex jiġu pprevenuti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jikkostitwixxux interessi ekonomiċi puri, jew għal kuntrarju, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li l-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑274/06, punt 35, u l-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 55).

51      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali tali li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-trattati (sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 22, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 34).

52      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni ġġustifikata għal-libertà fundamentali minħabba raġunijiet ta’ natura ekonomika li għandhom għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 345 TFUE, huwa minnu li ġie deċiż li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika restrizzjoni għar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq, tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punt 44). Dan madankollu ma jfissirx li l-interess li fuqu hija bbażata l-għażla tal-leġiżlatur fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà pubblika jew privata tal-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li s-sitwazzjonijiet, minn naħa, tal-kawżi prinċipali, u min-naħa l-oħra, tal-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, ma humiex paragunabbli. Fil-fatt, fil-kawżi prinċipali, dawn jirrigwardaw projbizzjoni assoluta ta’ privatizzazzjoni, fil-waqt li l-kawża li waslet għas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ʼil fuq, kienet tirrigwarda restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-privileġġi li l-Istati Membri kienu jattribwixxu lill-pożizzjoni ta’ azzjonisti f’impriża privatizzata u li l-kawża li waslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ʼil fuq, kienet tirrigwarda restrizzjonijiet għall-investimenti barra mill-pajjiż ta’ fondi ta’ pensjoni miftuħa li, madankollu, ma kellhom bl-ebda mod impatt fuq is-sistema ta’ proprjetà ta’ dawn il-fondi.

55      Għalhekk, peress li r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-għażla tas-sistema ta’ proprjetà adottata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jaqgħu taħt l-Artikolu 345 TFUE, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala elementi li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital. Għaldaqstant, fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel dan it-tip ta’ eżami.

56      Għal dak li jirrigwarda l-projbizzjonijiet l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-għanijiet tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika, li tiġi żgurata t-trasparenza fis-suq tal-elettriku u tal-gass u sabiex jiġu pprevenuti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni huma intiżi li jiżguraw kompetizzjoni mhux distorta fis-swieq tal-produzzjoni, tal-provvista u tan-negozju tal-elettriku u tal-gass fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra li l-għan tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali, barra minn hekk, huwa intiż sabiex jiggarantixxi investiment biżżejjed fin-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass.

57      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippruvawx fl-aħħar mill-aħħar jilħqu, permezz ta’ dawn l-għanijiet, għanijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

58      Issa, l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-imsemmija swieq huwa wkoll għan imfittex mit-Trattat FUE, li l-Preambolu tiegħu jenfasizza n-neċessità ta’ azzjoni miftiehma sabiex tiġi ggarantita, b’mod partikolari, il-lealtà tal-kompetizzjoni, u dan, sabiex jiġu protetti, b’mod definittiv, il-konsumaturi. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑260/04, Ġabra p. I‑7083, punt 27; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 52, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑458/08, Ġabra p. I‑11599, punt 89).

59      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-għan li jiġi ggarantit investiment suffiċjenti fin-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass huwa b’mod partikolari intiż li jiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, għan li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll irrikonoxxiet bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et, 72/83, Ġabra p. 2727, punti 34 u 35; tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑503/99, Ġabra p. I‑4809, punt 46, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 40).

60      Fl-aħħar nett, kif ġie rrilevat fil-punti 18 u 20 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjonijiet ta’ grupp u ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni ta’ netwerk ġew introdotti permezz tal-Liġi dwar il-Ġestjoni Indipendenti tan-Netwerks li hija stess, b’mod partikolari, temenda d-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu ġew adottati sabiex jittrasponu d-Direttivi tal-2003 fl-ordinament ġuridiku tal-Pajjiżi l-Baxxi. B’mod partikolari, l-imsemmija projbizzjonijiet emendaw id-dispożizzjonijiet li kienu ġew introdotti sabiex jiġu trasposti l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/54 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/55.

61      Issa, mill-premessi 4 sa 8 u 10 tad-Direttiva 2003/54 kif ukoll mill-premessi 4 u 6 sa 10 tad-Direttiva 2003/55 jirriżulta li dawn id-direttivi huma, b’mod partikolari, intiżi li jiżguraw suq miftuħ u trasparenti, aċċess għal netwerk ta’ operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni nondiskriminatorju u trasparenti kif ukoll kompetizzjoni ġusta.

62      B’mod partikolari, mill-premessa 8 tad-Direttiva 2003/54 u mill-premessa 10 tad-Direttiva 2003/55 jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri jelaboraw miżuri sabiex jilħqu dawn l-għanijiet. Min-naħa l-oħra, dawn il-premessi jenfasizzaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni jkollhom drittijiet effettivi sabiex jiddeċiedu dwar l-assi meħtieġa għaż-żamma, l-operat kif ukoll l-iżvilupp tan-netwerks.

63      Barra minn hekk, il-premessa 23 tad-Direttiva 2003/54 u l-premessa 23 tad-Direttiva 2003/55 josservaw li ż-żamma u l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi ta’ netwerks neċessarji huma elementi importanti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ provvista kontinwa tal-elettriku u tal-gass.

64      Minn dan isegwi li, anki jekk il-projbizzjonijiet ta’ gruppi u ta’ attivitajiet li jistgħu jfixklu l-ġestjoni ta’ netwerk ma humiex imposti mill-imsemmija direttivi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi segwa, permezz tal-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri, għanijiet previsti mid-Direttivi tal-2003.

65      Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 li għandhom b’mod partikolari l-istess għanijiet, kif jirriżulta kemm mill-premessi 3, 4, 9 sa 12, 15, 25 u 44 tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll mill-premessi 3, 4, 6 sa 13, 22 u 40 tad-Direttiva 2009/73. B’mod partikolari, il-premessi 4, 9, 11, 15, 25, 26 u 44 tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll 4, 6, 8, 12, 22, 25 u 40 tad-Direttiva 2009/73 juru l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura aċċess nondiskriminatorju għan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass kif ukoll it-trasparenza tas-swieq, li jiġu pprevenuti sussidji trażversali, li jiġu żgurati investimenti suffiċjenti fin-netwerks sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà ta’ provvista kontinwa tal-elettriku u tal-gass kif ukoll li jiġi prekluż l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn l-operaturi ta’ netwerk u l-impriżi ta’ produzzjoni u ta’ provvista.

66      Għalhekk, l-għanijiet li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju jistgħu, bħala prinċipju, inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali kkonstatati.

67      Madankollu, jibqa’ l-fatt li r-restrizzjonijiet inkwistjoni għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għanijiet ikkonċernati jintlaħqu (sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C‑451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 82, u Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 58), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li:

–        għal dak li jirrigwarda s-sistema ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taqa’ taħt l-Artikolu 345 TFUE, l-għanijiet li fuqhom hija bbażata l-għażla tal-leġiżlatur fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà adottata jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital;

–        għal dak li jirrigwarda l-projbizzjonijiet l-oħra, l-għanijiet tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fis-suq tal-elettriku u tal-gass u sabiex jiġu pprevenuti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu, inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital li jinħolqu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 345 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sistema ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jinżammu, direttament jew indirettament, minn awtoritajiet pubbliċi identifikati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma għandhiex bħala konsegwenza li tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprojbixxu l-privatizzazzjoni tal-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass jew li jipprojbixxu, minn naħa l-oħra, rabtiet ta’ proprjetà jew ta’ kontroll bejn il-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass attiv fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp li jinkludi impriża li tipproduċi, tipprovdi jew li tieħu sehem fin-negozju tal-elettriku jew tal-gass f’dan l-istess territorju kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ operazzjoni jew ta’ attivitajiet, minn tali operatur u mill-grupp li dan tal-aħħar jagħmel parti minnu, li jistgħu jfixklu l-interessi tal-ġestjoni tan-netwerk rilevanti.

2)      Għal dak li jirrigwarda s-sistema ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taqa’ taħt l-Artikolu 345 TFUE, l-għanijiet li fuqhom hija bbażata l-għażla tal-leġiżlatur fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà adottata jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Għal dak li jirrigwarda l-projbizzjonijiet l-oħra, l-għanijiet tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fis-suq tal-elettriku u tal-gass u sabiex jiġu pprevenuti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu, inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital li jinħolqu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.