Language of document : ECLI:EU:C:2012:641

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Appell — Disinn Komunitarju — Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikoli 6, 25(1)(b) u (e), u 61 — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta persuna bilqiegħda — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti — Impressjoni globali differenti — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Utent avżat — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju — Nuqqas ta’ motivazzjoni ”

Fil-Kawżi magħquda C‑101/11 P u C‑102/11 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2011,

Herbert Neuman,

Andoni Galdeano del Sel,

residenti f’Tarifa (Spanja), irrappreżentati minn S. Míguez Pereira, avukat,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

José Manuel Baena Grupo, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn A. Canela Giménez, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn U. Lõhmus (Relatur), li jaġixxi fil-funzjoni ta’ President tas-Sitt Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, H. Neuman u A. Galdeano del Sel, minn naħa, u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), min-naħa l-oħra, (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Diċembru 2010, Baena Grupo vs UASI — Neuman u Galdeano del Sel (figuri bilqiegħda), T‑513/09 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn José Manuel Baena Grupo, SA (iktar ’il quddiem “Baena Grupo”) kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tal-14 ta’ Ottubru 2009 (Każ R 1323/2008-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn H. Neuman u A. Galdeano del Sel, minn naħa, u Baena Grupo, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-premessa 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), tipprovdi:

“L-istima dwar jekk disinn ikollux karattru individwali għandha tkun imsejsa fuq jekk l-impressjoni ġenerali prodotta minn utent informat li jara d-disinn, tiddiferixxix biċ-ċar minn dik prodotta fuqu bil-corpus tad-disinn eżistenti, filwaqt li jqis in-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew inkorporat, u b’mod partikolari s-settur industrijali li għalih jappartjeni u l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.”

3        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.”

4        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa mfassal kif ġej:

“1. Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

(a) fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

(b) fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

(a) fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

(b) fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.”

6        Skont l-Artikolu 7(1) u(2) tar-Regolament Nru 6/2002:

“1. Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-kondizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.

2. Żvelar ma għandux jittieħed f’kunsiderazzjoni bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6 u jekk disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

(a) mid-disinjatur, is-suċċessur tiegħu fit-titolu, jew persuna terza b’riżultat tat-tagħrif ipprovdut jew l-azzjoni meħuda mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu it-titolu; u

(b) matul il-perjodu taż-żmien ta’ 12-il xahar mid-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.”

7        L-Artikolu 25(1)(b) u (e), u (3) ta’ dan ir-regolament, artikolu intitolat “Raġunijiet għall-invalidità”, jipprovdi:

“1. Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:

[…]

(b) jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 4 sa 9;

[…]

e)      jekk jintuża sinjal distintiv f’disinn sussegwenti, u l-liġijiet Komunitarji jew il-liġijiet ta’ Stat Membru li jirregolaw dan is-sinjal jikkonferixxu fuq il-pussessur tad-dritt għas-sinjal id-dritt li jipprojbixxi dan l-użu;


[…]

3. Ir-raġunijiet ipprovduti fil-paragrafu (1)(d), (e) u (f) jistgħu jiġu invokati biss mill-applikant għad-dritt ta’ iktar qabel jew mill-pussessur tiegħu.


[…]”

8        Skont l-Artikolu 61(1) sa (3) tal-istess regolament:

“1. Jistgħu jitressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-appelli.

2. Il-kawża tista’ titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter.

3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla jew tibdel deċiżjoni kkontestata.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Baena Grupo hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju Nru 426895-0002 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”) li ġej:

Image not found

10      Dan id-disinn ġie ppreżentat fis-7 ta’ Novembru 2005 u rreġistrat kif ukoll ippubblikat fis-27 ta’ Diċembru 2005 għall-prodotti, fil-klassi 99-00 skont il-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinji industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat (iktar ’ il quddiem il-“Ftehim ta’ Locarno”), li ġejjin: “ornamentazzjoni għal teeshirts, ornamentazzjoni għal brieret, ornamentazzjoni għal stikers, ornamentazzjoni għal materjal stampat, inkluż materjal pubbliċitarju.”

11      Fit-18 ta’ Frar 2008, H. Neuman u A. Galdeano del Sel ippreżentaw quddiem il-UASI, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, skont l-Artikolu 25(1)(b) u (e) tar-Regolament Nru 6/2002. Fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huma allegaw li d-disinn ikkontestat, minn naħa, ma kienx ġdid u ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament, u min-naħa l-oħra, li kien qiegħed juża sinjal distintiv fis-sens tal-Artikolu 25(1)(e) tal-istess regolament.

12      Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità H. Neuman u A. Galdeano del Sel invokaw it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti Nru 1312651 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) li ġejja:

Image not found

13      Din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata fis-7 ta’ Novembru 2000 għal prodotti fil-klassijiet 25, 28 u 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, hekk kif irrevedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), li tikkorrispondi, għal kull wieħed minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

–        klassi 28: “Logħob, ġugarelli; oġġetti tal-ġinnastika u sport;”

–        klassi 32:“Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002.

15      Fis-16 ta’ Settembru 2008, Baena Grupo appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

16      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) qies li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet wettqet żball meta qieset li kien sar użu mit-trade mark preċedenti fid-disinn ikkontestat. Madankollu, il-Bord tal-Appell qies li d-disinn ma kellux karattru individwali, peress li ma kienx jipproduċi fuq l-utent avżat, jiġifieri ż-żgħażagħ jew tfal li normalment jixtru teeshirts, brieret, stikers, jew utenti ta’ materjal stampat, impressjoni globali differenti minn dik prodotta mit-trade mark preċedenti. Għalhekk, skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-invalidità tad-disinn ikkontestat, iżda abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tiegħu.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2009, Baena Grupo ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. Hija sostniet li d-differenzi bejn it-trade mark preċedenti u d-disinn ikkontestat huma tali li l-impressjoni globali li tinħoloq fl-utent avżat għal kull wieħed minn dawn il-figuri hija differenti.

18      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

19      L-ewwel nett il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 20 tas-sentenza appellata, li għandu jsir paragun bejn, minn naħa, l-impressjoni globali mogħtija mid-disinn ikkontestat u, min-naħa l-oħra, l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat mit-trade mark preċedenti, li tikkostitwixxi disinn magħruf mill-pubbliku.

20      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata, li l-impressjoni globali mogħtija miż-żewġ figuri inkwistjoni lill-utent avżat hija ddeterminata fil-parti l-kbira mill-espressjoni tal-wiċċ ta’ kull wieħed minn dawn il-figuri. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li d-differenza fl-espressjoni tal-wiċċ taż-żewġ figuri tikkostitwixxi karatteristika fundamentali li tibqa’ fil-memorja tal-utent avżat, hekk kif ġie definit korrettement mill-Bord tal-Appell.

21      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li din l-espressjoni, flimkien mal-pożizzjoni tal-ġisem mirwi ’il quddiem li tagħti l-impressjoni ta’ ċerta irritazzjoni, twassal lill-utent avżat sabiex jidentifika d-“disinn preċedenti” bħala persunaġġ irrabbjat. Min-naħa l-oħra, l-impressjoni globali mogħtija mid-disinn ikkontestat ma hijiex ikkaratterizzata mill-manifestazzjoni ta’ xi emozzjoni, sew jekk abbażi tal-espressjoni tal-wiċċ sew jekk abbażi tal-pożizzjoni tal-ġisem, li hija kkaratterizzata minn inklinazzjoni lura.

22      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li “d-differenza fl-espressjoni tal-wiċċ ser tkun ċara għaż-żagħżagħ li jixtru teeshirts u brieret […u] ser tkun ħafna iktar ċara għat-tfal li jużaw l-istikers sabiex jippersonallizzaw l-oġġetti iktar u li jkunu aktar attenti għall-emozzjonijiet ta’ kull figura li hemm fuq l-istiker”.

23      Fl-aħħar nett il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, li d-differenzi bejn iż-żewġ figuri “huma suffiċjentement importanti sabiex joħolqu impressjoni globali differenti fl-utent avżat, minkejja l-eżistenza ta’ xebh rigward aspetti oħra u l-libertà kunsiderevoli li għandu d-disinjatur tal-figuri bħal dawk tal-każ inkwistjoni”.

24      Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li d-disinn ikkontestat ma kienx jagħti lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-“disinn preċedenti” invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2011, il-Kawżi C‑101-11 P u C‑102/11 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

26      Permezz tal-appell tagħhom, H. Neuman u A. Galdeano del Sel jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddikjara null id-disinn ikkontestat jew sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u

–        tikkundanna lil Baena Grupo għall-ispejjeż sostnuti matul dan l-appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.

27      Permezz l-appell tiegħu, l-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tagħti sentenza ġdida fuq il-mertu, billi tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil Baena Grupo għall-ispejjeż.

28      Fir-risposta tagħha, Baena Grupo titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli fil-Kawża C‑101/11 P jew, sussidjarjament tiċħad l-appell,

–        tiċħad bħala infondat l-appell fil-Kawża C‑102/11 P, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

29      Insostenn tal-appell tagħhom, H. Neuman u A. Galdeano del Sel iqajmu tliet aggravji. L-ewwel żewġ aggravji huma bbażati fuq żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 9 tiegħu u mal-Artikolu 25(1)(e) ta’ dan ir-regolament. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenza kontestata.

30      Insostenn tal-appell tiegħu, l-UASI jqajjem żewġ aggravji bbażati fuq il-ksur imwettaq mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 u min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, fejn permezz tagħhom l-UASI ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali għamlet konfużjoni bejn il-kriterji speċifiċi tad-dritt tat-trade marks u dawk li joħorġu mid-dritt tad-disinni Komunitarji u, min-naħa l-oħra, li hija naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel aggravju mqajjem mill-UASI, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fl-ewwel lok, filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO (C‑38/09 P, Ġabra, p. I‑3209, punt 77), l-UASI jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni dettaljata ħafna tad-“disinni Komunitarji inkwistjoni” meta kienet qed tivvaluta l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

32      L-UASI jsostni li l-istħarriġ tal-validità tad-disinni Komunitarji, li huwa kkaratterizzat minn livell ta’ kumplessità teknika għoli, jirrigwarda, fil-kuntest tal-Artikolu 25(1)(b) u (d) tar-Regolament Nru 6/2002, unikament d-determinazzjoni tal-livell ta’ libertà tad-disinjatur. Huwa jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali, billi ma llimitatx l-istħarriġ tagħha għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-validità ta’ tali disinni, hija eċċediet il-portata tal-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament.

33      Fit-tieni lok, l-UASI jiddikjara li, meta l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-espressjoni tal-emozzjonijiet tal-figuri tad-“disinn inkwistjoni” hija iktar importanti mir-rappreżentazzjoni grafika ta’ dawn il-figuri, hija ssostitwiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-Bord tal-Appell. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni ġdida tal-fatti mingħajr ma llimitat l-evalwazzjoni tagħha għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

34      F’dan ir-rigward, l-UASI jqis li, peress li naqset milli tippreċiża n-natura tal-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali ma tħallix lill-UASI jiġbed xi konklużjoni mis-sentenza appellata sabiex tingħata applikazzjoni korretta tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament.

35      Baena Grupo tikkunsidra li l-argument tal-UASI ma huwiex fondat. Skont Baena Grupo, il-Qorti Ġenerali għandha libertà totali fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et (C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha, fil-kuntest ta’ appell ippreżentat iktar tard quddiemha, fuq l-evalwazzjoni tal-provi li saret mill-Qorti Ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali eċċedietx il-limiti tal-istħarriġ tagħha u jekk għamlitx sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-UASI.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, rikors kontra deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-UASI jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-regolament jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali marbuta mal-applikazzjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tagħmel stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjoni mwettqa mill-UASI fuq l-elementi ppreżentati mill-applikant (ara s-sentenzi, tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra p. I-5853, punt 52, u tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, Ġabra p. I-10153, punt 66).

38      Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali hija mitluba sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minnhom fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punti ta’ fatt li jkunu tressqu quddiem l-imsemmija bordijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 38, u d-digriet tat-28 ta’ Marzu 2011, Herhof vs UASI, C‑418/10 P, punt 47).

39      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tista’ twettaq stħarriġ komplet tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, inkluż, jekk ikun meħtieġ, billi tistħarreġ jekk dawn il-bordjiet għamlux klassifikazzjoni ġuridika eżatta tal-fatti tal-kawża jew jekk l-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt mressqa quddiem l-imsemmija bordijiet hijiex ivvizzjata bi żbalji (ara, b’analoġija, is-sentenza Les Éditions Albert René vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u d-digriet Herhof vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 48).

40      Fil-fatt, meta tintalab tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun marbuta minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti magħmula minn dan il-bord sa fejn l-imsemmija evalwazzjoni tagħmel parti mill-konklużjonijiet li l-legalità tagħhom qed tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Les Éditions Albert René vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

41      Ċertament, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti lill-UASI, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar jissejjaħ sabiex iwettaq evalwazzjonijiet tekniċi ħafna, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni u tillimita ruħha, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell fil-qasam tad-disinni industrijali, għal eżami tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

42      Madankollu, fil-każ inkwistjoni, l-UASI ma stabbilixxix li l-evalwazzjoni inkwistjoni kienet teħtieġ evalwazzjonijiet tekniċi ħafna li kienu jiġġustifikaw li għandu jingħatalu marġni ta’ diskrezzjoni tali li jwassal sabiex il-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tiġi limitata għal żbalji manifesti.

43      Barra minn hekk, Baena Grupo sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Bord tal-Appell, meta kkunsidra li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali, peress li ma kienx jagħti lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik li kienet tagħti t-trade mark preċedenti, kiser l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

44      Minn dan jirriżulta li, peress li Baena Grupo kkontestat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat minn kull figura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kellha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-evalwazzjoni li għamel l-imsemmi Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh bejn it-trade mark preċedenti u d-disinn ikkontest (ara, b’analoġija, is-sentenza Les Éditions Albert René vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

45      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, twettaq, fil-punti 20 sa 25 tas-sentenza appellata, eżami konkret tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża.

46      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel aggravju tal-UASI jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-UASI u l-ewwel aggravju mqajjem minn H. Neuman u A. Galdeano del Sel, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament

 L-argumenti tal-partijiet

47      L-ewwel nett, l-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali għamlet konfużjoni bejn il-kriterji speċifiċi tad-dritt tat-trade marks u dawk li jifformaw parti mid-dritt tad-disinni Komunitarji. Skont l-UASI, id-dritt tat-trade marks jipproteġi l-interess ġenerali tal-konsumaturi sabiex dawn ma jagħmlux żball fil-mument li jixtru prodotti jew servizzi koperti minn trade mark, filwaqt li d-dritt tad-disinni Komunitarji għandu l-għan li jipproteġi interessi privati, jiġifieri dawk tal-operatur li jiżviluppa jew jisfrutta l-kreazzjoni ta’ forma, indipendentement mill-eżistenza eventwali ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodott mixtri. B’mod partikolari, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat il-paragun tad-“disinni inkwistjoni”, fil-punti 22 u 23 tas-sentenza appellata, fuq it-tifkira imperfetta li l-utent avżat iżomm fil-memorja.

48      F’dan ir-rigward, kemm H. Neuman u A. Galdeano del Sel kif ukoll l-UASI jqisu li l-imsemmi paragun ma għandux ikun ibbażat fuq it-tifkira imperfetta tal-utent avżat, iżda fuq paragun dirett bejn il-figuri inkwistjoni.

49      It-tieni nett, l-UASI jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi peress li, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, hija ma bbażatx l-eżami tagħha dwar l-impressjoni mogħtija mid-“disinni inkwistjoni” fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku kollu rilevanti. Fil-fatt, hija llimitat l-eżami tagħha ta’ dawn id-disnni biss għall-perċezzjoni ta’ parti mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri dik taż-żgħażagħ li jużaw teeshirts, brieret u stikers.

50      It-tielet nett, H. Neuman u A. Galdeano del Sel isostnu li l-Qorti Ġenerali, meta, fil-punt 21 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-impressjoni globali mogħtija miż-żewġ figuri inkwistjoni lill-utent avżat hija ddeterminata mill-espressjoni tal-wiċċ ta’ kull waħda minnhom, wettqet żball ta’ liġi. Huma jsostnu li d-disinn ikkontestat huwa nieqes mill-karattru individwali u li d-differenzi żgħar fl-espressjoni taż-żewġ figuri inkwistjoni ma għandhom l-ebda impatt fuq l-impressjoni globali li huma joħolqu. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw l-identiċità tal-prodotti involuti u l-pubbliku li għalihom huma intiżi. Barra minn dan, huma jinnotaw li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, ammettiet li d-disinjaturi tal-figuri għandhom grad ta’ libertà kunsiderevoli.

51      Baena Grupo tqis li, permezz tal-argument tagħhom, H. Neuman u A. Galdeano del Sel jillimitaw ruħhom, fir-realtà, li jikkontestaw l-analiżi ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali u għalhekk qed jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali.

52      Baena Grupo teċepixxi wkoll l-inammissibbiltà tal-ilment tal-UASI dwar il-pubbliku rilevanti minħabba li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tiddeċiedi fuq dan l-ilment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta sar il-paragun tat-trade mark preċedenti u tad-disinn ikkontestat, għandu jiġi rrilevant li, l-ewwel nett, r-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “utent avżat” li huwa juża. Madankollu, din il-frażi għandha tinftiehem bħala kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ “utent avżat” jista’ jinftiehem li jinkludi utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur ikkunsidrat (ara s-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

54      F’dan ir-rigward, huwa minnu li n-natura stess tal-utent avżat kif ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja timplika li, meta dan ikun possibbli, huwa jwettaq paragun dirett tat-trade mark preċedenti u tad-disinn ikkontestat. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li tali paragun ma jsirx jew ma huwiex normali li jsir fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi jew minħabba l-karatteristiċi tal-oġġetti li t-trade mark preċedenti u d-disinn ikkontestat jirrappreżentaw (ara f’dan is-sens, is-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

55      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’mod effettiv talli wettqet żball ta’ liġi minħabba l-fatt li wettqet evalwazzjoni tal-impressjoni globali mogħtija mit-trade mark preċedenti u mid-disinni kkontestati mingħajr ma titlaq mill-premessa li f’kull każ utent avżat jagħmel paragun dirett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

56      Dan huwa iktar u iktar minnu meta, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 6/2002, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-evalwazzjoni tad-disinni eventwali għal paragun dirett (ara s-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

57      Minn dan jirriżulta li, meta jsir il-paragun tat-trade mark preċedenti u tad-disinn ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ir-raġunament tagħha, fil-punti 22 u 23 tas-sentenza appellata, fuq it-tifkira imperfetta tal-impressjoni globali mogħtija miż-żewġ figuri li l-utent avżat żamm fil-memorja.

58      Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

59      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta llimitat l-eżami tagħha tat-trade mark preċedenti u tad-disinn ikkontestat għal perċezzjoni ta’ parti mill-pubbliku rilevanti, għandu, preliminarjament, jiġi ppreċiżat li dan l-ilment ma huwiex, għal kuntrarju ta’ dak li tallega Baena Grupo, inammissibbli. Fil-fatt, l-għan tiegħu huwa li jiġi ddikjarat żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002 u li jista’, fil-każ li jiġi stabbilit li huwa fondat, jivvizzja r-raġunament kollu żviluppat mill-Qorti Ġenerali.

60      Fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstat li dan l-ilment tal-UASI jistrieħ fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-kuntest tal-paragun tat-trade mark preċedenti u tad-disinn ikkontestat, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, għall-utenti avżat “hekk kif ġie definit korrettement mill-Bord tal-Appell”.

61      Għalhekk il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-pubbliku rilevanti kollu kif iddefinit mill-Bord tal-Appell, jiġifieri ż-żgħażagħ, it-tfal u l-utenti ta’ stikers, inkluż pubbliċità. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 23 tas-sentenza appellata, fejn sar riferiment għall-imsemmi utent avżat fil-waqt tal-eżami dwar l-impressjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti u mid-disinn ikkontestat. Suċċessivament, il-Qorit Ġenerali, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, tafferma, b’mod partikolari, li d-differenza fl-espressjoni tal-wiċċ taż-żewġ figuri tkun tidher b’mod ċar ħafna għaż-żgħażagħ u għat-tfal.

62      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma bbażatx l-eżami tagħha tal-figuri fuq il-pubbliku rilevanti kollu.

63      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrivelat li H. Neuman u A. Galdeano del Sel, sostanzjalment, jilmentaw li l-Qorti Ġenerali qieset li hija l-espressjoni tal-wiċċ taż-żewġ figuri li tiddetermina l-impressjoni globali tat-trade mark preċedenti u tad-disinn ikkontestat fuq l-utent avżat.

64      F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumentazzjoni tagħhom, H. Neuman u A. Galdeano del Sel jillimitaw ruħhom, fir-realtà, li jikkontestaw l-analiżi ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-impressjoni globali mogħtija mit-trade mark preċedenti u mid-disinn ikkontestat u li għalhekk, qed jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali.

65      Fil-fatt, mingħajr ma allegaw u lanqas ma pproduċew il-prova li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li kienu ġew ippreżentati quddiemha, H. Neuman u A. Galdeano del Sel illimitaw ruħhom li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li għamlet evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni sabiex tistabbilixxi li d-disinn ikkontestat kien jagħti lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik li mogħtija mit-trade mark preċedenti invokata insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

66      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biss, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonjiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha, ma jikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C‑144/06 P, Ġabra p. I‑8109, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju tal-UASI u l-ewwel aggravju ta’ H. Neuman u A. Galdeano del Sel għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

 Fuq it-tieni aggravju mqajjem minn H. Neuman u A. Galdeano del Sel, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002

 L-argumenti tal-partijiet

69      H. Neuman u A. Galdeano del Sel jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma applikatx l-Artikolu 25(1)(e) tal-imsemmi regolament. Skont dawn it-tnejn, il-kundizzjonijiet kollha li kienu meħtieġa sabiex jiġi deċiż li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u d-disinn ikkontestat huma sodisfatti. Konsegwentement, meta naqset milli tiddeċiedi dwar l-imsemmija dispożizzjoni u meta naqset milli tipprojbixxi l-użu tad-disinn ikkontestat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

70      Baena Grupo tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      Għandu jiġi kkonstatat li dan huwa motiv li ma kienx ġie mqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża u li, fi kwalunkwe każ, dan ma jikkostitwixxix motiv ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio.

72      Issa skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem l-ewwel istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et , C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59; tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs UASI, C‑171/06 P, punt 24, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, punt 56).

73      Għaldaqstant, l-aggravju preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-UASI u t-tielet aggravju mqajjem minn H. Neuman u A. Galdeano del Sel, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

 L-argumenti tal-partijiet

74      L-UASI jsostni li, meta naqset milli, minn naħa, tipprovdi r-raġunijiet li għalihom “id-differenza fl-espressjoni tal-wiċċ ser tkun ċara għaż-żagħżagħ li jixtru teeshirts u brieret”, hekk kif inhu kkonstatat fil-punt 24 tas-sentenza appellata, u milli, min-naħa l-oħra, tagħmel riferiment għall-pubbliku kkostitwit minn utenti ta’ “stikers inkluż pubbliċità”, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

75      H. Neuman u A. Galdeano del Sel jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali wkoll talli ma tat l-ebda motivazzjoni preċiża, eżatta u koerenti tas-sentenza appellata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

76      Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti tal-UASI, Baena Grupo tqis li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tiddeċiedi dwar il-pubbliku rilevanti, hekk kif imsemmi fil-punt 52 iktar ’il fuq, u, konsegwentement, is-sentenza tagħha ma tistax tkun ivvizzjata min-nuqqas ta’ motivazzjoni.

77      Fir-rigward tal-ilmenti ta’ H. Neuman u A. Galdeano del Sel, Baena Grupo tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibiltà. Hija ssostni li H. Neuman u A. Galdeano del Sel ma indikawx il-partijiet mis-sentenza appellata li allegatament huma vvizzjati min-nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      F’dak li jirrigwarda l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni invokat mill-UASI, dan huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali allegatament naqset, minn naħa, milli tipprovdi r-raġunijiet li għalihom “id-differenza fl-espressjoni tal-wiċċ ser tkun ċara għaż-żagħżagħ li jixtru teeshirts u brieret” u, min-naħa l-oħra, milli tagħmel riferiment għall-pubbliku kkostitwit minn utenti ta’ “stikers inkluż pubbliċità”.

79      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C‑311/05 P, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu suffiċjentement motivati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Naipes Heraclio Fournier vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 60 sa 62 tas-sentenza preżenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa minnu nnifsu ċar u jinftiehem u li huwa tali li jippermetti li jsiru magħrufa r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv uniku invokat, quddiemha, minn Baena Grupo. Is-sentenza appellata ma hijiex għaldaqstant ivvizzjata min-nuqqas ta’ motivazzjoni.

82      Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

83      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-appelli preżenti għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

85      Peress li l-aggravji ta’ H. Neuman u A. Galdeano del Sel ma ntlaqgħux fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑101/11 P, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell kif mitlub minn Baena Grupo.

86      Peress li l-aggravji tal-UASI ma ntlaqgħux fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑102/11 P, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell kif mitlub minn Baena Grupo.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      H. Neuman u A. Galdeano del Sel għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk sostnuti minn José Manuel Baena Grupo, SA relatati mal-appell fil-Kawża C‑101/11 P.

3)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn José Manuel Baena Grupo, SA relatati mal-appell fil-Kawża C‑102/11 P.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.