Language of document : ECLI:EU:C:2011:208

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ April 2011(*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 24 – Preklużjoni tal-projbizzjonijiet ġenerali kollha fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati – Professjoni ta’ awditur – Projbizzjoni li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi”

Fil-Kawża C‑119/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2009, fil-proċedura

Société fiduciaire nationale d’expertise comptable

vs

Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J.‑J. Kasel u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, U. Lõhmus (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, minn F. Molinié, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kallí, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, kif ukoll minn M. de Grave u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rogalski u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (iktar ’il quddiem is-“Société fiduciaire”) u l‑Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique, dwar talba għall-annullament tad-Digriet Nru 2007-1387, tas-27 ta’ Settembru 2007, dwar Kodiċi Etiku tal-awdituri professjonali (JORF tat-28 ta’ Settembru 2007, p. 15847), peress li dan jipprojbixxi li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 2, 5 u 100 tad-Direttiva 2006/123:

“(2)      Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa, bosta ostakoli fi ħdan is-suq intern jimpedixxu lil fornituri, partikolarment lill‑intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), milli jestendu l-operazzjonijiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u milli jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq intern. Dan idgħajjef il-kompetittività dinjija tal-fornituri fl-Unjoni Ewropea. Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill‑konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.

[…]

(5)      Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ‑ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. […]

[…]

(100) Jeħtieġ li jintemmu l-projbizzjonijiet totali fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati, mhux billi jitneħħew il‑projbizzjonijiet fuq il-kontenut tal-komunikazzjoni kummerċjali iżda bit‑tneħħija ta’ dawk il-projbizzjonijiet li, b’mod ġenerali u għal xi professjoni partikolari, jipprojbixxu wieħed jew bosta forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali, bħal interdizzjoni fuq ir-riklami kollha f’wieħed jew bosta medja partikolari. Rigward il-kontenut u l-metodu ta’ komunikazzjoni kummerċjali, jeħtieġ li l-professjonisti jitħeġġu jfasslu, skond il-liġi Komunitarja, kodiċi ta’ kondotta fuq livell Komunitarju.”

4        Il-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, jipprovdi li, għall-finijiet tagħha, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

“‘komunikazzjoni kummerċjali’; tfisser kull tip ta’ komunikazzjoni maħsuba biex tippromwovi, direttament jew indirettament, il-merkanzija, is‑servizzi jew id-dehra ta’ impriża, organizzazzjoni jew persuna impenjata f’attività kummerċjali, industrijali jew tas-sengħa jew il-prattika ta’ professjoni regolata. Dawn li ġejjin ma jagħmlux parti fihom infushom minn komunikazzjonijiet kummerċjali:

a)      informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attività ta’ l-impriża, organizzazzjoni jew persuna, inklużi b’mod partikolari isem ta’ domain jew indirizz ta’ l-email,

b)      komunikazzjonijiet marbutin mal-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra ta’ l‑impriża, organizzazzjoni jew persuna, ikkompilati b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta pprovduti mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni finanzjarja.”

5        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom ineħħu kull projbizzjoni totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet regolati.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati jikkonformaw mar-regoli professjonali, bi qbil mal‑liġi tal-Komunità, li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, ma’ l‑indipendenza, id-dinjità u l-integrità tal-professjoni, kif ukoll għas-sigriet professjonali, b’mod konsistenti man-natura speċifika ta’ kull professjoni. Regoli professjonali dwar komunikazzjonijiet kummerċjali għandhom ikunu non‑diskriminatorji, ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l‑interess pubbliku u proporzjonali.”

6        Skont l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/123, din l-istess direttiva daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Diċembru 2006 u kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2009.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-istabbiliment tal-Ordni tal-Awdituri kif ukoll il-leġiżlazzjoni tat-titolu u tal‑professjoni ta’ awditur huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 45‑2138, tad-19 ta’ Settembru 1945 (JORF tal-21 ta’ Settembru 1945, p. 5938). Skont dan id-digriet, l-awditur għandu l-kompitu prinċipali li jżomm u li jikkontrolla l-kontabbiltà ta’ impriżi u ta’ korpi li magħhom ma għandu l-ebda rbit permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol. Huwa għandu s-setgħa li jivverifika r-regolarità u l-veraċità tal-kontijiet tal-qligħ u t-telf u jista’ wkoll jassisti fil-ħolqien ta’ impriżi u ta’ korpi fl-aspetti kollha ta’ kontabbiltà, u fl-aspetti ekonomiċi u finanzjarji.

8        Sal-adozzjoni tad-Digriet Nru 2004-279, tal-25 ta’ Marzu 2004, dwar is‑simplifikazzjoni u l-adattament tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet professjonali (JORF tas-27 ta’ Marzu 2004, p. 5888), ir-reklamar personali kollu kien ipprojbit lill-membri tal-professjoni ta’ awditur. Id‑Digriet Nru 97-586, tat-30 ta’ Mejju 1997, dwar il-funzjonament tal-korpi dixxiplinari tal-awdituri (JORF tal-31 ta’ Mejju 1997, p. 8510), li jippreċiża l‑kundizzjonijiet li fihom l-awdituri issa setgħu jirrikorru għal azzjonijiet ta’ promozzjoni, jipprovdi, fl-Artikolu 7 tiegħu, li dawn il-kundizzjonijiet ser ikunu s‑suġġett ta’ kodiċi ta’ dmirijiet professjonali li d-dispożizzjonijiet tagħhom ser ikunu abbozzati fil-forma ta’ digriet tal-Conseil d’État.

9        Għaldaqstant, huwa abbażi tal-Artikolu 23 tad-Digriet Nru 45‑2138 u tal‑Artikolu 7 tad-Digriet Nru 97-586 li ġie adottat id-Digriet Nru 2007‑1387.

10      Skont l-Artikolu 1 ta’ dan l-aħħar digriet:

“Ir-regoli tal-etika applikabbli għall-awdituri professjonali huma stabbiliti bil-Kodiċi ta’ Etika anness ma’ dan id-digriet.”

11      L-Artikolu 1 tal-Kodiċi ta’ Etika tal-awdituri professjonali jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi japplikaw għall-awdituri, ikun liema jkun il‑metodu li bih jeżerċitaw il-professjoni, u, fejn japplika, għall-awdituri li qegħdin jitħarrġu kif ukoll impjegati msemmija rispettivament fl-Artikolu 83b u fl-Artikolu 83c tad-Digriet Nru 45‑2138 tad-19 ta’ Settembru 1945 li jistabbilixxi l-Ordni tal-Awdituri u li jirregola t-titolu u l-professjoni ta’ awditur.

B’eċċezzjoni għal dawk li jistgħu jikkonċernaw biss lil perżuni fiżiċi, huma japplikaw ukoll għal ditti ta’ awdituri u għal assoċjazzjonijet ta’ ġestjoni u ta’ kontabbiltà.”

12      Skont l-Artikolu 12 ta’ dan il-kodiċi:

“I – Il-persuni msemmija fl-Artikolu 1 huma pprojbiti milli jissolleċitaw klijenti prospettivi mingħajr ma jkunu mitluba sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom lil terzi.

Il-parteċipazzjoni tagħhom f’konferenzi, f’seminars jew f’manifestazzjonijiet universitarji jew xjentifiċi oħrajn hija awtorizzata sa fejn dawn ma jagħmlux atti, f’dik l-okkażjoni, li jistgħu jixbhu lil atti ta’ solleċitazzjoni lil klijenti prospettivi.

II – Il-persuni msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jwettqu azzjonijiet ta’ promozzjoni sa fejn dawn jagħtu lill-pubbliku informazzjoni utli. Il-mezzi li għandhom jintużaw għal dan il-għan għandhom jiġu implementati b’diskrezzjoni, b’mod li la jippreġudikaw l-indipendenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, u lanqas ir-regoli tas-sigriet professjonali u l-lealtà fil-konfront tal-klijenti u tal-membri l-oħrajn tal‑professjoni.

Meta dawn jippreżentaw l-attività professjonali tagħhom lil terzi, irrispettivament mill-mezz li jużaw, il-persuni msemmija fl-Artikolu 1 ma għandhom jadottaw l‑ebda forma ta’ espressjoni li tista’ tikkomprometti d-dinjità tal-funzjoni tagħhom jew ir-reputazzjoni tal-professjoni.

Dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-istess bħall-mezzi l-oħra kollha huma permessi biss jekk l-espressjoni tagħhom tkun deċenti u serja, jekk il-kontenut tagħhom ma jinvolvi l-ebda ineżattezza u ma jqarraqx lill-pubbliku u jekk ma jkunu jinkludu l-ebda element ta’ paragun.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2007, is-Société fiduciaire talbet lill-Conseil d’État jannulla d-Digriet Nru 2007/1387 sa fejn dan jipprojbixxi li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi. Société fiduciaire tikkunsidra li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ kull attività ta’ solleċitazzjoni lil klijenti prospettivi, prevista fl-Artikolu 12-I tal‑Kodiċi ta’ Etika tal-awdituri professjonali, tmur kontra l-Artikolu 24 tad‑Direttiva 2006/123 u tikkostitwixxi theddida serja għall-implementazzjoni ta’ din id-direttiva.

14      Il-qorti tar-rinviju tqis li rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa neċessarju fil-kawża li tressqet quddiemha minħabba l-fatt li l-projbizzjoni li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi stabbilita bid‑digriet ikkontestat, jekk din titqies bħala kuntrarja għall-Artikolu 24 tad‑Direttiva 2006/123, tikkomprometti serjament l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2006/123] kienet intiża li tipprekludi, fir-rigward tal-professjonijiet irregolati li hija tipprevedi, kull projbizzjoni ġenerali, tkun xi tkun il-forma ta’ prattika kummerċjali kkonċernata, jew tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu l-projbizzjonijiet ġenerali fir-rigward ta’ ċerti prattiki kummerċjali, bħal dik tal-bejgħ bieb bieb [li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi]?”

 Fuq l-ammissibbiltà

16      Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123 li t-terminu għat‑traspożizzjoni tagħha, stabbilit għat-28 ta’ Diċembru 2009, ma kienx għadu skada fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri fl-4 ta’ Marzu 2009.

17      Il-Gvern Franċiż, mingħajr ma jqajjem b’mod espliċitu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jagħmel xi oġġezzjonijiet fir-rigward tar-rilevanza tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u tal-evalwazzjoni magħmula minnha, li tgħid li, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali hija kkunsidrata bħala kuntrarja għad-Direttiva 2006/123, hija tikkomprometti serjament l-implementazzjoni tagħha.

18      Fil-fatt, skont il-Gvern, jekk huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li jistgħu serjament jikkompromettu l-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environment Wallonie, C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45, tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 58, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 38), dan ma huwiex minnu fil-kawża prinċipali, fejn l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123 ma tipproduċix effetti li bħal dawk, minn naħa, jippersistu wara l-iskadenza ta’ dak il-perijodu ta’ traspożizzjoni u, min‑naħa l-oħra, ikunu ta’ gravità partikolari fir-rigward tal-għan imfittex minn din id-direttiva.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta illi hija l-qorti tar-rinviju li quddiemha titressaq il-kawża prinċipali li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-legalità tagħhom hija kkontestata jikkompromettux b’mod serju r-riżultat previst minn direttiva. F’din l‑evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju trid teżamina b’mod partikolari jekk id‑dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxux traspożizzjoni sħiħa tad-direttiva kif ukoll trid tiddetermina l-effetti konkreti tal-applikazzjoni ta’ dawk id‑dispożizzjonijiet li ma humiex kompatibbli u taż-żmien li matulu jdumu fis-seħħ (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Inter-Environment Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

20      Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ din l‑evalwazzjoni fil-kuntest ta’ eżami tal-ammissibbiltà ta’ domanda għal deċiżjoni preliminari.

21      Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domanda dwar l‑interpretazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, magħmulha mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi bħala li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha, tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 67; tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C‑515/08, Ġabra p. I‑1885, punt 20, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

22      Minn dan jirriżulta illi t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-membri ta’ professjoni rregolata, bħalma hija l-professjoni ta’ awditur, milli jwettqu atti li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi.

24      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, li jġib l-isem “Komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati”, jimponi żewġ obbligi fuq l-Istati Membri. Minn naħa, il-paragrafu 1 tiegħu jeżiġi li l-Istati Membri għandhom ineħħu kull projbizzjoni ġenerali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet irregolati. Min-naħa l-oħra, il‑paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali magħmula mill-professjonijiet irregolati josservaw ir-regoli professjonali, b’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li jirrigwardaw b’mod partikolari, l-indipendenza, id-dinjità u l-integrità tal‑professjoni, kif ukoll is-sigriet professjonali, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull professjoni. L-imsemmija regoli professjonali għandhom ikunu mhux diskriminatorji, iġġustifikati b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonati.

25      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, u b’mod partikolari l-paragrafu 1 tiegħu, huwiex intiż li jipprekludi projbizzjoni li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi bħal dik ipprovduta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jsir riferiment mhux biss għal kif inhi miktuba, iżda wkoll għall-fini tagħha u għall-kuntest tagħha u kif ukoll għall-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

26      F’dan ir-rigward, mill-premessi 2 u 5 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża sabiex telimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal‑fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri, sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern liberu u kompetittiv.

27      L-għan tal-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva huwa ppreċiżat fil-premessa 100 tagħha, premessa li tistipula li għandhom jitneħħew il-projbizzjonijiet ġenerali tal‑komunikazzjonijiet kummerċjali għall-professjonijiet irregolati li, b’mod ġenerali u għal professjoni partikolari, tipprojbixxi wieħed jew iktar tipi ta’ komunikazzjoni kummerċjali, b’mod partikolari kwalunkwe reklamar f’mezz ta’ komunikazzjoni partikolari jew f’numru minn dawn il-mezzi.

28      Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, għandu jitfakkar li dan jinsab fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Kwalità tas-servizzi”. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-osservazzjonijiet tiegħu, dan il-kapitolu, b’mod ġenerali, u dan l-Artikolu 24, b’mod partikolari, għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-interessi tal-konsumaturi billi jtejbu l‑kwalità tas-servizzi tal-professjonijiet irregolati fis-suq intern.

29      Kemm mill-għan ta’ dan l-Artikolu 24 kif ukoll mill-kuntest tiegħu jirriżulta, kif issostni ġustament il-Kummissjoni Ewropea, li l-intenzjoni tal‑leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx biss li jneħħi l-projbizzjonijiet totali, għall‑membri ta’ professjoni rregolata, milli jirrikorru għall-komunikazzjoni kummerċjali, ikun xi jkun it-tip, iżda wkoll li jelimina l-projbizzjonijiet li jsir użu minn wieħed jew iktar tipi ta’ komunikazzjoni kummerċjali fis-sens tal‑punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, bħalma huma, b’mod partikolari, ir-reklamar, il-marketing dirett jew l-isponsorship. Fir-rigward tal-eżempji li jidhru fil‑premessa 100 ta’ din id-direttiva, għandhom ukoll jitqiesu bħala projbizzjonijiet ġenerali, ipprojbiti bl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, ir-regoli professjonali li jipprojbixxu l-komunikazzjoni, f’medja wieħed jew f’uħud minnhom, ta’ informazzjoni dwar il-fornitur jew dwar l-attività tiegħu.

30      Madankollu, skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tat‑tieni sentenza tal-premessa 100 tagħha, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprovdu għal projbizzjonijiet relattivi għall-kontenut u għall-metodi ta’ komunikazzjonijet kummerċjali fir-rigward ta’ professjonijiet irregolati, sakemm ir-regoli pprovduti jkunu ġġustifikati u proporzjanati mal-finijiet li jiġu żgurati b’mod partikolari l-indipendenza, id‑dinjità u l-integrità tal-professjoni kif ukoll is-sigriet professjonali meħtieġ matul l-eżerċizzju tagħha.

31      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, għandu, qabelxejn, jiġi ddeterminat jekk li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jikkostitwixxix komunikazzjoni kummerċjali fis-sens tal-imsemmi artikolu.

32      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 bħala li jinkludi kull tip ta’ komunikazzjoni maħsuba biex tippromwovi, direttament jew indirettament, il-merkanzija, is-servizzi jew id‑dehra ta’ impriża, organizzazzjoni jew persuna impenjata f’attività kummerċjali, industrijali jew tas-sengħa jew il-prattika ta’ professjoni rregolata. Madankollu, ma jaqgħux taħt dan il-kunċett, l-ewwel nett, informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attività tal-impriża, organizzazzjoni jew persuna, inklużi b’mod partikolari isem ta’ dominju jew indirizz ta’ posta elettronika, kif ukoll, it-tieni nett, il-komunikazzjonijiet marbutin mal-merkanzija, mas-servizzi jew mad-dehra tal‑impriża, tal-organizzazzjoni jew tal-persuna, ikkompilati b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta dawn huma pprovduti mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni finanzjarja.

33      Għaldaqstant, kif isostni l-Gvern Olandiż, il-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi mhux biss ir-reklamar klassiku, iżda wkoll tipi oħra ta’ reklamar u ta’ komunikazzjonijiet ta’ informazzjoni intiżi sabiex jinkisbu klijenti ġodda.

34      Fir-rigward tal-kunċett li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi, għandu jiġi osservat li la d‑Direttiva 2006/123 u lanqas kwalunkwe att ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jinkludi definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, il-portata tiegħu tista’ tvarja fl‑ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri differenti.

35      Skont l-Artikolu 12‑I tal-Kodiċi Etiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntatt li jsir minn awditur ma’ terz sabiex jipproponi s-servizzi tiegħu lil dan tal‑aħħar mingħajr ma tali terz ikun talab tali kuntatt, għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-portata eżatta tal-kunċett “li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Conseil d’État kif ukoll il-persuni kkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li l-fatt li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, li jinsab fil-punt 12 tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2006/123.

37      Skont is-Société fiduciaire, li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi huwa ddefinit bħala offerta personalizzata ta’ prodotti jew ta’ servizzi magħmula lil persuna ġuridika jew fiżika speċifika li ma talbitx tali offerta. Il-Gvern Franċiż jaqbel ma’ din id‑definizzjoni, filwaqt li jipproponi li ssir distinzjoni bejn żewġ elementi, li huma, minn naħa, element ta’ moviment, li huwa bbażat fuq il-fatt li jsir kuntatt ma’ terz li ma talabx tali kuntatt u, min-naħa l-oħra, element ta’ kontenut li jikkonsisti fit-twassil ta’ messaġġ ta’ natura kummerċjali. Skont dan il-Gvern, it‑tieni element huwa dak li b’mod iktar partikolari jikkostitwixxi komunikazzjoni kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2006/123.

38      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-fatt li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jikkostitwixxi tip ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni ddestinata li tfittex klijenti ġodda. Issa, kif issostni l-Kummissjoni, li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jimplika kuntatt personalizzat bejn il‑fornitur u l-klijent potenzjali, bl-għan li ssir offerta ta’ servizzi lil dan tal-aħħar. Minn dan il-fatt, dan jista’ jikkwalifika bħala marketing dirett. B’konsegwenza ta’ dan, li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, fis‑sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123.

39      Il-kwistjoni li tqum sussegwentement hija jekk il-projbizzjoni li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi tistax tiġi kkunsidrata bħala projbizzjoni totali tal-komunikazzjonijiet kummerċjali fis‑sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva.

40      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12-I tal-Kodiċi ta’ Etika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll mit-“Tabella indikattiva tal-għodda ta’ komunikazzjoni” stabbilita mill-Conseil supérieur de l’ordre des experts-comptables (Kunsill Superjuri tal-Ordni tal‑Awdituri), annessa mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż jirriżulta li, skont din id-dispożizzjoni, il-membri tal-professjoni ta’ awditur għandhom iżommu ruħhom lura minn kull kuntatt personali mhux mitlub li jista’ jiġi kkunsidrat bħala reklutaġġ ta’ klijentela jew bħala proposta konkreta ta’ servizzi kummerċjali.

41      Għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi , bħal dik prevista mill‑imsemmi Artikolu 12-I, hija abbozzata b’mod wiesa’, b’mod li tipprojbixxi kull att ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi, ikun xi jkun it-tip tiegħu, il-kontenut tiegħu jew il-mezzi użati. Għalhekk, din il-projbizzjoni tinkludi l-projbizzjoni tal-metodi kollha ta’ komunikazzjoni li jippermettu l-implementazzjoni ta’ dan it-tip ta’ komunikazzjoni kummerċjali.

42      Minn dan isegwi li tali projbizzjoni għandha titqies bħala projbizzjoni ġenerali tal‑komunikazzjonijiet kummerċjali prekluża bl-Artikolu 24(1) tad‑Direttiva 2006/123.

43      Din il-konklużjoni hija skont l-għan tal-imsemmija direttiva li jikkonsisti, kif tfakkar fil-punt 26 tas-sentenza preżenti, fit-tneħħija tal-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-awdituri milli jwettqu kull att ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi tista’ taffettwa l-iktar il-professjonisti li ġejjin minn Stati Membri oħra, billi ċċaħħadhom minn mezz effettiv ta’ penetrazzjoni fis-suq nazzjonali inkwistjoni. Tali projbizzjoni għaldaqstant tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, Ġabra p. I‑1141, punti 28 u 38).

44      Il-Gvern Franċiż isostni li l-fatt li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jippreġudika l-indipendenza tal‑membri ta’ din il-professjoni. Skont dan il-Gvern, peress li awditur huwa inkarigat li jikkontrolla l-kontabbiltà ta’ impriżi u dawk il-korpi li magħhom ma għandu l‑ebda rbit permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol kif ukoll li jivverifika r-regolarità u l‑veraċità tal-kontijiet tal-qligħ u t-telf, huwa indispensabbli li dan il-professjonist ma jkun issuspettat bl-ebda kompliċità fil-konfront tal-klijenti tiegħu. Issa, jekk isir kuntatt mal-maniġer tal-impriża jew tal-korp ikkonċernat, l-awditur jirriskja li jibdel in-natura tar-relazzjoni li hu normalment għandu jkollu mal-klijent tiegħu, u għalhekk jaffettwa b’mod negattiv l-indipendenza tiegħu.

45      Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprojbixxi totalment tip ta’ komunikazzjoni kummerċjali u taqa’, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(1), tad-Direttiva 2006/123. Din hija, għaldaqstant, inkompatibbli ma’ din id-direttiva u ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123, anki jekk hija nondiskriminatorja, ibbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata.

46      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi totalment lill‑membri ta’ professjoni rregolata, bħalma hija l-professjoni ta’ awditur, milli jwettqu atti ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi totalment lill-membri ta’ professjoni rregolata, bħalma hija l-professjoni ta’ awditur, milli jwettqu atti ta’ solleċitazzjoni ta’ klijenti prospettivi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.