Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-678/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P.J. Loewenthal, A. Bouchagiar, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu, fit-terminu previst, il-miżuri neċessarji kollha sabiex tikrupra mingħand Apple Sales International u minn Apple Operations Europe l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1283 tat-30 ta’ Awwissu 2016 dwar Għajnuna mill-Istat SA.38373 (2014/C) (ex 2014/NN) (ex 2014/CP) implimentata mill-Irlanda lil Apple […] 1 , l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 3 ta’ dik id-deċiżjoni kif ukoll taħt l-Artikolu 108(2) TFUE.

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Awwissu 2016 fil-Każ SA.38373, l-Irlanda jmissha rkuprat f’erba’ xhur l-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mogħtija lil Apple Sales International (“AST”) u lil Apple Operations Europe (“AOE”). L-għajnuna rriżultat miż-żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa maħruġa mill-Irlanda favur ASI u AOE fid-29 ta’ Jannar 1991 u fit-23 ta’ Mejju 2007, li ppermettew lil dawn il-kumpanniji li jiddeterminaw l-ammont ta’ ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fl-Irlanda fuq bażi annwali sal-2014.

L-Irlanda ma rkupratx l-għajnuna mill-Istat f’erba’ xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif kienet obbligata li tagħmel. Minbarra dan, l-Irlanda għadha ma ħaditx il-miżuri neċessarji kollha sabiex timplementa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

____________

1 ĠU 2017 L 187, p. 1.