Language of document : ECLI:EU:C:2013:499

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 (1)

Kawża C‑272/12 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda,

Ir-Repubblika Franċiża,

Ir-Repubblika Taljana,

Eurallumina SpA,

Aughinish Alumina Ltd

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Imputabbiltà tal-miżura kkontestata – Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa – Żjut minerali – Rabta bejn l-armonizzazzjoni fiskali u l-verifika tal-għajnuna mill-Istat – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Preżunzjoni ta’ legalità”





1.        Il-kawża preżenti għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qajmitx, b’mod inkorrett, motiv ex officio.

2.        Din hija t-tieni darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża. Il-Kummissjoni Ewropea reġgħet ippreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha din il-qorti reġgħet annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005 (3).

3.        Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif ipprattikati mir-Repubblika Franċiża, mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana. Dawn l-eżenzjonijiet kienu ġew awtorizzati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq proposta tal-Kummissjoni, diversi snin qabel, skont id-direttivi rilevanti fil-qasam tad-dazji tas-sisa.

4.        Il-Kummissjoni ordnat ukoll l-irkupru ta’ din l-għajnuna mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi qieset li, qabel din id-data, kienet tat lok għal aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji tagħha.

5.        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata billi qieset li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224/KE (4), kienu, fil-prinċipju, jipprekludu lill-Kummissjoni milli timputa l-eżenzjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri kkonċernati u konsegwentement milli tkun tista’ tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat u tordna l-irkupru parzjali tagħhom. Hija ddikjarat li fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll dak tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, inkwantu kienet tqajjem dubji, b’mod dirett, dwar il-validità tal-eżenzjonijiet kontenzjużi mogħtija mill-Istati Membri kkonċernati sal-31 ta’ Diċembru 2003, u b’mod indirett, iżda neċessarjament, dwar il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u l-effeti marbuta ma’ din tal-aħħar.

6.        Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ motiv li hija qajmet ex officio, jiġifieri dak tan-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, u li, fil-fehma tagħha, dan kien inkorrett u kien jikkostitwixxi l-motiv reali ta’ dan l-annullament.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet ser insostni t-teżi tal-Kummissjoni billi nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fis-sens li l-Qorti Ġenerali effettivament u b’mod inkorrett qajmet motiv ex officio u ser nuri li din il-konstatazzjoni, minnha nfisha, tiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat

8.        L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f[it-Trattat KE], kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l‑Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

9.        L-Artikolu 88 KE jipprovdi:

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma’ l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall‑funzjonament tas-suq komuni.

2.     Jekk, wara li ssejjaħ lill‑partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

[…]

3.     Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini tal-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

B –    Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-armonizzazzjoni fiskali

1.      Id-direttivi relatati mad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali

10.      Id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali kienu s-suġġett ta’ diversi direttivi, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (5), id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (6), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità ta’ tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku (7), li tħassar id-Direttivi 92/81 u 92/82 b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003.

11.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 92/81, l-Artikolu 8(4) ta’ din tal-aħħar kien redatt kif ġej:

“Il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis addizzjonali għal raġunijiet politiċi speċifiċi.

Stat Membru li jixtieq jintroduċi din il-miżura għandu jinforma lill-Kummissjoni u għandu wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti u neċessarja. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bil-miżura proposta fi żmien xahar.

Il-Kunsill għandu jitqies li jkun awtorizza l-eżenzjoni jew ir-riduzzjoni proposta jekk, fi żmien perijodu ta’ xahrejn mid-data meta l-Istati Membri l-oħra ġew infurmati skont it-tieni paragrafu, la l-Kummissjoni u lanqas kwalunkwe Stat Membru ma jkun talab li l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      L-Artikolu 8(5) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“Jekk il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 4 ma jistgħux jibqgħu jinżammu fis-seħħ, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni żleali jew distorsjoni fil-funzjonament tajjeb tas-suq komuni jew għal raġunijiet marbuta mal-politika Komunitarja tal-ħarsien tal-ambjent, hija għandha tippreżenta lill-Kunsill il-proposti meħtieġa. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod unanimu fuq dawn il-proposti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.      Fir-rigward tad-Direttiva 92/82, l-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar stabbilixxa r-rata minima tas-sisa fuq iż-żejt tqil li l-Istati Membri kellhom japplikaw, mill-1 ta’ Jannar 1993, għal EUR 13 għal kull 1 000 kg.

14.      Fir-rigward tad-Direttiva 2003/96, it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha ppreveda li din ma kintix tapplika għall-użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija, jiġifieri dawk użati kemm bħala karburant li jsaħħan u kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan. B’hekk, wara l-31 ta’ Diċembru 2003, id-data li fiha daħlet fis-seħħ din id-direttiva, ma għadx hemm rata minima tas-sisa fuq iż-żejt tqil użat bħala karburant għall-produzzjoni tal-allumina. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 awtorizza lill-Istati Membri, suġġett għal eżami preliminari tal-Kunsill, ikomplu japplikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2006, ir-rati mnaqqsa jew l-eżenzjonijiet elenkati fl-Anness II tagħha, li jsemmi l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żejt tqil użat bħala karburant għall-produzzjoni tal-allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna.

2.      Id-Deċiżjoni 2001/224

15.      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2001/224 jipprovdi li l-Istati Membri huma awtorizzati jkomplu japplikaw it-tnaqqis fir-rati tat-taxxi tas-sisa jew l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa kif previst fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

16.      Il-punt 5 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni huwa redatt kif ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħwiġ [distorsjoni] li jista’ jsir fit-tħaddim tas-suq uniku, b’mod partikolari skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 tat-Trattat.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

17.      L-Irlanda sa mill-1983, ir-Repubblika tal-Italja sa mill-1993 u r-Repubblika Franċiża sa mill-1997, jeżentaw mid-dazju tas-sisa, iż-żjut minerali użati għall-produzzjoni tal-allumina, fir-reġjun ta’ Shannon, f’Sardegna u fir-reġjun ta’ Gardanne rispettivament.

18.      Dawn l-eżenzjonijiet ġew awtorizzati mill-Kunsill permezz tad-Deċiżjonijiet 92/510/KEE (8), 93/697/KE (9) u 97/425/KE (10). Dawn l-awtorizzazzjonijiet ġew estiżi mill-Kunsill diversi drabi, u l-aħħar waħda saret permezz tad-Deċiżjoni 2001/224, sal-31 ta’ Diċembru 2006.

19.      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru 2001, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-2 ta’ Frar 2002 (11), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ kull waħda mill-eżenzjonijiet inkwistjoni. Fit-tmiem ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

20.      Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hemm indikat, b’mod partikolari, li l-eżenzjonijiet kontenzjużi, mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2003, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li l-għajnuna mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni inkwantu l-benefiċjarji tagħha ma kinux ħallsu dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal kull 1 000 kg ta’ żejt minerali tqil u li konsegwentement, l-imsemmija għajnuna għandha tiġi rkuprata mit-tliet Stati Membri kkonċernati.

III – Il-proċeduri qabel is-sentenza appellata

21.      Fir-rigward tal-ewwel eżami tal-kawżi mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja, nirreferi għall-punti 25 sa 43 tas-sentenza appellata.

IV – Is-sentenza appellata

22.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-fatt ikkonstatat, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn din tordna lil dawn l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal kull 1 000 kg ta’ żejt minerali tqil.

23.      Skont il-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li qieset opportun, skont il-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u/jew tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni. Permezz ta’ dawn il-motivi u lmenti, il-partijiet rikorrenti kkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ħassret parzjalment l-effetti legali prodotti permezz tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, li kienu jawtorizzaw lill-Istati Membri kkonċernati japplikaw dawn l-eżenzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2006.

24.      Wara li fakkret, fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza relatata mal-prinċipji taċ-ċertezza legali u mal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 74 ta’ din is-sentenza, eżaminat il-kwistjoni tar-rabta bejn ir-regoli dwar id-dazji tas-sisa u dawk dwar l-għajnuna mill-Istat.

25.      Hija fakkret id-diversi mezzi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea intiżi sabiex jiġu eliminati diversi tipi ta’ distorsjoni li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fiż-żewġ oqsma, sabiex tibda mill-premessa li r-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni fiskali, b’mod partikolari dawk relatati mad-dazji tas-sisa, u r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandhom l-istess għan, jiġifieri l-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiġi miġġielda, b’mod partikolari, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset li fid-dawl tal-għan komuni tagħhom, l-implementazzjoni koerenti ta’ dawn id-diversi regoli jeżiġu li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kunċett tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jkollu l-istess portata u l-istess sens fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali u fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

26.      Hija osservat li r-regoli fil-qasam tal-armonizzazjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali, b’mod partikolari dawk relatati mad-dazji tas-sisa, imsemmija fl-Artikolu 93 KE u fid-Direttiva 92/81, jagħtu espressament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri lill-Kummissjoni, li tipproponi, u lill-Kunsill, li jiddeċiedi, ir-responsabbiltà li jevalwaw l-eżistenza ta’ eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni, sabiex Stat Membru jiġi awtorizzat jew le japplika jew ikompli japplika eżenzjoni mis-sisa armonizzata.

27.      Imbagħad il-Qorti Ġenerali semmiet il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-Artikolu 87(1) KE, li tirreferi għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li permezz tagħhom dawn tal-aħħar, sabiex jilħqu l-għanijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, iqiegħdu riżorsi għad-dispożizzjoni tal-impriżi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, permezz ta’ deċiżjonijiet unilaterali u awtonomi, jew jagħtuhom vantaġġi intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi u soċjali mixtieqa. Hija indikat li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom, b’mod partikolari, ikunu imputabbli lill-Istat.

28.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn ir-regoli li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li d-Deċiżjoni 2001/224 kienet kundizzjoni meħtieġa iżda mhux suffiċjenti biex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jagħtu l-eżenzjonijiet kontenzjużi b’kunsiderazzjoni tal-punt 5 tal-motivi tad-Deċiżjoni 2001/224. Minn dan hija kkonkludiet li dan il-punt 5 tal-motiv ma setax jirreferi għal każ bħal dak inkwistjoni, fejn l-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa billi jikkonformaw ruħhom purament u sempliċiment ma’ awtorizzazzjoni maħruġa minn istituzzjoni tal-Unjoni, inkella jiġi ppreġudikat ir-rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali li tiġi żgurata l-implementazzjoni koerenti tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

29.      Il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni qatt ma kienet użat il-poteri li hija kellha skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew inkella skont l-Artikoli 230 KE jew 241 KE biex tikseb it-tħassir jew it-tibdil tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, l-annullament ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet jew dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-Direttiva 92/81.

30.      Il-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata huma redatti kif ġej:

“104      Minn dan isegwi li, kif il-Kunsill sostna korrettament fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali […], fil-mument li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kontenzjuża], id-Deċiżjoni 2001/224 kienet teżisti u baqgħet. Din id-deċiżjoni tal-aħħar, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill li ppreċedewha u kif ukoll id-Direttiva 92/81, b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tagħha, kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ legalità marbuta ma’ kull att tal-Unjoni. Dawn ipproduċew l-effetti ġuridiċi kollha tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana, l-Irlanda u r-Repubblika Franċiża kienu awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, sabiex ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni f’[Sardegna], fir-reġjun ta’ Shannon u fir-reġjun ta’ Gardanne, rispettivament, b’mod partikolari, sal-31 ta’ Diċembru 2003. Bħala prinċipju, dawn id-deċiżjonijiet ma jippermettux li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontesta, tista’ timputa kontra l-Istati Membri kkonċernati l-eżenzjonijiet inkwistjoni hawn fuq imsemmija u, għalhekk, li hija tista’ tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li tordna l-irkupru parzjali tagħhom, inkwantu hija tqishom inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.

105      Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni [kontenzjuża], sa fejn din iddaħħal direttament inkwistjoni l-validità tal-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, mill-Irlanda u mir-Repubblika Franċiża sal-31 ta’ Diċembru 2003, iddaħħal ukoll inkwistjoni, indirettament, iżda neċessarjament, il-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, u l-effetti marbuta magħhom. B’dan il-mod, hija tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni.”

V –    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tirriżerva l-ispejjeż.

32.      L-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u Aughinish Alumina Ltd (iktar ’il quddiem “AAL”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33.      Eurallumina SpA (iktar ’il quddiem “Eurallumina”) titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tapprova l-ebda wieħed mill-motivi invokati mill-Qorti Ġenerali insostenn tas-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

VI – L-appell

34.      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata u għar-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tressaq ħames aggravji.

35.      L-ewwel żewġ aggravji huma, parzjalment, ta’ natura teknika, filwaqt li t-tlieta l-oħra huma bbażati fuq ksur sostantiv tad-dritt tal-Unjoni.

36.      L-ewwel aggravju huwa intiż sabiex juri n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-irregolaritajiet fil-proċedura li jippreġudikaw l-interessi tal-Kummissjoni, il-ksur tal-prinċipju li s-suġġett ta’ kawża huwa delimitat mill-partijiet (il-“principe dispositif”), tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u, sussidjarjament, in-nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 88 KE, kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u fuq irregolaritajiet proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tal-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa intiż sabiex juri ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, ksur tal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali u l-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji tad-dritt fid-determinazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll ir-rabtiet bejn l-armonizzazzjoni fiskali u l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Fir-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-Deċiżjoni 2001/224 u kisret ir-regoli li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni u ta’ amministrazzjoni tajba, u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

37.      Ser nibda l-analiżi tiegħi tal-appell bl-ewwel aggravju.

A –    L-argumenti tal-partijiet

38.      L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

39.      Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qajmet motiv ex officio li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma humiex imputabbli lill-Istati Membri, jew li l-Qorti Ġenerali kklassifikat mill-ġdid is-suġġett innifsu tar-rikors.

40.      Skont il-Kummissjoni, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali ddikjarat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mhux minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, prinċipji li huma ttrattati biss fuq livell ġenerali, iżda unikament għaliex l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li kienu imputabbli lill-Unjoni Ewropea (12).

41.      Skont il-Kummissjoni, kienet il-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjoni tagħha wara r-rinviju, li introduċiet il-kwistjoni tal-imputabbiltà fid-dibattitu meta, permezz tal-ittra mir-Reġistru tal-20 ta’ Lulju 2011, indirizzat lill-partijiet id-domanda segwenti:

“Sa fejn ġew awtorizzati minn qabel permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, l-aħħar waħda fosthom id-Deċiżjoni 2001/224, l-għoti mill-Italja, mill-Irlanda u minn Franza tal-eżenzjonijiet kontenzjużi sal-31 ta’ Diċembru 2003, jistgħu jitqiesu oġġettivament li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ imputabbiltà lill-Istat, prevista fl-Artikolu 87(1) KE?”

42.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa biss b’risposta għal din id-domanda li r-rikorrenti sostnew li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għaliex kienu imputabbli lill-Unjoni u mhux lill-Istati Membri.

43.      L-appellati jikkontestaw dawn l-argumenti.

44.      Fil-fatt, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana jargumentaw li l-Qorti Ġenerali setgħet tqajjem ex officio ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, inkwantu l-Kummissjoni kellha, sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, tindika r-raġunijiet li għalihom kienet tqis li l-eżenzjonijiet kontenzjużi kienu imputabbli lill-Istati Membri kkonċernati.

45.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża, Eurallumina u AAL isostnu li l-motiv marbut mal-imputabbiltà jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-motivi invokati minnhom u li konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet sempliċiment laqgħet u żviluppat il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

46.      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u Eurallumina, it-teżi li l-eżenjonijiet kontenzjużi ma jistgħux jiġu imputati lill-Istati Membri hija ta’ interess limitat fil-motivi tas-sentenza appellata u għalhekk ma hijiex ir-raġuni prinċipali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

B –    L-evalwazzjoni tiegħi

47.      Il-kwistjonijiet imqajma bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huma dawk li jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali qajmitx motiv ex officio – il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, minħabba li l-eżenjonijiet kontenzjużi ma jistgħux jiġu imputati lill-Istati Membri – u dan b’mod inkorrett u jekk dan il-motiv ikkostitwixxiex motiv ġenwin għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li seta’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

48.      B’mod preliminari nfakkar li skont ir-regoli għall-proċedura applikabbli quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 tal-Istatut tal-Qorti kif ukoll l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kawża hija ddeterminata u limitata mill-partijiet. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex teċċedi t-talbiet tal-partijiet. Fil-prinċipju hija għandha wkoll tiddeċiedi fuq dawn it-talbiet fil-kuntest tal-punti legali u fattwali esposti mill-partijiet.

49.      Għaldaqstant, ir-regoli relatati mal-proċedura quddiem kull qorti tal-Unjoni kif ukoll il-ġurisprudenza identifikaw sitwazzjonijiet fejn il-qorti tal-Unjoni, sabiex tissodisfa l-kompitu tagħha ta’ qorti tal-legalità, għandha s-setgħa tqajjem ex officio motiv tad-dritt, jiġifieri motiv tad-dritt li ma jkunx ġie invokat mir-rikorrent insostenn tat-talba tiegħu. Hija n-natura tal-motiv li tiddetermina jekk il-qorti tal-Unjoni għandhiex is-setgħa li taġixxi ex officio jew le.

50.      Fil-kawża preżenti, naħseb li l-argumenti tal-Irlanda u tar-Repubblika Taljana, li l-Qorti Ġenerali setgħet tqajjem ex officio ksur sostantiv, għaliex il-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni kkontestata dwar il-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat, għandhom mill-ewwel jitwarrbu.

51.      Effettivament, l-imputabbiltà lill-Istat hija element kostituttiv tal-kunċett tal-għajnuna mill-Istat.

52.      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 87(1) KE jiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni, inkwantu din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotti.

53.      L-imsemmija dispożizzjoni tissuġġetta din l-inkompatibbiltà għall-verifika ta’ erba’ kundizzjonijiet, fosthom il-kundizzjoni li l-intervent għandu jkun wieħed tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat (13).

54.      Sabiex vantaġġ ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “għajnuna” mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-ġurisprudenza ppreċiżat li dan għandu, minn naħa, jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, għandu jkun imputabbli lill-Istat (14).

55.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motiv rigward l-imputabbiltà lill-Istat, sa fejn dan jikkonċerna l-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, jaqa’ fl-ambitu tal-ksur ta’ regola tad-dritt relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent (15).

56.      Għaldaqstant, hemm lok, qabel kollox, li jiġi eżaminat jekk l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, Eurallumina u AAL, fl-ewwel istanza tar-rinviju, invokawx il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, biex jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali qajmitx jew le dan il-motiv ex officio.

57.      Fid-dawl tal-atti tal-proċess, ma hemm l-ebda dubju li, fl-ebda mument, fir-rikors tagħhom fil-proċedura tar-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Istati Membri kkonċernati u t-terzi interessati, ma invokaw il-fatt li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għaliex ma humiex imputabbli lill-Istati Membri kkonċernati.

58.      Il-kwistjoni tal-imputabbiltà madankollu ssemmiet mill-Kummissjoni fl-istadju tar-risposta tagħha fil-kuntest tal-Kawża T‑56/06 meta din kienet qed twieġeb għall-motiv tar-Repubblika Franċiża li l-eżenzjoni Franċiża ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li ma twassalx għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.

59.      F’dak l-istadju, il-Kummissjoni kienet irreferiet għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (16), biex tagħti eżempji ta’ każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali kellhom jevalwaw miżuri nazzjonali kemm fid-dawl ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-għajnuna mill-Istat kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. Hija wriet, permezz ta’ raġunament a contrario, li eżenjoni li tkun awtorizzata mill-Kunsill abbażi tar-regoli dwar l-armonizzazzjoni fiskali, ma teskludix li din xorta tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

60.      Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, li tirreferi għall-Kawżi T‑50/06, T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06 quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar informat lill-partijiet kollha li l-proċedura kienet ser titmexxa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 117 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u li huma kellhom il-possibbiltà li jagħmlu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

61.      Meta l-każijiet tagħhom ġew irrinvijati lill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma reġgħux marru madankollu, f’dan l-istadju tal-proċedura, għall-interpretazzjoni tal-Kummissjoni meta din semmiet is-sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

62.      Fil-fatt, fil-Kawża T‑56/06 RENV, ir-Repubblika Franċiża kompliet tqis li l-kundizzjoni tal-Artikolu 87(1) KE relatata mal-ksur tal-kompetizzjoni, kienet neċessarjament nieqsa. Fir-rigward tar-Repubblika Taljana, fil-Kawża T‑60/06 RENV, l-ilment tagħha dejjem kien biss relatat mal-kriterju tas-selettività tal-eżenzjoni. Eurallumina u AAL, min-naħa tagħhom, fil-Kawżi T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV, reġgħu ressqu l-ilmenti msemmija fil-proċedura ta’ qabel ir-rinviju, u l-ebda waħda fosthom ma ssemmi l-ksur tal-Artikolu 87(1) KE bħala tali. Imbagħad, fil-Kawża T‑50/06 RENV, l-Irlanda saħansitra ppersistiet bil-kunsiderazzjoni tagħha li l-eżenzjoni mogħtija lil AAL kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

63.      Hija għalhekk manifestament il-Qorti Ġenerali, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-punt 19 tal-appell tagħha, li fil-fatt introduċiet fid-dibattitu t-teżi tal-imputabbiltà permezz tad-domanda li hija għamlet lill-partijiet b’ittra mir-Reġistru tal-20 ta’ Lulju 2011, li tat il-possibbiltà lil dawn tal-aħħar biex jirrisponduha bil-miktub u biex jiddiskutuha waqt is-seduta li saret quddiemha fl-14 ta’ Settembru 2011.

64.      Jeħtieġ sussegwentement, li jiġi eżaminat jekk huwiex madankollu possibbli li jitqies li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, minħabba n-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, jista’ jintrabat mal-motiv relatat mal-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, kif isostnu wħud mill-partijiet appellati.

65.      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni tal-imputabbiltà ma tistax tikkostitwixxi argument supplementari jew elaborattiv li l-Qorti Ġenerali setgħet tilqa’ u tiżviluppa fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-imsemmija prinċipji.

66.      Fil-fatt, mid-definizzjoni tagħhom, il-motivi tad-dritt huma r-raġunijiet tad-dritt li parti tinvoka sabiex issostni t-talba tagħha. Argument elaborattiv huwa wieħed li jsaħħaħ dan il-motiv sabiex, konsegwentement, iwassal għall-istess konklużjoni.

67.      Infakkar li, fil-kawża preżenti, skont il-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, il-motivi u l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, biex tasal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

68.      Ma narax kif il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE abbażi tal-fatt li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istati Membri, seta’ jiġi assoċjat mal-motiv bbażat fuq ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, u dan għal diversi raġunijiet.

69.      Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ motivi huma għal kollox distinti u indipendenti. Fil-fatt, minn naħa, in-natura tar-regola tad-dritt intiża hija differenti, għaliex l-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ regola tad-dritt li hija relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat, filwaqt li t-tieni motiv jikkonċerna l-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi marbuta mal-ksur ta’ dawn iż-żewġ motivi huma wkoll differenti.

70.      Fil-fatt, il-motiv relatat mal-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni huwa intiż sabiex jikkontesta r-rizultat li waslet għalih il-Kummissjoni, jiġifieri l-irkupru tal-għajnuna.

71.      Kif osservat il-Qorti Ġenerali, fil-Kawżi T‑56/06 RENV u T‑60/06 RENV, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana lmentaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fl-ewwel lok, u l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, fit-tieni lok, inkwantu hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna li allegatament ingħatat bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 (17).

72.      Fir-rigward tal-Kawżi T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV, Eurallumina u AAL ilmentaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, fl-ewwel lok, u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, fit-tieni lok, inkwantu waslet għall-konklużjoni li l-eżenzjoni Taljana u l-eżenzjoni Irlandiża rispettivament huma parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni (18).

73.      Rigward il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba li l-eżenjonijiet ma jistgħux jiġu imputati lill-Istati Membri, huwa intiż, fid-dawl tal-fatt li l-imputabbiltà tagħmel parti mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, għall-konklużjoni li dan l-element ma jeżistix.

74.      Għaldaqstant ma nistax inkun tal-istess fehma ta’ Eurallumina li ssostni li l-kunċett tal-imputabbiltà ma huwiex għajr l-applikazzjoni tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

75.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfassizat li l-Irlanda, sal-mument li fih il-Qorti Ġenerali għamlet id-domanda lill-partijiet sabiex jirrisponduha bil-miktub, ma kinitx ikkontestat il-fatt li l-eżenzjoni Irlandiża ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna. Bil-kontra, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kienet għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti. Dan l-element jikkorrobora wkoll it-teżi li tmur kontra l-idea tar-rabta mal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

76.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta għaqqdet il-motiv relatat mal-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, għaliex l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma humiex imputabbli lill-Istati Membri, mal-motiv relatat mal-ksur tal-imsemmija prinċipji.

77.      Fl-aħħar nett ser neżamina l-punt dwar jekk il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, minħabba li l-eżenjonijiet ma humiex imputabbli lill-Istati Membri, ikkostitwixxiex il-motiv reali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jew jekk kienx motiv importanti li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

78.      Huwa minnu li fis-sentenza appellata huma ftit il-punti li huma ddedikati għal dan il-motiv. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix biss sempliċi interess limitat fil-motivi ta’ din is-sentenza, kif jallegaw ir-Repubblika Taljana u Eurallumina.

79.      Dan il-paradoss bejn il-konċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u l-importanza tal-imsemmi motiv huwa spjegat, barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, permezz tal-fatt li l-Qorti Ġenerali rabtet il-motiv relatat man-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, mal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

80.      Il-punt 104 tas-sentenza appellata juri partikolarment tajjeb din ir-rabta, peress li l-Qorti Ġenerali, wara li sostniet li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni tal-legalità marbuta ma’ kwlalunkwe att tal-Unjoni, iddeċidiet li d-deċiżjonijiet kienu jipprekludu lill-Kummissjoni, fil-prinċipju, fid-deċiżjoni kkontestata, milli timputa lill-Istati Membri kkonċernati l-eżenzjonijiet kontenzjużi u għalhekk, milli tkun tista’ tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u milli tordna l-irkupru parzjali tagħhom, sa fejn kienet tqishom inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.

81.      Infakkar li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata “għar-raġuni li din id-deċiżjoni tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-eżenzjonijiet [kontenzjużi] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE”.

82.      Fil-fehma tiegħi, il-ksur waħdieni tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ din il-motivazzjoni.

83.      Il-motiv li abbażi tiegħu l-Qorti Ġenerali setgħet tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikkonstata, jew tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, huwa, fil-fehma tiegħi, dak tan-nuqqas ta’ imputabbiltà ta’ dawn l-eżenzjonijiet lill-Istati Membri.

84.      Għaldaqstant it-teżi tal-Kummissjoni li l-motiv reali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kien in-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, għandha tintlaqa’.

85.      Konsegwentement, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti u l-aggravji l-oħra tal-partijiet, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn din annullat id-deċiżjoni kkontestata, għaliex din tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn din tordna lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal kull 1 000 kg ta’ żejt minerali tqil.

86.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija nfisha tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni. F’dan il-każ, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

87.      Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

VII – Konklużjoni

88.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV), hija annullata sa fejn din tal-aħħar:

–        annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata minn Franza, mill-Irlanda u mill-Italja, rispettivament, sa fejn din tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn din tordna lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal kull 1 000 kg ta’ żejt minerali tqil, u

–        ikkundannat lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjez tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-appellanti, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑69/06 R.

2)      Il-Kawżi magħquda T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV, iktar ’il quddiem is- “sentenza appellata”.


3 – Deċiżjoni li tikkonċerna l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata, rispettivament, minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktrar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


4 – Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342).


5 – ĠU L 316, p. 12.


6 – ĠU L 316, p. 19.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.


8 –  Deċiżjoni tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tawtorizza lill-Istati Membri jibqgħu japplikaw, għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, tnaqqis fid-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 316, p. 16).


9 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew jibqgħu japplikaw, għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 321, p. 29).


10 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex japplikaw jew jibqgħu japplikaw, għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, tnaqqis fid-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 182, p. 22).


11 – ĠU C 30, rispettivament p. 17, 21 u 25.


12 – Il-Kummissjoni qed tirreferi għall-aħħar sentenza tal-punt 104 tas-sentenza appellata.


13 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, punt 25).


14Ibidem (punt 27).


15 – Sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 40).


16 –      T‑351/02, Ġabra p. II‑1047.


17 – Ara l-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata.


18 – Ara l-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata.