Language of document : ECLI:EU:C:2011:593

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C‑313/10

Land Nordrhein‑Westfalen

vs

Sylvia Jansen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Köln (il-Ġermanja)]

“Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss – Klawżola 5(1) – Miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi – ‘Raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti – Teħid inkunsiderazzjoni tan-numru jew taż-żmien akkumulat ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi – Ġustifikazzjoni rriżervata għas-settur pubbliku – Ġustifikazzjoni bbażata fuq fondi baġitarji previsti għal impjiegi bi żmien determinat – Klawżola 8(3) – Tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema – Interpretazzjoni konformi”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Köln (Tribunal industrijali superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1), u tal-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim qafas”), anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Jansen u l-persuna li timpjegaha, l-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Land Nordrhein‑Westfalen, fir-rigward tat-terminazzjoni, min-naħa ta’ din tal-aħħar, ta’ serje ta’ kuntratti għal żmien determinat, li abbażi tagħhom hija kienet ħadmet, mingħajr interruzzjoni, għal kważi disa’ snin mal-Landgericht Köln (tribunal reġjonali ta’ Köln), bl-intendiment illi dan il-kuntratt kien jistipula li kien ġie konkluż fid-dawl ta’ fondi baġitarji li kienu ġew proviżorjament illiberati.

3.        Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kawża prinċipali tikkonċerna każ ipotetiku li ma huwiex atipiku iżda li huwa għalkollox attwali. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ S. Jansen ikkonferma żieda fl-impjieg irregolat minn kuntratti għal żmien determinat minħabba l-istrumentalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u li, skont kalkoli tiegħu, hemm madwar 100 000 persuna li jinsabu f’sitwazzjoni li hija ekwivalenti għal dik tal-parti kkonċernata, jiġifieri li għandhom kuntratti li l-konklużjoni tagħhom kienet ibbażata fuq regoli baġitarji identiċi.

4.        Essenzjalment, il-Landesarbeitsgericht Köln tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, dwar il-punt dwar jekk, minn naħa, hemmx lok li jitteħidx inkunsiderazzjoni n-numru jew it-tul totali ta’ kuntratti għal żmien determinat, konklużi suċċessivament bejn partijiet identiċi, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva għar-rikors għal tali kuntratt, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas.

5.        Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tistabbilixxi jekk il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tippermettix li wieħed jillimita, għall-persuni li jimpjegaw fis-settur pubbliku, l-użu ta’ raġuni, li hawnhekk hija ta’ natura ekonomika, sabiex jiġġustifikaw tali raġuni oġġettiva, u sa fejn miżuri baġitarji adottati mill-awtorità pubblika kkonċernata jistgħu jintużaw bħala bażi tanġibbli f’dan ir-rigward.

6.        Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tressaq domanda, simili għad-domandi preliminari li diġà ġew trattati mill-Qorti tal-Ġustizzja u li tikkonċerna r-rekwiżiti relatati mal-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas, li ġeneralment hija misjuba fid-duttrina bħala l-“klawżola ta’ nonrigressjoni”, u l-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jinsiltu min-nuqqas ta’ konformità potenzjali ma’ din tal-aħħar.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

7.        Id-Direttiva 1999/70 hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE (li sar l-Artikolu 155(2) TFUE) u hija intiża, skont l-Artikolu 1 tagħha, “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (KETU, UKIIE u ĊEIP) annessi hawn”.

8.        Il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 tippreċiża: “fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fil-ftehim qafas imma mhux speċifikament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn it-termini f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn dwar kwistjonijiet soċjali li jużaw termini simili, sakemm id-definizzjonijiet inkwistjoni jirrispettaw il-kontenut tal-ftehim qafas”.

9.        It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas jipprovdi:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit [indeterminat] huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.”

10.      Skont it-tielet paragrafu ta’ dan il-preambolu, il-Ftehim qafas jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti minimi relatati ma’ xogħol għal żmien determinat, billi jistabbilixxi, b’mod partikolari, qafas ġenerali maħsub sabiex jiżgura t-trattament ugwali ta’ ħaddiema bi żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u sabiex il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jistgħu jintużaw fuq bażi aċċettabbli għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema.

11.      Il-punti 6, 7, 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas huma redatti kif ġej:

“6.      Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal żmien indefinit [indeterminat] huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;

7.      Billi l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [determinat] ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;

8.      Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [determinat] huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;

[…]

10.      Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’ natura staġjonali;”

12.      Kif jirriżulta mill-Klawżola 1(b) tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa dak li jistabbilixxi qafas sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

13.      Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tistabbilixxi:

“Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)       raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)       iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [determinat];

ċ)       in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.”

14.      Il-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas tipprovdi:

“L-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.”

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Il-liġi dwar il-kuntrati għal żmien determinat

15.      Id-Direttiva 1999/70 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż permezz tal-liġi federali Ġermaniża tal-21 ta’ Diċembru 2000 dwar ix-xogħol fuq bażi part-time u l-kuntratti għal żmien determinat (3) (iktar ’il quddiem it-“TzBfG”).

16.      L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija liġi, intitolat “Possibbiltà li jiġi limitat it-tul tal-kuntratti”, jipprovdi:

“(1) Huwa leċitu li jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, fejn teżisti raġuni oġġettiva sabiex dan isir, jiġifieri b’mod partikolari fil-każijiet li ġejjin:

1.      il-ħtieġa li jiġi pprovdut xogħol hija biss provviżorja;

2.      l-istabbiliment ta’ żmien determinat wara perijodu ta’ taħriġ jew ta’ studju sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul tal-ħaddiem fil-ħajja tax-xogħol;

3.      il-ħaddiem jissostitwixxi ħaddiem ieħor;

4.      l-ispeċifiċità tax-xogħol ipprovdut tiġġustifika li jiġi stabbilit żmien determinat;

5.      il-limitazzjoni hija marbuta ma’ perijodu ta’ prova;

6.      motivi marbuta mal-persuna nnifisha tal-ħaddiem jiġġustifikaw ir-rikors għal xogħol għal żmien determinat;

7.      il-ħaddiem huwa mħallas mill-fondi baġitarji previsti għal xogħol għal żmien determinat u huwa impjegat skont din l-iskema;

8.      it-tul determinat ġie stabbilit bi qbil bejn il-partijiet quddiem qorti.”

17.      L-Artikolu 16 tat-TzBfG jipprovdi li f’każ li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun invalidu, dan tal-aħħar jiġi kkonvertit f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

2.      Il-liġi tal-finanzi tal-Land Nordrhein‑Westfalen

18.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tal-liġi tal-finanzi tal-Land Nordrhein‑Westfalen għas-sena finanzjarja 2004‑2005 (4), tat-3 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem, il-“liġi tal-finanzi tal-Land”) tipprovdi:

“Jistgħu jiġu pprovduti impjiegi statutorji jew kuntrattwali minn uffiċjali li ma humiex permanenti jew minn membri awżiljari tal-persunal (“Aushilfskräften”) (5) għall-perijodi li matulhom dawn l-impjegati jew ma jkunux qed jirċievu r-remunerazzjoni, jew ma jkunux qed jirċievu r-remunerazzjoni kollha, fil-miżura tal-porzjonijiet tal-impjiegi statutorji jew kuntrattwali mhux użati.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.      Sa mit-3 ta’ Lulju 1997, S. Jansen kienet impjegata bħala aġent full-time mill-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Land Nordrhein‑Westfalen, iktar preċiżament mil-Landgericht Köln (tribunal reġjonali ta’ Köln), abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Dawn il-kuntratti, li b’kollox ġew imġedda tmien darbiet mingħajr interruzzjoni, kienu ġew konklużi biex jagħmlu tajjeb għall-impjiegi li kienu sfaw vakanti minħabba leave parentali, leave speċjali, kif ukoll minħabba tnaqqis temporanju fil-ħin tax-xogħol, li kienu għażlu l-impjegati ta’ dan it-tribunal.

20.      Fl-aħħar kuntratt għal żmien determinat konkluż bejn il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-persuna li timpjegaha, mit-12 ta’ Diċembru 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006, ir-rikors għal tali forma ta’ kuntratt kien ġustifikat permezz ta’ fondi baġitarji, temporanjament disponibbli skont l-Artikolu 7(3) tal-liġi tal-finanzi tal-Land.

21.      Fit-3 ta’ Mejju 2006, S. Jansen ippreżentat azzjoni kontra l-persuna li timpjegaha, quddiem l-Arbeitsgericht Köln (tribunal industrijali ta’ Köln) intiża, b’mod partikolari, sabiex ir-relazzjoni professjonali ta’ bejniethom ma tintemmx mal-iskadenza stipulata fil-kuntratt tat-12 ta’ Diċembru 2005, iżda tiġi kkonvertita f’kuntratt għal żmien indeterminat. Permezz tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza fil-31 ta’ Awwissu 2006, it-talba ta’ S. Jansen ġiet milqugħa.

22.      Il-Land Nordrhein‑Westfalen ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesarbeitsgericht Köln. Insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu, huwa allega li d-data tat-terminazzjoni tal-impjieg ta’ S. Jansen, stabbilita fl-aħħar kuntratt tax-xogħol tagħha kienet iġġustifikata abbażi ta’ “raġuni oġġettiva” fis-sens tad-dritt pożittiv Ġermaniż. Huwa invoka li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, li tittrasponi d-Direttiva 1999/70, huwa leċitu li wieħed jikkonkludi kuntratt għal żmien determinat meta jkun hemm raġuni oġġettiva għal dan, b’mod partikolari meta, abbażi tal-punt 7 ta’ din id-dispożizzjoni, “il-ħaddiem huwa mħallas mill-fondi baġitarji previsti għal xogħol għal żmien determinat u huwa impjegat skont din l-iskema”. Huwa indika li fil-kawża prinċipali, S. Jansen kienet impjegata bħala “persunal awżiljaru (‘Aushilfskraft’)” skont ir-regola tad-dritt baġitarju stabbilita mill-Artikolu 7(3) tal-liġi tal-finanzi tal-Land u li setgħet titħallas mill-porzjonijiet tal-impjiegi, proviżorjament ivvakati mill-impjegati permanenti tal-Land. Huwa sostna li kien meħtieġ li wieħed jipprovdi li l-imsemmija impjegati, ladarba ma jkunux qed jagħmlu iktar użu mit-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol tagħhom jew mil-leave speċjali tagħhom, kienu, mill-ġdid, ser jibdew l-attivitajiet tagħhom fuq bażi full-time.

23.      F’dan il-kuntest, il-Landesarbeitsgericht Köln ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Domanda 1

a)      Huwa kompatibbli mal-finalità tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim-Qafas dwar xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, meta fil-kuntest ta’ evalwazzjoni legali tal-kwistjoni dwar jekk, f’każ partikolari, tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat, huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim-Qafas, li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi tiġdid tal-kuntratt, mingħajr kunsiderazzjoni għan-numru ta’ kuntratti għal żmien determinat li ppreċedew dan it-tiġdid ta’ kuntratt, jew

b)      il-finalità tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim-Qafas, li hija l-prevenzjoni ta’ abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, teżiġi li jkun hemm rekwiżiti iktar stretti tal-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” fil-każ ta’ numru ikbar ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li ppreċedew dak li għandu jiġi evalwat jew ta’ perijodi itwal li matul tagħhom l-impjegat ikkonċernat kien diġà impjegat b’kuntratti suċċessivi għal żmien determinat?

Domanda 2

Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim-Qafas dwar xogħol għal żmien fiss tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(7) tal-Liġi Ġermaniża dwar ix-xogħol part-time u kuntratti għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbiet und befristete Arbeitsverträge, iktar ’il quddiem it-“TzBfG”) li tiġġustifika kuntratti ta’ xogħol suċċessivi fis-settur pubbliku biss għar-“raġuni oġġettiva” li l-impjegat jitħallas mill-fondi tal-baġit li, skont id-dritt tal-finanzi pubbliċi, huma previsti għall-impjieg għal żmien determinat, filwaqt li fil-każ ta’ impjegati fis-settur privat tali raġunijiet ekonomiċi ma jitqiesux bħala “raġunijiet oġġettivi”?

Domanda 3

a)      Id-dispożizzjoni msemmija fid-domanda 2 (f’dan il-każ, dik tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(7) tat-TzBfG) hija kompatibbli mal-Ftehim-Qafas jekk ir-regola tal-baġit li jirreferi għaliha l-Artikolu 14(1)(7) tat-TzBfG tikkostitwixxi għan suffiċjentement speċifiku li jiġġustifika l-kuntratti għal żmien determinat, b’konnessjoni partikolari mal-attività inkwistjoni u mal-kundizzjonijiet għat-twettiq tiegħu fis-seħħ (ara d-dispożittiv 1 tas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adenele et, C-212/04, Gabra p. I-6057)?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

b)      Hemm għan suffiċjentement speċifiku meta l-Liġi tal-Finanzi, bħal fil-każ inkwistjoni, l-Artikolu 7(3) tal-Liġi tal-Finanzi tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (HG NRW 2004/2005”) sempliċement tipprovdi li l-fondi tal-baġit huma intiżi għall-attività għal żmien determinat bħala “persunal temporanju”?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(b):

ċ)      Dan japplika wkoll jekk l-attività ta’ “persunal temporanju” tiġi interpretata fis-sens li ma tfissirx biss għal attività li sservi sabiex tkopri żieda temporanja fix-xogħol jew telf temporanju ta’ membru tal-persunal permanenti, iżda li tkopri wkoll sitwazzjoni li fiha l-impjegat huwa mħallas mill-fondi tal-baġit li saru disponibbli minħabba n-nuqqas temporanju ta’ membru tal-persunal permanenti li jokkupa l-istess kariga, minkejja li l-“membru tal-persunal bil-kuntratt” huwa inkarigat li jwettaq kompiti normali u permanenti u ma għandu ebda konnessjoni mal-attività tal-membru tal-persunal li mhuwiex preżenti jew

d)      l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-persunal bil-kuntratt” imsemmi fid-domanda 3(c) tmur kontra l-finalità tal-Ftehim-Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, li hija l-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, kif ukoll tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (dispożittiv 2 tal-Kawżi magħquda C-378/07 sa C-380/07, Gabra p. I-3071), li jipprovdi li l-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim-Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss tipprekludi li leġiżlazzoni nazzjonali tiġi applikata “b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku, jitqies li huwa ġustifikat minħabba ‘raġunijiet oġġettivi’ fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti jkunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħom sabiex jissodisfaw ċerti bżonnijiet provviżorji, filwaqt li fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet ikunu permanenti u fit-tul”?

Domanda 4

Stat Membru jikser il-klawżola 8(3) tal-Ftehim-Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, meta jintroduċi, fil-liġi intiża li tittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE fid-dritt nazzjonali, raġuni għal xogħol għal żmien determinat bħar-raġuni tad-dritt tal-baġit imsemmija fid-domanda 2, li tapplika b’mod ġenerali għas-settur pubbliku kollu, iżda li qabel l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, kienet tapplika biss f’forma paragunabbli fir-rigward ta’ ċerti partijiet tas-settur pubbliku (l-edukazzjoni terzjarja)? Tali ksur jimplika obbligu li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      It-talba għal deċiżjoni preliminari sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja waslet fir-reġistru fid-29 ta’ Ġunju 2010.

25.      Kienet ġiet magħquda magħha kawża konnessa, li sussegwentement ġiet isseparata (6).

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mil-Land Nordrhein‑Westfalen, minn S. Jansen, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea.

27.      Waqt is-seduta, li nżammet fil-25 ta’ Mejju 2011, saru l-osservazzjonijiet orali mill-partijiet kollha.

V –    Analiżi

A –    Fuq l-evalwazzjoni, fid-dawl ta’ fatturi temporali, tar-raġunijiet oġġettivi għat-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi

28.      L-ewwel domanda tikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni eventwali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva 1999/70, tan-numru jew taż-żmien akkumulat ta’ kuntratti għal żmien determinat, konklużi suċċessivament qabel il-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża.

29.      Sabiex timmotiva t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju, li l-analiżi tagħha tidher li xxaqleb lejn risposta fl-affermattiv tad-domanda magħmula, issostni li min-naħa l-oħra, il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali industrijali Ġermaniża) (7) tqis fil-fatt li l-kwistjoni dwar jekk impjegat b’kuntratt determinat kienx diġà impjegat mill-persuna li attwalment qed timpjegah, fil-kuntest ta’ kuntratti preċedenti għal żmien determinat, ma għandha ebda impatt fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi. Barra minn hekk, il-fatt li ġew konklużi minn qabel numru ta’ kuntratti għal żmien determinat mal-istess impjegat, ma jfissirx li għandhom jiġu stabbiliti kriterji partikolarment severi sabiex tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ raġunijiet oġġettivi (8).

30.      Huwa minnu, hekk kif isostni l-Gvern Ġermaniż, li fil-qasam tal-politika soċjali, l-Istati Membri żammew ċertu livell ta’ kompetenza regolatorja. Fil-fatt, skont l-Artikoli 151 TFUE et seq (ex Artikoli 136 KE et seq), il-miżuri adottati mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri f’dan il-qasam għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversità tal-prattiki nazzjonali (9). B’hekk, id-Direttiva 1999/70 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fir-rigward tal-għażla tal-forma u tal-motivi, sabiex jadottaw il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi implementat il-Ftehim qafas anness magħha, u ta’ min ifakkar li dan jistabbilixxi biss stipulazzjonijiet minimi u prinċipji ġenerali relatati ma’ xogħol għal żmien determinat (10).

31.      Madankollu, huwa paċifiku li anki fl-isferi ta’ kompetenza li żammew għalihom, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod li josservaw il-kontenut u l-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (it-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 249 KE) (11). Għalhekk, għalkemm il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss għandu biss l-għan li jistabbilixxi qafas ġenerali fir-rigward, kif jindika l-istess titolu tiegħu, madankollu huwa kellu impatt kbir fuq il-liġijiet tal-Istati Membri, kif jindikaw it-talbiet numerużi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni preliminari tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-test.

32.      Fir-rigward tat-termini li jintużaw fil-Ftehim qafas mingħajr ma huma ddefiniti b’mod speċifiku (12), id-Direttiva 1999/70 u l-imsemmi ftehim iħallu f’idejn l-Istati Membri l-ħsieb sabiex jiddefinixxu l-imsemmija termini b’mod konformi mad-dritt u/jew mal-prattiki nazzjonali, kemm-il darba d-definizzjonijiet stabbiliti fuq livell nazzjonali josservaw il-kontenut tal-Ftehim qafas (13) u la jikkompromettu s-sustanza tiegħu, la l-għan aħħari tiegħu u lanqas l-effettività tiegħu (14). B’mod partikolari, il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas ma tiddefinixxix dak li wieħed għandu jifhem b’“raġunijiet oġġettivi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. In-nuqqas ta’ indikazzjonijiet min-naħa tal-awturi tal-Ftehim qafas, ġab miegħu ċerti inċertezzi għal dak li jirrigwarda s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċettt. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet intiżi mill-Ftehim qafas kif ukoll il-kuntest li fih tidħol din il-klawżola (15).

33.      F’dan il-każ, l-għan aħħari u prinċipali tad-dispożizzjoni li tagħha qed tintalab l-interpretazzjoni, huwa li tiġġieled kontra l-abbużi li jistgħu jirriżultaw meta wieħed jirrikorri ta’ spiss għal kuntratti għal żmien determinat (16). Hija għandha l-għan li tevita li l-użu ta’ numru ta’ kuntratti ta’ dan it-tip jiġi ddevjat mill-funzjoni normali tiegħu.

34.      Qabel kollox, nippreċiża li l-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprojbixxix fiha nfisha t-tiġdid, anki għal iktar minn darba, tal-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat bejn l-istess partijiet. Hija tipprovdi biss l-adozzjoni ta’ miżuri li huma maħsuba sabiex jinkwadraw tali użu (17), sabiex jiġi evitat li persuna impjegata fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tinżamm għal wisq żmien f’sitwazzjoni prekarja, bir-riskju li din is-sitwazzjoni ddgħajjifha (18) u tiġi mċaħħda mill-protezzjoni li d-dispożizzjonijiet kontra t-tkeċċija joffru lill-impjegati li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-benefiċċju tal-istabbiltà tax-xogħol jikkostitwixxi, effettivament, skont it-termini tal-Ftehim qafas, element maġġuri ta’ protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema (20). Nosserva li t-Tribunal għas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea jħaddan dan l-approċċ u ddeċieda li jekk l-istabbiltà tax-xogħol ma tistax titqies li ġiet istitwita, mill-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas, skont prinċipju ġenerali tad-dritt li huwa ta’ natura mandatorja, hija madankollu tikkostitwixxi għan segwit minn dawn tal-aħħar (21).

35.      Huwa biss l-użu abbużiv ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat, bil-għan li l-ħtiġijiet tal-persuna li timpjega jiġu koperti fit-tul, li ma huwiex aċċettabbli u l-prevenzjoni tiegħu hija mifhuma permezz tal-adozzjoni ta’ miżura jew bosta miżuri restrittivi previsti fl-imsemmija klawżola, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jimplementawhom billi jkollhom l-għażla bejn tliet kategoriji ta’ miżuri stabbiliti.

36.      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza kbira lis-sitwazzjoni konkreta li tinħoloq bil-konklużjoni repetuta ta’ kuntratti għal żmien determinat (22), anki jekk hija għadha qatt ma ddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni jew le informazzjoni temporali li teċċedi l-aħħar minn dawn il-kuntratti, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni oġġetiva, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a), sabiex wieħed jirrikorri għal din it-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol.

37.      F’dan ir-rigward, nikkondividi l-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, li għaliha jaderixxu wkoll S. Jansen u l-Kummissjoni, li tgħid li l-għan tal-imsemmija klawżola intiż għall-ħarsien mill-abbużi marbuta mal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jista’ jintlaħaq biss jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jiġu stabbiliti kriterji iktar stretti sabiex wieħed ikun jista’ jikkonkludi favur l-eżistenza ta’ “raġunijiet oġġettivi” li l-kuntratti għal żmien determinat li jkunu ppreċedew il-kuntratt kontenzjuż kienu numerużi jew li l-perijodu li matulu l-impjegat ikkonċernat kien diġà impjegat preċedentement abbażi ta’ kuntratti għal żmien fiss kien twil.

38.      Fil-prattika, iktar ma jkun twil iż-żmien li matulu l-ħaddiem kien impjegat abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat li ġew imġedda, iktar huwa probabbli li hemm każ ta’ abbuż, speċjalment jekk, bħal fil-kawża prinċipali (23), il-persuna kkonċernata assumiet funzjonijiet simili, li jaqgħu fl-ambitu tal-attività normali u permanenti tal-persuna li timpjega, u dan għal numru ta’ snin sussegwenti. F’każ bħal dan, huwa wisq iktar importanti li l-persuna li timpjega tistabbilixxi li effettivament huwa aġixxa għal finijiet oġġettivi, u iktar speċifikament, li huwa kopra, permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat, ħtieġa ta’ provvista ta’ xogħol li kienet realment proviżorja, u mhux kostanti. Jekk il-persuna li timpjega ma tressaqx il-prova tal-eżistenza ta’ elementi konkreti ta’ ġustifikazzjoni, ikun jidher li l-użu ta’ tali kuntratti kien abbużiv inkwantu kellu l-għan li jimla pożizzjoni li tikorrispondi għal ħtiġijiet strutturali ta’ xogħol tal-id minn persuna mqiegħda f’sitwazzjoni professjonali prekarja, meta l-imsemmija pożizzjoni setgħet kienet permanenti permezz ta’ xogħol taħt kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni interna mal-għanijiet tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, il-ġurisprudenza timponi lill-qrati nazzjonali jipproċedu għal eżami li marbut mar-“realtà” tal-ħtiġijiet koperti mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr ma tintrabat mar-raġunijiet oġġettivi stabbiliti fl-imsemmija leġiżlazzjoni (24).

39.      Li wieħed jillimita ruħu għall-eżami tas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol u għall-verifika tal-portata tar-raġuni oġġettiva li dan tal-aħħar jistabbilixxi, mingħajr kunsiderazzjoni għall-kuntratti ta’ xogħol konklużi preċedentement bejn il-partijiet, kif jipproponu l-Land Nordrhein‑Westfalen u l-Gvern Ġermaniż, ikun itellef mill-effettività tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas (25). Infakkar li ipotetikament, il-kuntratt ta’ xogħol kontenzjuż ma huwiex iżolat, iżda jagħmel parti minn sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat, peress li fil-każ kuntrarju ma jkunx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (26). Huwa preċiżament akkumulu, mingħajr raġuni oġġettiva, ta’ kuntratti għal żmien determinat li huwa pprojbit, u mhux l-użu leġittimu ta’ din il-forma ta’ kuntratti mill-persuna li timpjega. Issa, il-konklużjoni suċċessiva u mhux interrotta (27) ta’ kuntratti għal żmien determinat li jkopru perijodu partikolarment twil, u dan sabiex l-istess ħaddiem iwettaq regolarment kompiti identiċi, tkun liema tkun is-sostituzzjoni żgurata, tikkostitwixxi ħjiel ċar tan-natura abbużiva ta’ dawn il-kuntratti suċċessivi. Jeħtieġ għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi ċ-ċirkustanzi ta’ żmien, marbuta mal-aħħar kuntratt ta’ xogħol, sabiex tiġi evalwata l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

40.      Fl-aħħar nett, niċħad l-argument tal-Gvern Ġermaniż, imsejjes fuq il-mod ta’ kif hija redatta l-Klawżola 5(1), li jgħid li kieku l-awturi tal-Ftehim qafas riedu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji temporali sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva, huma kienu jistabbilixxu dan b’mod espliċitu.

41.      Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju mmotivat l-ewwel domanda preliminari tagħha billi indikat li, fl-opinjoni tagħha, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-miżuri deskritti fil-Klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-Ftehim qafas huma ta’ valur ugwali (28), iżda li, madankollu, il-miżuri li jinsabu fil-punt 1(b) u (ċ), jiddistingwu ruħhom minn dawk li jinsabu fil-punt 1(a), għar-raġuni li l-applikazzjoni tagħhom tiżgura direttament, jew għall-inqas indirettament, li l-kontinwità suċċessiva ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li tikkonċerna pożizzjoni mal-unika u mal-istess persuna li tħaddem, hija leċita biss għal żmien globali limitat.

42.      Huwa minnu li l-istruttura ta’ dan it-test tista’ tagħti wieħed x’jifhem li t-tliet kategoriji ta’ miżuri restrittivi hawn previsti għandhom jiġu diżassoċjati, peress li tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jintroduċu fid-dritt nazzjonali għażla jew numru ta’ għażliet regolatorji msemmija.

43.      Li kieku kella tiġi kkunsidrata din il-perspettiva, ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul massimu totali, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi skont il-punt 1(b), u lanqas in-numru ta’ drabi li dawn il-kuntratti jiġu mġedda skont il-punt 1(ċ), sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid previst fil-Klawżola 5(1)(a).

44.      Madankollu, ma jidhirlix li l-Ftehim qafas għandu l-intenzjoni li jaqsam it-tliet tipi ta’ miżuri preventivi elenkati fil-Klawżola 5(1). Min-naħa l-oħra, huwa jistieden lill-Istati Membri jagħżlu “waħda jew iktar mill-miżuri” previsti. Dawn ma għandhomx karattru alternattiv, li jeskludu waħda fir-rigward tat-tnejn l-oħra, iżda huma kumplimentari u jistgħu wkoll jiġu lkoll akkumulati (29), sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni intiż. Nosserva li fil-prattika hemm ir-riskju li l-effikaċja ta’ regola nazzjonali li tillimita n-numru ta’ drabi ta’ tiġdid tgħaddi mir-riskju li titnaqqas jekk ma tkunx ikkompletata permezz ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi wkoll żmien massimu għal kull perijodu ta’ kuntratt li jkun imġedded (30), u viċi-versa. Fid-dawl tal-interdipendenza tagħhom (31), jidhirli għalhekk li l-kriterji tal-legalità marbuta maż-żmien globali u man-numru ta’ kuntratti għal żmien determinat, konklużi bejn l-istess partijiet u li huma inerenti għall-aħħar żewġ dispożizzjonijiet minn dawn it-tlieta, jistgħu wkoll utilment jiċċaraw l-interpretazzjoni tal-ewwel waħda fosthom.

45.      Il-Ftehim qafas huwa intiż sabiex japplika indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet li għandhom jiġu trasposti fid-dritt intern mill-Istati Membri u/jew mill-imsieħba soċjali, li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għal dan il-għan, marġni wiesgħa ta’ manuvra. Madankollu, hija ma hijiex illimitata, peress li l-miżuri adottati fuq livell nazzjonali ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet li jaffettwaw il-ħsieb wara l-Ftehim qafas (32). Għalhekk, il-kunċett ta’ raġuni oġġettiva għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-fatturi kollha relatati u billi jiġi segwit approċċ teleoloġiku. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza fil-kawża ta’ tali raġuni, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tanalizza r-relazzjoni ta’ xogħol ikkonċernata b’mod konkret u b’mod globali. Barra minn hekk, għandha tiżgura li minn din l-analiżi jirriżulta li l-għan sabiex jitwaqqfu prattiki abbużivi jkun intlaħaq. Hawn ukoll, l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti tikkondizzjona l-effettività tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas.

B –    Fuq il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal raġuni oġġettiva għat-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi disponibbli biss għall-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur pubbliku

46.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli li fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, Stat Membru jistabbilixxi raġuni oġġettiva ta’ rikors għal kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, imsejsa fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi baġitarji limitati ratione temporis u li l-użu tagħhom ikun miftuħ biss għall-persuni li jimpjegaw li jaqaw taħt is-settur pubbliku.

1.      Fuq il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja

47.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li kemm mill-kliem tad-Direttiva 1999/70 u minn dawk tal-Ftehim qafas kif ukoll mill-istruttura u mill-għan aħħari ta’ dawn tal-aħħar jirriżulta li r-regoli hemmhekk stabbilti huma intiżi li japplikaw kemm għal kuntratti għal żmien determinat, konklużi mal-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra fis-settur pubbliku, kif ukoll għal dawk konklużi mal-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur privat (33).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li t-trattament differenti ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impjiegi huwa possibbli fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Klawżola 5 tal-imsemmi Ftehim qafas u dan bil-kliem li ġejjin: “[l-imsemmija klawżola] ma tipprekludix, inkwantu tali, li Stat Membru jirriżerva konsegwenzi differenti għall-abbuż ta’ rikors għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss [determinat] suċċessivi skond jekk l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg ikunux ġew konklużi ma’ persuna li tħaddem li tappartjeni għas-settur privat jew ma’ persuna li taqa’ taħt is-settur pubbliku” (34). Hekk iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali f’idejn l-Istati Membri fil-qasam tal-imsemmija klawżola (35), iżda mingħajr ma indikat il-motivi li jiġġustifikaw tali differenza bejn is-settur privat u dak pubbliku (36).

49.      Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja użat formola ġenerali, li ma tippreċiżax b’mod ċar jekk din il-kunsiderazzjoni tapplikax għall-Klawżola 5(1) jew 5(2) tal-Ftehim qafas, jew inkella għat-tnejn li huma. Issa, għalkemm xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tikkonċerna miżuri li għandhom l-għan li jevitaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (37), huma għandhom madankollu għan distint, inkwantu l-ewwel punt jikkonċerna miżuri ta’ prevenzjoni, filwaqt li t-tieni jikkonċerna l-miżuri ta’ sanzjoni. Barra minn hekk, huma jipprovdu sistemi differenti, inkwantu l-ewwel minn dawn il-punti jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wieħed mit-tipi ta’ miżuri legali elenkati meta ma jeżistux tali miżuri ekwivalenti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, filwaqt li tieni wieħed jipprovdi biss li l-Istati Membri għandhom il-fakultà jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jitqiesu bħala “suċċessivi” jew ikkwalifikati mill-ġdid bħala kuntratti għal żmien indeterminat (38).

50.      Din il-ġurisprudenza preċedenti ma tippermettix direttament li wieħed jirrispondi d-domanda magħmula fil-kawża preżenti, peress li s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu jikkonċernaw sanzjonijiet ġuridiċi applikabbli fi Stat Membru meta l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jkun eċċesiv, filwaqt li l-kawża preżenti tikkonċerna problematika preċedenti, jiġifieri l-ispeċifikazzjoni ta’ raġunijiet oġġettivi li għalihom ir-rikors repetut għal tali kuntratti jista’ jiġi awtorizzat fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas. Fi kliem ieħor, fil-każijiet li ġew esposti quddiemha sa llum, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha dwar id-destin speċjali li jista’ jiġi rriżervat lis-settur pubbliku, bħala konsegwenza ta’ abbuż, filwaqt li hawnhekk il-kwistjoni tikkonċerna li jiġi previst tali destin mill-perspettiva tal-eżistenza potenzjali ta’ abbuż (39).

2.      Fuq ir-redazzjoni tat-test

51.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, jeħtieġ qabel kollox li wieħed janalizza l-mod kif din hija redatta. Sabiex wieħed isostni li d-differenza bejn l-impjiegi fis-settur pubbliku u dawk fis-settur privat hija espliċitament awtorizzata, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-imsemmija klawżola tistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni “l-ħtiġijiet tas-setturi speċifiċi”, skont il-formola kkunsidrata fil-verżjoni Franċiża ta’ dan it-test. Dan il-Gvern iżid li l-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas (40) u t-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas (41) huma redatti f’dan is-sens.

52.      Ċertament il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tawtorizza b’mod ċar lill-Istati Membri sabiex iqisu l-karatteristiċi li jappartjenu għal ċerti setturi, li huma inerenti għall-attivitajiet speċifiċi li jiġġeneraw. Il-flessibbiltà prevista mill-imsemmija klawżola hija maħsuba sabiex tippermetti lill-miżuri nazzjonali jibqgħu f’kuntatt mar-realtajiet konkreti ta’ ambjent professjonali partikolari. Madankollu, it-test ma jipprovdix espressament li l-impjiegi tas-settur pubbliku jistgħu jaqgħu taħt sistema ta’ favoritiżmu ta’ dan it-tip.

53.      Fid-dawl tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (42), nosserva li t-test Ġermaniż juża l-kliem, «bestimmter Branchen», li jista’ jiġi tradott bil-lingwa Franċiża bħala “branches déterminées”, u mhux bħala “secteurs spécifiques” bħalma wieħed isib fit-test Franċiż. Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsija li għamiltilha jien f’dan ir-rigward, din it-terminoloġija tirreferi fuq kollox għal subdiviżjonijiet ta’ xogħol bħalma huma l-industrija, il-kostruzzjoni awtomobilistika, l-industrija tal-azzar, il-bank, l-assigurazzjoni, kif ukoll fl-opinjoni tiegħi l-industrija tal-metallurġija, in-navigazzjoni, il-bejgħ bl-imnut, is-saħħa, eċċ., pjuttost milli f’diviżjoni li tippermetti li s-settur privat ikun oppost għas-settur pubbliku.

54.      Inqis li l-kunċett użat fil-Klawżola 5 għandu wkoll jiġi interpretat b’riferiment għall-kriterji rilevanti tad-dritt industrijali kollettiv, bl-intendiment li l-kunċett ekonomiku ta’ “setturi” huwa partikolarment użat sabiex jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni professjonali tal-konvenzjonijiet kollettivi industrijali. Fl-opinjoni tiegħi, differenza li hija msejsa esklużivament fuq dispożizzjonijiet ta’ dritt baġitarju jew amministrattiv ma tissodisfax dawn il-kriterji.

55.      Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-kwalità legali tal-persuna li timpjega, jiġifieri jekk din hijiex persuna rregolata mid-dritt privat jew persuna rregolata mid-dritt pubbliku, ma hijiex ta’ wisq importanza fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola.

3.      Fuq l-għan aħħari tat-test

56.      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, lil hinn mill-kliem tagħha, l-għanijiet ġenerali tat-test li minnha tagħmel parti u l-ħsieb partikolari wara l-adozzjoni tagħha (43).

57.      Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li tfakkar il-portata tal-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas (44), dan tal-aħħar jistipula bħala premessa fundamentali li l-kuntratt għal żmien indeterminat huwa l-forma ta’ ftehim li għalih għandhom bħala prinċipju jagħtu lok ir-relazzjonijiet tax-xogħol. Dan jagħti lok sabiex il-firmatarji ta’ dan il-ftehim juru riżerva inekwivoka fir-rigward tax-xogħol għal żmien determinat, ikkonfermata bid-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ dan tal-aħħar (45), kuntrarjament għall-perspettiva prevalenti fil-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, li għandha t-tendenza li tiffavorixxi din l-aħħar forma ta’ impjieg (46). Huwa ċertament possibbli li wieħed jikkonkludi jew iġedded kuntratt għal żmien determinat. Madankollu, din il-possibbiltà, li tidderoga mir-regola ġenerali, għandha tinftiehem b’mod restrittiv, kif jindikaw il-punt 8 tal-imsemmija kunsiderazzjonijiet ġenerali (47) u t-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas (48), li l-Qorti tal-Ġustizzja tisħaq fuqhom fil-ġurisprudenza tagħha (49).

58.      Ser ikun il-kompitu tal-qorti inkwistjoni sabiex tiżgura ruħha li f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-punt 7, tat-tieni sentenza, tal-Artikolu 14(1), tat-TzBfG ma jwasslux fil-prattika sabiex ixejnu mis-sustanza tiegħu l-prinċipju ewlieni, li l-kuntratti għal żmien indeterminat għandhom jippredominaw, u lanqas li jpoġġu fil-periklu l-ekwilibriju bejn l-interessi preżenti, kif maħsub mid-dritt tal-Unjoni, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċedu lil min iħaddem fis-settur pubbliku, faċilità ta’ aċċess għal kuntratti għal żmien determinat suċċessivi li hija kbira wisq (50).

59.      Fl-opinjoni tiegħi, ma nara l-ebda raġuni valida għalfejn, pereżempju, impjegat komunali għandu jitpoġġa f’pożizzjoni differenti, fir-rigward tal-possibbiltà li jaħdem taħt kuntratt għal żmien indeterminat, meta mqabbel mal-possibbiltà ta’ impjegat li jaħdem għal kumpannija privata, jew persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru, meta l-funzjonijiet tal-perusni kkonċernati huma l-istess. B’hekk, is-settur pubbliku, kif impliċitament previst fil-punt 7, tat-tieni frażi, tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, ma għandux jaqa’ fl-ambitu tal-kunċett tas-“setturi speċifiċi” tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, peress li l-kompiti li huma perfettament identiċi jistgħu jitwettqu kemm mill-impjegati tas-settur pubbliku kif ukoll minn dawk li jaħdmu fis-settur privat. Għalhekk ma huwiex ġustifikat li ċirkustanzi ekonomiċi analogi għal dawk previsti fl-imsemmi artikolu ma jiġux rikonoxxuti bħala raġunijiet oġġettivi meta dawn jikkonċernaw is-settur privat.

60.      Fuq kollox, interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas li tirriżerva eżitu partikolari għall-impjiegi li jaqgħu fl-ambitu tas-settur pubbliku, tista’ twassal għal livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema pjuttost differenti bejn l-Istati Membri, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu għal dak li għandu x’jaqsam b’mod partikolari r-rwol rispettiv tal-entitjaiet pubbliċi u tal-entitajiet privati fil-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali (51). Għalhekk ma huwiex daqstant opportun, fid-dawl tal-għan tad-dritt tal-Unjoni ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, li tiġi awtorizzata d-distinzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku għal dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet oġġettivi ta’ rikors għal kuntratti għal żmien determinat suċċessivi peress li l-portata tal-kunċett tas-settur pubbliku tista’ tinbidel b’mod sinjifikattiv skont il-kunċetti adottati fid-diversi Stati Membri, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja (52).

61.      Barra minn hekk, jidhirli li l-persuni li jimpjegaw tas-settur pubbliku jibbenefikaw, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn setgħa li tista’ twassalhom sabiex jabbużaw mill-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, inkwantu, bl-istipulazzjoni tal-prijoritajiet baġitarji tagħhom, dawn il-persuni li jimpjegaw jistgħu joħolqu għalihom infushom il-motiv li jiġġustifika r-rikors għal din il-forma ta’ kuntratt u b’hekk jeħilsu lilhom infushom mill-osservanza tal-prinċipji essenzjali tad-dritt industrijali. Issa, dan ir-riskju ta’ abbuż għandu impatt tant kbir li ġiet osservata żieda netta ta’ aġenti rreklutati taħt kuntratt, u mhux ta’ membri tal-persunal li jibbenefikaw minn kuntratti għal żmien indeterminat jew mill-istatus ta’ uffiċjal permanenti, għall-qadi ta’ ħtiġijiet tas-settur pubbliku, u dan mhux biss fil-Ġermanja iżda fil-biċċa l-kbira tal-Istati fl-Unjoni Ewropea (53).

62.      Il-Gvern Ġermaniż jopponi din l-analiżi li ma jingħatax vantaġġ lill-persuni li jimpjegaw fis-settur pubbliku, għal dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni ta’ dak li jista’ jirrappreżenta raġuni oġġettiva, kemm-il darba s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tkunx ta’ natura paragunabbli ma’ dik tal-impjegati fis-settur privat (54). Min-naħa tagħha, il-Land Nordrhein‑Westfalen tqis li l-kisba ta’ vantaġġ bħal dan min-naħa tal-impjegati fis-settur pubbliku huwa ġġustifikat inkwantu dan jissodisfa b’mod xieraq ir-restrizzjonijiet baġitarji partikolari li huma sostnuti minn dawn tal-aħħar u li jinħtieġu li jiġu kkumpensati permezz ta’ iktar flessibbiltà fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema. Il-qorti tar-rinviju tqajjem mistoqsijiet f’dan ir-rigward, billi tosserva li persuna li timpjega fis-settur pubbliku għandha biss id-dritt li tidħol f’obbligi koperti mid-dritt baġitarju u li l-baġits huma ġeneralment stabbiliti biss għal perijodu limitat.

63.      Madankollu, nosserva li l-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70 (55) tindika li l-flessibbiltà li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-“ħtiġijiet tas-setturi speċifiċi”, prevista fil-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tintrabat mal-“attenzjoni partikolari” li ngħatat “is-sitwazzjoni speċifika tal-impriżi żgħar u medji” (IŻM) waqt l-elaborazzjoni tat-test tal-Ftehim qafas, skont l-Artikolu 137(2) KE (li sar l-Artikolu 153 TFUE) (56). Fl-imsemmija proposta, il-Kummissjoni ssostni li d-diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas li hija tinvoka, inklużi dawk tal-Klawżola 5, “juru l-volontà tal-imsieħba soċjali li jħallu marġni ta’ manuvra fl-implementazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi naxxenti mill-ftehim, li għandha tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema u tal-impriżi ta’ setturi u ta’ kategoriji partikolari ta’ ħaddiema u impriżi, u partikolarment dawk tal-IŻM” (57).

64.      Min-naħa l-oħra, ix-xogħol preparatorju bl-ebda mod ma jindika li kien hemm il-ħsieb ta’ xi trattament speċjali li minnu kellu jibbenefika s-settur pubbliku, fil-kuntest tar-redazzjoni tal-Klawżola 5. Ma jidhirlix li l-impjiegi f’dan is-settur għandhom jiġu pprovduti b’mod tradizzjonali jew saħansitra ta’ natura temporanja, kuntrarjament għal dak li jista’ jirriżulta f’ċerti oqsma ta’ attivitajiet.

65.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizza l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, għal raġunijiet ta’ ordni baġitarju, riżervati esklużivament għas-settur pubbliku.

C –    Dwar il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal raġuni oġġettiva msejsa fuq regoli baġitarji, għat-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi

66.      It-tielet domanda preliminari, li hija maqsuma f’erba’ elementi suċċessivi, hija wkoll relatata mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas.

67.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk l-imsemmija klawżola tawtorizzax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tal-Liġi tal-finanzi tal-Land, moqrija flimkien mal-punt 7, tat-tieni sentenza, tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, li jippermettu t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, bis-sempliċi ġustifikazzjoni tkun iċ-ċirkustanza li l-impjegat huwa mħallas minn fondi baġitarji maħsuba għal impjiegi għal żmien determinat.

68.      B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-kriterji, marbuta b’mod partikolari mal-“pożizzjonijiet […] mimlija minn […] ‘persunal awżiljaru’ (‘Aushilfskräften’)”, stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tal-Liġi tal-finanzi tal-Land, humiex suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet differenti li jippermettu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, kif ukoll sabiex jiġu osservati kemm l-għan kif ukoll l-iskop aħħari tal-imsemmi ftehim. Il-qorti inkwistjoni żżid li l-Bundesarbeitsgericht kienet iddeċidiet li skont it-TzBfG, ma huwiex neċessarju li jkun hemm rabta bejn il-kompiti mwettqa mill-persuna li tokkupa l-pożizzjoni li hija temporanjament assenti u dawk imwettqa mill-impjegat għal żmien determinat, kompiti li jistgħu fil-fatt jaqgħu fl-ambitu tal-attività normali u permanenti tal-persuna li timpjega (58). Nirreferi għall-espożizzjoni tat-tielet domanda preliminari, iċċitata iktar ’il fuq in extenso, għad-dettall tal-elementi li din tal-aħħar tinkludi.

69.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li raġuni oġġettiva għat-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, għandha tinftiehem li tkopri ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li f’dan il-kuntest partikolari tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu b’mod partikolari jirriżultaw min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi tali kuntratti jew mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, minn għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (59).

70.      Huwa meħtieġ li r-raġuni oġġettiva invokata mill-persuna li timpjega tkun marbuta direttament mal-attività mwettqa, bħala prinċipju b’mod temporanju, mill-impjegat b’kuntratt għal żmien determinat. Fil-fatt, dispożizzjoni ta’ natura purament formali u li ma tiġġustifikax b’mod speċifiku l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi permezz tal-eżistenza ta’ fatturi oġġettivi relatati mal-partikolaritajiet tal-attività kkonċernata u mal-kundizzjonijet għat-twettiq tagħha, tinkludi riskju reali li jwassal għal użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kuntratti, u għaldaqstant ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim qafas (60).

71.      Issa, f’dan il-każ inqis, l-istess bħal S. Jansen u bħall-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tal-Liġi tal-finanzi tal-Land, moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, li jibbażaw ir-rikors għall-kuntratti għal żmien determinat biss fuq l-eżistenza ta’ fondi baġitarji maħsuba għal dan il-għan, huma redatti b’mod wisq ġenerali u astratt, mingħajr rabta tanġibbli mal-kontenut u mal-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-attività kkonċernata taħt il-kuntratt. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 7(3) tal-Liġi tal-finanzi tal-Land jirreferi għall-attività tal-impjegat li għandu jingħata kuntratt għal żmien determinat biss permezz tal-użu tal-kunċett tal-“persunal awżiljaru (‘Aushilfskraft’)”. Inqis li l-imsemmija regola tad-dritt baġitarju ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, ġustifikazzjoni li hija suffiċjentement konkreta għar-rikors għal tali kuntratti għal żmien determinat, kif titlob il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-perusna impjegata ma humiex identifikati jew ma jistgħux jiġu identifikati b’mod ċar. Dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip ma jippermettux li jiġi ġustifikat li f’dan il-każ speċifiku, it-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat huwa realment iktar adattat mill-konverżjoni ta’ dan tal-aħħar f’kuntratt għal żmien indeterminat, bħala soluzzjoni dejjiema tar-relazzjoni tax-xogħol.

72.      Nosserva li fil-kawża prinċipali, l-aħħar wieħed mill-kuntratti għal żmien determinat inkwistjoni ma huwiex imsejjes fuq is-sostituzzjoni temporanja ta’ impjegat wieħed assenti, iżda fuq l-użu ta’ fondi baġitarji li tpoġġew għad-dispożizzjoni minħabba leave speċjali u tnaqqis fil-ħin tax-xogħol li minnu għażlu li jagħmlu użu bosta impjegati tal-Landgericht Köln. Huwa evidenti li l-flessibbiltà hekk miksuba ntużat biex tiġi impjegata S. Jansen sabiex wieħed jipprovdi għall-ħtiġijiet permanenti ta’ min iħaddimha, u mhux minħabba n-natura jew iċ-ċirkustanzi partikolari tal-attività fdata f’idejn il-persuna kkonċernata.

73.      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u l-libertà f’idejn il-persuni li jimpjegaw fis-settur pubbliku jistgħu jippermettu prattiki abbużivi li kontrihom il-Ftehim qafas għandu l-għan li jissielet, inkwantu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-limitazzjoni tat-tul tal-kuntratti imsejsa fuq id-dritt tal-finanzi pubbliċi ma hijiex ċirkustanza esterna, iżda element li l-leġiżlatur jista’ jinfluwenza u jimmodifika, u għalhekk fattur intern li jista’ jiġi implementat mingħajr limitazzjonijiet.

74.      Fl-aħħar nett, ninnota illi l-imsemmija kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jaqgħux fl-ambitu ta’ għanijiet ta’ politika soċjali, hekk kif japplikaw fid-dritt industrijali (61). Ma jistax għalhekk jitqies li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi huwa ġġustifikat permezz ta’ ċirkustanzi partikolari li jirriżultaw mit-twettiq ta’ tali għan leġittimu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (62).

75.      Sussidjarjament, nippreċiża li ma jidhirlix li huwa possibbli li tiġi kkompletata l-analiżi hekk magħmula fid-dawl tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, billi wieħed jittrasponi hawnhekk il-ġurisprudenza relatata mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li jinsab fil-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim (63), kif ġie dibattut waqt is-seduta. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-viċinanza li teżisti bejn il-kunċetti li jeżistu f’dawn iż-żewġ klawżoli u ddefinixxiethom b’mod simili (64), billi segwiet raġunament b’analoġija (65).

76.      Madankollu, fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, relatata mal-“prinċipju ta’ non diskriminazzjoni”, l-ispeċifikazzjoni tar-“raġunijiet oġġettivi” hija prevista f’kuntest li huwa għalkollox differenti minn dak previst fil-Klawżola 5, li tikkonċerna “miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż” ta’ kuntratti għal żmien determinat. L-għan tar-“raġunijiet oġġettivi” f’kull waħda minn dawn il-klawżoli għalhekk ma huwiex l-istess. Barra minn hekk, jidhirli li l-approssimazzjoni bejn iż-żewġ kunċetti li huma redatti b’mod li jixxiebah, tgħaddi mir-riskju li twassal għal riżultat tawtoloġiku. L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lil wieħed minn dawn il-kunċetti ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tipprovdi kriterji ta’ evalwazzjoni li jistgħu jiġu riprodotti b’mod identiku fir-rigward tal-ieħor, peress li anki jekk fl-assolut għandhom sens simili, huma jaqgħu madankollu fl-ambitu ta’ referenti distinti. L-essenzjal huwa li jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi li jikkwalifikaw bħala “raġunijiet oġġettivi” skont il-Klawżola 4 jew il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

77.      B’mod partikolari, ir-regola li toħroġ mill-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas li “l-amministrazzjoni stretta tal-persunal hija kunsiderazzjoni dwar il-budget u għaldaqstant ma tistax tiġġustifika diskriminazzjoni” (66) ma jidhilrix li tista’ tiġi trasposta kif inhi, sabiex ikun jista’ jingħad li l-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni baġitarja ma għandhomx jippermettu li jiġġustifikaw ir-rikors għal kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Fl-opinjoni tiegħi, ma jistax jiġi eskluż b’mod sistematiku, kif kien il-każ fil-qasam tal-prattiki diskriminatorji, li raġunijiet ta’ natura purament ekonomika jistgħu jiġġustifikaw il-konklużjoni repetuta ta’ kuntratti għal żmien determinat. Fl-opinjoni tiegħi, ċertament ma huwiex konformi mal-għan aħħari tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas li persuna li timpjega tista’ tinvoka limitazzjonijiet baġitarji b’mod ġenerali abbażi ta’ “raġunijiet oġġettivi”. Madankollu, jidhirli li huwa leġittimu li restrizzjonijiet ekonomiċi jittieħdu inkunsiderazzjoni jekk ikunu marbuta ma’ raġunijiet ta’ natura oħra, bħal dawk marbuta ma’ għanijiet ta’ politika soċjali, mal-promozzjoni tal-edukazzjoni jew mal-ħarsien tal-ambjent, li jirriżultaw minn regoli oħra tal-Istat. B’hekk meta tkun ġiet prevista linja baġitarja speċifika, bħala għajnuna għar-ritorn lejn l-impjieg, pereżempju favur żgħażagħ qiegħda, persuna li timpjega fis-settur pubbliku għandha tkun tista’ tiġġustifika l-użu repetut ta’ kuntratti għal żmien determinat fir-rigward tal-persuni kkonċernati, billi tibbaża ruħha fuq tali orjentazzjoni baġitarja, li l-kawża tagħha hija speċifika u l-impatt ikun limitat ratione temporis.

78.      Dak li jidhirli li huwa iktar determinanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, huwa li l-qorti nazzjonali għandha tikkontrolla li l-ġustifikazzjoni invokata għandha tassew rabta kawżali diretta u effettiva mal-attività li huwa mistenni li jeżerċita l-impjegat taħt dawn il-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

79.      Fi kwalunkwe każ, minħabba l-portata mhux suffiċjentement preċiża u konkreta ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta negattiva fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari, esposta fis-subinċiż (a).

80.      Konsegwentement, inqis li ma hemmx bżonn li wieħed jirrispondi t-tliet domandi sussidjarji, esposti fis-subinċiżi (b) sa (d).

D –    Fuq il-klawżola ta’ nonrigressjoni

81.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-dritt pożittiv Ġermaniż (67) jistax jippreġudika l-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas, inkwantu l-motiv tar-rikors għal kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, minħabba raġunijiet ta’ natura baġitarja, ġiet estiża għas-settur pubbliku kollu, u mhux biss għall-qasam partikolari tat-tagħlim superjuri, kif kien il-każ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70, skont id-deċiżjoni tar-rinviju. Barra minn hekk, il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi legali li jkollha tislet, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, min-nuqqas potenzjali tal-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-klawżola, hekk imsejħa ta’ nonrigressjoni.

1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas

82.      Il-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas tipprovdi li l-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam kopert mill-imsemmi ftehim.

83.      Qabel kollox, nippreċiża li, kif diġà indikajt fil-kuntest ta’ kawża preċedenti (68) u kif jispeċifika hawnhekk il-Gvern Ġermaniż, il-kwistjoni hija pjuttost waħda tal-impożizzjoni tal-obbligu ta’ trasparenza, fil-motivi invokati sabiex tiġi ġġustifikata r-riforma leġiżlattiva, milli waħda ta’ klawżola li timponi status quo.

84.      Fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas jikkostitwixxu biss regoli minimi, l-intervent tal-Istati Membri fir-rigward jibqa’ awtorizzat, kemm sabiex jiġu adottati dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli minn dawk previsti fil-liġi preċedenti, kif ukoll sabiex jiġi introdott tnaqqis, kemm-il darba l-limitu minimu ta’ protezzjoni previst mill-Ftehim qafas jiġi osservat u l-imsemmi tnaqqis ma jkunx jista’ jiġi kkwalifikat bħala wieħed ġenerali.

85.      Fil-fatt, il-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas ma tipprojbixxix it-tnaqqis tal-protezzjoni offruta mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti għal żmien determinat. Tali tnaqqis huwa permess bil-kundizzjoni li josserva żewġ kriterji, li huma kumulattivi (69), li jfisser li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ikun biżżejjed sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fl-ambitu tal-projbizzjoni prevista fil-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas (70). Dawn il-kriterji huma s-segwenti:

–        minn naħa, sabiex ikun ammess, it-tnaqqis ma għandux ikun marbut mal-implementazzjoni tal-Ftehim qafas (71), liema fatt jipprekludi lill-Istati Membri milli jinvokaw l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva bħala “pretest” sabiex jispjegaw it-tibdil li huma jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom (72);

–        min-naħa l-oħra, huwa ma għandux jippreġudika l-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, fejn dan il-kriterju għandu jiġi evalwat fir-rigward tan-numru ta’ ħaddiema milquta mir-riforma (73), kif ukoll tat-totalità tal-leġiżlazzjoni protettiva, fid-dawl tal-fatt li t-tnaqqis jista’ jiġi globalment ikkumpensat permezz ta’ garanziji oħra li jistgħu jiġu offruti (74).

86.      L-applikazzjoni tal-ewwel minn dawn iż-żewġ kriterji f’dan il-każ tirrikjedi li l-emenda introdotta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni kellha verament l-għan li tittrasponi d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas anness, fejn għandu jiġi ppreċiżat li anki dispożizzjonijiet nazzjonali sussegwenti li jikkompletaw jew jemendaw il-liġi tat-traspożizzjoni inizjali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

87.      Issa, dan ma huwiex il-każ skont il-Land Nordrhein‑Westfalen u l-Gvern Ġermaniż. Kemm wieħed kif ukoll l-ieħor jirreferu għall-ġurisprudenza li tippreċedi d-Direttiva 1999/70 sabiex jikkonfermaw li d-dritt pożittiv kien diġà jawtorizza r-regola baġitarja kontenzjuża qabel id-dħul fis-seħħ tat-TzBfG, u partikolarment tal-punt 7, tat-tieni sentenza, tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG. Huma josotnu li dan it-test huwa sempliċi kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Bundesarbeitsgericht, mingħajr ebda elaborazzjoni ta’ din tal-aħħar. Kuntrarjament għal dak espost mill-qorti tar-rinviju, il-Land Nordrhein‑Westfalen u l-Gvern Ġermaniż jaqblu bejniethom li r-regola li tirriżulta minn restrizzjoni baġitarja kienet diġà suġġetta għal applikazzjoni fir-rigward tas-servizz pubbliku kollu. Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, l-imsemmi gvern jirreferi għax-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tat-TzBfG, billi jiċċita xi estratti mill-abbozz ta’ liġi.

88.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li ma hemm ebda rabta bejn id-dispożizzjonijiet kontenzjużi u t-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u li fi kwalunkwe każ, l-obbligu ta’ traspożizzjoni ma kienx direttament invokat mil-leġiżlatur Ġermaniż sabiex jiġġustifika r-riforma kkontestata. B’hekk, hija tqis, bħaż-żewġ awturi preċedenti tal-osservazzjonijiet, li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tat-TzBfG ma humiex f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni. Hija biss S. Jansen li tadotta pożizzjoni opposta.

89.      Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tat-twettiq jew tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-ewwel kriterju, li tippreżumi l-eżami tal-evoluzzjoni tad-dritt pożittiv Ġermaniż, taqa’ fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, anki jekk l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiggwidawha fl-iżvolġiment ta’ din il-kwistjoni.

90.      Li kieku kellu jiġi applikat it-tieni kirterju f’dan il-każ, li jippreżumi t-twettiq tal-ewwel kriterju, wara analiżi magħmula mill-qorti tar-rinviju, ikun meħtieġ li l-emenda introdotta mil-liġi mqiegħda inkwistjoni kellha l-effett li tnaqqas il-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat.

91.      Skont S. Jansen, jeżisti tnaqqis reali fl-imsemmi livell meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni preċedenti, minħabba l-fatt li r-regola baġitarja li jsir rikors għal kuntratti għal żmien determinat issa tapplika għas-settur pubbliku kollu u b’mod sistematiku, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul u l-kontenut tal-funzjonijiet imwettqa mill-ħaddiem impjegat f’dan il-kuntest.

92.      Il-Gvern Ġermaniż iqis, għall-kuntrarju, li bil-kodifikazzjoni tat-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola baġitarja, li inizjalment kien japplika biss għas-settur tat-tagħlim superjuri, it-TzBfG ikkjarifikat il-kontenut tad-dritt pożittiv intern u b’hekk tejbet il-protezzjoni offruta lill-ħaddiema li kkonkludew kuntratti għal żmien determinat.

93.      Fid-dawl ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjonijiet opposti, huwa għal darba oħra l-kompitu tal-Landesarbeitsgericht Köln li jistabbilixxi jekk it-tieni mill-kundizzjonijiet rikjesti għall-applikazzjoni tal-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas ġietx sodisfatta fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-fatt li huwa biss tnaqqis b’daqs ta’ natura tali li jaffettwa globalment il-liġi nazzjonali relatata mal-kuntratti għal żmien determinat, li jista’ jaqa’ fl-ambitu tal-imsemmija klawżola. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti għandha b’mod partikolari tivverifika li parti sinjifikanti tal-ħaddiema impjegati taħt kuntratti għal żmien determinat fl-Istat Membru kkonċernat intlaqtu mir-riforma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll tevalwa l-portata ta’ din ir-riforma fid-dawl tal-garanziji l-oħra kollha li t-TzBfG tipprovdi sabiex tiżgura l-protezzjoni ta’ din il-kategorja ta’ ħaddiema (75).

2.      Fuq il-konsegwenzi ġuridiċi fl-eventwalità tan-nuqqas ta’ konformità mal-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas

94.      L-aħħar domanda magħmula mil-Landesarbeitsgericht Köln hija dwar jekk għandux l-obbligu li jastjeni milli japplika r-regola nazzjonali, jekk jirriżulta li din ma hijiex konformi mal-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas.

95.      B’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (76), kif ukoll mill-mod kif żviluppajtha jien f’konklużjonijiet preċedenti (77), jirriżulta li l-imsemmija klawżola ma tistax tipproduċi effett dirett, li f’dan il-każ ikun vertikali. Kif ifakkar il-Land Nordrhein‑Westfalen, il-Klawżola 8 tal-Ftehim qafas ma timponix obbligi konkreti fuq l-Istati Membri u ma tistax tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali, kuntrarjament pereżempju għall-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, li mill-kontenut tagħha tidher li hija inkondizzjonta u preċiża biżżejjed għal dan il-għan (78).

96.      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ma hijiex direttament marbuta twarrab l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern, li l-kontenut tagħhom huwa msejjes fuq il-Klawżola 8(3) tal-Ftehim qafas.

97.      Madankollu, sabiex tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (it-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 249 KE), fejn kull qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod li tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-Landesarbeitsgericht Köln għandu jissottometti ruħu għalihom, kif ġie deċiż repetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja (79). Dan jimplika b’mod partikolari li l-imsemmija qorti għandha tinterpreta l-liġi inkwistjoni, kemm jista’ jkun, fid-dawl tat-test u tal-għan aħħari tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim qafas sabiex ikun jista’ jinkiseb ir-riżultat previst minn dan tal-aħħar (80).

VI – Konklużjoni

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mil-Landesarbeitsgericht Köln:

“1)      Il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jirriżulta anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata b’mod li sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ‘raġuni oġġettiva’ fis-sens ta’ din il-klawżola, ma huwiex eskluż li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ kuntratti għal żmien determinat li ppreċedew it-tiġdid tal-kuntratt li għandu jiġi vverifikat, kif ukoll it-tul tal-perijodu li matulu l-ħaddiem ikkonċernat kien diġà impjegat preċedentement abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

2)      Il-Klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li ssir differenza bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ‘raġuni oġġettiva’ fis-sens tal-imsemmija klawżola.

3)      Il-Klawżola 5(1) tal-imsemmi ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali msejsa fuq regoli ta’ ordni baġitarju u li hija ta’ natura wisq ġenerali sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

4)      Jista’ jkun li Stat Membru ma josservax id-dispożizzjonijiet tal-Klawżola 8(3) tal-imsemmi ftehim qafas, jekk jintroduċi fid-dritt nazzjonali motiv ta’ rikors għal xogħol għal żmien determinat, marbut ma’ regoli baġitarji li japplikaw b’mod ġenerali għas-settur pubbliku kollu, meta qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70, dan il-motiv kien japplika taħt forma paragunabbli fid-dritt pożittiv nazzjonali biss għal xi partijiet tas-settur pubbliku, fl-ipoteżi fejn, ikun jappartjeni lill-qorti tar-rinviju li tivverifika:

–      minn naħa, jekk id-dispożizzjonijiet li introduċew tali emenda użawx bħala ġustifikazzjoni t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt intern, u

–      min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija emenda tatx lok għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, liema tnaqqis għandu jiġi evalwat abbażi tan-numru ta’ ħaddiema affettwati u fid-dawl tal-liġi nazzjonali dwar il-kuntratti għal żmien determinat ikkunsidrata fit-totalità tagħha.

Li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tqis, fid-dawl tal-imsemmija kriterji ta’ evalwazzjoni, li r-regola nazzjonali kkonċernata ma tosservax id-dispożizzjonijiet tal-Klawżola 8(3) tal-imsemmi Ftehim qafas, dan ma jagħtix lok għal obbligu sabiex din ir-regola ma tiġix iktar applikata, iżda għal obbligu sabiex din tiġi interpretata b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


3 – Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge und zur Änderung und Aufhebung arbeitsrechtlicher Bestimmungen (BGBl. 2000 I, p. 1966). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Hija kienet suġġetta għal emendi ulterjuri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Deutsche Lufthansa, C-109/09, Ġabra p. I-0000, punti 8 sa 11), li ma humiex rilevanti fid-dawl tal-elementi tal-kawża prinċipali.


4 – Gesetz über die Feststellung der Haushaltspläne des Landes Nordrhein‑Westfalen für die Haushaltsjahre 2004/2005 (GV. NRW. 2004, Nru 4, tas-6 ta’ Frar 2004, p. 64).


5 –      Il-kelma “Aushilfskraft” tista’ tiġi tradotta għall-Franċiż kemm bħala “agent contractuel” [aġent kuntrattwali], kif kien il-każ tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ĠU C 274, p. 4), kif ukoll bħala “agent intérimaire” [aġent temporanju], bħar-rapport għas-seduta, jew b’mod iktar letterarju bħala “personnel auxiliaire” [persunal awżiljarju]. F’każ ta’ dubju u sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni, b’mod partikolari mal-kunċett tax-xogħol temporanju, li għalih il-Ftehim qafas ma għandux l-għan li japplika (ara l-premessa 13 tad-Direttiva 1999/70 u r-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas), ser nagħżel f’dawn il-konklużjonijiet il-formulazzjoni użata iktar ’il fuq, filwaqt li nfakkar il-kelma Ġermaniża bl-użu tal-parenteżi.


6 – Fil-fatt, kawża, irreġistrata bin-numru C‑312/10, li tikkonċerna wkoll il-Land Nordrhein‑Westfalen, tat lok għal rinviju għal deċiżjoni preliminari ieħor mil-Landesarbeitsgericht Köln, li jikkonċerna wkoll l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 5(1) u 8(3) tal-Ftehim qafas. Minħabba l-konnessjoni eżistenti bejn il-kawżi C‑312/10 u C‑313/10, dawn ġew magħquda, iżda wara li l-qorti tar-rinviju irtirat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fl-ewwel kawża, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Frar 2011, li l-imsemmija kawża għandha tiġi sseparata mill-kawża C‑313/10 u mħassra minn fuq ir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.


7 – Il-qorti tiċċita, f’dan is-sens, id-deċiżjoni tal-Bundesarbeitsgericht tal-25 ta’ Marzu 2009 (7 AZR 34/08, NZA 2010, punti 34 et seq), kif ukoll dawk tal-21 ta’ April 1993 (AP § 620 BGB Befristeter Arbeitsvertrag nru 149) u tat-30 ta’ Novembru 1977 (AP § 620 BGB Befristeter Arbeitsvertrag nru 44).


8 – Madankollu, din l-espożizzjoni hija kkontestata mil-Land Nordrhein‑Westfale u mill-Gvern Ġermaniż. Skonthom, ma huwiex ċert jekk il-Bundesarbeitsgericht abbandunax il-ġurisprudenza preċedenti tiegħu, li kienet tieħu inkunsiderazzjoni n-numru u t-tul totali tal-kuntratti preċedenti għal żmien determinat – u mhux biss il-portata tal-aħħar kuntratt –, fir-rigward tar-raġunijiet kollha oġġettivi previsti fil-punti 1 sa 8, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, kif tidher li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, li tmur lil hinn mill-każ inkwistjoni relatat ma’ raġuni oġġettiva li tirriżulta mis-sostituzzjoni ta’ ħaddiem, każ ipotetiku li huwa biss previst b’mod espliċitu fid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2009, iċċitata iktar ’il fuq. Għandu jiġi speċifikat li l-Bundesarbeitsgericht ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li sal-ġurata ta’ llum għadha pendenti, li tikkoċerna dan l-aħħar tip ta’ raġunijiet oġġettivi (ara l-kawża Kücük, C-586/10, ĠU C 89, p. 5).


9 – Punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas.


10 – It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas u l-premessa 10 tiegħu. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 70).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I-6057, punt 68), il-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Kokott fl-imsemmija kawża (punt 56), is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 79), u iktar reċentement, is-sentenza Deutsche Lufthansa (iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37).


12 – Il-Ftehim qafas jagħti biss xi ftit definizzjonijiet, fil-Klawżola 3 tiegħu, tat-termini li juża, jiġifieri ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [determinat]” u ta’ “ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]”.


13 – Il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70.


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq (punti 90 u 91).


15 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et (C‑364/07, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Klawżola 5(1) in limine, u Klawżola 1(b) tat-Ftehim qafas, kif ukoll il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.


17 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et (punt 63) u Impact (punt 88).


18 – Il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas jenfasizza li min-naħa l-oħra l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati, kif ukoll għat-titjib fil-prestazzjoni tagħhom.


19 – Billi jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas u fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħhom, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li ma jistgħux jiġu tterminati l-kuntratti għal żmien indeterminat, li min-natura tagħhom jiggarantixxu ċerta sigurtà ta’ xogħol, mingħajr riferiment għar-raġunijiet tat-terminazzjoni (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1‑459, punt 68).


20 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 64), kif ukoll id-digriet Vassilakis et (iċċitat iktar ’il fuq, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara s-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament (F-65/07, Ġabra p. I-0000, punti 114 et seq), tal-4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni (F‑134/07 u F‑8/08, Ġabra p. I-0000, punti 99 et seq), u tad-29 ta’ Settembru 2009, O vs Il-Kummissjoni (F‑69/07 u F‑60/08, Ġabra p. I-0000, punti 74 et seq).


22 – Ara d-digriet tal-24 ta’ April 2009, Koukou (C‑519/08, punti 45 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fl-impjieg tagħha mal-Landgericht Köln, mit-3 ta’ Lulju 1997 sat-30 ta’ Ġunju 2006, S. Jansen eżerċitat matul dawn is-snin kollha funzjonijiet identiċi, jiġifieri kompiti li jaqgħu fl-ambitu tal-attività permanenti tas-segretarjat‑reġistru tat-23 awla ċivili tal-imsemmi tribunal.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-setenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103).


25 – Għandu jixxebbah mad-definizzjoni tan-natura suċċessiva ta’ numru ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li approċċ riġidu wisq u restrittiv kien jippermetti li jiġu impjegati ħaddiema b’mod għal numru ta’ snin (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).


26 – Fis-sentenza Mangold (iċċitata iktar ’il fuq), wara li kkonstatat li l-kuntratt ikkonċernat kien l-ewwel u l-uniku kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas kienet manifestament nieqsa minn rilevanza f’dan il-każ.


27 – Ara suċċessjoni kważi kontinwa, bħal ma kien il-każ tal-leġiżlazzjoni Elennika li tipprovdi li intervall relattivment qasir, jiġifieri 20 ġurnata ta’ xogħol, kienu biżżejjed sabiex kuntratti għal żmien determinat ma jiġux meqjusa bħala suċċessivi, dispożizzjoni li skont il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tagħti lok għal abbuż (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 et seq).


28 – Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament iddeċidiet li l-istess termini tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas jindikaw b’mod inekwivoku li l-varji miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni huma meqjusa bħala “ekwivalenti” (ara s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).


29 – B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fil-liġi Ellenika, l-Artikoli 5 u 6 tad-digriet presidenzjali 164/2004 kienu implementaw, fir-rigward tas-settur pubbliku, it-totalità tal-miżuri maħsuba għall-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, elenkati fil-Klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-Ftehim qafas (digriet tat-18 ta’ Jannar 2011, Berkizi-Nikolakaki, C-272/10, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Pereżempju, ma tantx ikun utli li n-numru ta’ drabi ta’ tiġdid jiġi limitat għal żewġ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jekk kull wieħed minn dawn il-kuntratti jista’ jdum diversi snin.


31 – Għandhom jiġu kkunsidrati mal-punt 77 tas-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq.


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 82).


33 – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, Ġabra p. I‑7109, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 48) u Vassallo (C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punt 33), kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2010, Affatato (C-3/10, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Sentenza Marrosu u Sardino (iċċitata iktar ’il fuq, punt 47), kif ukoll id-digriet Vassilakis (iċċitat iktar ’il fuq, punt 121).


36 – Min-naħa l-oħra, l-Avukat Generali Poiares Maduro, fil-punti 27 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu li huma komuni għall-kawża li tat lok għas-sentenza Marrosu u Sardino, iċċitata iktar ’il fuq, u l-kawża li tat lok għas-sentenza Vassallo, iċċitata iktar ’il fuq, intrabat li jiddetermina għal liema raġunijiet xi differenzi bejn is-settur pubbliku u s-settur privat jistgħu jkunu ġustifikati, fir-rigward tas-sanzjonijiet ta’ abbuż potenzjali.


37 – Ara t-titolu tal-Klawżola 5, kif ukoll il-parti inizjali tal-punt 1 tal-imsemmija klawżola.


38 – Fil-fatt, il-Klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas tħalli l-poter f’idejn l-Istati Membri sabiex jevalwaw in-natura “xierqa” tal-intervent tagħhom f’dawn l-oqsma. Dwar id-distinzjoni bejn l-effetti restrittivi tal-Klawżola 5(1) u (2), ara, b’mod partikolari, il-punti 72 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza Adeneler et iċċitata iktar ’il fuq.


39 – Jidhirli li huwa raġonevoli li destin partikolari jista’ jiġi rriżervat għas-settur pubbliku, skont il-Klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas, meta wieħed iqis li fl-imsemmi settur, ir-relazzjoni tax-xogħol tista’ tieħu l-forma legali ta’ att amministrattiv unilaterali, u mhux ta’ kuntratt, bil-konsegwenza li s-sanzjoni għal abbuż potenzjali fl-użu ta’ tali att ma tistax tkun it-titwil fiż-żmien tal-impjieg tal-ħaddiem, li jkun jirrikjedi att amministrattiv ġdid, kuntrarjament għal dak li jirriżulta meta kuntratt għal żmien determinat jiġi kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat. L-Avukati Ġenerali Maduro [konklużjonijiet li jikkonċernaw il-kawża li tat lok għas-sentenza Marrosu u Sardino, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 et seq)] u Kokott enfasizzaw partikolaritajiet oħra tal-impjieg pubbliku [konklużjonijiet li jikkonċernaw il-kawża li tat lok għas-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 117)].


40 – “[I]l-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’ natura staġjonali” (l-enfasi hija tiegħi).


41 – “Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. […]” (l-enfasi hija tiegħi).


42 –      Jiġifieri l-verżjoni Spanjola (“distintos sectores”), Daniża (“bestemte sektorer”), Ġermaniża (“bestimmter Branchen”), Griega (“ειδικών τομέων”), Ingliża (“specific sectors”), Franċiża (“secteurs spécifiques”), Taljana (“settori […] specifici”), Olandiża (“bepaalde sectoren”), Pollakka (“szczególnych gałęzi”), Portugiża (“sectores […] específicos”), Finlandiża (“erityisten alojen”) u Svediża (“särskilda branscher”).


43 – Qabel kollox, neskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif previst fil-premessa 3 tad-Direttiva 1999/70, it-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas u l-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim, invokat minn S. Jansen. Din ir-regola għandha l-għan li toffri lill-impjegati li jaħdmu taħt kuntratt għal żmien determinat, trattament li huwa ekwivalenti għal dak li minnu jibbenefikaw dawk li għandhom kuntratt għal żmien indeterminat, u mhux li tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn ħaddiema li lkoll huma impjegati taħt kuntratti għal żmien determinat, iżda fejn uħud jaħdmu fis-settur pubbliku u oħrajn jaħdmu fis-settur privat.


44 – In-natura tad-dritt komuni tar-reklutaġġ permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat huwa wkoll stabbilit fl-ewwel sentenza u fit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas. Ara wkoll il-premessa 15 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, p. 9).


45 – Jiġifieri, skont l-għan doppju tal-Ftehim qafas kif iddefinit fil-Klawżola 1 ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u dawk għal żmien indeterminat, u min-naħa l-oħra, li r-rikors għal xogħol bi żmien fiss jiġi rregolat biex ikun hemm ħarsien kontra l-abbuż tiegħu.


46 – Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3 p. 267). Ara b’mod partikolari l-paragrafu 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas.


47 – “[I]l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” (l-enfasi hija tiegħi).


48 –      “Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu […] li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema” (l-enfasi hija tiegħi).


49 – Dwar il-ħtieġa li l-qorti tar-rinviju twettaq eżami konkret tal-effetti prodotti mid-dispożittiv nazzjonali, ara b’mod partikolari d-digriet Affatato, iċċitat iktar ’il fuq (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Impact (punt 87) u Deutsche Lufthansa (punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


51 – Dawn id-differenzi huma inerenti għal użanzi nazzjonali, kif inhuwa l-każ pereżempju tar-rabta tal-infermiera prinċipalment mal-isptarijiet pubbliċi jew ma’ fondazzjonijiet bi skop ta’ interess ġenerali.


52 – Id-digriet tas-7 ta’ April 2011, May (C‑519/09, Ġabra p. I-0000, punt 24, li jikkwota s-sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, Ġabra p. 153, punt 5) ifakkar li “[l]-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ distinzjoni fil-klawżola ta’ eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 45(4) TFUE, li tikkonċerna l-impjieg fl-amministrazzjoni pubblika, huwa irrilevanti jekk ħaddiem huwiex ingaġġat bħala labourer, impjegat jew uffiċjal, jew anki jekk ir-rabta ta’ impjieg tiegħu tirriżultax mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat. Dawn il-kwalifiki legali fil-fatt ivarjaw skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għaldaqstant ma jistgħux jipprovdu kriterju ta’ interpretazzjoni approprjat għall-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni”.


53 – Ara, b’mod partikolari, A. Fitte‑Duval, “Contrat à durée indéterminée dans la fonction publique : les risques d’une transposition inadaptée”, Actualité juridique Fonction Publiques, 2007, p. 4 et seq.


54 – Il-Gvern Ġermaniż isostni li “[f]is-settur privat, il-persuna li timpjega tiddefinixxi hija stess il-kontenut u l-forma tal-attività tal-impjegati tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-mezzi finanzjarji miksuba fis-suq. Din il-possibbiltà ma teżistix fis-servizz pubbliku. Il-ġestjoni tar-riżorsi umani tista’ ssir biss fil-kuntest tal-baġit allokat mil-liġi finanzjarja. […] Rikors għal impjieg għal żmien determinat jista’ jsir biss jekk il-fondi baġitarji korrispondenti ikunu disponibbli”.


55 – Punti 26 sa 31 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta tad-direttiva tal-Kunsill dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, tat-28 ta’ April 1999 [COM (1999) 203 finali, p. 6 u p. 7].


56 – Dan l-artikolu jipprovdi li d-direttivi adottati fil-qasam tal-politika soċjali għandhom “jevitaw li jdaħħlu rabtiet aministrattivi, finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji”. Ara wkoll il-punt 11 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas.


57 – Punt 30 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll p. 26 tal-anness tagħha.


58 – Nosserva li l-liġi li kienet fis-seħħ qabel ma t-TzBfG ittrasponiet id-Direttiva 1999/70 fid-dritt Ġermaniż kienet iktar liberali għal dak li għandu x’jaqsam mal-possibbiltà tal-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, mingħajr il-ġustifikazzjoni ta’ raġuni oġġettiva marbuta mal-attività tal-persuna li timpjega (f’dan ir-rigward, ara l-punti 10 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq).


59 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet Koukou, iċċitat iktar ’il fuq (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et (punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Deutsche Lufthansa (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61 – Għal eżempju reċenti ta’ għan tal-politika soċjali li jista’ jkun leġittimu, ara d-digriet tas-7 ta’ April 2011, Dai Cugini (C-151/10, punti 47 et seq).


62 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).


63 – Skont il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, hija biss ġustifikazzjoni msejsa fuq raġunijiet oġġettivi li tippermetti t-trattament differenti ta’ ħaddiem għal żmien determinat meta mqabbel ma’ ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli.


64 – B’hekk, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 sa 59), dwar il-“kunċett identiku ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’” fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett jirrikjedi li n-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat, huwa ġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari li tidħol fih u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tirrikjedix ħtieġa ta’ veru, hijiex idonea sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex meħtieġa f’dan ir-rigward.


65 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, Ġabra p. I-3527, punti 42 u 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li fiha, wara li fakkret il-portata tal-ġurisprudenza tagħha relatata mal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a), tal-Ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[d]in l-istess interpretazzjoni hija neċessarja, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna l-kunċett identiku ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss”.


66 – Ara s-sentenza Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


67 – Għandu jiġi ppreċiżat li fil-motivazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għad-dispożizzjonijiet tal-punt 7 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1), tat-TzBfG u għall-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht.


68 – Ara l-punt 40 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Sorge (C‑98/09, Ġabra p. I-5837).


69 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sorge, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino (C‑20/10, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70 – Ara, pereżempju, id-digriet Berkizi-Nikolakaki, iċċitat iktar ’il fuq (punt 76).


71 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet Vino, iċċitat iktar ’il fuq (punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).


72 – Ara l-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sorge, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-punt 127 in fine tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza Angelidaki et iċċitata iktar ’il fuq.


73 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet Koukou, iċċitat iktar ’il fuq (punt 121).


74 – Ara d-digriet Koukou, iċċitat iktar ’il fuq (punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75 – Ara d-digriet Koukou, iċċitat iktar ’il fuq (punti 119 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza Sorge, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


76 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sorge (punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Deutsche Lufthansa (punt 51).


77 – Ara l-punti 58 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sorge iċċitati iktar ’il fuq).


78 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq (punti 59 et seq).


79 – Barra minn hekk, infakkar illi skont l-istess kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva”.


80 – Ara l-punti 51 et seq tas-sentenza Sorge, iċċitata iktar ’il fuq, il-punti 65 et seq tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fl-imsemmija kawża, kif ukoll il-punti 52 et seq tas-sentenza Deutsche Lufthansa, iċċitata iktar ’il fuq, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata.