Language of document : ECLI:EU:C:2011:205

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI MAZÁK

ippreżentata fl-1 ta’ April 2011 1(1)

Kawża C-61/11 PPU

El Dridi

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Trento (l-Italja)]

“Direttiva 2008/115/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn – Ksur ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu stabbilit – Privazzjoni ta’ libertà individwali ta’ barrani li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru – Effettività tad-direttiva – Applikabbiltà diretta tad-direttiva





1.        Il-Corte d’appello di Trento (l-Italja) għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (2), ifformulati kif ġej:

“Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali, li l-għan tiegħu huwa li jintlaħqu l-għanijiet tad-direttiva, u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ adegwatezza u ta’ fondatezza tal-piena, l-Artikoli 15 u 16 [tad-Direttiva 2008/115/KE] jipprekludu:

1)      il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali għall-ksur ta’ stadju intermedjarju tal-proċedura amministrattiva tar-ritorn, qabel ma tkun ġiet kompluta tali proċedura, billi jsir rikors għall-iktar miżura restrittiva amministrattiva li tkun għadha possibbli?

2)      il-possibbiltà li tiġi imposta piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn erba’ snin għas-sempliċi nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-persuna kkonċernata fil-proċedura ta’ tneħħija, u b’mod partikolari, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel ordni ta’ ripatrijazzjoni maħruġa mill-awtorità amministrattiva?”

2.        Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat minn H. El Dridi, ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fl-Italja, mid-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal di Trento (l-Italja) li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkundanna għall-piena ta’ sena priġunerija għar-reat, ikkonstatat fid-29 ta’ Settembru 2010, li jikkonsisti fil-fatt li ma obdiex l-ordni mogħtija mill-Questore (3) li jitlaq mit-territorju tal-Istat fi żmien ħamest ijiem.

3.        Iktar preċiżament, il-kwistjoni hija dwar ordni ta’ ripatrijazzjoni mogħtija mill-Questore d’Udine fil-21 ta’ Mejju 2010 skont digriet ta’ espulsjoni tal-Prefett ta’ Torino tat-8 ta’ Mejju 2004 u li ġiet innotifikata lil H. El Dridi meta ġie lliberat fi tmiem il-piena li skonta wara kundanna ħarxa relatata mar-reati mwettqa fil-qasam tad-drogi. Il-Questore mmotiva din l-ordni ta’ ripatrijazzjoni bl-impossibbiltà li H. El Dridi jiġi deportat minħabba l-indisponibbiltà tat-trasportatur jew mezzi oħra ta’ trasport u, minħabba nuqqas ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni kif ukoll minħabba l-impossibbiltà li jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni minħabba nuqqas ta’ postijiet.

4.        Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li H. El Dridi jinsab arrestat peress li huwa akkużat bir-reat imsemmi. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li tissuġġetta, fuq talba tal-qorti tar-rinviju, din id-domanda preliminari għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

5.        Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn H. El Dridi, mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fit-30 ta’ Marzu 2011.

6.        H. El Dridi ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula li l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, li għandhom effett dirett fis-sistema legali tal-Istati Membri, jipprekludu l-possibbiltà għall-Istat Membru li jissanzjona permezz ta’ piena ta’ priġunerija n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni ta’ ripatrijazzjoni meħuda kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ ritorn.

7.        Il-Kummissjoni pproponiet risposta kważi identika. Hija żżid li mhux biss l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, iżda wkoll l-Artikoli 7(1) kif ukoll 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

8.        B’opinjoni opposta, ir-Repubblika Taljana pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula li d-Direttiva 2008/115 u l‑prinċipju Komunitarju tal-kooperazzjoni leali intiża għall-effettività ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jekk l-ordni ta’ ripatrijazzjoni, abbażi ta’ evalwazzjoni konkreta tal-qorti, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Direttiva 2008/115

9.        Id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan, kif jirriżulta kemm mill-premessi 2 u 20 kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli komuni applikabbli għar-ritorn, għar-ripatrijazzjoni, għall-użu ta’ miżuri restrittivi, għad-detenzjoni u għall-projbizzjoni ta’ dħul f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, regoli li għandhom iservu ta’ bażi għal politika effettiva ta’ ripatrijazzjoni.

10.      L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115 jagħti lill-Istati Membri l‑possibbiltà li jiddeċiedu li ma japplikawx l-imsemmija direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti ta’ sanzjoni kriminali li tipprovdi jew għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, jew li huma suġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

11.      Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2008/115, li skont it-termini tagħha għandu jkun ippreferut ir-ritorn voluntarju taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi residenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru meta mqabbel mar-ritorn bil-forza, l‑Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprovdi dan li ġej:

“1. Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. […]

[…]

4. Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is‑sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

12.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tneħħija”, jaqra kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id‑deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il‑perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

4. Meta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id‑drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.

[…]”

13.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, li jaqa’ taħt il-Kapitolu dwar id‑detenzjoni għall-għan ta’ ripatrijazzjoni u huwa intitolat “Detenzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[…]

4.     Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il‑kondizzjonijiet stabbiliti fil‑paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id‑detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l‑persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.     Id‑detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il‑kondizzjonijiet stabbiliti fil‑paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t‑tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.     L‑Istati Membri jistgħu ma jestendux il‑perijodu msemmi fil‑paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it‑tnax‑il xahar oħra skond il‑liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l‑isforzi raġonevoli kollha tagħhom l‑operazzjoni ta’tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

14.      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li d-detenzjoni għandha ssir bħala regola ġenerali fiċ-ċentri ta’ detenzjoni speċjalizzati. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

15.      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva, bla ħsara għall-Artikolu 13(4) tagħha, mhux aktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16.      Fl-24 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Taljana ma kinitx adottat id‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija fid-Direttiva 2008/115.

17.      Is-suġġett tal-immigrazzjoni huwa rregolat permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 286, tal-25 ta’ Lulju 1998, dwar test uniku tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani (iktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru 286/1998”).

18.      L-Artikolu 13 tad-digriet leġiżlattiv Nru 286/1998, intitolat “Tkeċċija amministrattiva”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà tal-Istat, il-Ministru tal-intern jista’ jiddeċiedi dwar it-tkeċċija ta’ barrani, anki jekk dan ma huwiex residenti fit-territorju tal-Istat […]

2.     It-tkeċċija hija deċiża mill-prefett meta l-barrani:

a)      ikun daħal fit-territorju tal-Istat billi ħarab mill-kontrolli fil-fruntiera u ma ntbagħatx lura skont l-Artikolu 10;

b)      ikun baqa’ fit-territorju tal-Istat mingħajr il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1)(a), jew mingħajr ma jkun talab il-permess ta’ residenza fit-terminu stabbilit, sakemm dan id-dewmien ma jkunx dovut għal każ ta’ forza maġġuri, jew minkejja r-revoka jew l-annullament tal-permess ta’ residenza, jew inkella mingħajr ma jitlob it-tiġdid meta dan ikun skada għal iktar minn sittin jum. […]

[…]

4.     It-tkeċċija hija dejjem eżegwita mill-Questore u l-barrani għandu jiġi deportat mill-forzi tal-ordni, ħlief fil-każijiet elenkati fil-paragrafu 5.

5.     Meta l-barrani jibqa’ fit-territorju tal-Istat minkejja li jkun skada l‑permess ta’ residenza tiegħu għal iktar minn sittin jum u ma jkunx talab it-tiġdid ta’ dan, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tordnalu li jitlaq mit-territorju tal-Istat fi ħmistax-il jum. Jekk il-prefett iqis li jkun jeżisti riskju konkret li ċ-ċittadin barrani jaħrab mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, il-Questore jista’ jiddeċiedi li jiġi deportat immedjatament. […]”

19.      L-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jikkonċerna l‑eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-barrani b’residenza irregolari fl-Italja. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta ma jkunx possibbli li tiġi eżegwita immedjatament l-espulsjoni billi l‑barrani jiġi deportat jew imkeċċi peress li jkun hemm bżonn li jiġi sokkors il‑barrani, jew ikunu jridu jsiru kontrolli addizzjonali dwar l-identità tiegħu jew in‑nazzjonalità tiegħu jew l-akkwist ta’ dokumenti ta’ vjaġġar, jew minħabba l‑indisponibbiltà tat-trasportatur jew ta’ mezz ieħor ta’ trasport adegwat, il‑Questore jista’ jiddeċiedi li l-barrani jinżamm matul il-perijodu strettament neċessarju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva l-iktar viċin […]

[…]

5(a)       Meta ma jkunx possibli li l-barrani jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva jew li r-residenza f’tali struttura ma tkunx ippermettiet l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija jew tad-deportazzjoni, il-Questore jista’ jordna lill-barrani li jitlaq mit-territorju fi żmien ħamest ijiem. L-ordni għandha tingħata permezz ta’ att bil-miktub, fejn ikun hemm indikat il-konsegwenzi kriminali jekk il-barrani jibqa’ illegalment fit-territorju tal-Istat, inkluż f’każ ta’ reċidiva […]

5(b)       Il-barrani li, mingħajr motiv iġġustifikat, jibqa’ illegalment fit-territorju tal-Istat, bi ksur tal-ordni tal-Questore msemmija fil-paragrafu 5(a), għandu jingħata piena ta’ priġunerija għal erba’ snin jekk it-tkeċċija jew id-deportazzjoni jkunu ġew ordnati minħabba dħul irregolari fit-territorju nazzjonali skont l‑Artikolu 13(2)(a) u (c), minħabba nuqqas ta’ talba għal permess ta’ residenza, jew minħabba nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-preżenza tiegħu fit-territorju tal-Istat fit-terminu previst fin-nuqqas ta’ kawża ta’ forza maġġuri, jew għal revoka jew annullament tal-permess. Il-piena applikabbli hija piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa sena jekk it-tkeċċija tkun ġiet ordnata għaliex il-permess ta’ residenza jkun skada għal iktar minn sittin jum u li ma jkunx intalab it-tiġdid tiegħu jew li t-talba għal permess ta’ residenza tkun ġiet irrifjutata, jew jekk il-barrani jkun irrisjeda fit‑territorju tal-Istat bi ksur tal-Artikolu 1(3) tal-liġi Nru 68 tat-28 ta’ Mejju 2007. Fi kwalunkwe każ, sakemm il-barrani ma jkunx jinsab detenut il-ħabs, għandha tiġi adottata miżura ġdida ta’ espulsjoni u għandu jiġi deportat bl-għajnuna tal-forza pubblika, għal ksur tal-ordni ta’ ripatrijazzjoni mogħtija mill-Questore skont l-Artikolu 5(a). Jekk ma jkunx possibbli li jiġi deportat, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 5(a) ta’ dan l-artikolu, minflok, skont il-każ, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3).

5(c) Il-barrani destinatarju ta’ miżura ta’ tkeċċija bħal dik prevista fil-paragrafu 5 (b) u ta’ ordni ġdida ta’ tkeċċija bħal dik prevista fil-paragrafu 5(a), li jibqa’ illegalment fit-territorju tal-Istat, huwa kkundannat għal piena ta’ ħames snin priġunerija. Id-dispożizzjonijiet previsti fit-tielet u r-raba’ sentenzi tal-paragrafru 5(b), huma kollha ipoteżi applikabbli.

5(d) F’dak li jikkonċerna l-ksur imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 5(b), u fil-paragrafu 5(c), il-proċedura għandha ssir b’rito direttissimo [proċedura semplifikata] u l-awtur tal-fatti għandu obbligatorjament jiġi arrestat […]”

 Kunsiderazzjonijiet

20.      Qed nifhem iż-żewġ domandi, li jaqbel li jiġu kkunsidrati flimkien, fis-sens li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, li jirregolaw id-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari għall-finijiet ta’ tkeċċija, jipprekludux dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza minn barrani b’residenza irregolari tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li tordnalu jitlaq mit-territorju tal-Istat f’terminu stabbilit jikkostitwixxi reat b’piena ta’ priġunerija li tmur sa erba’ snin.

21.      Sabiex ir-risposta tiegħi għad-domandi magħmula tkun utli u li tista’ tintuża, indipendentement mill-fatt jekk persuna bħal H. El Dridi, jiġifieri, persuna akkużata b’reat li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li tordnalha li titlaq mit-territorju tal-Istat f’terminu fiss, ġiet jew ma ġietx arrestata jew miżmuma matul il-proċeduri kriminali kif ukoll indipendentement mill-fatt jekk tali persuna tkun jew ma tkunx finalment ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija, inqis li jaqbel li jiġu analizzati mhux biss l‑Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, iżda wkoll l-Artikolu 8(1) ta’ din id‑direttiva, kif ukoll il-proċedura ta’ ritorn prevista mill-imsemmija direttiva bħala tali.

22.      Madankollu jaqbel li jiġi ppreċiżat l-ewwel nett jekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, l-imsemmija direttiva tapplikax f’sitwazzjoni bħal dik li jinsab fiha H. El Dridi, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ barrani b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa suġġett ta’ proċeduri kriminali minħabba li ma obdiex l-ordni tal-awtorità pubblika li jitlaq mit-territorju tal-Istat f’terminu previst.

23.      L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115 joffri lill-Istati Membri l‑possibbiltà li jiddeċiedu li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal sanzjoni kriminali li tipprovdi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, jew li huma suġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

24.      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l‑esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2008/115 tista’ tapplika biss sa fejn l-obbligu ta’ ritorn ta’ barrani huwa impost bħala sanzjoni kriminali jew tikkostitwixxi l-konsegwenza ta’ tali sanzjoni.

25.      Anki jekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali (4), jidher f’dan il-każ li mill-Artikoli 13 u 14 tad-digriet leġiżlattiv Nru 286/1998 jirriżulta li l-obbligu ta’ tluq mit-territorju ta’ Stat Membru jew, sabiex tintuża t-terminoloġija tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu ta’ ritorn ma jikkostitwixxix sanzjoni kriminali jew konsegwenza ta’ tali sanzjoni. Kemm id-digriet ta’ tkeċċija tal-prefett kif ukoll l‑ordni ta’ ripatrijazzjoni tal-Questore jikkostitwixxu deċiżjonijiet amministrattivi adottati minħabba r-residenza irregolari tal-persuna kkonċernata, li ma humiex marbuta mal-kundanna kriminali tal-imsemmija persuna.

26.      Fil-fatt, il-proċeduri kriminali li H. El Dridi huwa attwalment suġġett għaliha u li tista’ twassal għal piena ta’ ħabs minn sena sa erba’ snin ma hijiex il‑kawża tal-obbligu ta’ ritorn, iżda, kuntrarjament, il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi obbligu.

27.      Fil-fehma tiegħi, minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id‑direttiva, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ u, konsegwentement, li s‑sitwazzjoni li jinsab fiha H. El Dridi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

28.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, l-Istat Membru li ma adottax id‑dispożizzjonijiet li jittrasponu direttiva (bħalma fil-fatt huwa l-każ tar-Repubblika Taljana f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2008/115) ma jistax jibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dritt li jirriżulta minn din id-direttiva, f’dan il‑każ id-dritt tal-Istat Membru li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-direttiva. Fl-ipoteżi kuntrarja, dan ikun ifisser li l-Istat Membru jista’ jibbenefika minn drittijiet li jirriżultaw mid-direttiva mingħajr ma jissodisfa l-obbligi tiegħu taħtha, b’mod partikolari l-obbligu li jiġu adottati d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-direttiva.

29.      Wara din il-konstatazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2008/115, li tipprova tiżgura l-ekwilibriju bejn minn naħa, id-dritt tal-Istat Membru li jikkontrolla d-dħul, ir-residenza u r-ripatrijazzjoni tal-barranin (5) u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-barranin u tad-dinjità tagħhom, nista’ nibda bl-analiżi tal-proċedura ta’ ritorn prevista mill-imsemmija direttiva.

30.      Id-Direttiva 2008/115 tiffavorixxi t-tluq volontarju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Huwa għalhekk li d‑deċiżjoni ta’ ritorn, jiġifieri, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115, deċiżjoni li tiddikjara irregolari r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u li timponi jew tistabbilixxi obbligu ta’ ritorn, għandha tipprevedi, bħala regola ġenerali, terminu xieraq għat-tluq volontarju.

31.      Wara li jiskadi l-imsemmi terminu mingħajr ma jkun ġie osservat l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri wara n-nuqqas ta’ osservanza minn barrani b’residenza irregolari tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li tkun ordnatlu li jitlaq mit-territorju tal-Istat f’terminu stabbilit, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jimponi lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż bħala l-aħħar soluzzjoni, miżuri restrittivi, sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn.

32.      Huwa minnu li d-Direttiva 2008/115 ma telenkax b’mod eżawrjenti l-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn. Madankollu, fid-dawl tal-individwalità (singolarità) ta’ kull waħda mill-proċeduri ta’ ritorn, dan lanqas huwa possibbli.

33.      Madankollu, f’konformità mal-volontà tagħha li tiggarantixxi l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-barranin u tad-dinjità tagħhom, id‑Direttiva 2008/115 ssemmi u tirregola fl-Artikoli 15 sa 18 tagħha, pjuttost fid-dettall, waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri d-detenzjoni għall-finijiet ta’ ripatrijazzjoni, peress li din tikkostitwixxi preġudizzju kunsiderevoli għad-dritt ta’ libertà ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

34.      Fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni tikkostitwixxi miżura restrittiva li tista’ tintuża biss sabiex tipprepara r-ritorn u/jew tipproċedi għar-ripatrijazzjoni sakemm ma jkunux jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħra suffiċjenti, iżda li huma inqas restrittivi.

35.      Għandu wkoll jitfakkar li l-formulazzjoni tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 tixhed li l-awturi tagħha riedu jiddistingwu bejn id-detenzjoni għall-finijiet ta’ ripatrijazzjoni u ċ-ċaħda tal-libertà individwali għall-finijiet tal-proċeduri kriminali, bħall-arrest, id-detenzjoni provviżorja jew il-priġunerija.

36.      Inqis li mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 15 u 16 tal-imsemmija direttiva, li huma inkondizzjonati u preċiżi biżżejjed, jirriżulta b’mod ċar l-ewwel nett, obbligu ta’ aġir li għandu l-Istat Membru sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn u, it-tieni nett, sabiex tintlaħaq l-effettività tal-ewwel obbligu, obbligu ta’ nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ natura li jikkompromettu l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għal dawn l-obbligi tal-Istati Membri jikkorrispondi dritt korrelatat taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi residenti irregolati fit-territorju tal-Istati Membri b’tali aġir tal-Istat.

37.      F’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ ritorn prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana, għandu jiġi nnotat li r-Repubblika Taljana stess ammettiet li, fl-24 ta’ Diċembru 2010, hija ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inklużi fid-Direttiva 2008/115. Is-suġġett tal-immigrazzjoni huwa rregolat mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, li jipprovdi għall-proċedura ta’ ritorn, jew, skont it‑terminoloġija tal-imsemmi digriet, il-proċedura ta’ espulsjoni amministrattiva, differenti minn dik prevista mid-Direttiva 2008/115 – l-ewwel nett digriet ta’ tkeċċija maħruġ mill-prefett, li huwa eżegwit mill-Questore permezz tad-deportazzjoni mill-forza pubblika, imbagħad, jekk tali eżekuzzjoni ma hijiex immedjatament possibbli, id-deċiżjoni ta’ detenzjoni tal-barrani u, finalment, jekk il-barrani ma jkunx jista’ jinżamm f’detenzjoni, l-ordni tal-Questore li jitlaq mit-territorju f’terminu ta’ ħamest ijiem. In-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija ordni hija kkunsidrata bħala reat b’piena ta’ priġunerija minn sena sa erba’ snin.

38.      Madankollu, iż-żewġ leġiżlazzjonijiet inkwistjoni għandhom punt komuni, jiġifieri kemm id-Direttiva 2008/115 kif ukoll id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdu l-possibbiltà li ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ma jobdix l-ordni tal-awtorità pubblika li jħalli t-territorju nazzjonali fit-terminu stabbilit. Minkejja dan, huma għandhom konsegwenzi differenti. Filwaqt li, fis-sistema prevista mid-Direttiva 2008/115, tali aġir jista’ jwassal, skont l-Artikolu 15(1) tagħha, għad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari bħala miżura neċessarja sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn fuq il-kundizzjoni li miżuri oħra suffiċjenti, iżda inqas restrittivi, ma jkunux jistgħu jiġu applikati effikaċament, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, tali aġir huwa kkunsidrat bħala reat b’piena ta’ priġunerija minn sena sa erba’ snin.

39.      Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-reat ikkostitwit min-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu fiss, b’piena ta’ priġunerija, jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura nazzjonali neċessarja għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, jew, kuntrarjament, bħala miżura ta’ natura li tikkomprometti l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

40.      F’dak li jikkonċerna l-piena ta’ priġunerija bħala miżura nazzjonali neċessarja sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn, l-ispjegazzjoni li tagħti r-Repubblika Taljana fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija utli. Skont ir-Repubblika Taljana, il-piena ta’ priġunerija tirrappreżenta sanzjoni imposta bħala piena f’każ ta’ ksur ta’ ordni tal-awtorità pubblika li tikkostitwixxi attakk gravi għall-ordni pubbliku u, konsegwentement, l-imsemmija piena ma hijiex miżura ta’ forza intiża sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn, iżda tikkostitwixxi reazzjoni repressiva tas-sistema legali, suġġetta għall-verifika tan-nuqqas ta’ motiv iġġustifikat, fil-konfronti ta’ ksur ta’ ordni tal-awtorità.

41.      F’dan ir-rigward, nista’ nikkonstata li naqbel kompletament ma’ din il‑karatterizzazzjoni tal-piena ta’ priġunerija inkwistjoni, minn fejn jirriżulta li l‑imsemmija piena ma tistax tiġi kkunsidrata la bħala miżura nazzjonali neċessarja għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, u, konsegwentement, lanqas bħala detenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva.

42.      Kuntrarjament, il-piena ta’ priġunerija prevista f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu fiss tfixkel oġġettivament, anki jekk temporanjament biss, l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ritorn. Ċertament din ma hijiex karatteristika tar-ritorn effettiv intiż mid-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-piena inkwistjoni ċċaħħad l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, mill-effettività tagħhom.

43.      Il-konstatazzjoni preċedenti hija valida mhux biss fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija prevista f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu fiss, iżda wkoll meta mqabbla mal-kriminalizzazzjoni stess tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali ordni.

44.      Reat bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tal-awtorità pubblika, huwa intiż sabiex jipproteġi kif ukoll isostni l‑awtoritajiet pubbliċi billi juża l-miżuri tad-dritt kriminali. Madankollu, jidher li l-awturi tad-Direttiva 2008/115 poġġew il-preokkupazzjoni ta’ politika ta’ ritorn effettiv fuq il-protezzjoni tal-awtorità pubblika billi jipprovdu f’tali sitwazzjoni, skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tkeċċija. Il-leġiżlazzjoni Taljana, kuntrarjament, tipprivileġġa l-protezzjoni tal-awtorità pubblika meta mqabbla ma’ politika ta’ ritorn effettiv, billi tipprovdi fl-istess sitwazzjoni piena ta’ priġunerija u, għalhekk, iċċaħħad l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 mill-effettività tiegħu.

45.      Għalhekk jaqbel li jiġi konkluż li d-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tagħha, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu stabbilit jikkostitwixxi reat b’piena ta’ priġunerija bejn sena u erba’ snin (6), peress li tali leġiżlazzjoni ċċaħħad l-artikoli msemmija fid-Direttiva 2008/115 mill-effettività tagħhom.

46.      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument li jgħid li l‑leġiżlazzjoni kriminali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u mhux taħt il‑kompetenza tal-Unjoni Ewropea (7).

47.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni jimponi limiti għal din il‑kompetenza (8). Din għandha tiġi eżerċitata mill-Istati Membri b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, inkluż l‑obbligu li jintlaħaq ir-riżultat previst mid-direttiva li jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Il-leġiżlazzjoni kriminali ma tistax tikkomprometti l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ, fl-opinjoni tiegħi, fir-relazzjoni bejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għar-reat li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu stabbilit b’piena ta’ ħabs sa erba’ snin u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, li jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż detenzjoni, għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn kif ukoll li jastjenu milli jieħdu miżuri ta’ natura li tikkomprometti l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

48.      Jaqbel li nerġa’ mmur lura fuq in-natura tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva. L‑obbligi imposti fuq l-Istati Membri mill-imsemmija dispożizzjonijiet, li kont iddeskrivejt fil-punt preċedenti ta’ dan it-teħid ta’ opinjoni, huma fformulati b’mod ċar u inkondizzjonat u ma jeħtieġu l-ebda miżura ta’ implementazzjoni partikolari. Għal dawn l-obbligi tal-Istati Membri jikkorrispondi dritt relatat tal-pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri. Skont il‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din hija waħda mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva li hija suxxettibbli li jkollha effett dirett li tawtorizza individwu li jinvokaha kontra l-Istat li jkun naqas milli jittrasponi d-direttiva fit-terminu stabbilit, sabiex ma tiġix applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet (9). F’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tagħti preċedenza lid-dispożizzjonijiet tad-direttiva fuq dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja (10).

49.      F’konformità ma’ dak li jippreċedi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari li d-Direttiva 2008/115 u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 15, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’terminu fiss jikkostitwixxi reat b’piena ta’ priġunerija minn sena sa erba’ snin.

 Konklużjoni

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mill-Corte d’appello di Trento:

“Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 15, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni tal-awtorità pubblika ta’ tluq mit-territorju nazzjonali f’teriminu fiss jikkostitwixxi reat b’piena ta’ priġunerija minn sena sa erba’ snin.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      ĠU L 348, p. 98.


3–      Awtorità għolja tal-pulizija lokali.


4–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I-289, punt 63), kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou u Amaltheia I Naftiki Etaireia (C‑128/10 u C‑129/10, Ġabra p. I‑0000, punt 40).


5–      Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tirrepeti regolarment li dan huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali stabbilit sew, ara, pereżempju, Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Moustaquim vs Il‑Belġju tat-18 ta’ Frar 1991, serje A Nru 193, paragrafu 43, kif ukoll Riad u Idiab vs Il‑Belġju tal-24 ta’ Jannar 2008, paragrafu 94.


6–      Ovvjament, dan ma jfissirx li, waqt il-proċedura ta’ ritorn, ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jiġi arrestat jew ikkundannat għat-twettiq ta’ reat ieħor previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.


7–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑440/05, Ġabra p. I‑9097, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8–      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 68).


9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 46), u tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi (C-203/10, Ġabra p. I‑0000, punt 64).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988, Moormann (190/87, Ġabra p. 4689, punt 23).