Language of document : ECLI:EU:C:2013:583

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Settembru 2013 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Protokoll Addizzjonali — Artikolu 41(1) — Klawżola ta’ ‘standstill’ — Obbligu ta’ pussess ta’ viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dritt ta’ ċittadin Tork li jidħol fi Stat Membru sabiex iżur lil membru tal-familja tiegħu u jibbenefika, potenzjalment, minn provvisti ta’ servizzi”

Fil-Kawża C‑221/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin‑Brandenburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Leyla Ecem Demirkan

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas (Relatur) u M. Berger, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, J.‑J. Kasel, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L. E. Demirkan, minn R. Gutmann, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u K. Hailbronner, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiades u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Monteiro, kif ukoll minn E. Finnegan u Z. Kupčová, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonaliˮ) u, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “libertà li jiġu pprovduti servizziˮ li jinsab f’din id-dispożizzjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L. E. Demirkan, ċittadina Torka u l-Bundesrepublik Deutschland dwar iċ-ċaħda mill-awtoritajiet ta’ din tal-aħħar tal-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ viża lil L. E. Demirkan sabiex tmur iżżur lit-tieni raġel ta’ ommha li jirrisjedi fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

4        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 13 tal-imsemmi Ftehim) u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 14 tal-istess Ftehim), bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u sussegwentment tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (ir-raba’ premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28 ta’ dan il-Ftehim).

5        Sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet ġie previst it-twaqqif progressiv ta’ unjoni doganali fi tliet fażijiet. L-assoċjazzjoni stabbilita mill-imsemmi Ftehim (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni KEE-Turquie”) tinkludi għalhekk fażi preparatorja sabiex tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim), fażi tranżitorja li matulha jiġu żgurati l-implementazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (l-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Partijiet Kontraenti (l-Artikolu 5 tal-istess Ftehim).

6        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll provviżorju, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmi tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma koperti mit-trattat li jistabbilixxi l-Komunità li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab ukoll fit-Titolu II tiegħu, jipprovdi li:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [45 KE], [46 KE] u [48 KE] sa [54 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet. Kull waħda miż-żewġ partijiet hija marbuta tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Protokoll Addizzjonali

10      Il-Protokoll Addizzjonali li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmi għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim.

11      Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, bit-titolu “Moviment ta’ persuni u servizzi” li l-Kapitolu I tiegħu jkopri lill-“Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II jirrigwarda d-“[d]ritt ta’ l-istabb[i]liment, tas-servizzi u tat-trasport”.

12      L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II tal-imsemmi Titolu II, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.

2.      Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim ta’ l-Assoċjazzjoni, jiddetermina t-tabella taż-żmien u r-regoli għall-abbolizzjoni progressiva mill-Partijiet Kontraenti, bejniethom, tar‑restrizzjonijiet rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà li jkunu pprovvduti servizzi.

Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, meta jiddetermina tabella taż-żmien bħal din u regoli għad-diversi klassijiet ta’ attività, jieħu akkont tal-miżuri korresspondenti diġa adott[at]i mill-Komunità f’dawn l-oqsma u wkoll iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali speċjali tat-Turkija. Prijorità għandha tingħata għall-attivitajiet li jagħmlu kontribuzzjoni partikolari għall-iżvilupp tal-produzzjoni u l-kummerċ.”

13      Fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tal-Protokoll Addizzjonali, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2000, tal-11 ta’ April 2000, dwar il-ftuħ ta’ negozjati sabiex titwettaq il-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-ftuħ reċiproku tas-swieq pubbliċi bejn il-Komunità u t-Turkija (ĠU L 138, p. 27). Madankollu, sa issa, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għadu ma wettaqx liberalizzazzjoni sostanzjali f’dan il-qasam.

14      L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab taħt it-Titolu IV tiegħu, bit-titolu “Dispożizzjonijiet Ġenerali u Finali”, huwa fformulat kif ġej:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001

15      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65) jipprovdi:

“Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista ta’ l-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.”

16      Ir-Repubblika tat-Turkija tinsab fil-lista tal-imsemmi Anness I. Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 539/2001 tfakkar li l-Artikolu 61 KE jiddetermina l-lista ta’ dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa “fost il-miżuri laterali li huma direttament marbuta mal-moviment ħieles ta’ persuni ġewwa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizja”.

 Id-dritt Ġermaniż

 L-Istat tad-dritt Ġermaniż fl-1 ta’ Jannar 1973

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirrżulta li fl-1 ta’ Jannar 1973, id-data li fiha l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ma kienx jobbliga liċ-ċittadini Torok li riedu jidħlu fit-territorju Ġermaniż bl-għan ta’ soġġorn intiż għal żjara ta’ natura familjali li jkunu fil-pussess ta’ viża.

18      Fuq il-bażi tal-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Liġi dwar il-barranin, (Verordnung zur Durchführung des Ausländergesetzes) tal-10 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1341) fil-verżjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 1971 (BGBl. 1971 I, p. 1743), moqri flimkien mal-Anness ta’ dan ir-Regolament ta’ Implementazzjoni, iċ-ċittadini Torok ma kellhomx bżonn jiksbu, qabel ma jidħlu fit-territorju Ġermaniż, permess ta’ residenza taħt il-forma ta’ viża ħlief meta kienu ser jeżerċitaw attività professjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

19      L-imsemmija ċittadini ma kinux suġġetti għal obbligu ġenerali ta’ viża ħlief meta daħal fis-seħħ il-ħdax-il regolament li emenda r-Regolament ta’ Impelmentazzjoni tal-Liġi dwar il-barranin, tal-1 ta’ Lulju 1980 (BGBl. 1980 I, p. 782).

 Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż rilevanti fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu taċ-ċittadini Torok bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jkunu fil-pussess ta’ viża sabiex jidħlu fil-Ġermanja joħroġ mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar is-soġġorn, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali [Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz – AufenthG), BGBl. 2004 I, p. 1950], iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-soġġorn tal-barraninˮ.

21      Taħt it-titolu “Rekwiżit ta’ permess ta’ residenzaˮ, l-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar is-soġġorn tal-barranin jipprovdi:

“Sabiex jidħlu fit-territorju tar-Repubblika Federali u jirrisjedu hemm, iċ-ċittadini barranin għandhom ikunu fil-pussess ta’ permess ta’ residenza, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jew minn dispożizzjoni regolatorja jew sakemm ma jkunx hemm dritt ta’ residenza taħt il-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] […]ˮ

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2007, L. E. Demirkan, ċittadina Torka mwielda fl-1993, ippreżentat applikazzjoni għal viża quddiem l-ambaxxata tal-Ġermanja f’Ankara (it-Turkija), sabiex tkun tista’ żżur lit-tieni raġel ta’ ommha, ċittadin Ġermaniż li jirrisjedi fil-Ġermanja. Wara li din l-applikazzjoni ġiet miċħuda hija ppreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (Tribunal Amministrattiv ta’ Berlin).

23      Quddiem din il-qorti, L. E. Demirkan talbet, prinċipalment, li jiġi kkonstatat li hija kellha d-dritt li tidħol fit-territorju Ġermaniż mingħajr viża. Sussidjarjament, hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha għal viża u li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-obbligu toħroġilha viża għal żjara.

24      Skont L. E. Demirkan, mill-klawżola ta’ “standstillˮ imsemmija fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jirriżulta li hija ma għandhiex bżonn viża għaż-żjara li għandha l-intenzjoni li tagħmel lit-tieni raġel ta’ ommha fil-Ġermanja. Peress li tali żjara lill-familja tinkludi dejjem l-aspett determinanti tal-benefiċċju minn servizzi, hija għandha dritt, bħala benefiċjarja ta’ servizzi, għall-ħruġ tal-viża turistika li hija applikat għaliha. Fil-fatt, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iċ-ċittadini Torok kienu eżenti, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ permess ta’ residenza sabiex jidħlu fit-territorju Ġermaniż meta ma kellhomx l-intenzjoni li jirrisjedu hemmhekk għal iktar minn tliet xhur u li jeżerċitaw attività ekonomika f’dan il-pajjiż.

25      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, il-Verwaltungsgericht Berlin ċaħdet l-imsemmi rikors billi qieset li L. E. Demirkan ma kienet tibbenefika minn ebda dritt li tidħol fit-territorju Ġermaniż mingħajr viża. B’mod partikolari, hija ma setgħetx tinvoka l-klawżola ta’ “standstillˮ li tinsab fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, peress li din il-klawżola ma tapplikax għal awtorizzazzjoni ta’ residenza mitluba bl-għan ta’ żjara ta’ natura familjari. Skont din il-qorti, il-klawżola ta’ “standstillˮ ma stabbilixxietx, għaċ-ċittadini Torok, libertà ta’ moviment ġenerali u indipendenti minn kwalunkwe attività ekonomika.

26      L. E. Demirkan appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (Tribunal Amministrattiv Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg).

27      L-imsemmija qorti tindika, fl-ewwel lok, li kemm skont id-dritt nazzjonali, jiġifieri l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar is-soġġorn tal-barranin, kif ukoll skont id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, l-Artikolu 1(1) u l-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001, L. E. Demirkan għandha l-obbligu li tkun fil-pussess ta’ viża sabiex tidħol fit-territorju Ġermaniż. Konsegwentement, jekk hija kellha tibbenefika minn dritt li tidħol fil-pajjiż mingħajr viża, dak kellu jkun biss bl-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

28      Il-qorti tar-rinviju tosserva, fit-tieni lok, li fl-1 ta’ Jannar 1973, id-data li fiha daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tar-Repubblika Federal tal-Ġermanja, soġġorn bl-għan ta’ żjara ta’ natura familjari, bħal dak li xtaqet tagħmel L. E. Demirkan, ma kienx suġġett għall-obbligu ta’ viża taħt id-dritt Ġermaniż. Madankollu, din il‑qorti tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Soysal et Savatli (C‑228/06, Ġabra p. I‑1031), ma tindikax jekk il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali testendix ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi msejħa “passivaˮ, jiġifieri l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi ta’ Stat li jżuru Stat ieħor sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk. Fil-Ġermanja, tali kwistjoni hija kontroversjali, kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll fid-duttrina. It-teżi li tgawdi l-maġġoranza fil-Ġermanja hija dik li l-klawżola ta’ “standstillˮ tkopri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kemm attiva kif ukoll passiva.

29      Fl-ipoteżi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jinkludi wkoll il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, għandha xorta tiġi eżaminata l-kwistjoni, skont il-qorti tar-rinviju, dwar jekk iċ-ċittadini Torok li jkunu jixtiequ jmorru l-Ġermanja sabiex iżuru lil xi qraba, fil-kuntest ta’ soġġorn ta’ mhux iktar minn tliet xhur, u li sempliċement jinvokaw il-possibbiltà li jiksbu servizzi hemmhekk, jistgħux jibbenefikaw mill-klawżola ta’ “standstillˮ.

30      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li sabiex tiddefendi interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp tal-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, parti mid-duttrina Ġermaniża tibbaża ruħha fuq il-punt 15 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, Ġabra p. I‑7637), li fiha din tal-aħħar iddeċidiet li l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri li, mingħajr ma jibbenefikaw minn xi libertà oħra ggarantita mid-dritt tal-Unjoni, imorru fi Stat Membru ieħor “fejn ikollhom l-intenzjoni jew ikun hemm il-possibbiltà li jibbenefikaw minn servizziˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal‑[Protokoll Addizzjonali] jinkludi wkoll il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi?

2)      Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, il-protezzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali testendi wkoll għal ċittadini Torok li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jixtiequ jidħlu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhux sabiex ikollhom aċċess għal servizz partikolari, iżda sabiex iżuru qraba fil-kuntest ta’ żjara ta’ mhux iktar minn tliet xhur, u li jinvokaw is-sempliċi possibbiltà li jibbenefikaw minn servizzi fil-Ġermanja?ˮ

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “libertà li jiġu pprovduti servizziˮ imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll il-libertà taċ-ċittadini Torok, destinatarji ta’ servizz, li jżuru Stat Membru sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li skont l-Artikolu 56 TFUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni huma pprojbiti fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

34      Fil-punt 10 tas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “libertà li jiġu pprovduti servizziˮ fis-sens tal-Artikolu 59 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 59 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 49 KE), li għalih jikkorrispondi attwalment l-Artikolu 56 TFUE. Hija ddeċidiet li, sabiex tiġi eżegwita l-provvista ta’ servizzi, il-fornitur tas-servizzi jista’ jmur fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit id-destinatarju tas-servizzi jew dan tal-aħħar jista’ jmur fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi. B’mod partikolari hija qieset li, filwaqt li l-ewwel każ kien espressament imsemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 60 tat-Trattat KEE (li sar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 60 tat-Trattat KE, li huwa stess sar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50 KE), li għalih jikkorripondi attwalment it-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE, li kien jaċċetta l-eżerċizzju, fuq bażi temporanja, tal-attività tal-fornitur tas-servizzi fl-Istat Membru fejn issir il-provvista, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li dan tal-aħħar jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu stess, it-tieni każ kien jikkostitwixxi l-kumpliment neċessarju, li jirrispondi għall-għan li tkun illiberata l-attività remuneratorja kollha u li ma hijiex koperta mill-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni u tal-kapita.

35      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mogħti mill-Artikolu 56 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri, u għalhekk liċ-ċittadini tal-Unjoni, jinkludi l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi li jżuru Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn servizz, mingħajr ma jkunu ostakolati minn restrizzjonijiet (sentenzi Luisi u Carbone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, Ġabra p. 195, punt 15; Bickel u Franz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C‑348/96, Ġabra p. I‑11, punt 16, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane, C‑215/03, Ġabra p. I‑1215, punt 37).

36      Għaldaqstant, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li, mingħajr ma jibbenefikaw minn xi libertà oħra ggarantita mit-Trattat FUE, imorru fi Stat Membru ieħor fejn ikollhom l-intenzjoni jew ikun hemm il-possibbiltà li jibbenefikaw minn servizzi, jaqgħu taħt l-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bickel u Franz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15). Skont din il-ġurisprudenza, it-turisti, il-benefiċjarji ta’ kura medika u dawk li jivvjaġġaw sabiex jistudjaw jew għall-finijiet ta’ negozju jitqiesu bħala destinatarji ta’ servizzi (sentenza Luisi u Carbone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

37      Għal dak li jikkonċerna l-istatus mogħti liċ-ċittadini Torok fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, jipprovdi b’mod ċar, preċiż u bla kundizzjoni, klawżola inekwivoka ta’ “standstillˮ, li tipprojbixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jintroduċu restizzjonijet ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali (ara, fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2000, Savas, C‑37/98, Ġabra p. I‑2927, punt 46).

38      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu effett dirett. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata miċ-ċittadini Torok, li għalihom tapplika, quddiem il-qrati tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Savas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punti 58 u 59; tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 46, kif ukoll Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

39      Għandu jiġi rrilevat li l-klawżola ta’ “standstillˮ tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-imsemmija libertajiet ekonomiċi fit-territorju ta’ Stat Membru għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Savas, punti 69 u 71, ir-raba’ inċiż; Abatay et, punti 66 u 117, it-tieni inċiż, kif ukoll Tum u Dari, punti 49 u 53).

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jista’ jiġi invokat minn impriża stabbilita fit-Turkija li tipprovdi servizzi fi Stat Membru b’mod legali u minn ċittadini Torok li huma xufiera tat-trakkijiet impjegati minn tali impriża (sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 u 106).

41      Mis-sentenza Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-klawżola ta’ “standstillˮ prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tipprekludi l-introduzzjoni, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll, tar-rekwiżit ta’ viża sabiex ċittadini Torok ikunu permessi jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru bl-għan li jipprovdu servizzi f’isem impriża stabbilita fit-Turkija, peress li qabel din id-data, tali viża ma kinitx meħtieġa.

42      Fil-kawża preżenti għandu jiġi eżaminat jekk il-klawżola ta’ “standstillˮ prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tapplikax ukoll għaċ-ċittadini Torok li, b’differenza mis-sitwazzjoni fl-oriġini tal-kawża li wasslet għas-sentenza Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, ma jipprovdux servizzi transkonfinali, iżda jixtiequ jżuru Stat Membru sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji aċċettati fil-kuntest tal-Artikoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu trasposti, sa fejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok sabiex jiġu eliminati bejn il-Partijiet Kontraenti r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tat-Trattat, dwar is-suq intern, ma tistax tiġi awtomatikament trasposta għall-interpretazzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stat Membru terz, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti mill-Ftehim innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records, 270/80, Ġabra p. 329, punti 14 sa 16; tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme, C‑351/08, Ġabra p. I‑10777, punt 29, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser, C‑70/09, Ġabra p. I‑7233, punt 42).

45      F’dan ir-rigward, l-użu tal-verb “jiġu ggwidatiˮ fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jobbligax lill-Partijiet Kontraenti japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bħala tali u lanqas dawk adottati għall-implementazzjoni tagħhom, iżda sempliċement sabiex iqisuhom bħala sors ta’ gwida għall-miżuri li jridu jiġu adottati sabiex jiġu implementati l-għanijiet stabbiliti minn dan il-Ftehim.

46      Kif huwa indikat fil-punt 13 tas-sentenza preżenti, ebda miżura li tikkostitwixxi progress sostanzjali lejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma ttieħdet mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Sal-lum, dan tal-aħħar sempliċement adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2000.

47      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, l-estensjoni tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattat għal dispożizzjoni, imfassla bi kliem paragunabbli, simili jew anki identiċi, li tinsab fi ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stat terz, tiddependi b’mod partikolari fuq l-għan ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tagħha stess. F’dan ir-rigward, il-paragun tal-għanijiet u tal-kuntest tal-ftehim, minn naħa, u dawk tat-Trattat, min-naħa l-oħra, għandhom importanza kunsiderevoli (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1993, Metalsa, C‑312/91, Ġabra p. I‑3751, punt 11; tas-27 ta’ Settembru 2001, Gloszczuk, C‑63/99, Ġabra p. I‑6369, punt 49, u tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 33).

48      Fir-rigward b’mod partikolari tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, mill-punt 62 tas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, Ġabra p. I‑12735) jirriżulta li sabiex jiġi deċiż jekk dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni tippermettix applikazzjoni b’analoġija fil-kuntest ta’ din l-Assoċjazzjoni, huwa importanti li jsir paragun bejn l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll il-kuntest li jinsab fih, minn naħa, u dawk tal-istrument inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li bejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni flimkien mal-Protokoll Addizzjonali tiegħu, minn naħa, u t-Trattat, min-naħa l-oħra, jeżistu xi differenzi partikolarment minħabba r-rabta eżistenti bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni. B’mod partikolari, hemm differenzi fundamentali bejn l-għan tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali kif ukoll il-kuntest li jinsab fih u dawk tal-Artikolu 56 TFUE, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għad-destinatarji ta’ servizzi.

50      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija għandha għan esklużivament ekonomiku (sentenza Ziebell, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Fil-fatt, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu huma intiżi essenzjalment sabiex jgħinu l-iżvilupp ekonomiku tat-Turkija (sentenza Savas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

51      Tali restrizzjoni tal-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-sempliċi aspetti ekonomiċi tidher diġà fit-test ta’ dan il-Ftehim. Din tista’ tiġi rrilevata fit-titoli tal-Kapitoli 1, 2 u 3 tat-Titolu II tiegħu, dwar l-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja, kapitoli li t-titoli tagħhom huma, ripsettivament, “Unjoni Doganaliˮ, “Agrikolturaˮ u “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomikaˮ. L-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jipprovdi li “[l]-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [45 KE], [46 KE] u [48 KE] sa [54 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jinsab, barra minn hekk, taħt il-Kapitolu 3 tat-Titolu II ta’ dan il-Ftehim, li t-titolu tiegħu msemmi iktar ’il fuq huwa espliċitu f’dan ir-rigward.

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li “jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax‑xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Torkˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Apparti dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddetermina r-ritmu u l-modalitajiet tal-eliminazzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għad-diversi kategoriji ta’ attivitajiet, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet analogi meħuda diġà mill-Unjoni f’dawn l-oqsma, kif ukoll tas-sitwazzjoni partikolari tat-Turkija fil-livell ekonomiku u soċjali.

53      L-iżvilupp tal-libertajiet ekonomiċi sabiex ikun hemm moviment liberu tal-persuni b’mod ġenerali, li jkun paragunabbli għal dak applikabbli, skont l-Artikolu 21 TFUE, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ma humiex l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, prinċipju ġenerali ta’ moviment liberu tal-persuni bejn it-Turkija u l-Unjoni ma huwa previst imkien f’dan il-Ftehim u fil-Protokoll Addizzjonali tiegħu, u lanqas mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, li tikkonċerna biss il-moviment liberu tal-ħaddiema. Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiggarantixxi t-tgawdija ta’ ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 66).

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-klawżola ta’ “standstillˮ imsemmija fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma hijiex, fiha nnifisha, tali li fuq is-sempliċi bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tagħti liċ-ċittadini Torok dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dritt ta’ residenza li jikkostitwixxi l-korollarju tiegħu, u lanqas dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Savas, punti 64 u 71, it-tielet inċiż; Abatay et, punt 62; Tum u Dari, punt 52, kif ukoll Soysal u Savatli, punt 47).

55      Konsegwentement, kemm jekk permezz tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa biss sa fejn hija tikkostitwixxi l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li l-klawżola ta’ “standstillˮ tista’ tikkonċerna l-kundizzjonijiet għad-dħul u għal residenza taċ-ċittadini Torok fit-territorju tal-Istati Membri.

56      Bil-kontra, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi tibbaża fuq l-għan li jiġi stabbilit suq intern, maħsub bħala żona mingħajr fruntieri interni, billi jiġu eliminati l-ostakoli kollha li jipprekludu l-istabbiliment ta’ suq bħal dan. Huwa eżattament tali għan li jiddistingwi t-Trattat mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li għandu għan essenzjalment ekonomiku, kif ġie kkonstatat fil-punt 50 tas-sentenza preżenti.

57      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fi-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Protokoll Addizzjonali tiegħu, minn naħa, kif ukoll dawk tat-Trattat, min-naħa l-oħra, tiddependi wkoll mill-kuntest ratione temporis li jinsabu fih dawn id-dispożizzjonijiet.

58      Dwar dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li klawżola ta’ “standstillˮ bħal dik prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, fiha nnifisha, ma toħloqx drittijiet. Għaldaqstant din hija dispożizzjoni li tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura restrittiva ġdida wara data speċifika.

59      F’dan ir-rigward, kif jenfasizzaw il-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kienet inizzjalment maħsuba bħala l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kien biss fl-1984, bis-sentenza Luisi u Carbone, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tat-Trattat, tinkludi l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi.

60      Għaldaqstant, ebda element ma jindika li l-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Protokoll Addizzjonali kienu ħasbu, waqt l-iffirmar tagħhom, li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha tinkludi l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi.

61      Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jagħtu, barra minn hekk, indikazzjonijiet fis-sens kuntrarju. Fil-fatt, diversi Stati Membri stabbilixxew obbligu ta’ viża għal soġġorni turistiċi taċ-ċittadini Torok wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, mingħajr ma qiesu li l-Artikolu 41(1) ta’ dan tal-aħħar kien jipprekludi dan. Ir-Repubblika tat-Turkija nnifisha, skont l-allegazzjonijiet mhux ikkontestati tal-Gvern Ġermaniż, għamlet l-istess ħaġa fir-rigward tar-Renju tal-Belġu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi billi rrivokat, fix-xahar ta’ Ottubru tal-1980, l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża, li kienet fis-seħħ fl-1973, għaċ-ċittadini Belġjani u Olandiżi li ma humiex ħaddiema.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minħabba d-differenzi li jeżistu bejn it-Trattati, minn naħa, u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll il-Protokoll Addizzjonali tiegħu, min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna kemm l-għan kif ukoll il-kuntest tagħhom, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 59 tat-Trattat KEE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Luisi u Carbone, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi estiża għall-klawżola ta’ “standstillˮ imsemmija fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “libertà li jiġu pprovduti servizziˮ imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix il-libertà taċ-ċittadini Torok, destinatarji ta’ servizzi, li jżuru Stat Membru sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk.

 Fuq it-tieni domanda

64      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li saret fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi tinkludix ukoll iż-żjarat lill-membri tal-familja u s-sempliċi fakultà li jiġu rċevuti servizzi.

65      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “libertà li jiġu pprovduti servizziˮ imsemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix il-libertà taċ-ċittadini Torok, destinatarji ta’ servizzi, li jżuru Stat Membru sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.