Language of document : ECLI:EU:C:2018:171

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2018 (1)

Kawża C246/17

Ibrahima Diallo

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza inkwantu membru tal-familja – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 10(1) – Terminu ta’ sitt xhur – Adozzjoni u notifika tad-deċiżjoni – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu – Interruzzjoni u sospensjoni tat-terminu”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-portata tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ibrahima Diallo, ċittadin Ginean u axxendent ta’ wild ta’ nazzjonalità Olandiża ddomiċiljat fil-Belġju, u l-Istat Belġjan dwar deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħroġ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea, b’ordni ta’ tluq mit-territorju.

3.        Din it-talba tistieden b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti kjarifiki importanti, minn naħa waħda, dwar it-terminu li fih id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu adottati u nnotifikati u dwar il-konsegwenzi eventwali li jirriżultaw mill-assenza ta’ adozzjoni jew ta’ notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni adottata skont din id-dispożizzjoni, it-terminu ta’ sitt xhur disponibbli għall-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-imsemmija dispożizzjoni huwiex interrott jew sospiż.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħti r-raġunijiet għaliex inqis li l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jseħħ fit-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni, li d-deċiżjonijiet adottati skont din id-dispożizzjoni għandhom jingħataw ukoll f’dan it-terminu filwaqt li n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni tista’ sseħħ wara dan it-terminu. Ser nindika wkoll ir-raġunijiet għaliex jidhirli li l-assenza ta’ adozzjoni jew ta’ notifika ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax ikollu bħala konsegwenza awtomatika l-ħruġ tal-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u, fl-aħħar nett, li l-annullament ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni għandu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ sitt xhur li l-amministrazzjoni għandha, u, għaldaqstant, li jibda jiddekorri mill-ġdid it-terminu ta’ sitt xhur.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

‘membru tal-familja’ tfisser:

[…]

d) il-qraba diretti dipendenti […];

[…]”

6.        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

7.        L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.”

8.        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”

9.        L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika ta’ deċiżjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

[…]

3.      In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika.”

B.      Id-dritt Belġjan

10.      Skont l-Artikolu 42(1) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) (3), tal-15 ta’ Diċembru 1980:

“Id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fir-Renju huwa rrikonoxxut mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni kif prevista fis-subparagrafu 2 tal-[paragrafu] 4 liċ-ċittadin tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tiegħu taħt il-kundizzjonijiet u għat-tul stabbiliti mir-Re, skont ir-regolamenti u d-direttivi Ewropej. Ir-rikonoxximent għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-fajl.”

11.      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(4), tal-arrêté royal sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (id-Digriet Irjali dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) (4), tat-8 ta’ Ottubru 1981:

“Jekk il-Ministru jew id-delegat tiegħu jirrikonoxxi d-dritt ta’ residenza jew jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fit-terminu previst fl-Artikolu 42 tal-liġi [tal-15 ta’ Diċembru 1980], il-Burgomastru jew id-delegat tiegħu għandu joħroġ lill-barrani ‘permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni’ skont il-mudell fl-Anness 9.”

II.    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      I. Diallo huwa ċittadin Ginean, missier ta’ wild ta’ nazzjonalità Olandiża ddomiċiljat fil-Belġju.

13.      F’din il-kwalità, huwa ppreżenta, fil-25 ta’ Novembru 2014, applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni f’dak l-Istat Membru.

14.      Fit-22 ta’ Mejju 2015, l-awtoritajiet Belġjani adottaw deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza u ordni ta’ tluq mit-territorju u nnotifikawlu din id-deċiżjoni fit-3 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri sitt xhur u disat ijiem wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

15.      Wara li I. Diallo ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), dan tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, annulla d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza bl-ordni ta’ tluq mit-territorju minħabba li kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

16.      Sussegwentement, l-awtoritajiet Belġjani adottaw, fid-9 ta’ Novembru 2015, deċiżjoni ġdida ta’ rifjut ta’ residenza bl-ordni ta’ tluq mit-territorju. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lil I. Diallo fis-26 ta’ Novembru 2015.

17.      Skont din id-deċiżjoni, I. Diallo ssodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mid-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fil-kwalità tiegħu bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, minħabba nuqqas ta’ provi ta’ riżorsi suffiċjenti u peress li ma weriex li l-wild tiegħu, ta’ nazzjonalità Olandiża, kien dipendenti fuqu jew li effettivament kellu l-kustodja tiegħu.

18.      Fil-11 ta’ Diċembru 2015, I. Diallo ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) li, permezz ta’ sentenza tas-23 ta’ Frar 2016, ċaħad dan ir-rikors.

19.      Fil-25 ta’ Marzu 2016, I. Diallo ppreżenta appell amministrattiv fuq punti ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

20.      Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandha tiġi nnotifikata lill-applikant f’terminu ta’ sitt xhur wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni u li d-dritt intern għandu jiġi interpretat skont dan ir-rekwiżit. Huwa jiddikjara wkoll li l-għoti ta’ terminu ġdid ta’ sitt xhur lill-awtorità nazzjonali kompetenti, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni, iċaħħad minn effett utli lill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

21.      L-awtoritajiet Belġjani jsostnu, min-naħa tagħhom, li peress li ma hemm ebda dispożizzjoni li timponi terminu għal notifika, l-awtorità kompetenti hija obbligata biss li tadotta deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza f’terminu ta’ sitt xhur. Huma jiddikjaraw ukoll li t-terminu li din l-awtorità għandha wara l-annullament ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali u li ma ntweriex li l-ftuħ ta’ terminu ġdid ta’ sitt xhur huwa irraġonevoli.

22.      Rigward il-qorti tar-rinviju, hija tenfasizza, l-ewwel nett, li peress li d-dritt nazzjonali ma jippreċiżax jekk id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza għandhiex tiġi adottata u nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur, hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

23.      Fit-tieni lok, hija għandha dubji fir-rigward tat-terminu li l-awtorità nazzjonali għandha wara l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza sabiex tadotta deċiżjoni ġdida u tippreċiża li għandu jiġi stabbilit jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix li din l-awtorità jerġa’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha t-terminu sħiħ ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

24.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi marbuta mal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li permess ta’ residenza tinħareġ awtomatikament minħabba li jkun skada t-terminu ta’ sitt xhur, anki jekk l-applikant ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li d-deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni tad-dritt ta’ residenza għandha tittieħed u tiġi nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur jew fis-sens li jippermetti li d-deċiżjoni tittieħed f’dan it-terminu iżda li tiġi nnotifikata sussegwentement? Fil-każ li d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi nnotifikata sussegwentement, f’liema terminu għandha ssir tali notifika?

2)      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE […], moqri flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu, mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja[(5)] u mal-Artikoli 7, 20, 21 u 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni [Ewropea], għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li d-deċiżjoni adottata fuq din il-bażi għandha biss tittieħed fit-terminu ta’ sitt xhur li huwa jipprevedi, mingħajr ma jeżisti l-ebda terminu għan-notifika tagħha, u lanqas l-ebda effett fuq id-dritt ta’ residenza fil-każ fejn in-notifika ssir wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu?

3)      Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ residenza tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li awtorità nazzjonali jkollha mill-ġdid għad-dispożizzjoni tagħha, wara l-annullament ta’ deċiżjoni dwar id-dritt iċċitat iktar ’il fuq, it-terminu kollu ta’ sitt xhur li hija kellha bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE […]? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema terminu jkun għad għandha l-awtorità nazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta r-rikonoxximent tad-dritt inkwistjoni?

4)      L-Artikoli 5, 10 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE […] moqrija flimkien mal-Artikoli 8 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[(6)], mal-Artikoli 7, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali […] u mal-Artikolu 21 [TFUE], huma kompatibbli ma’ ġurisprudenza u ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikoli 39/2(2), 40, 40a, 42 u 43 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 […] u l-Artikolu 52(4) tad-digriet irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 […] li jwasslu għal sitwazzjoni fejn sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mogħtija mill-Conseil du contentieux des étrangers, ikollha effett interruttiv u mhux sospensiv tat-terminu mandatorju ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE, mill-Artikolu 42 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u mill-Artikolu 52 tad-digriet irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981?

5)      Id-Direttiva 2004/38/KE […] tirrikjedi li tkun tirriżulta konsegwenza fil-każ li jinqabeż it-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10(1) tiegħu u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema għandha tkun tali konsegwenza? L-istess Direttiva 2004/38/KE tirrikjedi jew tippermetti li l-konsegwenza fil-każ li jinqabeż dan it-terminu tkun l-għoti awtomatiku tal-permezz ta’ residenza mitlub mingħajr ma jkun ġie kkonstatat jekk l-applikant jissodisfax effettivament il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mid-dritt ta’ residenza li jkun qed jitlob?”

III. Analiżi

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Prinċipalment, il-Gvern Belġjan jeċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari minħabba l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’hekk, I. Diallo ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u ma jistax jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, peress li ma huwiex “membru tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-fatti fil-kawża prinċipali lanqas ma jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/86, peress li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ I. Diallo hija bbażata biss fuq il-kwalità tiegħu bħala axxendent ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan isostni li I. Diallo ma jistax jiġi rikonoxxut dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

27.      Fil-fehma tiegħi hemm lok li dawn l-oġġezzjonijiet kollha jiġu miċħuda.

28.      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti eponima indikat ir-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li l-interpretazzjoni mitluba hija meħtieġa sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, ippreċiżat li din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ser ikollha effett dirett fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ I. Diallo.

29.      B’hekk, il-qorti tar-rinviju indikat, minn naħa, li, jekk jirriżulta mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-terminu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 jirrikjedi jew ma jipprekludix li l-iskadenza ta’ dan it-terminu jkollu bħala konsegwenza l-ħruġ awtomatiku tal-permess ta’ residenza mitluba, din għandha tinħareġ lil I. Diallo.

30.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

31.      Issa, fid-dawl tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni Belġjana u tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-effett tal-interpretazzjoni mitluba fuq is-sitwazzjoni ta’ I. Diallo hija inkontestabbli.

32.      Huwa paċifiku li I. Diallo ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-kwalità tiegħu bħala axxendent ta’ wild ta’ nazzjonalità Olandiża ddomiċiljat fil-Belġju, li d-deċiżjoni ta’ rifjut ġiet innotifikata lilu iktar minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u li, wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, it-tieni deċiżjoni ġiet adottata u ġiet innotifikata lilu.

33.      Huwa paċifiku wkoll li, skont id-dritt Belġjan, jekk ebda deċiżjoni ma tiġi adottata fit-terminu ta’ sitt xhur, permess ta’ residenza għandu jinħareġ awtomatikament lill-applikant.

34.      B’hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju biex tiddetermina jekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kellhomx joħorġu permess ta’ residenza lil I. Diallo peress li l-ewwel deċiżjoni ġiet innotifikata lilu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur u peress li, skont it-terminu li l-awtorità nazzjonali kompetenti kellha sabiex tadotta t-tieni deċiżjoni wara l-annullament tal-ewwel waħda, ma huwiex eskluż li din it-tieni deċiżjoni ġiet adottata wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

35.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Belġjan ma jistax isostni li s-sitwazzjoni ta’ I. Diallo ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

36.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li l-interpretazzjoni mitluba taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

B.      Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq l-ewwel, it-tieni u l-ħames domanda preliminari

37.      Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tal-ħames domanda, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhiex tiġi adottata u nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni.

38.      F’każ li dik id-deċiżjoni tista’ tiġi nnotifikata sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-terminu li fih għandha sseħħ in-notifika.

39.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza.

40.      Dawn id-domandi jqajmu, fil-fehma tiegħi, żewġ kwistjonijiet distinti, jiġifieri, minn naħa waħda, it-terminu li fih id-deċiżjoni meħuda wara applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE għandha tiġi adottata u nnotifikata u, min-naħa l-oħra, l-eventwali konsegwenza li tista’ tirriżulta meta jiskadi t-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

a)      Fuq it-termini ta’ adozzjoni u ta’ notifika tad-deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38

41.      Wara li nispjega n-natura imperattiva tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, ser nindika l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tan-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ ħruġ u ta’ rifjut tal-permess ta’ residenza.

42.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, huwa neċessarju li jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru huwa stabbilit bil-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

43.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, id-diċitura ta’ dan l-artikolu tirregola espressament biss is-sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tkun ġiet rikonoxxuta bħala fondata u għaldaqstant meta l-eżistenza tad-dritt għar-residenza jkun konsegwentement ġie kkonstatat u, min-naħa l-oħra, it-termini u l-forom tal-verbi użati jagħtu lil din id-dispożizzjoni natura inkontestabbilment imperattiva.

44.      Għaldaqstant jidhirli li kemm l-użu tal-preżent indikattiv kif ukoll l-użu tal-espressjoni “mhux aktar tard”, li tindika b’mod ċar li dan it-terminu jikkostitwixxi t-tul massimu għall-eżami tal-applikazzjoni (7), jiffavorixxu tali konklużjoni (8).

45.      Barra minn hekk, bl-użu tal-kunċett ta’ “ħruġ”, il-leġiżlatur wera b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jiffissa limitu temporali għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Billi jistabbilixxi li l-Istati Membri huma obbligati li joħorġu l-permess ta’ residenza lill-applikant “mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni”, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 jeżiġi li, f’dan it-terminu ta’ sitt xhur, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni, jadottaw deċiżjoni u, f’każ li jiġi kkonstatat id-dritt ta’ residenza tal-applikant, joħorġu permess ta’ residenza. Għalhekk, il-ħruġ ta’ dan dokument jikkonkretizza d-deċiżjoni pożittiva adottata qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara l-eżami tagħhom tal-applikazzjoni.

46.      Għalhekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, l-użu tal-kelma “ħruġ” u ta’ termini korrispondenti użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 2004/38 (9) jimplika mhux biss li d-deċiżjoni tiġi adottata fit-terminu ta’ sitt xhur, iżda wkoll li l-permess ta’ residenza jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-applikant f’dan it-terminu.

47.      Barra minn hekk, kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 tqajjem dubju dwar l-effettività tad-dritt ta’ residenza u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni peress li dan l-effett utli jseħħ bis-sħiħ biss meta l-applikant ikollu fil-pussess tiegħu dan il-permess.

48.      Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, il-pussess ta’ dokument ta’ natura permanenti iktar milli ċertifikat tranżitorju, maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, mingħajr dubju jiffaċilita l-eżerċitar ta’ kuljum tad-dritt ta’ residenza u n-natura temporanja taċ-ċertifikat ma tippermettix li jinkiseb benefiċċju mid-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, li jeżenta lill-membri tal-familja mill-obbligi ta’ viża.

49.      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta ġiet mistoqsija mhux dwar in-natura tat-terminu, iżda dwar il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-permess ta’ residenza, indikat li l-permess li jikkonstata d-dritt ta’ residenza kellu jiġi “pprovdut” fi żmien sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni (10).

50.      Minn dan jirriżulta għalhekk, fil-fehma tiegħi, li r-rikonoxximent tal-fondatezza tal-applikazzjoni u l-materjalizzazzjoni tagħha permezz ta’ permess għandhom iseħħu f’dan it-terminu, inkwantu dan ir-rikonoxximent uffiċjali jiftaħ id-dritt tal-benefiċjarju għal ċerti vantaġġi.

51.      Peress li l-kunċett ta’ “ħruġ” ikopri biss il-każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonstataw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza, tqum il-kwistjoni għalhekk dwar jekk, fir-rigward tas-silenzju tad-Direttiva 2004/38, il-fatt li d-deċiżjoni tkun negattiva u li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jiġi rrifjutat iwassalx għal modifika tat-tul jew tan-natura tat-terminu.

52.      Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ. It-terminu ma jistax jinbidel fin-natura tiegħu u jsir biss ta’ natura indikattiva f’każ fejn, bħal f’dan il-każ fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ I. Diallo, l-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw li joħorġu l-permess ta’ residenza.

53.      Fil-fatt, huwa ċar li l-ispirtu tad-Direttiva 2004/38 jeżiġi li s-sitwazzjoni tal-persuni li jinsabu fil-każ bħal ta’ I. Diallo tiġi eżaminata fl-iqsar żmien possibbli.

54.      Barra minn hekk, jekk, kif qed nipproponi, l-awtoritajiet għandhom joħorġu l-permess ta’ residenza fit-terminu ta’ sitt xhur u jadottaw deċiżjoni għal dan il-għan, l-eżami tal-applikazzjoni qabel din id-deċiżjoni bilfors irid isseħħ f’dan it-terminu. Għalhekk, jekk jitqies li t-terminu ta’ sitt xhur huwa wkoll imperattiv fil-każijiet ta’ rifjut tal-permess ta’ residenza, dan ma jimponi ebda obbligu addizzjonali f’termini ta’ ħeffa fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

55.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nara ebda raġuni għaliex deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza tista’ tiġi adottata wara t-terminu ta’ sitt xhur, jew anki tiġi ddifferita mingħajr waqfien.

56.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar in-notifika tad-deċiżjoni, jidhirli li, fuq livell proċedurali, sitwazzjonijiet li jagħtu lok għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għandhom jiġu distinti minn sitwazzjonijiet, bħal f’dan il-każ, ta’ rifjut ta’ dan il-permess.

57.      Jidhirli li meta jiġi stabbilit id-dritt ta’ residenza, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata u l-permess għandu jinħareġ f’terminu ta’ sitt xhur, għar-raġunijiet esposti fil-punti 44 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

58.      Min-naħa l-oħra, għalkemm in-natura imperattiva tat-terminu previst minn din id-dispożizzjoni teżiġi li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza tiġi adottata f’dan it-terminu, madankollu inqis li n-notifika ta’ deċiżjoni bħal din tista’ sseħħ wara dan it-terminu.

59.      Ċertament, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (11) u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (12), in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza hija obbligatorja (13).

60.      Madankollu, bħall-Gvern Belġjan, jidhirli li n-notifika hija fundamentalment differenti mill-eżami tal-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza, b’tali mod li t-terminu ta’ sitt xhur ma jikkonċernax in-notifika.

61.      Fil-fatt, in-notifika ma għandhiex effett fuq id-dritt ta’ residenza, iżda tikkundizzjona l-kontroll tad-deċiżjonijiet dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ dan id-dritt.

62.      Barra minn hekk, fir-rigward tas-silenzju tal-leġiżlatur dwar in-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza u tad-diversi kampijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2003/86 u 2004/38, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86, li jistabbilixxi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’terminu ta’ disa’ xhur wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, għandhom jinnotifikaw bil-miktub id-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rifjut, lill-persuna kkonċernata, ma huwa ta’ ebda għajnuna għall-interpretazzjoni tal-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali skont id-Direttiva 2004/38.

63.      Dan premess, fil-fehma tiegħi, in-notifika għandha ssir mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex preċiżament il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkontestaha fl-iqsar żmien possibbli.

64.      B’dan il-mod, l-interpretazzjoni li nipproponi ma tiksirx id-drittijiet tal-applikanti għal permess ta’ residenza.

65.      Għalhekk, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, għandu jinħareġ ċertifikat minnufih lill-applikant, li jibqa’ validu sakemm issir in-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-permess ta’ residenza u li jipproteġih temporanjament.

66.      Barra minn hekk, sa fejn it-terminu ta’ rikors kontenzjuż jibda jiddekorri biss mill-mument tan-notifika tad-deċiżjoni (14), u mhux fil-mument tal-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, in-notifika tad-deċiżjoni wara t-terminu ta’ sitt xhur ma tiksirx id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

b)      Fuq il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38

67.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38. B’mod partikolari, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din id-direttiva teħtieġx jew tippermettix li l-konsegwenza tal-iskadenza ta’ dan it-terminu tkun tikkonsisti fl-għoti awtomatiku tal-permess ta’ residenza mingħajr ma jkun ġie kkonstatat minn qabel li l-applikant kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minnu.

68.      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, peress li d-Direttiva 2004/38 bl-ebda mod ma tippreċiża l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, din id-domanda taqa’, bħala prinċipju, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (15).

69.      Madankollu, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2004/38, u tar-riperkussjonijiet tal-ħruġ awtomatiku tal-permess ta’ residenza, jien konvint li l-Artikolu 10(1) ta’ dan it-test ma jippermettix li tali konsegwenza tkun marbuta mal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur.

70.      Fl-ewwel lok, il-leġiżlazzjoni Belġjana tagħti lok għal sitwazzjonijiet li huma, fl-opinjoni tiegħi, kontra l-għan imfittex mid-Direttiva 2004/38.

71.      Fil-fatt, kemm id-diċitura kif ukoll l-ispirtu tad-Direttiva 2004/38 jassumu li r-risposta mogħtija għal applikazzjoni għal permess ta’ residenza tkun konformi mas-sitwazzjoni tal-applikant u tkun ibbażata fuq eżami fil-fond u individwali tas-sitwazzjoni tal-applikant (16).

72.      Issa, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ I. Diallo turi biċ-ċar ir-riżultati, tal-inqas mhux adattati, li l-leġiżlazzjoni Belġjana tista’ twassal għalihom.

73.      Għalhekk, in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza wara t-terminu ta’ sitt xhur hija mingħajr konsegwenza filwaqt li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ sitt xhur jagħti lok għall-ħruġ awtomatiku ta’ permess ta’ residenza indebitu li jistabbilixxi dritt li, fir-realtà, imur kontra d-deċiżjoni li ma kinitx ġiet innotifikata fil-ħin.

74.      Ċertament, hawnhekk ir-raġunament ittieħed sal-estrem tiegħu għall-finijiet ta’ spjegazzjoni. Madankollu, il-konsegwenzi ta’ dan ir-raġunament juru, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Belġjana jwasslu, f’kull każ, għal riżultat kuntrarju għall-għan imfittex mid-Direttiva 2004/38, li b’mod ċar huwa li t-tweġiba mogħtija għal applikazzjoni għal permess ta’ residenza tikkorrispondi mas-sitwazzjoni tal-applikant.

75.      Fit-tieni lok, jidhirli li s-sistema ta’ ħruġ awtomatiku tal-permessi ta’ residenza hija sors ta’ inċertezza legali.

76.      Naqbel li r-rieda murija mill-Gvern Belġjan biex tiġi evitata ċ-ċaħda ta’ azzjoni amministrattiva hija ta’ min ifaħħarha u li l-leġiżlazzjoni Belġjana tippermetti lill-applikant li jara s-sitwazzjoni tiegħu ċċarata minkejja n-nuqqas ta’ azzjoni jew id-dewmien tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

77.      Madankollu, sa fejn il-permessi ta’ residenza maħruġa awtomatikament jistgħu jiġu rtirati sussegwentement, dawn tal-aħħar, fil-fatt, għandhom biss natura provviżorja. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Belġjana toħloq, għad-detenturi tal-imsemmija permessi, inċertezza legali kbira, jekk mhux sitwazzjonijiet inġusti, peress li bosta snin wara li jinħareġ il-permess ta’ residenza mingħajr eżami reali tas-sitwazzjoni tal-applikant, l-awtoritajiet Belġjani jistgħu jirtiraw il-permess għar-raġuni li d-detentur, minkejja li jkun in bona fede, qatt ma kien issodisfa l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali permess.

78.      Issa, kuntrarjament għaċ-ċertifikat provviżorju maħruġ lill-applikant sakemm tiġi adottata deċiżjoni, il-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni bl-ebda mod ma huwa ta’ natura provviżorja.

79.      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura awtomatika tal-ħruġ tal-permess, huwa paradossali li l-Gvern Belġjan jipprova jibbaża fuq id-dritt għall-iżball sabiex jiġġustifika l-possibbiltà ta’ irtirar ta’ dan il-permess.

80.      Fil-fatt, għalkemm huwa evidenti li l-amministrazzjoni ma tistax tiġi miċħuda l-possibbiltà li tikkoreġi żbalji, għandu jiġi kkonstatat li l-ħruġ awtomatiku tal-permessi ta’ residenza ma jirriżultax daqstant minn żball iżda minn nuqqas ta’ azzjoni jew minn dewmien tal-amministrazzjoni li ma tkunx adottat deċiżjoni fit-terminu stabbilit.

81.      Fit-tielet lok, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, iżda bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ tali ċittadin (17).

82.      Issa, il-leġiżlazzjoni Belġjana li, bħala konsegwenza tad-dewmien jew tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-amministrazzjoni, timponi l-ħruġ awtomatiku tal-permess mitlub, permezz tan-natura fir-realtà provviżorja li hija tagħti lil dan il-permess, li jista’ sussegwentement jiġi rtirat, tagħti lil dan id-dokument in-natura ta’ preżunzjoni konfutabbli tal-eżistenza ta’ dritt u mhux natura dikjaratorja ta’ dan id-dritt.

83.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jien konvint li l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax ikollha bħala konsegwenza l-ħruġ awtomatiku tal-permess ta’ residenza, jiġifieri l-konstatazzjoni awtomatika, u possibbilment żbaljata, tad-dritt tal-applikant.

84.      Fil-fatt, għalkemm din l-iskadenza ma tistax tibqa’ mingħajr konsegwenza, il-fatt jekk l-applikant jissodisfax jew le il-kundizzjonijiet sabiex jikseb il-permess ta’ residenza huwa indipendenti min-nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni, għaliex dawk iċ-ċirkustanzi b’ebda mod ma jbiddlu s-sitwazzjoni oġġettiva tal-applikant għal permess ta’ residenza u l-konstatazzjoni jekk jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet sabiex jingħata permess ta’ residenza.

85.      Madankollu, ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Istat Membru inkwistjoni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi tal-iskadenza tat-terminu imperattiv ta’ sitt xhur f’kull każ (18).

86.      Fil-fatt, kieku d-dewmien tal-Istat Membru fih innifsu kellu jwassal għal dannu partikolari, l-azzjoni għal kumpens ta’ dak id-dannu, tkun xi tkun in-natura tagħha, għandha twassal għal dritt għal kumpens lill-applikant għal permess ta’ residenza (19).

87.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, minn naħa waħda, jidhirli li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, għandha tiġi adottata fit-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni, iżda tista’ tiġi nnotifikata sussegwentement.

88.      Min-naħa l-oħra, jidhirli li din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza ta’ deċiżjoni fit-terminu ta’ sitt xhur, il-permess ta’ residenza jingħata awtomatikament, anki meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa.

2.      Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

89.      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tagħha, li nipproponi li jiġu kkunsidrati flimkien mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, it-totalità tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

90.      Għandu jiġi kkonstatat li, peress li d-Direttiva 2004/38 ma tirregolax il-kwistjoni tat-terminu li l-amministrazzjoni għandha sabiex tadotta deċiżjoni wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni, din taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (20).

91.      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa osservat. F’dan ir-rigward, ir-regola li tgħid li l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha t-terminu sħiħ, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, hija, kif speċifikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, regola ġurisprudenzjali u konsegwentement tapplika għall-proċeduri li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern.

92.      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, jeħtieġ li jiġi vverifikat li r-regoli proċedurali nazzjonali ma għandhomx jagħmluha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

93.      Nifhem sew il-pożizzjoni ta’ I. Diallo u l-portata tal-argument tiegħu. Fil-każ personali tiegħu, jekk l-amministrazzjoni tkun obbligata li tiddeċiedi u tinnotifika t-tieni deċiżjoni fil-ftit jiem li jifdal qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, dan ikun ifisser l-impożizzjoni ta’ kompitu kważi impossibbli fuq l-istess amministrazzjoni, li jkun ifisser, minħabba l-ħruġ awtomatiku tal-permess ta’ residenza f’każ ta’ skadenza tat-terminu, ċertezza għalih li jibbenefika minn permess ta’ residenza li huwa jista’ ma jkunx intitolat għalih.

94.      Naturalment, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva teżiġi li persuna, li l-applikazzjoni tagħha għal permess ta’ residenza tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni li sussegwentement tkun ġiet annullata, għandha d-dritt li tiġi adottata deċiżjoni ġdida (21) f’terminu li ma jaqbiżx it-terminu li l-amministrazzjoni kellha sabiex tadotta l-ewwel deċiżjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, terminu ta’ sitt xhur (22).

95.      Madankollu, in-natura retroattiva tal-annullament teżiġi li d-deċiżjoni annullata titqies bħala li qatt ma eżistiet, li l-amministrazzjoni ssib ruħha fl-istess sitwazzjoni bħal dik preċedenti u, għaldaqstant, li tibbenefika minn terminu ta’ sitt xhur. Għalhekk, kif jenfasizza ġustament il-Gvern Belġjan, l-annullament iwassal għall-obbligu li terġa’ tinbeda ab initio l-proċedura li issa hija meqjusa bħala li qatt ma eżistiet.

96.      Din il-pożizzjoni bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-protezzjoni meħtieġa tad-drittijiet tal-applikanti għal permess ta’ residenza.

97.      Fil-fatt, huwa ċar li wieħed ma jistax jirrestrinġi lill-amministrazzjoni b’termini tant qosra li fil-prattika jirrendu impossibbli kwalunkwe eżami serju, kontradittorju u diliġenti tal-applikazzjonijiet ippreżentati lilha, minkejja li, billi l-ewwel deċiżjoni kienet ġiet annullata, eżami bħal dan irriżulta meħtieġ.

98.      Barra minn hekk, jekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni matul il-proċedura leġiżlattiva, “it-terminu ta’ sitt xhur jidher li huwa iktar realistiku biex jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-verifiki meħtieġa u joħorġu l-permess ta’ residenza” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li dan it-terminu huwa ferm iktar meħtieġ meta l-ewwel deċiżjoni tkun ġiet annullata.

99.      Għaldaqstant, jekk jitqies, kif jipproponi r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom biss iż-żmien li jifdal mit-terminu ta’ sitt xhur sabiex jadottaw it-tieni deċiżjoni, dan imur, fil-fehma tiegħi, kontra d-dritt tal-applikanti għal permess ta’ residenza li l-applikazzjoni tagħhom tiġi eżaminata b’serjetà u b’diliġenza.

100. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni, li t-terminu l-ġdid għandu jiġi ddeterminat skont il-każ hija, fl-opinjoni tiegħi, darbtejn problematika.

101. Minn naħa waħda, peress li dan l-approċċ jiddependi mill-grad ta’ diliġenza tal-awtorità inkwistjoni kif ukoll mill-motiv għal annullament, dan bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi stabbilit faċilment it-terminu ġdid mogħti lill-awtorità nazzjonali kompetenti. Hemm ukoll ir-riskju li dan ikun sors ta’ tilwimiet ġodda u ta’ titwil tat-termini ta’ deċiżjoni u ta’ proċedura, inkwantu l-Kummissjoni tipproponi li l-awtorità nazzjonali għandha timmotiva t-terminu ġdid li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.

102. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kontenzjuż tal-massa, din il-pożizzjoni ma hijiex realistika u għandha wkoll bħala konsegwenza li ttawwal it-termini għal deċiżjoni.

103. Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa minnu li l-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, jista’ jkollu l-konsegwenza li jtawwal il-proċedura, l-applikant huwa protett temporanjament biċ-ċertifikat li jinħariġlu fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

104. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

IV.    Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat) kif ġej:

1)      Id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandha tiġi adottata fit-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni, iżda tista’ tiġi nnotifikata sussegwentement.

2)      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettix li l-konsegwenza tal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur tkun l-għoti awtomatiku tal-permess ta’ residenza mingħajr ma jkun ġie kkonstatat li l-applikant effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika mid-dritt ta’ residenza.

3)      Wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha għad-dispożizzjoni tagħha t-terminu sħiħ ta’ sitt xhur previst minn dik id-dispożizzjoni sabiex tadotta deċiżjoni ġdida.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.


3      Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”.


4      Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1981, p. 13740, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981”.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.


6      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


7      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Housieaux (C‑186/04, EU:C:2005:70, punt 23).


8      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi stabbilit b’mod parallel mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11), fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mis-sentenza tat-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja, (C‑157/03, EU:C:2005:225, punti 45 u 46), li dan it-terminu kien imperattiv. Barra minn hekk, il-punt 2.2.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38 [COM(2009) 313 finali] jindika mingħajr ambigwità li “[i]l-karta ta’ residenza trid tinħareġ fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni. L-iskadenza trid tkun interpretata fid-dawl tal-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE u l-perjodu massimu ta’ sitt xhur hu ġġustifikat biss fil-każ fejn l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tkun tinvoli kunsiderazzjonijiet ta’ natura ta’ politika pubblikau”.


9      Pereżempju, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ingliża u Taljana ta’ din id-direttiva jipprovdu, rispettivament, l-“expedición de un documento”, l-“issuing of a document” u r-“rilascio di un documento”.


10      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 42).


11      Ara l-Artikoli 15 u 30 ta’ din id-direttiva.


12      Fis-sens li l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju timplika li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni adottata kontriha sabiex tasserixxi u tiddefendi d-drittijiet tagħha, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011,Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53). Dwar l-importanza u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża CO Sociedad de Gestión y Participación et (C‑18/14, EU:C:2015:95, nota ta’ qiegħ il-paġna 40).


13      Għal kull buon fini, infakkar li n-notifika ma tistax tiddependi fuq applikazzjoni tal-persuna kkonċernata peress li, minn naħa waħda, tali interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/38 li jgħid li “jiġu avżati […] bi kwalunkwe deiċżjoni”, u, min-naħa l-oħra, ma huwiex loġiku li jkun meħtieġ minn persuna li hija titlob in-notifika ta’ deċiżjoni li ma tkunx taf biha. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjonijiet intiżi għan-notifika ta’ deċiżjoni u dawk intiżi għall-komunikazzjoni tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni. Fir-rigward ta’ din it-tieni ipoteżi, il-ġurisprudenza taċċetta li l-motivi jistgħu jiġu kkomunikati biss wara applikazzjoni f’dan is-sens, ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 41).


14      Ara l-Artikolu 30(3) in fine tad-Direttiva 2004/38.


15      F’sitwazzjoni relattivament simili, li fiha direttiva ma indikatx il-konsegwenzi marbuta mal-iskadenza ta’ terminu ta’ tweġiba impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, huma l-Istati Membri li kellhom jiddeterminaw l-effetti ta’ tali iskadenza tat-terminu u li, għalhekk, id-Direttiva ma imponietx l-adozzjoni ta’ deċiżjoni impliċita ta’ aċċettazzjoni, ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Merck, Sharp & Dohme (C‑245/03, EU:C:2005:41, punti 25 sa 34). B’mod iktar ġenerali, fuq il-kwistjoni tas-silenzju tal-amministrazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, ara C. Bonichot, C., “Le silence de l’administration communautaire: le silence est-il d’or en droit de l’Union?”, La Cour de justice de l’Union européenne sous la présidence de Vassilios Skouris(2003-2015), liber amicorum Vassilios Skouris Bruylant, Brussell, 2015, p. 117–129.


16      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punti 22 u 26). F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li l-applikant għal permess ta’ residenza għandu, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 52(2) tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981, jipprovdi fajl lill-amministrazzjoni li jkun jinkludi, minbarra l-prova tal-identità tiegħu, id-dokumenti li jippermettu li jiġi stabbilit b’mod validu li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ dan il-permess. Min-naħa l-oħra, ma hijiex in-natura possibbilment impliċita tad-deċiżjoni li hija, fil-fehma tiegħi, problematika, iżda l-fatt li mill-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana jirriżulta li l-permess ta’ residenza jinħareġ meta ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni u mingħajr ma jkun ġie kkonstatat li l-applikant effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefika mid-dritt ta’ residenza.


17      Ara s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 32), estiża permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 60) għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38.


18      F’dan ir-rigward, fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2014:2438), l-Avukat Ġenerali Kokott kienet qieset li l-iskadenza ta’ terminu stabbilit ma kinitx tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni u li l-iskadenza tat-terminu mill-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx hemm raġuni li tiġġustifika dik l-iskadenza, tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.


19      Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domanda preliminari, hawnhekk huma previsti biss il-konsegwenzi għall-applikant tal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur. Kieku l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ sitt xhur kellhom jinftiehmu mill-angolu tas-sanzjoni tal-Istat Membru, tali dewmien għalhekk jista’ jikkostitwixxi nuqqas fl-implementazzjoni tad-direttiva, ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑157/03, EU:C:2005:225).


20      F’kuntest differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li huwa l-kompitu tal-Istati Membri biex jiddeterminaw jekk l-iskadenza ta’ terminu previst f’direttiva tipprekludix li l-awtoritajiet kompetenti jadottaw deċiżjoni ġdida meta d-deċiżjoni preċedenti tkun ġiet annullata ġudizzjarjament u, min-naħa l-oħra, li tali possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata biss f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż it-terminu previst f’dak l-artikolu, ara s-sentenza tat-20 ta’ Jannar 2005, Glaxosmithkline (C‑296/03, EU:C:2005:42, punt 39).


21      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Glaxosmithkline (C‑296/03, EU:C:2005:42 punt 35).


22      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Glaxosmithkline, (C‑296/03, EU:C:2005:42, punt 37).


23      Proposta emendata ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ippreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE) (COM (2003) 199 final).