Language of document : ECLI:EU:C:2011:525

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Lulju 2011 (*)

“Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali – Direttiva 2003/4/KE – Artikolu 4 – Eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess – Talba għal aċċess li tinvolvi diversi interessi protetti bl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva”

Fil-Kawża C-71/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), b’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2010 fil-proċedura

Office of Communications

vs

Information Commissioner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għall-Information Commissioner, minn C. Lewis, barrister, inkarigat minn M. Thorogood, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn D. Beard, barrister,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Meyer‑Seitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u C. ten Dam, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Office of Communications u l-Information Commissioner dwar talba għal tagħrif li jirrigwarda l-post eżatt tal-istazzjonijiet bażi tat-telefon ċellulari fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 1 tad-Direttiva 2003/4 hija fformulata b’dan il-mod:

“L-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie[t] u, eventwalment, ambjent aħjar.”

4        Il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li:

“Huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi kull persuna naturali jew legali jkollha dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom mingħajr ma jkollhom għalfejn jiddikjaraw interess.”

5        Skont il-premessa 16 ta’ din id-direttiva:

“Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu pprovvduti lill-applikant fil-limitu taż-żmien stabbilit f’din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

7        L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.      -Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk:

a)      it-tagħrif mitlub ma jkunx għand l-awtorità pubblika li lilha tkun indirizata t-talba jew miżmum għaliha. F’dan il-każ, meta din l-awtorità pubblika tkun konxja illi t-tagħrif ikun għand awtorità pubblika oħra jew miżmum għaliha, għandha, malajr kemm jista’ jkun, tittrasferixxi t-talba lil din l-awtorità l-oħra u tgħarraf lill-applikant kif xieraq jew tgħarraf lill-applikant bl-awtrorità pubblika li hija jkollha fidi li huwa possibbli li tapplika lilha rigward it-tagħrif mitlub;

b)      it-talba tkun irraġjonevoli biċ-ċar;

(ċ)      it-talba tiġi fformolata f’manjiera ġenerali wisq, filwaqt li jitqies l-Artikolu 3(3);

d)      it-talba tirrigwarda materjal li jkun għadu qiegħed jiġi kkumpilat jew dokumenti jew informazzjoni mhux ikkompletati;

e)      it-talba tirrigwarda komunikazzjonijiet interni, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar.

Meta tiġi rrifjutata talba fuq il-bażi li tirrigwarda materjal fil-korsa tat-tkomplija, l-awtorità pubblika għandha tiddikjara l-isem ta' l-awtorità li tħejji l-materjal u ż-żmien stmat li jkun meħtieġ għat-tkomplija.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

a)      il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta bil-liġi;

b)      ir-relazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali;

ċ)      il-kors tal-ġus[t]izzja, l-abbiltà ta’ kull persuna li tirċievi proċess ġudizzjarju ġust jew l-abbiltà ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta' natura kriminali jew dixxiplinarja;

d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

e)      id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

f)      il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni personali u/jew l-inkartamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ persuna naturali meta din il-persuna ma tkunx tat il-kunsens sabiex jiġi żvelat it-tagħrif lill-pubbliku, meta din il-kunfidenzjalità hija pprovvduta bil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji;

g)      l-interessi jew il-protezzjoni ta' kull persuna li tkun forniet it-tagħrif mitlub fuq bażi volontarju mingħajr ma tiġi mqiegħda, jew kapaċi li tiġi mqiegħda, taħt obbligu legali li tagħmel dan, għajr jekk il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha għar-rilaxx tat-tagħrif interessat;

h)      il-protezzjoni ta’ l-ambjent li miegħu jkollu x’jaqsam dan it-tagħrif, bħalma hija l-lokazzjoni ta’ speċji rari.

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

F’dan il-kwadru, u bil-għan li jiġi applikat is-subparagrafu (f), l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jiġu mħarsa l-ħtiġiet tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottibru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi rigward il-proċessar ta’ l-informazzjoni personali u dwar il-moviment ħieles ta’ din l-informazzjoni sakemm jiġu mħarsa [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355].”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Fuq talba tad-Department of Health, twettqet perizja indipendenti fuq ir-riskji marbutin mat-telefon ċellulari. Ir-rapport tal-espert, intitolat “It-telefon ċellulari u s-saħħa”, indika li l-post tal-istazzjonijiet bażi u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-imsemmija stazzjonijiet jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

9        Sussegwentement, il-Gvern tar-Renju Unit waqqaf sit internet, imsejjaħ “Sitefinder”, operat sa mill-aħħar tas-sena 2003 mill-Office of Communications, sabiex jipprovdi t-tagħrif dwar il-post tal-istazzjonijiet bażi tat-telefoni ċellulari fir-Renju Unit. L-imsemmi sit internet huwa kompost minn tagħrif liberament ipprovdut mill-operaturi ta’ telefon ċellulari mid-databases tagħhom. Dan jippermetti lil kull individwi, billi jdaħħal kodiċi postali, isem tal-belt jew ta’ triq, li jfittex minn fuq mappa gradilja tagħrif dwar stazzjonijiet bażi li huma elenkati fiha.

10      Is-sit internet Sitefinder juri l-post approssimattiv ta’ kull stazzjoni bażi f’kull settur, iżda la juri l-post preċiż sal-eqreb metru tagħha u lanqas jekk din tinsabx f’xi triq, fuq ġewwa jew fuq nett ta’ xi struttura jew bini.

11      Fil-11 ta’ Jannar 2005, amministratur tat-tagħrif tal-Health Protection Scotland (aġenzija tal-ħarsien tas-saħħa fl-Iskozja), li hija dipartiment tan-National Health Service (servizz tas-saħħa nazzjonali), talab, lill-Office of Communications, il-koordinati ta’ kull stazzjoni bażi, apparentement għal skopijiet ta’ epidemjoloġija.

12      L-Office of Communications ċaħad kemm it-talba inizjali kif ukoll it-talba għal eżami mill-ġdid mressqa mill-amministratur tat-tagħrif, billi bbaża fuq żewġ raġunijiet għal rifjut. L-ewwel nett, l-Office of Communications sostna li l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif jikkawża dannu lis-sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/4, għaliex l-iżvelar tal-post ta’ dawn is-siti kienu jinkludu l-postijiet tas-siti użati sabiex jipprovdu n-netwerk radju tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza u għaldaqstant jista’ jibbenefika lill-kriminali. It-tieni nett, l-Office of Communications invoka l-impatt negattiv tal-iżvelar ta’ dawn li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali tal-operaturi ta’ telefon ċellulari li pprovdew it-tagħrif.

13      L-uffiċjal tal-Health Protection Scotland sussegwentement adixxa l-Information Commissioner. Dan tal-aħħar ordna lill-Office of Communications sabiex jiżvela t-tagħrif. Għal din ir-raġuni dan appella quddiem l-Information Tribunal.

14      L-Information Tribunal iddeċieda, għal dak li jikkonċerna l-ewwel raġuni għal rifjut, li l-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tista’ tkun affettwata jekk parti min-netwerk tat-telefon ċellulari ma jibqax jaħdem minħabba attivitajiet kriminali. Madankollu, huwa qies li, fid-dawl tal-kwantità ta’ tagħrif diġà aċċessibbli għall-pubbliku, l-impatt fuq is-sigurtà pubblika ma kienx sinjifikattiv u ma kienx jiżboq l-interess pubbliku għall-iżvelar tal-imsemmi tagħrif. L-interess pubbliku għall-iżvelar kien jirriżulta mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-esperti, mill-importanza ġenerali mogħtija lill-komunikazzjoni tat-tagħrif ambjentali, mill-importanza ambjentali ta’ din il-komunikazzjoni għall-pubbliku, kemm bħal individwi jew bħala membri tal-grupp ikkonċernat, u mit-tagħrif speċifiku għall-finijiet epidemjoloġija.

15      Għal dak li jikkonċerna t-tieni motiv, l-Information Tribunal irrikonoxxa li l-operaturi tat-telefon ċellulari jgawdu minn drittjiet li jirrigwardaw id-databases fir-rigward tat-tagħrif kollu pprovdut lill-Office of Communications, li abbażi tiegħu s-sit Sitefinder twaqqaf. Madankollu, dan it-tribunal qies li l-impatt negattiv fuq tali drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma setax jiżboq l-interess pubbliku fl-iżvelar ta’ din id-data.

16      Peress li l-ebda motiv ma jiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tat-tagħrif ambjentali mitlub mill-uffiċjal tal-Health Protection Scotland, l-Information Tribunal ordna l-iżvelar tiegħu.

17      Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), ikkonferma d-deċiżjoni tal-Information Tribunal u rrileva li kien jeżisti obbligu ġenerali ta’ żvelar. Skont il-High Court, id-derogi għal dan l-obbligu huma strettament limitati u l-kliem tad-Direttiva 2003/4 jissuġġerixxi li huma għandhom jiġu eżaminati “deroga b’deroga”, fatt li huwa wkoll konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

18      Madankollu, il-Court of Appeal, adita bl-appell, waslet għall-konklużjoni opposta. Fil-fehma tagħha, ir-riferimenti għal “deroga” għandhom jinftehmu bħala jirreferu għal “waħda jew diversi derogi” u l-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 kienu jikkorroboraw din il-konklużjoni.

19      Is-Supreme Court of the United Kingdom, li tiddeċiedi fl-appell fuq id-deċiżjonijiet mogħtija mill-imsemmija Court of Appeal, tqis li, sabiex tagħti risposta fil-kawża li hija adita biha, jeħtieġ li tkun taf l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva invokata fl-imsemmija kawża.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Taħt id-Direttiva 2003/4 [...], meta awtorità pubblika jkollha tagħrif dwar l-ambjent li l-iżvelar tiegħu jikkawża dannu lill-interessi differenti protetti minn iktar minn deroga waħda [f’dan il-każ, l-interess tas-sigurtà pubblika protett mill-Artikolu 4(2)(b), u l-interess tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali protett mill-Artikolu 4(2)(e)) iżda, li kieku dawn id-derogi kienu eżaminati separatament, dan id-dannu ma kienx ikun sinjifikattiv biżżejjed biex jisboq l-interess pubbliku għall-iżvelar, id-Direttiva timponi eżami supplimentari li jikkonsisti fl-eżerċizzju fejn l-interessi differenti protetti miż-żewġ derogi jingħaqdu u jitpoġġew flimkien sabiex jitwiżnu kontra l-interess pubbliku għall-iżvelar

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk awtorità pubblika, li jkollha tagħrif ambjentali jew li tali tagħrif ikun miżmum f’isimha, tistax, meta tibbilanċja l-interessi pubbliċi moqdija bl-iżvelar mal-interessi moqdija bir-rifjut ta’ żvelar, għall-finijiet li tiġi evalwata talba intiża sabiex dan it-tagħrif jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, jew jekk hija għandhiex tibbilanċja dawn l-interessi billi teżamina biss interess wieħed kull darba.

22      Hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-istruttura tad-Direttiva 2003/4 u, b’mod partikolari, mit-tieni subpararafu tal-Artikolu 4(2) tagħha, kif ukoll mill-premessa 16 tagħha, id-dritt għat-tagħrif ifisser li l-iżvelar għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu awtorizzati li jirrifjutaw talba għal tagħrif ambjentali biss f’ċerti każijiet speċifiċi u definiti b’mod ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom għaldaqstant jiġu intepretatati b’mod restrittiv, b’mod li jiġi bbilanċjat l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar u l-interess moqdi bir-rifjut ta’ żvelar.

23      Għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem introduttivi tal-imsemmi Artikolu 4(2), l-“Istati Membri jistgħu jipprovdu” derogi għar-regola ġenerali tal-iżvelar ta’ tagħrif lill-pubbliku. Fl-ipoteżi li l-Istat Membru jipprovdi tali derogi skont din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar ma tistabbilixxix metodu partikolari għall-eżaminazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li, skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 4(2), “[f’]kull każ partikolari, l interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut”. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmija sentenza għandha funzjoni indipendenti li hija separata mill-ewwel sentenza tal-istess subparagrafu. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-imsemmi tieni subparagrafu diġà tesprimi l-obbligu li jitwieżen kull wieħed mir-raġunijiet għal rifjut kontra l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar tat-tagħrif. Jekk id-determinazzjoni ta’ dan l-obbligu kien l-uniku għan tal-imsemmija sentenza, din tal-aħħar tkun biss repetizzjoni żejda u superfluwa fis-sens tal-ewwel sentenza tal-istess subparagrafu.

25      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, meta jiġu bbilanċjati l-interessi involuti, diversi interessi distinti jistgħu jimilitaw, b’mod kumulattiv, favur l-iżvelar.

26      Fil-fatt, il-premessa 1 tad-Direttiva 2003/4 tindika d-diversi raġunjiet li jiġġustifikaw l-iżvelar, fosthom b’mod partikolari “konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie[t] u, [...] ambjent aħjar.”

27      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “interess pubbliku moqdi bl-iżvelar” fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva għandu jitqies bħala kunċett globali li jinkludi diversi raġunijiet li jiġġustifikaw l-iżvelar ta’ tagħrif ambjentali.

28      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), għandha l-għan li tibbilanċja ż-żewġ kunċetti globali, fatt li jippermetti lill-awtorità pubblika kompetenti li tevalwa b’mod kumulattiv ir-raġunijiet għal rifjut ta’ żvelar matul tali bbilanċjar.

29      L-analiżi preċedenti ma hijiex invalidata mill-enfasi magħmul, fl-imsemmija tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), fuq l-obbligu ta’ bbilanċjar tal-interessi involuti “[f’]kull każ partikolari’. Fil-fatt dan l-enfasi huwa intiż sabiex jenfasizza li dan l-ibbilanċjar għandu jsir mhux abbażi ta’ miżura ġenerali adottata, pereżempju, mil-leġiżlatur nazzjonali, iżda abbażi ta’ miżura effettiva speċifika għal kull sitwazzjoni ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għal tagħrif ambjentali mressqa abbażi ta-Direttiva 2003/4 ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, p. I‑13119, punti 55 sa 58).

30      Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmija interessi huma msemmija b’mod separat fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 ma jipprekludix il-kumulazzjoni ta’ dawn id-derogi għar-regola ġenerali ta’ żvelar peress li l-interessi moqdija bir-rifjut ta’ żvelar jistgħu xi drabi jikkoinċidu ma’ xulxin fl-istess sitwazzjoni jew fl-istess ċirkustanza.

31      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, peress li d-diversi interessi moqdija bir-rifjut ta’ żvelar jirrigwardaw, bħal fil-kawża prinċipali, ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikollu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, it-teħid inkunsiderazzjoni ta dawn l-interessi b’mod kumulattiv fil-kuntest tal-ibbilanċjar mal-interessi pubbliku moqdija bl-iżvelar ma huwiex ta’ natura li jintroduċi deroga oħra flimkien ma’ dawk enumerati f’din id-dispożizzjoni. Jekk tali bbilanċjar mal-interessi pubbliċi moqdija bl-iżvelar kellu jwassal li jiġi rrifjutat l-iżvelar, għandu jiġi aċċettat li din ir-restrizzjoni għall-aċċess għat-tagħrif mitlub hija proporzjonata u, għaldaqstant, iġġustifikata fir-rigward tal-interess globali li jinkorpora flimkien l-interessi moqdija bir-rifjut ta’ żvelar.

32      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità pubblika, li jkollha tagħrif ambjentali jew li tali tagħrif ikun miżmum f’isimha, tista’, meta tibbilanċja l-interessi pubbliċi moqdija bl-iżvelar mal-interessi moqdija bir-rifjut ta’ żvelar, għall-finijiet li tiġi evalwata talba intiża sabiex dan it-tagħrif jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunsill 90/313/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità pubblika, li jkollha tagħrif ambjentali jew li tali tagħrif ikun miżmum f’isimha, tista’, meta tibbilanċja l-interessi pubbliċi moqdija bl-iżvelar mal-interessi moqdija bir-rifjut ta’ żvelar, għall-finijiet li tiġi evalwata talba intiża sabiex dan it-tagħrif jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.