Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2017 mill-Bank Ċentrali Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) fl-24 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-247/16, Fursin u oħrajn vs il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża C-663/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: il-Bank Ċentrali Ewropew (rappreżentanti: E. Koupepidou u C. Hernández Saseta, Agents, B. Schneider, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV, Rikam Holding SA

Talbiet

tannulla d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali fih qieset li r-rikorrenti azzjonjisti kellhom interess ġuridiku u d-dritt li jadixxu lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata (punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat);

tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-mertu u tiddikjara bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrent azzjonisti;

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvoka tliet aggravji.

1.    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti azzjonisti (jiġifieri l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka, u mhux Trasta Komercbanka innifisha) ma kellhomx interess ġuridiku distint minn dak ta’ Trasta Komercbanka sabiex jippreżentaw rikors għal annullament.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq is-segwenti argumenti:

–    l-appellanti jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tirrikjedi li l-azzjonisti għandhom juru li għandhom interess distint sabiex jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni indirizzata lill-impriża li fiha huma jkollhom parti mill-kapital. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fid-digriet tat-12 ta’ Settembru 2017, li din il-ġurisprudenza ma kinitx tapplika għall-Kawża T-247/16;

–    ir-rikorrenti azzjonisti ma wrewx li huma għandhom interess ġuridiku distint minn dak ta’ Trasta Komercbanka: (b’differenza mid-deċiżjoni ta’ likwidazzjoni li tikkostitwixxi att distint,) id-deċiżjoni kkontestata ma affettwatx il-pożizzjoni legali tagħhom. Ma jistax jitqies li r-rikorrenti azzjonisti għandhom interess ġuridiku f’li Trasta Komercbanka jkollha liċenzja bankarja li huwa differenti mill-interess li għandha Trasta Komercbanka innifisha li jkollha tali linċenzja;

–    b’mod partikolari, l-interess li jintalab kumpens jew l-interess ekomiku tal-azzjonisti li jirċievu dividends ma għandhomx jitqiesu bħala interess legali distint.

2.    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-assenza ta’ locus standi tal-azzjonisti peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernhomx individwalment.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq is-segwenti argumenti:

–    ir-rikorrenti azzjonisti ma humiex ikkonċernati individwalment peress li d-deċiżjoni kkontestata ma taffetwahomx minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalihom;

–    id-deċiżjoni kkontestata ma poġġietx lir-rikorrenti azzjonisti f’sitwazzjoni legali differenti minn dik ta’ azzjonieti oħra u lanqas minn dik ta’ Trasta Komercbanka.

3.    It-tielet aggravju, huwa bbażat fuq l-assenza ta’ locus standi tal-azzjonisti peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernhomx direttament.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq is-segwenti argumenti:

–    ir-rikorrenti azzjonisti ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata safejn id-drittijiet tagħhom ma humiex affettwati sostazjalment fis-sens tal-ġurisprudenza;

–    sempliċi telf ekonomiku li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li jiġi konkluż li ġiet affettwata s-sitwazzjoni legali tagħhom (b’differenza minn dik ta’ Trasta Komercbanka),u dan irrispettivament mill-portata ta’ dawn l-effetti ekonomiċi.

____________