Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-1 ta’ Diċembru 2017 – Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry

(Kawża C-674/17)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry

Konvenuti: Suomen riistakeskus, Risto Mustonen, Kai Ruhanen

Domandi preliminari

Huwa possibbli li jingħataw, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats 1 , abbażi ta’ talbiet minn kaċċaturi individwali, derogi għal liċenzji restrittivi reġjonali għal kaċċa hekk imsejħa “għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni”?

–    Sabiex tiġi evalwata din id-domanda, huwa rilevanti li d-diskrezzjoni eżerċitata meta tingħata deċiżjoni dwar derogi għal liċenzji hija rregolata skont pjan ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni nazzjonali kif ukoll skont in-numru massimu ta’ annimali kkaċċjati stabbilit permezz ta’ regolament, li jipprovdi li derogi għal liċenzji jistgħu jingħataw kull sena fit-territorju tal-Istati Membri?

Għal din l-evalwazzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-għan ta’ prevenzjoni ta’ dannu lil klieb u ż-żieda ta’ sens ta’ sigurtà ġenerali?

Huwa possibbli li jiġi stabbilit l-għoti ta’ derogi għal liċenzji għall-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni fis-sens tal-ewwel domanda, peress li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats għall-prevenzjoni tal-kaċċa fil-proprjetà ta’ ħaddieħor?

–    Huwa possibbli f’dan il-każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mill-kontroll ta’ kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor?

–    L-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ dannu lil klieb u fiż-żieda ta’ sens ta’ sigurtà ġenerali huwa eventwalment rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra?

Kif għandu jiġi evalwat ir-rekwiżit stabbilit fil-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats li jikkonċerna l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjonijiet tal-ispeċi, meta jingħataw derogi għal liċenzji restrittivi reġjonali?

–    L-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi għandu jiġi evalwat kemm b’riferiment għas-sit partikolari kif ukoll għat-territorju kollu tal-Istat Membru jew b’riferiment għal firxa dejjem iktar wiesgħa tal-ispeċi kkonċernati?

–    Huwa possibbli li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats dwar l-għoti ta’ deroga għal liċenzja jiġu ssodisfatti, minkejja li l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ma jistax jitqies bħala favorevoli fis-sens tad-Direttiva Habitats abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa?

–    Jekk tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, f’liema sitwazzjoni jista’ dan jittieħed inkunsiderazzjoni?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 92/43/KE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15,Vol. 2, p. 102).