Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2014 minn HeidelbergCement AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-302/11, HeidelbergCement AG vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-247/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: HeidelbergCement AG (rappreżentanti: U. Denzel, C. von Köckritz, P. Pichler, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Marzu 2011, fil-Każ COMP/39520 - Siment u prodotti konnessi, C(2011) 2361 finali, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;

sussidjarjament, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi l-kawża skont il-punti ta’ dritt stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-302/11. Din is-sentenza ġiet innotifikata lill-appellanti fl-14 ta’ Marzu 2014. Fis-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Marzu 2011, fil-Każ COMP/39520 – Siment u prodotti konnessi, C(2011) 2361 finali.

L-appellanti ssostni, b’kollox, seba’ aggravji:

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod adegwat l-obbligu li tiġi indikata r-raġuni għat-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 1 u applikatu b’mod żbaljat. Hija ma analizzatx b’mod suffiċjenti l-kontenut tad-deċiżjoni tat-talba għal informazzjoni u injorat ir-rekwiżiti imposti fuq il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE seta’ jiġi limitat mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Minħabba f’hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-mertu tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-għażla li tittieħed deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma eżaminat b’mod adegwat l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-terminu stabbilit. Is-sentenza tagħha tipprovdi raġunijiet f’termini identiċi għal dawk użati sabiex tirrispondi għal ilment b’kontenut differenti, invokat fi proċedura parallela.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod adegwat in-“neċessità” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li kkunsidrat li ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tagħmel spjegazzjoni dettaljata bl-indizji “rilevanti” kollha. Barra minn hekk, hija imponiet rekwiżiti mhux ġustifikati dwar ir-rabta bejn suspett serju ta’ ksur u n-neċessità tal-informazzjoni mitluba. Hija interpretat ukoll b’mod żbaljat l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tivverifika n-natura xierqa tal-informazzjoni mitluba. Dan iwassal, barra minn hekk, sabiex id-dritt għal reviżjoni li jirriżulta mit-tielet sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2203 jiġi ppreġudikat.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 bħala bażi legali tat-talba tal-Kummissjoni ta’ preparazzjoni, ġbir u pproċessar ta’ informazzjoni li l-appellanti ma kellhiex fil-pussess tagħha.

Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq il-qosor tat-terminu għal risposta billi sempliċement irreferiet b’mod astratt għas-saħħa ekonomika tal-appellanti u b’hekk ibbażat ruħha fuq raġunijiet insuffiċjenti u inkoerenti.

Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-kriterju ta’ preċiżjoni tal-atti tal-Unjoni Ewropea billi kkunsidrat li d-deċiżjoni tat-talba għal informazzjoni kienet suffiċjentement preċiża, meta hija stess ikkonstatat li l-mistoqsijiet li kienu jinsabu fiha għamlu użu minn termini vagi. Barra minn hekk, hija ma ezaminatx l-ilmenti speċifiċi bbażati fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni u ppreġudikat id-dritt għal reviżjoni (ara t-tielet sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003).

Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali injorat id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti peress li qieset li din tal-aħħar kellha taċċetta l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni setgħet tuża fl-ambitu ta’ analiżi ekonomika intiża sabiex tipprova suspett ta’ ksur għad-dritt tal-akkordji tal-Unjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU 2003 L 1, p. 1.