Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-76/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. von Rintelen, P. Ondrůšek, M. Noll-Ehlers, Bevollmächtigte)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li l-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligi kollha tagħha skont id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE 1 peress li naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi necessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva, jew f’kull każ, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni;

tikkundanna lill-konvenuta, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 42 377 għal kull jum għall-ksur tal-obbligu tagħha li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni;

tikkundanna lill-kovenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 106(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, l-Istati Membri kienu obbligati jadottaw, sa mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016, il-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex id-dritt nazzjonali tagħhom ikun konformi mal-obbligi imposti minn din id-direttiva. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tittrasponi din id-direttiva jew sabiex tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawk id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qed titlob ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità mir-Repubblika tal-Awstrija ta’ EUR 42 377 għal kull jum. L-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ġie kkalkolat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur kif ukoll tal-effett dissważiv skont il-kapaċitajiet finanzjarji ta’ dak l-Istat Membru.

____________

1     ĠU 2014, L 94, p. 243.