Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-163/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Clotuche-Duvieusart u I. Martínez del Peral, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

tikkonstata li, billi ma tax lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni Ewropea l-eżenzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea mill-kontribuzzjonijiet stabbiliti permezz tal-Artikolu 26 tad-Digriet dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, kif ukoll permezz tal-Artikolu 20 tad-Digriet dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-gass fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, kif emendati, u billi oppona għar-rimbors tal-imsemmija kontribuzzjonijiet hekk miġbura mir-Reġjun, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-digrieti tad-19 ta’ Lulju 2001 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale u tal-1 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-gass fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, kif emendati, jipprevedu l-ġbir ta’ dazji mingħand il-fornituri tal-elettriku u tal-gass favur ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Dawn il-kontribuzzjonijiet reġjonali sussegwentement jiġu ffatturati lill-konsumaturi finali u għaldaqstant lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jiġi pprovdut l-elettriku jew il-gass skont il-qawwa mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-klijenti finali (għall-elettriku) jew il-kalibru tal-arloġġ tal-klijenti finali (għall-gass).

Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kontribuzzjonijiet reġjonali għandhom jiġu kklassifikati bħala taxxi indiretti miġbura mill-awtoritajiet Belġjani fuq xiri kbir magħmul mill-istituzzjonijiet għall-użu uffiċjali tagħhom u inklużi fil-prezz tal-elettriku u tal-gass iffatturat lilhom. Il-Kummissjoni tenfasizza li sabiex tiġi identifikata taxxa indiretta ma huwiex neċessarju li l-leġiżlazzjoni tkun esspressament tipprevedi obbligu ta’ riperkussjoni fuq il-klijent finali u li l-essenzjali huwa li din tkun taxxa miġbura fl-okkażjoni ta’ nefqa jew ta’ konsum. Konsegwentement, hija tqis li l-Istat Belġjan huwa marbut, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jirrimborsa dawn id-dazji indiretti jew dawn it-taxxi fuq il-bejgħ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.Il-Kummissjoni ssostni li dawn il-kontribuzzjonijiet reġjonali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala sempliċi remunerazzjonijiet ta’ servizz ta’ utilità ġenerali u li għaldaqstant huma ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni għall-eżenzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, dawn il-kontribuzzjonijiet huma intiżi sabiex jiffinanzjaw diversi missjonijiet ta’ servizz pubbliku u jiffinanzjaw b’mod parzjali diversi politiki adottati mill-awtoritajiet pubbliċi b’għan soċjali (tariffi soċjali, provvisti minimi ta’ elettriku lid-djar, per eżempju) jew ambjentali (promozzjoni tal-użu razzjonali tal-enerġija, per eżempju). Dan il-ħlas permezz ta’ dawn it-taxxi ma huwiex il-korrispettiv ta’

servizz ipprovdut b’mod speċifiku lill-istituzzjonijiet.