Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta' Mejju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) - Ir-Renju Unit) - SAS Institute Inc. vs World Programming Ltd

(Kawża C-406/10) 

(Proprjetà intellettwali - Directiva 91/250/KEE - Protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter - Artikoli 1(2) u 5(3) - Portata tal protezzjoni - Kreazzjoni diretta jew permezz ta' proċess ieħor - Programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur - Tkomplija ta' funzjonijiet mit-tieni programm mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tal-ewwel wieħed - Dekumpilazzjoni tal-object code tal-ewwel programm tal-kompjuter - Direttiva 2001/29/KE - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni - Artikolu 2(a) - Manwal ta' użu ta' programm tal-kompjuter - Riproduzzjoni fi programm ieħor tal-kompjuter - Ksur tad-drittijiet tal-awtur - Kundizzjoni - Espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tal-manwal ta' użu)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SAS Institute Inc.

Konvenuta: World Programming Ltd

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - High Court of Justice (Chancery Division) - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 5(3) tad Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta' Mejju 1991, dwar il protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114) - Portata tal protezzjoni - Kreazzjoni diretta jew permezz ta' proċess ieħor, bħad-dekumpilazzjoni tal-object code, ta' programm tal-kompjuter li jirriproduċi l-funzjonijiet ta' programm tal-kompjuter ieħor, diġà protett mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr aċċess għall-kodiċi sors ta' dan tal-aħħar

Dispożittiv

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta' Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-funzjonalità ta' programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta' programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta' programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta' espressjoni ta' dan il-programm u ma humiex, bħala tali, protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta' din id-direttiva.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta' programm tal-kompjuter tista', mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta' dan il-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta' bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja kif ukoll operazzjonijiet ta' loading u ta' tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba din ma tippreġudikax id-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm.

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, f'programm tal-kompjuter jew f'manwal ta' użu ta' dan il-programm, ta' ċerti elementi deskritti fil-manwal ta' użu ta' programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tista' tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk - u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju - din ir-riproduzzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta' użu tal-programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur .

____________

1 - ĠU C 346, 18.12.2010.