Language of document : ECLI:EU:C:2017:129

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

tas-16 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali indipendenti – Direttiva 86/653/KEE – Koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri – Liġi ta’ traspożizzjoni Belġjana – Kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali – Prinċipal stabbilit fil-Belġju u aġent stabbilit fit-Turkija – Klawżola ta’ għażla tad-dritt Belġjan – Liġi inapplikabbli – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija – Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑507/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van Koophandel te Gent (qorti kummerċjali ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Agro Foreign Trade & Agency Ltd

vs

Petersime NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Agro Foreign Trade & Agency Ltd, minn A. Hansebout u C. Vermeersch, avukati,

–        għal Petersime NV, minn V. Pede, S. Demuenynck u J. Vanherpe, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn E. De Gryse, avukat, kif ukoll minn E. de Duve, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Ronkes Agerbeek u M. Wilderspin kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177), kif ukoll tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Agro Foreign Trade & Agency Ldt (iktar ’il quddiem “Agro”), stabbilita fit-Turkija u Petersime NV, stabbilita fil-Belġju, dwar il-ħlas ta’ diversi indennizzi allegatament dovuti wara x-xoljiment, min-naħa ta’ Petersime, tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali konkluż bejniethom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 86/653

3        It-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva 86/653 jipprovdu li:

“[b]illi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

[b]illi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli”

4        L-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-aġent kummerċjali għandu dritt għal indennizz jew għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn tmiem ir-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal.

5        Skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat […] jew ikkumpensat għad-danni […]”

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

6        Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

7        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità, prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, fażi tranżitorja li matulha jiġu żgurati l-implementazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika, prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim, u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti, prevista fl-Artikolu 5 tal-istess ftehim.

8        Skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [51, 52, 54, 56 sa 61 TFUE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejniethom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-Protokoll Addizzjonali

9        Il-Protokoll Addizzjonali, anness mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad‑19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”) li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim.

10      Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, bit-titolu “Moviment ta’ persuni u servizzi” li l-Kapitolu II tiegħu jirrigwarda d-dritt tal-istabbiliment, tas-servizzi u tat-trasport.

11      L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II tal-imsemmi Titolu II, huwa fformulat kif ġej:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.”

 Id-dritt Belġjan

12      Il-wet betreffende de handelsagentuurovereenkomst (liġi dwar il-ftehim ta’ aġenzija kummerċjali), tat-13 ta’ April 1995 (Moniteur belge tat-2 ta’ Ġunju 1995, p. 15621, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1995”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 86/653 fid-dritt Belġjan.

13      L-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995 huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tat-trattati internazzjonali li kkonkluda l-Belġju, kwalunkwe attività ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju hija suġġetta għad-dritt Belġjan u taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Agro hija kumpannija rregolata mid-dritt Tork, stabbilita f’Ankara (it-Turkija) li topera fis-settur tal-importazzjoni u tad-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli. Petersime hija kumpannija rregolata bid-dritt Belġjan, stabbilita f’Olsene (il-Belġju), li teżerċita attivitajiet ta’ żvilupp, ta’ produzzjoni u ta’ provvista ta’ mfaqas u aċċessorji għas-suq tat-tjur.

15      Fl-1 ta’ Lulju 1992, Petersime kkonkludiet kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali mal-predeċessur ta’ Agro, li sussegwentement ġie ssosstitwit, permezz ta’ kuntratt iffirmat fl-1 ta’ Awwissu 1996, minn Agro nnifisha. Skont dan il-kuntratt, Petersime, bħala prinċipal, assenjat lil Argo, bħala aġent kummerċjali, id-drittijiet esklużivi tal-bejgħ tal-prodotti tagħha fit-Turkija. Il-kuntratt, li inizjalment kien konkluż għal perijodu ta’ sena, kien jipprevedi estensjoni awtomatika, kull sena, għal perijodu ta’ tnax‑il xahar oħra, sakemm ma jiġix xolt minn waħda mill-partijiet permezz ta’ preavviż ta’ tliet xhur qabel id-data ta’ skadeza tas-sena, innotifikat b’ittra rreġistrata. Barra minn hekk, l-imsemmi kuntratt kien jipprevedi li dan kien irregolat mid-dritt Belġjan u li l-qrati ta’ Gent (il-Belġju) biss kellhom ġurisdizzjoni f’każ ta’ tilwim.

16      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2013, Petersime nnotifikat lil Argo bix-xoljiment tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali b’effett mit‑30 ta’ Ġunju 2013. Fil-5 ta’ Marzu 2014, Argo bdiet azzjoni quddiem ir-rechtbank van Koophandel te Gent (qorti kummerċjali ta’ Gent, Belgique) sabiex Petersime tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ indennizz kumpensatorju għax-xoljiment tal-kuntratt u indennizz għat-tkeċċija kif ukoll il-pussess mill-ġdid tal-prodotti li kien fadal u l-ħlas ta’ pretensjonijiet pendenti.

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, insostenn tat-talbiet tagħha, Agro invokat il-protezzjoni prevista għall-aġent kummerċjali permezz tal-liġi tal-1995. F’dan ir-rigward, Agro ssosstni li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw f’dan il-każ, peress li l-partijiet għażlu, b’mod validu, id-dritt Belġjan bħala d-dritt applikabbli għall-kuntratt li huma kkonkludew. Min-naħa l-oħra, Petersime ssosstni li d-dritt ġenerali Belġjan japplika minħabba li l-liġi tal-1995 tapplika biss fil-każ li l-aġent kummerċjali jkun attiv fil-Belġju, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

18      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-partijiet għażlu b’mod espliċitu l-liġi applikabbli, f’dan il-każ il-liġi Belġjana. Madankollu, din il-qorti tqis li dan ma jimplikax l-applikazzjoni tal-liġi tal-1995, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi huwa limitat għall-aġenti kummerċjali prinċipalment stabbiliti fil-Belġju. Fil-fatt, l-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995, hekk kif interpretat fid-dritt Belġjan, iwassal għall-konklużjoni li din il-liġi hija ta’ natura awtorestrittiva, b’tali mod li titlef in-natura mandatorja tagħha jekk l-aġent kummerċjali ma għandux stabbiliment prinċipali fil-Belġju, indipendentement mill-fatt li l-partijiet eventwalment ħattru d-dritt Belġjan inġenerali bħala d-dritt applikabbli.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van Koophandel te Gent (qorti kummerċjali ta’ Gent) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Sa fejn il-liġi [tal-1995], li tittrasponi fid-dritt nazzjonali Belġjan id-Direttiva [86/653], tipprevedi li hija tapplika unikament għall-aġenti kummerċjali li jkollhom is-sede tagħhom fil-Belġju, filwaqt li hija ma tapplikax jekk prinċipal stabbilit fil-Belġju u aġent stabbilit fit-Turkija jkunu għażlu espressament id-dritt Belġjan bħala d-dritt applikabbli, din il-liġi Belġjana dwar l-aġenzija kummerċjali hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li l-għan espress tiegħu huwa l-adeżjoni tat-Turkija mal-Unjoni Ewropea jew mal-obbligi bejn it‑Turkija u l-Unjoni Ewropea li bejniethom jitneħħew ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiżvelaw diverġenza għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995 u l-applikazzjoni ta’ din il-liġi, li tittrasponi d-Direttiva 86/653, għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      Fil-fatt, il-partijiet fil-kawża prinċipali, l-istess bħall-qorti tar-rinviju, iqisu li, skont l-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995, kif interpretat fl-ordinament ġuridiku Belġjan, din il-liġi ma tapplikax għal kuntratt ta’ aġenzja kummerċjali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tiegħu l-prinċipal huwa stabbilit fil-Belġju u l-aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija fejn huwa jeżerċita l-attività li tirriżulta minn dan il-kuntratt, b’tali mod li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-aġent kummerċjali ma jistax jinvoka l-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija liġi fil-każ ta’ xoljiment tal-imsemmi kuntratt, minkejja li l-partjiet fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għażlu d-dritt Belġjan bħala d-dritt li jirregola dan il-kuntratt.

22      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Belġjan isostni li l-Artikolu 27 tal-liġi tal‑1995 ma għandux in-natura awtorestrittiva li l-qorti tar-rinviju ssostni li għandu, b’tali mod li din il-liġi tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha prinċipal stabbilit fil-Belġju u aġent kummerċjali stabbilit fit-Turkija għażlu espressament id-dritt Belġjan bħala d-dritt applikabbli.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou u Amaltheia I Naftiki Etaireia, C‑128/10 u C‑129/10, EU:C:2011:163, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Konsegwentement, wieħed għandu jitlaq mill-premessi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 86/653 u/jew il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li fil-kuntest tiegħu l-aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija, fejn huwa jeżerċita l-attivitajiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, u l-prinċipal huwa stabbilit fl-imsemmi Stat Membru, b’tali mod li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-aġent kummerċjali ma jistax jinvoka drittijiet li l‑imsemmija direttiva tiggarantixxi lill-aġenti kummerċjali wara tmiem tali kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

 Fuq id-Direttiva 86/653

26      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 86/653, għandu jiġi vverifikat jekk aġent kummerċjali li jeżerċita l-attivitajiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ agenzija kummerċjali fit-Turkija, li l-prinċipal tiegħu huwa stabbilit fi Stat Membru, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

27      Hemm lok li jiġi kkonstatat li tali każ la jissemma, b’mod espliċitu, fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653, u lanqas f’dispożizzjonijiet oħra tagħha. Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2014, Utopia, C‑40/14, EU:C:2014:2389, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tarmonizza d-dritt tal-Istati Membri għal dak li jikkonċerna r-rapporti ġuridiċi bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ ġenzija kummerċjali (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Hekk kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessi tad-Direttiva 86/653, il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minnha huma intiżi sabiex jipproteġu lill-aġenti kummerċjali fir-relazzjoni tagħhom mal-prinċipal tagħhom, sabiex jiġu eliminati r-restrizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent kummerċjali, sabiex il-kundizzjonjiet ta’ kompetizzjoni jkunu uniformi fi ħdan l-Unjoni, sabiex tiġi promossa u tiżdied is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, kif ukoll sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri billi jkun hemm approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentazzjoni kummerċjali. Għal dan il-għan, din id-direttiva tistabbilixxi, fost oħrajn, regoli li jirregolaw, fl-Artikoli 13 sa 20 tagħha, il-konklużjoni u t-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653 għandhom importanza determinanti, peress li huma jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies raġonevoli li jagħti lill-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-ħolqien tas-suq uniku, u peress li s-sistema stabbilita għal dan il-għan minn din id-direttiva għandha natura mandatorja (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punti 39 u 40).

31      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sistema prevista fl‑Artikoli 17 sa 19 tal-imsemmija direttiva għandha l-għan li tipproteġi, permezz tal-kategorija tal-aġenti kummerċjali, il-libertà ta’ stabbiliment u l-irwol ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern, b’tali mod li l-osservazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-Unjoni tidher, minħabba f’hekk, neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet tat-Trattat FUE (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 24).

32      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li huwa essenzjali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li prinċipal stabbilit fi Stat terz, li l-aġent kummerċjali tiegħu jeżerċita l-attività tiegħu fi ħdan l-Unjoni, ma jkunx jista’ jevadi l-imsemmija dispożizzjonijiet permezz ta’ sempliċi klawżola ta’ għażla tal-liġi. Il-funzjoni li għandhom id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jeżiġu, fil-fatt, li jiġu applikati meta s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib mal-Unjoni, b’mod partikolari meta l-aġent kummerċjali jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-liġi li l-partijiet kellhom l-intenzjoni jissuġġettaw il-kuntratt għaliha (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 25).

33      Madankollu, meta, bħas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, l-aġent kummerċjali jeżerċita l-attivitajiet tiegħu barra mill-Unjoni, il-fatt li l-prinċipal ikun stabbilit fi Stat Membru ma jippreżentax rabta suffiċjentement mill-qrib mal-Unjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/653, fid-dawl tal-għan imfittex minnha, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Fil-fatt ma huwiex neċessarju, sabiex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni jkunu uniformi bejn l-aġenti kummerċjali, li tingħata lill-aġenti kummerċjali li huma stabbiliti u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra mill-Unjoni protezzjoni paragunabbli għal dik mogħtija lill-aġenti li huma stabbiliti u/jew li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi ħdan l-Unjoni.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, aġent kummerċjali li jeżerċita l-attivitajiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fit-Turkija, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653, irrispettivament mill-fatt li l-prinċipal huwa stabbilit fi Stat Membru, u għaldaqstant ma għandux jibbenefika obbligatorjament mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-aġenti kummerċjali.

36      Konsegwentement, l-Istati Membri ma humiex obbligati jadottaw miżuri ta’ armonizzazzjoni, sempliċement taħt id-Direttiva 86/653, għal dak li jikkonċerna lill-aġenti kummerċjali li jinsabu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din id-direttiva ma tipprekludix, għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

37      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 86/653 fir-rigward ta’ aġent kummerċjali stabbilit fit‑Turkija, li l-prinċipal tiegħu huwa stabbilit fi Stat Membru, fid-dawl tal-obbligi tar-Repubblika tat-Turkija u tal-Unjoni sabiex jiġu eliminati bejniethom ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 għall-aġenti kummerċjali stabbiliti fit-Turkija tistax tirriżulta minn dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jikkonċernaw tali obbligi, jiġifieri l-Artikolu 14 tal-imsemmi ftehim u l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

38      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, huwa minnu li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għan tal-imsemmi ftehim jirriżulta li l-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-Artikoli 45 u 46 TFUE, kif ukoll fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandhom jiġu trasposti, sa fejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok sabiex jiġu eliminati, bejn il-partijiet kontraenti, ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tat-Trattat, dwar is-suq intern, ma tistax tiġi awtomatikament trasposta għall-interpretazzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stat terz, ħlief dispożizzjonijiet espressi għal dan il-għan previsti mill-ftehim stess (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-użu fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-verb “jiġu ggwidati” ma jobbligax lill-partijiet kontraenti japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bħala tali u lanqas dawk adottati għall-implementazzjoni tagħhom, iżda sempliċement sabiex iqisuhom bħala sors ta’ gwida għall-miżuri li jridu jiġu adottati sabiex jiġu implementati l-għanijiet stabbiliti minn dan il-ftehim (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 45).

41      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex jiġi deċiż jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippermettix applikazzjoni b’analoġija fil-kuntest ta’ din l-assoċjazzjoni, huwa importanti li jsir paragun bejn l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll il-kuntest li jinsab fih, minn naħa, u dawk tal-istrument inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 48)

42      Issa, għandu jitfakkar li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali huma intiżi essenzjalment sabiex jgħinu l-iżvilupp ekonomiku tat-Turkija u għandhom, għaldaqstant, għan esklużivament ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 50).

43      L-iżvilupp tal-libertajiet ekonomiċi sabiex ikun hemm moviment liberu tal-persuni b’mod ġenerali, li jkun paragunabbli għal dak applikabbli, skont l-Artikolu 21 TFUE, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ma huwiex l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, prinċipju ġenerali ta’ moviment liberu tal-persuni bejn it-Turkija u l-Unjoni ma huwa previst imkien minn dan il-ftehim u l-Protokoll Addizzjonali. Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiggarantixxi t-tgawdija ta’ ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 53).

44      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, permezz tas-sistema prevista mid-Direttiva 86/653 fir-rigward tal-aġenti kummerċjali, hija bbażata fuq l-għan li jiġi stabbilit suq intern maħsub bħala żona mingħajr fruntieri interni, billi jiġu eliminati l-ostakoli li jipprekludu l-istabbiliment ta’ tali suq.

45      Għaldaqstant, id-differenzi li jeżistu bejn it-Trattati u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għal dak li jikkonċerna l-għan tagħhom jipprekludu li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 86/653 fir-rigward tal-aġenti kummerċjali tista’ titqies li hija estiża għall-aġenti kummerċjali stabbiliti fit-Turkija, fil-kuntest tal-istemmi ftehim.

46      Il-fatt li r-Repubblika tat-Turkija ttrasponiet din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħha, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jbiddel xejn mill-konklużjoni preċedenti, peress li tali traspożizzjoni ma tirriżultax minn obbligu impost mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iżda mir-rieda ta’ dan l-Istat terz.

47      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, hija ġurisprudenza stabbilita li l-klawżoli ta’ “standstill” imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni u mehmuża mal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprojbixxu b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork ta’ libertà ekonomika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni jew tal-imsemmi protokoll fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 33).

48      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jikkonċerna biss liċ-ċittadini Torok li jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ stabbiliment jew li jipprovdu servizzi fi Stat Membru.

49      Konsegwentement, aġent kummerċjali stabbilit fit-Turkija, li ma jipprovdix servizzi fl-Istat Membru kkonċernat, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.

50      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-liġi tal-1995 tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lanqas ma jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 86/653 u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li fil-kuntest tiegħu l-aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija, fejn jeżerċita l-attivitajiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, u l-prinċipal huwa stabbilit fl-imsemmi Stat Membru, b’tali mod li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-aġent kummerċjali ma jistax jinvoka drittijiet li l-imsemmija direttiva tiggarantixxi lill-aġenti kummerċjali wara tmiem tali kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom u l-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li fil-kuntest tiegħu l-aġent kummerċjali huwa stabbilit fit-Turkija, fejn jeżerċita l-attivitajiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, u l-prinċipal huwa stabbilit fl-imsemmi Stat Membru, b’tali mod li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-aġent kummerċjali ma


jistax jinvoka drittijiet li l-imsemmija direttiva tiggarantixxi lill-aġenti kummerċjali wara tmiem tali kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.