Language of document : ECLI:EU:C:2012:718

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Novembru 2012 (*)

“Appell – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi meħuda fir-rigward ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire – Iffriżar ta’ fondi – Artikolu 296 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għar-rispett tal-proprjetà”

Fil-Kawża C‑417/11 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2011,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u B. Driessen, kif ukoll minn E. Dumitriu-Segnana, bħala aġenti,

appellant,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u É. Ranaivoson, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Nadiany Bamba, residenti f’Abidjan (Côte d’Ivoire), irrappreżentata, inizjalment, minn P. Haïk, u sussegwentement minn P. Maisonneuve, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Cujo u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ġunju 2011, Bamba vs Il-Kunsill (T-86/11, Ġabra p. II‑2749, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK, tal-14 ta’ Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (ĠU L 11, p. 36), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire (ĠU L 11, p. 1) (iktar ’il quddiem imsejħa id-“deċiżjoni kkontestata” u r-“regolament ikkontestat”, rispettivament kif ukoll, flimkien, l-“atti kkontestati”), sa fejn dawk iż-żewġ atti jikkonċernaw lil N. Bamba.

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2        N. Bamba hija ċittadina tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

3        Fil-15 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1572 (2004) li biha, b’mod partikolari, afferma li s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire kienet qiegħda tkompli tipperikola l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjuni u ddeċieda li jimponi ċerti miżuri restrittivi fil-konfront ta’ dan il-pajjiż.

4        L-Artikolu 14 tar-Riżoluzzjoni 1572 (2004) iwaqqaf kumitat (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-sanzjonijiet”) inkarigat, b’mod partikolari, li jinnomina l-persuni u l-entitajiet li għandhom jintlaqtu mill-miżuri restrittivi fil-qasam tat-trasferiment u tal-iffriżar ta’ fondi, ta’ beni finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi li timponi l-imsemmija riżoluzzjoni fil-punti 9 u 11 tagħha u li jżomm din il-lista aġġornata. N. Bamba qatt ma kienet ġiet identifikata mill-Kumitat tas-sanzjonijiet bħala li għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżuri.

5        Fit-13 ta’ Diċembru 2004, peress li kienet neċessarja azzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1572 (2004), il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Kosta ta’ l-Avorju (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 264).

6        Fit-12 ta’ Diċembru 2005, peress li kkunsidra li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implementati, fuq livell Komunitarju, l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/852, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire (ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 347).

7        Il-pożizzjoni Komuni 2004/852 ġiet estiża u emendata diversi drabi, qabel ma ġiet imħassra u ssotitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK, tad-29 ta’ Ottubru 2010, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (ĠU L 285, p. 28).

8        Fil-31 ta’ Ottubru u fit-28 ta’ Novembru 2010 inżammet elezzjoni sabiex jiġi nnominat il-president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

9        Fit-3 ta’ Diċembru 2010, ir-rappreżentant speċjali tas-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Côte d’Ivoire iċċertifika r-riżultat definittiv tat-tieni parti tal-elezzjoni presidenzjali kif ipproklamat mill-president tal-Kummissjoni elettorali indipendenti fit-2 ta’ Diċembru 2010, li biha kkonferma lil Alassane Ouattara bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali.

10      Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-elezzjoni presidenzjali tal-31 ta’ Ottubru u t-28 ta’ Novembru 2010 sabiex jerġa’ jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-Côte d'Ivoire u ddikjara li r-rieda li ntweriet b’mod sovran mill-poplu Ivorjan għandha tiġi rispettata b’mod obbligatorju. Huwa ħa nota wkoll tal-konklużjonijiet tar-rappreżentant speċjali tas-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Côte d’Ivoire fil-kuntest tal-mandat ta’ ċertifikazzjoni tiegħu u feraħ lil Ouatara talli ġie elett president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

11      Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew appella lill-mexxejja Ivorjani kollha, kemm ċivili kif ukoll dawk militari li għadhom ma għamlux dan, biex jissottomettu ruħhom għall-awtorità tal-President elett demokratikament, Outtara. Huwa kkonferma d-determinazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tieħu sanzjonijiet immirati fil-konfront ta’ dawk li kienu għadhom qegħdin jostakolaw ir-rispett tar-rieda espressa sovranament mill-poplu Ivorjan.

12      Sabiex jimponi miżuri restrittivi, fil-qasam tat-trasferimenti, fil-konfront ta’ ċerti persuni li, minkejja ma kinux imsemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kienu qed jostakolaw il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Côte d’Ivoire, b’mod partikolari dawk li jimminaċċaw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess elettorali, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/801/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK (ĠU L 341, p. 45). Il-lista ta’ dawn il-persuni tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656.

13      Fl-14 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata.

14      Il-premessi 2 sa 7 tal-imsemmija deċiżjoni jiddikjaraw:

“(2)      Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-elezzjoni presidenzjali tal-31 ta’ Ottubru u t-28 ta’ Novembru 2010 sabiex jerġa’ jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-Côte d'Ivoire u ddikjara li r-rieda li ntweriet b’mod sovran mill-poplu Ivorjan għandha tiġi rispettata b’mod obbligatorju.

(3)      Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew appella lill-mexxejja Ivorjani kollha, kemm ċivili kif ukoll dawk militari li għadhom ma għamlux dan, biex jissottomettu ruħhom għall-awtorità tal-President elett demokratikament, is-Sur Alassan Outtara.

(4)      Fit-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/801/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK biex jiġu imposti restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar fuq dawk li jostakolaw il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u b’mod partikolari dawk li qiegħdin jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali.

(5)      Fil-11 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/17/PESK li temenda d-Deċiżjoni [2010/656] biex jiġu inklużi aktar persuni mal-lista ta’ persuni soġġetti għal restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar.

(6)      Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali fuq dawk il-persuni.

(7)      Barra minn hekk, il-lista ta’ persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi li tidher fl-Anness II għad-Deċiżjoni [2010/656] għandha tiġi emendata u l-informazzjoni relatata ma’ ċerti persuni fuq il-lista għandha tiġi aġġornata.”.

15      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Id-Deċizjoni [2010/656] hija b’dan emendata kif ġej:

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‛Artikolu 5

1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn:

[...]

b)      persuni jew entitajiet imsemmija fl-Anness II, li mhumiex inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I u li jostakolaw il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari dawk li jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali, jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom,

għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

[...]’.

[...]

2)      L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 10

[...]

3.      Il-miżuri msemmija [...] fl-Artikolu 5(1)(b) għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar. Huma m’għandhomx jibqgħu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jekk il-Kunsill jistabbilixxi, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom m’għadhomx jiġu sodisfatti.”

16      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“L-Anness II għad-Deċiżjoni [...] [2010/656] hu sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

17      Fit-14 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat.

18      Il-premesssi 1 u 4 ta’ dan ir-Regolament jiddikjaraw:

“(1)      Id-Deċiżjoni [2010/656], kif emendata bid-[deċiżjoni kkontestata], tipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni li, filwaqt li mhumiex innominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, qed jostakolaw il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Côte d’Ivoire u b’mod partikolari dawk li qed jipperikolaw il-kisba ta’ riżultat xieraq fil-proċess elettorali, kif ukoll kontra persuni, entitajiet jew korpi legali li qegħdin fil-pussess ta’ jew li jiġu kkontrollati minn tali persuni u minn persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom.

[...]

(4)      Is-setgħa biex jiġu emendati l-listi fl-Annessi I u IA għar-Regolament [Nru 560/2005] għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali mis-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emenda u l-eżami tal-Annessi I u II għad-Deċiżjoni [2010/656].”

19      Skont l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat:

“Ir-Regolament [Nru 560/2005] huwa emendat kif ġej:

1)      L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 2

1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness IA, jew li huma proprjetà tagħhom, li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew legali, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness IA.

[...]

5.      L-Anness IA għandu jikkonsisti mill-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Deċiżjoni [2010/656], kif emendata.”

[...]’.

[...]

7)      għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 11a

[...]

2.      Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jemenda l-Anness IA kif meħtieġ.

3.      Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4.      Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp skont dawn.

[...]

6.      Il-lista fl-Anness IA għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u minn tal-inqas kull 12-il xahar.’

[...]

10)      It-test stabbilit fl-Anness I għandu jiddaħħal fir-Regolament [Nru 560/2005] bħala l-Anness IA.”

20      Permezz tal-atti kkontestati, il-Kunsill, għall-ewwel darba, inkluda l-isem ta’ N. Bamba ma’ dawk ta’ persuni oħra suġġetti għal miżuri restrittivi tal-iffriżar tal-fondi. Fil-punt 6 tat-Tabella A tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata, u fil-punt 6 tal-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-regolament ikkontestat, din l-inklużjoni kellha magħha l-indikazzjoni tal-motivazzjonijiet li ġejjin: “Direttriċi tal-Grupp Ċiklun, editriċi tal-Ġurnal ‘Le temps’: Tfixkil tal-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni permezz ta’ inċitament pubbliku għall-mibegħda u l-vjolenza u permezz tal-parteċipazzjoni f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010”.

21      Fit-18 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/656 u mir-Regolament Nru 560/2005 (ĠU 2011 C 14, p. 8). F’dan l-avviż, il-Kunsill fakkar li kien iddeċieda li l-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendat bid-Deċiżjoni kkontestata, u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-regolament ikkontestat, kellhom jiġu inklużi fil-listi tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti minn dawn l-atti. Huwa ġibed barra minn hekk l-attenzjoni ta’ dawn il‑persuni u ta’ dawn l-entitajiet għall-fatt li huwa possibbli li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat talba intiża li tinkiseb l-awtorizzazzjoni sabiex jintużaw il-fondi ffriżati sabiex iħallsu għal bżonnijiet essenzjali jew sabiex isiru ċerti pagamenti. Huwa ppreċiża, barra minn hekk, li dawn il-persuni u dawn l-entitajiet setgħu jibagħtulu talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li biha huma jkunu ġew inklużi fil-listi inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Kunsill fakkar il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu “quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet previsti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 [TFUE] u mir-raba’ u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 [TFUE]”.

 Il-proċedura quddiem l-ewwel istanza u s-sentenza appellata

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2011, N. Bamba ppreżentat rikors għal annullament dirett kontra l-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernawha.

23      Il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

24      Insostenn tar-rikors tagħha, N. Bamba invokat żewġ motivi.

25      L-ewwel wieħed minn dawk il-motivi, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, kien jinkludi tliet partijiet. It-tieni motiv kienet ibbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati ma kinux jipprovdu għall-komunikazzjoni ta’ motivazzjoni ddettaljata tal-inklużjoni ta’ N. Bamba fil-listi inkwistjkoni.

26      Fil-punti 38 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat din it-tieni parti. Wara li kkonstatat, fil-punti 41 u 42 tal-imsemmija sentenza, li kemm id-Deċiżjoni 2010/656 kif ukoll ir-Regolament Nru 560/2005 kienu jipprevedu li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għandhom jiġu kkomunikati bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-listi li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness IA tal-imsemmi regolament, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, f’dan il-każ, l-imsemmija raġunijiet kinux ġew ikkomunikati lil N. Bamba, b’tali mod li din tal-aħħar setgħet teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża u d-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja effettiva.

27      Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza rilevanti relatata mal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija ddeċidiet, fil-punti 49 sa 51 tal-imsemmija sentenza, li kemm ir-raġunijiet esposti fil-premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, li jagħmlu riferiment għall-gravità tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire u għall-minaċċa konkreta li din tal-aħħar kienet qed twassal għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll dawk esposti fil-punt 6 tat-Tabella A tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 kif ukoll fil-punt 6 tat-Tabella A tal-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005 fir-rigward ta’ N. Bamba, u msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, kienu jikkorrispondu għal “kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali”, u mhux għal “raġunijiet speċifiċi u konkreti li bihom [il-Kunsill kien iqis], fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li [Bamba kellha] tiġi suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni”.

28      B’mod partikolari, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat dan li ġej:

“[…] l-indikazzjoni li [Bamba] hija direttriċi tal-Grupp ċiklun, editriċi tal-Ġurnal ‘Le temps’, ma tikkostitwixxix ċirkustanza tali li tagħti motivazzjoni suffiċjenti u speċifika għall-atti kkontestati fil-konfront tagħha. Din l-indikazzjoni, fil-fatt, ma tippermettix li wieħed jifhem kif [Bamba] setgħet fixklet il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni permezz tal-inċitament pubbliku għall-mibegħda u għall-vjolenza, u pparteċipat f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010. Ma ġie b’hekk invokat l-ebda element konkret li jista’ jiġi imputat [lil-Bamba], u li jkun jista’ jiġġustifika l-miżuri inkwistjoni.”

29      Fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, l-ebda element ma kien jippermetti li jitqies li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti imputati lir-rikorrenti kienet ser tmur kontra kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, jew tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ N. Bamba sa fejn hija tista’ tikkawża dannu gravi għar-reputazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kunsill ma invoka l-ebda waħda minn dawn.

30      Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li N. Bamba ma ġiet ikkomunikata bl-ebda informazzjoni supplimentari wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati jew waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Matul il-proċedura bil-miktub, il-Kunsill illimita ruħu biex ifakkar li N. Bamba kienet ġiet inkluża fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi minħabba “r-responsabbiltà tagħha għall-kampanja ta’ informazzjoni żbaljata u ta’ inċitament għall-mibegħda u għall-vjolenza inter-Komunitarja fil-Côte d’Ivoire”, filwaqt li żied li hija kienet ‘waħda mill-kollaboraturi l-iktar importanti’ ta’ Laurent Gbagbo u li hija kienet it-‘tieni konjuġi’ tiegħu. Madankollu, matul is-seduta, il-Kunsill indika lill-Qorti Ġenerali li ma kinitx din l-aħħar kwalità li kienet iġġustifikat l-inklużjoni ta’ N. Bamba fl-imsemmija listi.

31      Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li l-fatt li N. Bamba ma kinitx, wara l-pubblikazzjoni tal-atti kkontestati jew tal-avviż tat-18 ta’ Jannar 2011, talbet lill-Kunsill jikkomunikalha r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għall-inklużjoni tagħha fil-lista inkwistjoni kien irrilevanti f’dan il-każ, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ fuq il-Kunsill u li dan tal-aħħar kellu jwettaq dan jew fil-mument li din l-inklużjoni tiġi deċiża, jew, almenu, kemm jista’ jkun malajr wara li kien għamel hekk.

32      Fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma kinitx ippermettiet lil N. Bamba li tikkontesta l-validità tagħhom quddiemha u lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dawn l-atti.

33      Fin-nuqqas tal-bżonn li teżamina l-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv u lanqas it-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, annullat l-imsemmija atti sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil N. Bamba.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

34      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell kif ukoll tiċħad ir-rikors bħala infondat; u

–        tikkundanna lil N. Bamba għall-ispejjeż sostnuti minnu fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

35      N. Bamba titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell bħala inammissibbli;

–        tiċħdu, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż skont l-Artikoli 69 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Ir-Repubblika Franċiża, li ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2012, talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kunsill.

 Fuq l-appell

37      L-appell huwa msejjes fuq żewġ aggravji. Il-Kunsill jinvoka, prinċipalment, aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-motivazzjoni inkluża fl-atti kkontestati ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 296 TFUE. Sussidjarjament, huwa jqajjem aggravju bbażat fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta injorat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-osservanza, f’dan il-każ, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-kuntest, magħruf sewwa ta’ N. Bamba, fl-adozzjoni tal-atti kkontestati.

 Fuq l-ammissibbiltà

38      N. Bamba ssostni li ż-żewġ aggravji huma inammissibbli peress li huma bbażati fuq agrumenti fattwali ġodda. Hija ssostni li, taħt il-pretest ta’ dawn iż-żewġ aggravji, ibbażati fuq żball ta’ liġi, l-appell odjern, fir-realtà, ġie “strumentalizzat” mill-Kunsill sabiex jgħaddi lil Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ fatt, ibbażati fuq artikoli tal-istampa, li ma preċedentement ma kinux ġew ippreżentati quddiemha u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, u li, għaldaqstant, qatt ma ġew issuġġettati għal diskussjoni kontradittorja quddiem din tal-aħħar.

39      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell ippreżentat quddiemha għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt.

40      Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza esklużiva, fil-kuntest ta’ tali proċedura, biex tevalwa jekk l-argumentazzjoni kontenuta fl-appell tidentifikax żball ta’ liġi li jivvizzja lis-sentenza kkontestata (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 35, kif ukoll dik tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I-10091, punt 47, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C-348/06 P, Ġabra p. I-833, punt 49).

41      Il-kwistjoni dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni tikkostitwixxi punt ta’ liġi li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C-188/96 P, Ġabra p. I-6561, punt 24, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 453).

42      F’dan il-każ, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-appell li, permezz taż-żewġ aggravji tiegħu, il-Kunsill jesponi, essenzjalment, l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-Artikolu 296 TFUE meta kkunsidrat bħala insuffiċjenti l-motivazzjoni inkluża fl-atti kkontestati fir-rigward tal-inklużjoni ta’ N. Bamba fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005.

43      Minn dan isegwi li l-aggravji huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

44      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, li huwa jinvoka prinċipalment, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, jsostni li, b’mod kuntrarju għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni inkluża fl-atti kkontestati hija suffiċjenti.

45      Minn naħa, huwa jiddikjara li l-premessi 2, 4, 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, jinkludu deskrizzjoni ddettaljata tas-sitwazzjoni, partikolarment gravi, fil-Côte d’Ivoire, li ġġustifikat il-miżuri meħuda fil-konfront tal-persuni msemmija fil-listi annessi ma’ dawn l-atti.

46      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie ddikjarat fil-punt 51 tas-sentenza appellata, l-indikazzjonijiet li jinsabu, sa fejn hija kkonċernata N. Bamba, fl-annessi tal-atti kkontestati ma jikkostitwixxux kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali, iżda jipprovdu raġunijiet speċifiċi u konkreti għall-inklużjoni tagħha fil-listi tal-persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi. Il-Kunsill jenfasizza li fil-fatt kien minħabba l-kwalità tagħha ta’ direttriċi tal-Grupp ċiklun, editriċi tal-ġurnal Le temps, implikat fl-inċitament pubbliku għall-mibegħda u l-vjolenza kif ukoll fil-kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-aħħar tas-sena 2010, li N. Bamba ġiet suġġetta għal tali miżuri. Hija żżid li r-rwol tal-ġurnal Le temps fl-avvenimenti ta’ qabel l-elezzjonijiet fil-Côte d’Ivoire huwa risaput pubblikament barra kif ukoll f’dan il-pajjiż.

47      Filwaqt li tenfasizza li l-Kunsill qatt ma kkomunikalha elementi ta’ motivazzjoni għall-adozzjoni tal-atti kkontestati minbarra dawk imsemmija fl-imsemmija atti u dawk inklużi f’artikolu tal-istampa prodott insostenn tar-risposta ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, N.Bamba ssostni li l-invokazzjoni tal-funzjoni tagħha ta’ direttriċi tal-grupp tal-istampa Ċiklun u tal-kuntest politiku tal-Côte d’Ivoire fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawk l-atti tirriżulta minn kunsiderazzjonijiet vagi, impreciżi u perentori, li ma jikkostitwixxux motivazzjoni suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħha fost il-persuni indirizzati b’miżuri restrittivi u li tikkontesta l-fondatezza tagħhom, u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Għaldaqstant din tal-aħħar ġustament iddeċidiet li kien hemm motivazzjoni insuffiċjenti.

48      N. Bamba żżid li l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tar-raġunijiet għall-inklużjoni f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi tista’ ssir biss fid-dawl tal-elementi magħżula mill-istituzzjoni kkonċernata fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Is-soluzzjoni kuntrarja, li tawtorizza motivazzjoni ex post li tikkonsisti, jew fil-kunsiderazzjoni ta’ raġunijiet li ma kinux jeżistu fid-data tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, jew fl-invokazzjoni ta’ elementi li kienu jeżistu qabel iżda li ġew prodotti biss wara dik l-adozzjoni, għandha tiġi skartata, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 145; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 462, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 148).

50      Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikoli 296 TFUE għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun jippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata, peress li l-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar importanti, għaliex din tikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

52      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri ta’ ffriżar tal-fondi għandu, kif ġie ġustament indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, jidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura.

53      Madankollu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 150, kif ukoll Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 139 u 140).

54      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punt 89, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-42/01, Ġabra p. I-6079, punti 69 u 70).

55      F’dan il-każ jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li fil-premessi 2 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fil-premessi 1 u 4 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jesponi l-kuntest ġenerali li wasslu sabiex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-miżuri restrittivi applikati fil-konfront tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire. Minn dan jirriżulta li dan il-kuntest ġenerali, li kien neċessarjament magħruf minn N. Bamba fid-dawl, b’mod partikolari, tal-pożizzjoni professjonali u personali tagħha, kien marbut mal-gravità tas-sitwazzjoni fl-imsemmi pajjiż u mal-minaċċa konkreta li din tal-aħħar kienet qed twassal għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali l-ostakoli fil-konfront tal-proċess tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, partikolarment dawk li kienu jipperikolaw ir-rispett lejn il-volontà espressa b’mod sovran mill-poplu Ivorjan, waqt l-elezzjoni tal-31 ta’ Ottubru u t-28 ta’ Novembru 2010, sabiex Ouattara jiġi maħtur bħala President.

56      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-motivi li abbażi tagħhom il-Kunsill ikkunsidra li N. Bamba kellha tkun suġġetta għal tali miżuri restrittivi, il-motivazzjoni, riprodotta fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li tinsab fil-punt 6 tat-Tabella A tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata, u fil-punt 6 tal-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-regolament ikkontestat, tidentifika l-elementi speċifiċi u konkreti, f’termini ta’ funzjoni eżerċitata professjonalment, tal-grupp ta’ pubblikazzjoni, tal-ġurnal u tat-tipi ta’ atti u ta’ kampanji tal-istampa msemmija, li jammontaw, għall-Kunsill, għal involviment tal-persuna kkonċernata fit-tfixkil tal-proċess tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni fil-Côte d’Ivoire.

57      B’mod kuntrarju għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, il-qari ta’ din il-motivazzjoni jippermetti li jiġi mifhum li l-Kunsill jislet ir-raġuni speċifika u konkreta li wasslitu sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ N. Bamba mill-allegata responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, abbażi tal-funzjoni allegata tagħha ta’ direttriċi tal-grupp ta’ pubblikazzjoni tal-ġurnal Le temps, għal atti ta’ inċitament pubbliku għall-mibegħda u għall-vjolenza kif ukoll għal kampanji ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010 li ġew realizzati minn dan il-ġurnal.

58      Kif sostna il-Kunsill, N. Bamba ma setgħetx raġonevolment tinjora li, permezz ta’ riferiment, fl-atti kkontestati, għall-funzjoni ta’ direttriċi tal-grupp ta’ pubblikazzjoni tal-ġurnal Le temps eżerċitata mill-persuna kkonċernata, din l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni li tenfasizza s-setgħa ta’ influwenza u r-responsabbiltà li huma preżunti li jirriżultaw minn tali funzjoni fir-rigward tal-linja editorjali ta’ dan il-ġurnal u l-kontenut tal-kampanji tal-istampa allegatament ġestiti minn din tal-aħħar matul il-kriżi ta’ wara l-elezzjoni Ivorjana.

59      Permezz tal-indikazzjonijiet tagħha, N. Bamba wkoll kienet f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod utli l-fondatezza tal-atti kkontestati. Fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar, hija kienet fil-libertà, fejn xieraq, li tikkontesta r-realtà tal-fatti msemmija fl-atti kkontestati, partikolarment, billi tiċħad il-kwalità tagħha ta’ direttiriċi tal-grupp ta’ pubblikazzjoni tal-ġurnal Le temps jew l-eżistenza ta’ tali kampanji jew billi tikkonfuta r-reponsabbiltà tagħha b’rabta ma’ dawn tal-aħħar, jew li tikkontesta r-rilevanza ta’ dawn il-fatti kollha jew ta’ parti minnhom jew tal-klassifikazzhoni tagħhom bħala ostakoli għall-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni fil-Côte d’Ivoire li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

60      Jeħtieġ, barra minn hekk, li jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità sostanzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-imġiba allegata, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifikazzjoni tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 26, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 88).

61      Għalhekk, f’dan il-każ, l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa intiż sabiex jiġi vverfikat jekk l-indikazzjonijiet pprovduti mill-Kunsill fl-atti kkontestati kinux suffiċjenti sabiex tinkiseb konoxxenza tal-elementi li wasslu lil dan tal-aħħar sabiex jimponi miżuri restrittivi fil-konfront ta’ N. Bamba, għandu jiġi separat mill-eżami dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni, li jkun jikkonsisti, fejn xieraq, fil-verifikazzjoni dwar jekk l-elementi invokati mill-Kunsill humiex stabbiliti u jekk humiex ta’ natura li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

62      Fir-rigward tal-argument ta’ N. Bamba li l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tiegħu ma jistgħux jingħataw motivazzjoni a posteriori, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li d-dokumentazzjoni ppreżentata mill-Kunsill, fl-Anness tal-appell tiegħu, ma għandhiex l-għan li tagħti motivazzjoni ex post lill-atti kkontestati, iżda li turi li, fid-dawl tal-kuntest li taqa’ fih l-adozzjoni ta’ dawk l-atti, il-motivazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet suffiċjenti.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 54 u 56 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma kinitx suffiċjenti sabiex tippermetti lil N. Bamba tikkontesta l-validità tagħhom u lilha stess li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħhom.

64      Konsegwentement, l-aggravju invokat prinċiplament mill-Kunsill huwa fondat u hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat l-aggravju ppreżentat sussidjarjament minn din tal-aħħar.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

65      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

66      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikors għall-annullament tal-atti kkontestati ppreżentat minn N. Bamba fl-ewwel istanza huwa fi stadju li jiġi deċiżi u li għaldaqstant jeħtieġ li jiġi deċiż b’mod definittiv.

67      F’dan ir-rikors, N. Bamba invokat żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difża u tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan jinkludi tliet partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq l-assenza ta’ proċedura li tippermetti li N. Bamba tinstema’ u li tkun tista’ titlob ulterjorment it-tneħħija tagħha mil-listi inkwistjoni, fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ motivazzjoni ddettaljata għall-inklużjoni tagħha f’dawn il-listi u fuq l-assenza ta’ notifika lill-persuna kkonċernata ta’ rimedji u ta’ termini għall-preżentata ta’ rikors kontra din l-inklużjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur manifest tad-dritt għall-proprjetà.

 Fuq l-ewwel motiv

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

68      N. Bamba tallega li r-regolament ikkontestat ma jipprevedi l-ebda proċedura li tippermettilha eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. L-imsemmi regolament fil-fatt ma jipprovdi la għad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata u lanqas għal proċedura li tippermettilha li titlob b’mod utli t-tneħħija tagħha mil-lista, annessa ma’ dan ir-regolament, tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

69      Fl-ewwel lok, N. Bamba ssostni li r-regolament ikkontestat ma jippreċiżax il-modalitajiet li abbażi tagħhom il-Kunsill għandu jasal sabiex iżomm jew jemenda d-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni ta’ persuna fil-lista ta’ dawk li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward hija tirrileva, minn naħa, li r-reviżjoni prevista fl-Artikolu 11a(4) tar-Regolament Nru 560/2005, li ġiet inserita f’dan tal-aħħar bir-regolament ikkontestat, ma hija akkumpanjata minn ebda rekwiżit ta’ motivazzjoni u ma hija limitata bl-ebda terminu, b’tali mod li l-Kunsill jista’ jillimta ruħu li jirrispondi fil-qosor għal talba għal tneħħija u anki li ma jirrispondix għaliha. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li l-eżami mill-ġdid perjodiku previst mill-Artikolu 11a(6) tar-Regolament Nru 560/2005 ma huwiex suġġett għall-obbligu tal-Kunsill li jikkomunika d-deċiżjoni l-ġdida tiegħu lill-persuni kkonċernati u li konsegwentement jistedinhom jippreżentaw osservazzjonijiet ġodda.

70      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 11a(4) tar-Regolament Nru 560/2005, inserit f’dan tal-aħħar bl-Artikolu 1(7) tar-regolament ikkontestat, jipprevedi li l-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu li japplika fir-rigward ta’ persuna l-miżuri restrittivi inkwistjoni u jinforma lill-persuna kkonċernata jekk ikunu ġew ifformulati osservazzjonijiet ġodda jew jekk ikunu ġew ippreżentati provi sostanzjali ġodda. L-avviż ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2011 jindika wkoll li l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati, bħal N. Bamba, li jressqu talba għal eżami mil-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha huma ġew inklużi fil-lista inkwistjoni, u jehmżu magħha l-atti ta’ ġustifikazzjoni.

71      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11a(6) tar-Regolament Nru 560/2005, li wkoll ġie inserit f’dan tal-aħħar bl-Artikoli 1(7) tar-regolament ikkontestat, “il-lista tal-Anness IA għandha tiġi eżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.”

72      Fir-rigward tal-argumenti ta’ N. Bamba bbażati fuq l-allegati nuqqasijiet ta’ dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni u ta’ eżami mill-ġdid perjodiku, hemm lok li jiġi enfasizzat li dan ir-rikors huwa dirett minn N. Bamba kontra l-atti kkontestati peress li dawn tal-aħħar inkludewha, għall-ewwel darba fil-listi, li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, ta’ persuni suġġetti għal miżura tal-iffriżar tal-fondi. Għalhekk kif osserva l-Kunsill, il-każ odjern għaldaqstant la huwa marbut ma’ rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrevedi d-deċiżjoni inizjali tiegħu li japplika miżuri restrittivi fir-rigward ta’ N. Bamba u lanqas ma’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li żżomm il-persuna kkonċernata fl-imsemmija listi wara eżami mill-ġdid. Għaldaqstant dawn l-argumenti huma irrelevanti.

73      Fit-tieni lok, N. Bamba ssostni li r-regolament ikkontestat fl-ebda mument ma jipprevedi, li huwa waqt l-inklużjoni inizjali jew fl-istadju tal-eżami mill-ġdid, li l-persuna kkonċernata tista’ tinstema’ dwar il-miżuri meħuda fil-konfront tagħha.

74      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, bil-għan li jintlaħaq l-għan segwit mill-atti kkontestati, il-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill ma kienx obbligat li jisma’ lil N. Bamba qabel l-inklużjoni inizjali ta’ isimha fil-listi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsil u l-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 340 u 341, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 61).

75      Barra minn hekk, sa fejn jirrigwarda l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, l-argument ta’ N. Bamba bbażat fuq id-dritt tagħha għal smigħ huwa irrilevanti minħabba raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

77      N. Bamba ssostni li l-atti kkontestati ma kinux jipprevedu l-komunikazzjoni ta’ motivazzjoni ddettaljata tal-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

78      Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 55 sa 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-atti kkontestati kienu jinkludu motivazzjoni suffiċjenti għall-inklużjoni ta’ N. Bamba fil-listi, annessi mal-imsemmija atti, ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

79      N. Bamba ssostni li l-atti kkontestati ma kinux jipprevedu n-notifikazzjoni lill-persuna kkonċernata tar-rimedji u tat-termini għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-listi inkwistjoni u lanqas ma kienu jinkludu informazzjoni f’dan ir-rigward. L-imsemmija atti kienu jimponu fuq il-persuna kkonċernata l-obbligu li tinforma ruħha dwar dawn il-punti, u dan jikser l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

80      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fl-avviż ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill għamel riferiment għall-possibbiltà tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati li jikkontestaw id-deċiżjoni tiegħu “quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 [TFUE] u fir-raba’ u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 [TFUE]”.

81      Din l-indikazzjoni, meħuda flimkien mal-preċiżjonijiet inklużi fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kienet ta’ natura li tippermetti lil N. Bamba li tidentifika r-rimedji li hija kellha sabiex tikkontesta l-inklużjoni tagħha fil-listi inkwistjoni, kif ukoll id-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, u dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li hija ppreżentat ir-rikors tagħha fit-termini stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

82      Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

83      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv preżenti fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv

84      Filwaqt li tiddikjara li ma kinitx tikkontesta l-għan segwit mill-atti kkontestati, N. Bamba ssostni li dawn tal-aħħar jirriżultaw f’preġudizzju spropozjonat fil-konfront tad-dritt tagħha għall-proprjetà, peress li huwa impossibbli li hija tesponi b’mod utli l-kawża tagħha lill-awtoritajiet kompetenti. L-imsemmija atti kienu jipprevedu ffriżar totali tal-fondi tagħha mingħajr madakollu ma kienu jipprovdu għal garanziji proċedurali reali li jippermettulha li tikkontesta din il-miżura.

85      F’dan ir-rigward, jirriżulta mir-riferiment magħmul, f’dan it-tieni motiv, għall-punti 368 sa 371 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm restrizzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt għal proprjetà tal-persuna kkonċernata minħabba li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha seħħet mingħajr ma din ġiet ipprovduta b’garanziji proċedurali li jippermettulha li tesponi l-kawża tagħha lill-awtoritajiet kompetenti, li N. Bamba tintendi li tiddeduċi l-eżistenza ta’ preġudizzju fir-rigward tad-dritt tagħha għal proprjetà mill-allegat nuqqas ta’ tali garanziji f’dan il-każ.

86      Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-partijiet differenti tal-ewwel motiv, il-Kunsill, li ma kellux għaliex jisma’ lil N. Bamba qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, pprovdielha, f’dawn l-aħħar, motivazzjoni suffiċjenti sabiex jippermittilha tikkontesta b’mod utli, quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-fondatezza tal-miżuri restrittivi li hija kienet suġġetta għalihom. Il-kawża preżenti hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

87      Fir-rigward tad-dritt eventwali ta’ aċċess għall-fajl tal-Kunsill relatat mal-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ N. Bamba, huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, li jiġi rrilevat li l-persuna kkonċernata ma tippretendix li hija kienet talbet tali aċċess lill-istituzzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

88      Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li kemm id-Deċiżjoni 2010/656 kif ukoll ir-Regolament Nru 560/2005 kienu jipprevedu l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fi tmiem tali eżami mill-ġdid, il-Kunsill ikkunsidra, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/144/PESK, tat-8 ta’ Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 71, p. 50), u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 193/2012, tat-8 ta’ Marzu 2012, li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 560/2005 (ĠU L 71, p. 5), li ma kienx hemm raġuni għaż-żamma ta’ N. Bamba fuq dawn il-listi.

89      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors ippreżentat minn N. Bamba għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

92      Peress li l-appell tal-Kunsill intlaqa’ u r-rikors ta’ N. Bamba kontra l-atti kkontestati ġie miċħud, hemm lok, b’mod konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill, li N. Bamba tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill kemm f’dan l-appell kif ukoll fl-ewwel istanza.

93      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni, intervenjenti rispettivament, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ġunju 2011, Bamba vs Il-Kunsill (T-86/11), hija annullata.

2)      Ir-rikors ta’ N. Bamba huwa miċħud.

3)      N. Bamba hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kemm f’dan l-appell kif ukoll fl-ewwel istanza.

4)      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.