Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van koophandel te Brussel (il-Belġju) fit-28 ta' April 2011 - L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea vs N.V. OTIS et

(Kawża C-199/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van koophandel te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Konvenuti:     N.V. OTIS

        N.V. KONE BELGIUM

        N.V. SCHINDLER

        N.V. THYSSENKRUPP LIFTEN ASCENSEURS

        GENERAL TECHNIC-OTIS S.r.l.

        KONE LUXEMBOURG S.r.l.

        SCHINDLER S.r.l.

        THYSSENKRUPP ASCENSEURS LUXEMBOURG S.r.l.

Domandi preliminari

a) Skont l-Artikolu 282 KE, li sar l-Artikolu 335 TFUE, l-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni; l-Artikolu 335 TFUE, minn naħa, u l-Artikoli 103 u 104 tar-Regolament Finanzjarju, min-naħa l-oħra, jipprovdu li, f'dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet amministrattivi marbuta mal-operat tagħhom, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw l-Unjoni, li jista' jimplika li l-istituzzjonijiet stess huma awtorizzati, kemm jekk esklużivament jew le, li jkunu parti minn proċeduri legali; ma hemmx dubju li, għall-imprendituri b'mod partikolari, il-fatt li jiksbu prezzijiet għoljin wisq wara li jitfassal kartell jaqa' taħt il-kunċett ta' frodi; fid-dritt Belġjan jipprevali l-prinċipju "lex specialis generalibus derogat"; sa fejn dan il-prinċipju japplika wkoll fid-dritt Ewropew, għandu jiġi kkunsidrat li l-inizjattiva li jinbdew proċeduri (ħlief meta l-Kummissjoni stess hija l-awtorità kontraenti) tappartjeni lill-istituzzjonijiet ikkonċernati?

b) (domanda sussidjarja): Il-Kummissjoni għandha jkollha, tal-inqas, mandat ta' rappreżentazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet sabiex tiddefendi l-interessi ġuridiċi tagħhom?

a) L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem jiggarantixxu d-dritt ta' kull persuna għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju korollarju li ħadd ma jista' jagħti deċiżjoni dwar il-kawża tiegħu stess; - huwa konformi ma' dan il-prinċipju li l-Kummissjoni taġixxi fl-ewwel lok bħala awtorità tal-kompetizzjoni u tissanzjona l-aġir akkużat, jiġifieri t-tfassil ta' kartell, f'dak li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE, li sar l-Artikolu 101 TFUE, ukoll wara li tkun mexxiet hija stess l-investigazzjoni, u fit-tieni lok tipprepara l-proċeduri għad-danni quddiem qorti nazzjonali u tiddeċiedi li tibda dawn il-proċeduri, filwaqt li l-istess membru tal-Kummissjoni huwa responsabbli miż-żewġ kwistjonijiet, li huma marbuta flimkien, u dan iktar minħabba li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ma tistax tevita li tieħu d-deċiżjoni ta' sanzjoni?

b) (domanda sussidjarja): Jekk tingħata risposta [negattiva] għal 2(a) (fis-sens li hemm inkompatibbiltà), kif il-vittma (il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, jew l-Unjoni) ta' att illeċitu (it-tfassil ta' kartell) għandha ssostni skont id-dritt tal-Unjoni d-dritt tagħha għad-danni, li huwa dritt fundamentali?

____________