Language of document : ECLI:EU:C:2005:169

                  SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta' Marzu 2005 (*)

“Ċittadinanza ta’ l-Unjoni – Artikoli 12 KE u 18 KE – Għajnuna mogħtija lil studenti taħt forma ta’ self issussidjat – Dispożizzjoni li tillimita l-għoti ta’ tali self lil studenti stabbiliti fit-territorju nazzjonali”

Fil-kawża C-209/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Frar 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Mejju 2003, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta:

Dany Bidar,

vs

London Borough of Ealing,

Secretary of State for Education and Skills,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts (Relatur) u A. Borg Barthet, Presidenti ta' l-Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L.A. Geelhoed,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Bidar, minn R. Scannell u M. Soorjoo, barristers, u minn J. Luqmani, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, QC, u minn C. Lewis, barrister,

għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn C.-D. Quassowski u A. Tiemann, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u H. G. Sevenster, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u M. Condou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE u l-18KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Bidar kontra l-London Borough of Ealing u s-Secretary of State for Education and Skills (Ministru ta’ l-Edukazzjoni u tal-Formazzjoni Professjonali) rigward rifjut għat-talba tiegħu għal self issussidjat lil studenti intiż li jkopri l-ispejjeż ta’ manteniment.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazjoni Komunitarja

3        L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

4        L-Artikolu 18(1) KE huwa fformulat kif ġej:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett.”

5        L-Artikolu 149 KE jipprovdi:

“1.      Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonjiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut tagħhom u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

2.      L-azzjoni Komunitarja għandha tkun immirata lejn:

–        l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri;

–        l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi r-rikonoxximnet akkademiku ta’ diplomi u perijodu ta’ studju;

–        il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi;

–        l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri;

–        l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta’ edukaturi soċjo-edukattivi;

–        l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod.

[...]

4.      Sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-miri msemmija f’dan l-Artikolu, il-Kunsill:

–        waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jadotta inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri;

–        waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.”

6        Id-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza liċ-ċittadini ta’ Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom bil-kundizzjoni li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b’assikurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-imsemmi Stat matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom.

7        Skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, id-dritt ta’residenza għandu jibqa’ sakemm il-benefiċjarji ta’ dan id-dritt jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 tagħha.

8        Skond is-seba’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza lil studenti (ĠU L 317, p. 59):

“[...] fl-istat preżenti tal-liġi Komunitarja, kif stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-assistenza mogħtija lil studenti ma taqax fl-ambitu tat-Trattat [KEE] fi ħdan it-tifsira ta’ l-Aritkolu 7 tiegħu [li sar l-Artikolu 6 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE].”

9        Din id-Direttiva tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt tar-residenza u bil-ħsieb li jiġi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali b’mod mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkun ġie aċċettat sabiex jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt tar-residenza għal kull student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru u li ma jgawdix dak id-dritt taħt dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja, u għall-konjuġi ta’ l-istudent u t-tfal dipendenti tagħhom, meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bil-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-inqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed riżorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom, diment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmhekk u li jkun kopert minn assikurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti.”

10      L-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda intitolament għall-ħlas ta’ għotjiet ta’ manteniment mill-Istati Membri lil studenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza.”

11      Id-Direttivi 90/364 u 93/96 kienu ġew imħassra, b’effett mit-30 ta’ April 2006 mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jivvjaġġaw u jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (ĠU L 229, p. 34) li skond l-Artikolu 40 tagħha, għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri qabel it-30 ta’ April 2006.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Fl-Ingilterra u f’Wales, l-għajnuna finanzjara li jibbenefikaw minnha l-istudenti sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom hija, skond l-Education (Student Support) Regulations 2001 [Regolament ta’ l-2001 fuq it-tagħlim (sostenn finanzjarju mogħti lil studenti], iktar ‘il quddiem l-“iStudent Support Regulations”] essenzjalment mogħtija permezz ta’ self.

13      Skond l-iStudent Support Regulations, l-istudenti li jibbenefikaw minn self jirċievu 75% ta’ l-ammont massimu tiegħu, il-25% li jifdal jingħata fil-funzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-istudent u dik tal-ġenituri tiegħu jew is-sieħeb/sieħba ta’ l-istudent. Is-self jingħata b’rata ta’ interess marbuta mar-rata ta’ inflazzjoni u, konsegwentement, inqas mir-rata normali ta’ self kummerċjali. Dan jitħallas lura wara li l-istudent ikun spiċċa l-istudji tiegħu u bil-kundizzjoni li huwa jibbenefika minn dħul akbar minn 10000 GBP. Jekk dan ikun il-każ, huwa jħallas kull sena ammont ekwivalenti għal 9% ta’ l-ammont tad-dħul teigħu li huwa akbar minn 10000 GBP, sakemm jirrimborsa s-self kollu.

14      Skond l-Artikolu 4 ta’ l-iStudent Support Regulatons, persuna tista’ tibbenefika minn self lil studenti għal kors speċifiku jekk is-sitwazzjoni tiegħu tinsab fost dawk imsemmija fl-Anness 1 (“Skeda 1”) ta’ l-iStudent Support Regulatons.

15      Skond l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Anness, persuna tista’ tibbenefika minn self lil studenti jekk hija stabbilita fir-Renju Unit skond l-Immigration Act 1971 (liġi ta’ l-1971 fuq l-immigrazzjoni) u jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza stabbiliti fil-paragrafu 8 ta’ l-istess Anness, jiġifieri:

a)      li hija tirrisjedi normalment fl-Inghilterrja jew f’Wales fl-ewwel ġurnata ta’ l-ewwel sena akkademika tal-kors;

b)      li hija kienet tirrisjedi ordinarjament, matul il-perijodu ta’ tliet snin qabel din il-ġurnata, fir-Renju Unit jew fil-gżejjer; u

c)      li f’ebda mument ta’ dan il-perijodu ta’ tliet snin, ir-residenza fir-Renju Unit jew fil-gżejjer ma kienet intiża, għal kollox jew prinċipalment, sabiex tirċievi edukazzjoni b'ħin sħiħ(full time).

16      Fir-rigward tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familja tagħhom li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2), il-paragrafi 4 sa 6 ta’ Anness 1 ta’ l-iStudent Support Regulations ma jimponux fuqhom li jkunu stabbiliti fir-Renju Unit u jissuġġettaw id-dritt għal self lill-istudenti għall-istess kundizzjonijiet ta’ residenza, filwaqt li jikkunsidraw li huma jissodisfaw l-eżiġenza relatata mar-residenza ordinarja prevista fil-paragrafu 8(b) ta’ l-imsemmi Anness sa mill-mument meta huma jirrisjedu fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

17      Skond l-Immigration Act 1971, persuna hija stabbilita fir-Renju Unit jekk hija ordinarjament residenti, mingħajr ma tkun suġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni għal dak li jikkonċerna l-perijodu li matulu hija tista’ tirrisjedi fit-territorju.

18      Madankollu, jirriżulta mill-inkartament li, skond il-leġiżlazzjoni Brittannika, ċittadin ta’ Stat Membri ieħor ma jistax jieħu, in kwantu student, l-istatus ta’ persuna stabbilita fir-Renju Unit.

19      Fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ l-edukazzjoni, l-iStudent Support Regulations jipprovdu sostenn finanzjarju mogħti bl-istess kundizzjonijiet liċ-ċittadini tar-Renju Unit u lil dawk ta’ Stati Membri oħra.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      F’Awwissu 1998, D. Bidar, ċittadin Franċiż, daħal fit-territorju tar-Renju Unit, akkumpanjat minn ommu li kellha tieħu trattament mediku. Huwa paċifiku li fir-Renju Unit, ir-rikorrent għex man-nanna tiegħu, a karigu tagħha, u li segwa kif ukoll temm l-istudji sekondarji tiegħu mingħajr qatt ma talab l-għajnuna soċjali.

21      F’Settembru 2001, huwa beda studji fl-ekonomija fil-University College London.

22      Filwaqt li D. Bidar ibbenefika minn għajnuna skond l-ispejjeż ta’ edukazzjoni tiegħu, it-talba għal għajnuna finanzjarja ddestinata sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tiegħu, taħt il-forma ta’ self lil studenti kienet ġiet rifjutata lilu minħabba li huwa ma kienx stabbilit fir-Renju Unit.

23      Fir-rikors imressaq kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut, ir-rikorrent prinċipali jsostni li l-iStudent Support Regulations, filwaqt li jissuġġettaw l-għoti ta’ self lil studenti għal ċittadin ta’ Stat Membru bil-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin ikun stabbilit fir-Renju Unit, kienu stabbilixxew diskriminazzjoni li hija projbita skond l-Artikolu 12 KE. Huwa jsostni, sussidjarjament, li jekk għandu jiġi aċċettat li l-għoti lil studenti ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, dan mhuwiex il-każ għal talba għal għajnuna li għandha l-forma ta’ self sussidjat.

24      Bil-kontra, is-Secretary of State for Education and Skills, awtorità responsabbli għall-adozzjoni ta’ l-iStudent Suport Regulations, isostni li l-għoti ta’ għajnuna għall-ispejjeż ta’ manteniment, tkun xi tkun il-forma ta’ għotja jew ta’ self, ma taqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12 KE, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet fis-sentenzi tagħha tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, Ġabra p. 3161) u Brown (197/86, Ġabra p. 3205). Anki jekk tali għajnuna taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ din l-għajnuna jiggarantixxu l-eżistenza ta’ konnessjoni diretta bejn il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna u l-Istat li jiffinanzjah.

25      Il-qorti ta’ rinviju tosserva li s-self lil studenti jirrappreżenta spiża għall-Istat, għar-raġuni tar-rata ta’ interess imnaqqsa u problemi eventwali ta’ rimbors, spiża kkalkulata mis-Secretary of State for Education and Skills fl-ammont ekwivalenti għal 50% ta’ dak tas-self. Is-self medju mogħti lil student għas-sena akkademika 2000/2001 kien ta’ 3155 GBP. Jekk il-41,713 ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropa li kienu wettqu l-istudji tagħhom fl-Ingilterra u f’Wales, matul dik is-sena, mingħajr ma kienu stabbilit hemmhekk, kellhom jibbenefikaw minn self lil studenti, l-ispiża probabbli għall-Istat b’hekk kienet tkun ta’ 66 miljun GBP.

26      Skond il-qorti ta’ rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68 u ma jista' jibbaża ruħu fuq ebda dritt għal self lil studenti fuq il-bażi tad-Direttiva 93/96.

27      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair [iċċitata iktar ‘il fuq] u Brown [iċċitata iktar ‘il fuq], ta’ l-iżviluppi tad-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea, li jinkludu l-adozzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE, u ta’ l-iżviluppi relatati mal-kompetenza ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, għajnuna għall-ispejjeż ta’ manteniment li jikkonċernaw l-istudenti li jsegwu korsijiet universitarji, mogħtija taħt il-forma a) ta’ self issussidjat jew b) għoti, tibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE għall-finijiet ta’ l-Artikolu 12 KE u tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità?

2)      Jekk parti jew oħra ta’ l-ewwel domanda tirċievi risposta negattiva u jekk l-għajnuna għall-ispejjeż ta’ manteniment lil studenti għandha l-forma ta’ għoti jew ta’ self li għaldaqstant jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12KE, liema huma l-kriterji li l-qorti nazzjonali għandha tapplika sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ tali għajnuna humiex fondati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivament iġġustifikati indipendentement min-nazzjonalità?

3)      Jekk parti jew oħra ta’ l-ewwel domanda tirċievi risposta negattiva, l-Artikolu 12 KE jista’ jiġi invokat sabiex jintalab il-benefiċċju għall-għajnuna għall-ispejjeż ta’ manteniment sa minn data preċedenti għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ u [jekk le], eċċezzjoni għandha ssir għal dawk li bdew proċedura ġudizzjarja qabel din id-data?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, għajnuna mogħtija lill-istudenti li jsegwu studji terzjarji, intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, u mogħtija taħt forma ta’ self sussidjat jew f’għoti, taqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat u b’mod partikolari ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE.

29      Jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li r-rikorrent prinċipali ma jaqax taħt ir-Regolament Nru 1612/68.

30      F’dan il-kuntest, il-qorti ta’ rinviju tipprova tistabbilixxi jekk l-għajnuna mogħtija lill-istudenti sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom tidħol fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE li skond dan u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li huwa jipprovdi, hija projbita, fl-imsemmi qasam, kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba nazzjonalità.

31      Sabiex jiġi evalwat il-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat skond l-Artikolu 12 KE, dan l-Artikolu għandu jinqara mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Fil-fatt, l-istatus taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Isati Membri li jippermetti lil dawk fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punti 30 u 31, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punti 22 u 23).

32      Skond ġurisprudenza kostanti, ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 63, u Grzelczyk, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32).

33      Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertaijet fundamentali garantiti mit-Trattat u dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C-274/96, Ġabra p. I-7637, punti 15 u 16, kif ukoll is-sentenzi ċċitati Grzelczyk, punt 33, u Garcia Avello, punt 24),

34      Minbarra dan, xejn mit-test tat-Trattat ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-istudenti li huma ċittadini ta’ l-Unjoni, meta jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor sabiex isegwu studji fih, jiġu mċaħħda mid-drittijiet mogħtija mit-Trattat liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni (sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).

35      Kif jirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C-224/98, Ġabra p. I-6191, punti 29 sa 34), ċittadin ta’ Stat Membru li jivvjaġġa fi Stat Membru ieħor fejn huwa jsegwi studji sekondarji, jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment garantita mill-Artikolu 18 KE.

36      Minbarra dan, għandu jiġi ppreċiżat li ċittadin ta’ Stat Membru li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jgħix fi Stat Membru ieħor fejn isegwi u jtemm l-istudji sekondarji tiegħu, mingħajr ma jiġi lilu kkontestat il-fatt li huwa ma kellux riżorsi suffiċjenti jew assikurazzjoni tal-mard, jibbenefika mid-dritt ta’ residenza fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 18 KE u tad-Direttiva 90/364.

37      Fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 43), li ċittadin ta’ l-Unjoni ekonomikament mhux attiv jista’ jinvoka l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 peress li huwa kien irrisjeda legalment fl-Istat Membru ospitanti matul ċertu perijodu jew li huwa għandu karta ta’ residenza.

38      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenzi Lair u Brown (rispettivament punti 15 u 18), li “fl-istadju attwali ta’ l-evoluzzjoni tad-dritt Komunitarju, għajnuna mogħtija lil studenti għall-manteniment u għall-formazzjoni, bħala prinċipju ma taqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEE skond l-Artikolu 7 tiegħu (li sar l-Artikolu 6 tat-Trattat li sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE).” F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali għajnuna, minn naħa, taqa’ taħt il-politika tat-tagħlim, li ma kinitx ġiet suġġetta in kwantu tali għall-kompetenza ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u, min-naħa l-oħra, tal-politika soċjali, li kienet taqa’ taħt il-qasam ta' kompetenza ta’ l-Isati Membri fil-każ fejn hija ma kinitx is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat KE.

39      Madankollu, sa mid-deċiżjoni tas-sentenzi Lair u Brown, iċċitati iktar ‘il fuq, it-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea introduċa ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni fit-Trattat KE u żied fit-tielet parti tiegħu, fit-Titolu VIII (li sar it-Titolu XI), kapitolu 3 ddedikat b’mod partikolari għall-edukazzjoni u għall-formazzjoni professjonali (sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).

40      Għaldaqstant, l-Artikolu 149(1) KE jagħti lill-Komunità l-missjoni li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’edukazzjoni ta’ kwalità filwaqt li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk neċessarju, issostni u tikkompleta l-azzjoni tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-imsemmija Stati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva kif ukoll id-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

41      Skond il-paragrafi 2 u 4 ta’ l-istess Artikolu, il-Kunsill jista’ jadotta inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri, kif ukoll rakomandazzjonijiet intiżi b’mod partikolari sabiex jinkoraġġixxu l-mobiltà fost l-istudenti u l-għalliema (ara s-sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32).

42      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li seħħew wara d-deċiżjoni tas-sentenzi Lair u Brown, iċċitati iktar ‘il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi legalment fi Stat Membri ieħor tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE sabiex jikseb għajnuna mogħtija lill-istudenti, tkun xi tkun il-forma ta’ self sussidjat jew ta’ għotja, u ntiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tiegħu.

43      Din l-evoluzzjoni ta’ dritt Komunitarju hija kkonfermata mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 li jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor skond din id-Direttiva jibbenefika mill-ugwaljanza ta’ trattament “fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat”. Safejn fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju ikun ippreċiża l-kontenut tal-paragrafu 1, filwaqt li jipprovdi li Stat Membru jista’, fir-rigward ta’ persuni barra l-persuni impjegati, il-persuni mhux impjegati, il-persuni li għandhom dan l-istatus jew il-membri tal-familja tagħhom, jillimita l-għoti ta’ l-għajnuna ta’ manteniment, taħt il-forma ta’ għotja jew ta’ self, lill-istudenti li m’għandhomx dritt ta’ residenza permeanenti, huwa jqis li l-għoti ta’ tali għajnuna hija materja li, skond l-imsemmi paragrafu 1, attwalment taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

44      Din l-interpretazzjoni mhijiex invalidata mill-argument imressaq mill-Gvernijiet li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll mill-Kummissjoni, dwar il-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18. Dawn il-Gvernijiet u l-Kummissjoni jirrilevaw li, l-istatus taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jippermetti liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jinvokaw l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artiklu 12 KE meta huma jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ dawn l-Istati, is-sitwazzjoni tagħhom ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat skond l-Artikolu 12 KE li, skond l-Artikolu 18(1) KE, bla ħsara għal-limitazzjonijet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tiegħu, fosthom b’mod partikolaru dawk iffissati mid-Direttiva 93/96. Peress illi l-Artikolu 3 tagħha jeskludi d-dritt għall-ħlas ta’ għoti ta’ manteniment lil studenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza, dawn ta’ l-aħħar ikomplu jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament l-istudenti li jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor sabiex jibdew jew isegwu fih studji terzjarji u li fih jibbenefikaw, skond id-Direttiva 93/96, minn dritt ta’ residenza, ma jistgħu jibbażaw fuq ebda dritt għall-ħlas ta’ għajnuna għall-manteniment tagħhom fuq din id-Direttiva.

46      Madankollu, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 ma jipprekludix li ċittadin ta’ Stat Membru li, skond l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364, jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fejn huwa għandu l-ħsieb li jibda jew li jsegwi studji terzjarji jinvoka, matul din ir-residenza, il-prinċipju funamentali ta’ ugwaljanza ta’ trattament imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE.

47      F’kuntest, bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn id-dritt ta’ residenza ta’ l-applikant għall-għajnuna mhijiex ikkontestata, hija barra minn hekk irrilevanti l-allegazzjoni ta’ xi Gvernijiet li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet li d-dritt Komunitarju jippermetti lil Stat Membru li jikkonstata li ċittadin ta’ Stat Memmbru ieħor li għandu rikors għall-għajnuna soċjali ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett id-dritt ta’ residenza tiegħu u, skond il-każ, li jieħu, fir-rispett tal-limitazzjonijiet imposti mid-dritt Komunitarju, ordni ta’ espulsjoni kontra dan iċ-ċittadin (ara s-sentenzi ċċitati Grzelczyk, punt 42, u Trojani, punt 45).

48      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li għajnuna mogħtija, kemm jekk tkun taħt il-forma ta’ self sussidjat jew għoti, lill-istudenti li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru ospitanti, u intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat għall-finijiet tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tixtieq tkun taf il-kriterji li l-qorti nazzjonali għandha tapplika sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ għajnuna ntiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-studenti humiex bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità.

50      Għal dan il-għan, għandu fl-ewwel lok jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali tapplika, fost l-istudenti li jitolbu tali għajnuna, distinzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

51      Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji, bbażati fuq in-nazzjonalità, imma wkoll il-forom moħbija kollha ta’ diskriminazzjoni li, skond kriterji ta’ distinzjoni oħra, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, Ġabra p. 153, punt 11 ; tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 44, u tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-212/99, Ġabra p. I-4923, punt 24).

52      Fir-rigward tal-persuni li ma jaqgħux taħt ir-Regolamement 1612/68, l-Anness 1(1) ta’ l-iStudent Support Regulations jeżiġi, għall-għoti lil studenti ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, li l-persuna kkonċernata tkun stabbilita fir-Renju Unit skond id-dritt nazzjonali u li hija tissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta’ residenza, jiġifieri dik li tirrisjedi fl-Ingilterra jew f’Wales fl-ewwel ġurnata ta’ l-ewwel sena akkademika u li kienet irrisjediet fir-Renju Unit jew fil-gżejjer matul it-tliet snin preċedenti għal dik il-ġurnata.

53      Tali eżiġenzi jistgħu jiżvantaġġjaw prinċipalment iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Fil-fatt, kemm il-kundizzjoni li teżiġi li l-applikant għal din l-għajnuna jkun stabbilit fir-Renju Unit kif ukoll dik li timponilu residenza fit-territorju Brittanniku preċedentement għall-istudji jistgħu jiġu sodisfatti aktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali.

54      Tali differenza ta’ trattament ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk hija tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonali ma’ l-iskop leġittimu segwit mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati Bickel u Franz, punt 27; D’Hoop, punt 36, u Garcia Avello, punt 31).

55      Skond il-Gvern tar-Renju Unit, huwa leġittimu għal Stat Membru li jassigura ruħu li l-kontribut tal-ġenituri jew ta’ l-istudenti, permezz tat-tassazzjoni, huwa jew ser ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ self issussidjat. Huwa wkoll leġittimu li tiġi mitluba rabta reali bejn l-istudent li jitlob l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tiegħu u s-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Istati Membri huma msejħa jagħtu prova, fl-organizzazzjoni u l-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tagħhom, ta’ ċerta solidarjetà finanzjarja maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara s-sentenza Grzelczyk, punt 44), huwa possibbli għal kull Stat Membru li jassigura li l-għoti ta’ għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra ma ssirx piż irraġonevoli li tista’ jkollha konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tiġi mogħtija minn dan l-Istat.

57      Fir-rigard ta’ għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-istudenti, huwa għaldaqstant leġittimu għal Stat Membru li ma jagħtix tali għajnuna ħlief lil studenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat.

58      F’dan il-kuntest, Stat Membru ma jistax madankollu jeżiġi mill-istudenti kkonċernati li huma jistabbilixxu rabta mas-suq tax-xogħol tiegħu. Fil-fatt, peress illi l-għarfien miksub minn student matul l-istudji terzjarji tiegħu ġeneralment ma jiddestinahx għal suq geografiku tax-xogħol partikolari, is-sitwazzjoni ta’ student li jitlob għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tiegħu mhijiex komparabbli ma’ dik ta’ l-applikant ta’ benefiċċju ta’ għajnuna mogħtija liż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom jew benefiċċju ta’ tfittxija tax-xogħol (ara, rispettivament, f’dan ir-rigward, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 67).

59      Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala stabbilita peremzz tal-kostatazzjoni li l-istudent in kwistjoni, matul ċertu perijodu, irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti.

60      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-iStudent Support Regulations, għandu jiġi kkonstatat li l-garanzija ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ l-Istat Membri ospitanti toħroġ mill-kundizzjonijiet li jimponu residenza preċedenti fit-territorju ta’ dan l-Istat, f’dan il-każ it-tliet snin ta’ residenza meħtieġa mir-regoli Brittanniċi fil-kawża prinċipali.

61      Il-kundizzjoni addizzjonali li l-istudenti m’għandhomx dritt għal għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom ħlief jekk huma wkoll stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti żgur li tista’ tirrispondi, bħal dik imfakkra fil-punt preċedenti, li teżiġi residenza ta’ tliet snin, għall-għan leġittimu intiż sabiex jiggarantixxi li l-applikant għall-għajnuna jkun ta prova ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat. Madankollu, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali teskludi kull possibbiltà għal ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jieħu, in kwantu student, l-istatus ta’ persuna stabbilita. B’hekk din il-leġiżlazzjoni tqiegħed tali ċittadin, ikun xi jkun il-livell ta’ integrazzjoni reali fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti, fl-impossibbiltà li jissodisfa l-imsemmija kundizzjoni u, konsegwentement, li jibbenefika mid-dritt għall-għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tiegħu. Madankollu, tali trattament ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat mill-għan leġittimu li l-istess leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi.

62      Fil-fatt, tali trattament jostakola student, ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi legalment u jkun għamel parti importanti ta’ l-istudji terzjarji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u, konsegwentement, li jkun stabbilixxa rabta reali mas-soċjetà ta’ dan l-aħħar Stat, li jkun jista’ jsegwi l-istudji tiegħu fl-istess kundizzjonijiet bħal student ċittadin ta’ dan l-Istat li jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni.

63      Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni domanda għandha tingħatalha risposta li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix id-dritt lil studenti għal għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom ħlief jekk huma stabbilti fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li teskludi li ċittadin ta’ Stat Membur ieħor milli jikseb, in kwantu student, l-istatus ta’ persuna stabbilita, anki jekk dan iċ-ċittadin jirrisjedi legalment u jkun għamel parti importanti mill-istudji sekondarji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u, konsegwentement, ikun stabbilixxa rabta reali mas-soċjetà ta’ dan l-Istat.

 Fuq it-tielet domanda

64      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qort ta’ rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-każ fejn hija kellha tiddeċiedi li għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-istudenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu KE, l-effetti ta’ tali sentenza għandhomx jiġu limitati fiż-żmien.

65      Il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gven Ġermaniż u l-Gvern Awstrijak jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din l-istess ipoteżi, li tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien, minbarra dak li jikkonċerna l-proċeduri legali mibdija qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ din is-sentenza. In sostenn tat-talba tagħhom, huma jinvokaw, b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet finanzjarji rrilevati mill-qorti ta’ rinviju.

66      Għandu jiġi mfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għal dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tillimita ruħha li tikkjarifika u tippreċiża s-sinjifikat u l-portata tagħha, kif hija kellha tiġi mifhuma u applikata sa mill-mument tad-dħul tagħha fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni kif interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti wkoll fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi legali li bdew u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba ta’ interpretazzjoni, jekk barra minn hekk il-kundizzjonijiet li jippermettu li jressqu quddiem il-qrati kompetenti kawża dwar l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni huma preżenti (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16, u tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27).

67      Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, billi tapplika l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti fis-sistema legali Komuntarja, tasal sabiex tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata milli tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex jitqajmu dubji dwar relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede (ara s-sentenzi Blaizot, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 28; tas-16 ta’ Lulju 1992, Legros et, C-163/90, Ġabra p. I-4625, punt 30, u ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C-262/96, Ġabra p. I-2685, punt 108).

68      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien (ara, b’mod partikolari, is-sentena Grzelczyk, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 52).

69      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, meta, minn naħa, kienet teżisti probabbiltà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede abbażi tar-regolamentazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mar-regolamentazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward ta’ l-iskop tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (ara s-sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53).

70       F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-elementi pprovduti mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż u Awstrijak ma jistgħux jikkonfermaw l-argument tagħhom li din is-sentenza tirriskja, jekk l-effetti tagħha ma kinux limitati fiż-żmien, li twassal għal konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi għall-Istati Membri. Fil-fatt, il-figuri li l-Gvernijiet irreferew għalhom kienu kkunsidraw ukoll każijiet li mhumiex simili għal dak li kien ta lok għall-kawża prinċipali.

71      Konsegwentement, it-tielet domanda għandha tingħatalha risposta li mhemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż


Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Għajnuna mogħtija, kemm jekk tkun taħt forma ta’ self sussidjat jew għoti, lill-istudenti li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru ospitanti, u tiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE għall-finijiet tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE.

2)      L-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix id-dritt lill-istudenti għal għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom ħlief jekk huma stabbilti fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li teskludi li ċittadin ta’ Stat Membur ieħor milli jikseb, in kwantu student, l-istatus ta’ persuna stabbilita, anki jekk dan iċ-ċittadin jirrisjedi legalment u jkun għamel parti importanti mill-istudji sekondarji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u, konsegwentement, ikun stabbilixxa rabta reali mas-soċjetà ta’ dan l-Istat.

3)      M’hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.