Language of document : ECLI:EU:T:2011:355

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti”

Fil-Kawża T‑38/07,

Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag,

Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

inizjalment irrappreżentati minn T. Snoep u J. Brockhoff, sussegwentement minn T. Snoep u S. Chamalaun, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Kellerbauer, V. Bottka u J. Samnadda, sussegwentement minn M. Kellerbauer u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, għal dak li jikkonċerna lil Shell Petroleum NV u Shell Nederland BV, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie BV,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq.

2        L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma:

–        Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja);

–        The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem “Dow Chemical”);

–        Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja);

–        Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (li kienet Dow Deutschland GmbH & Co. OHG), stabbilita f’Schwalbach;

–        Dow Europe, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera);

–        Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja);

–        Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja) (iktar ’il quddiem “Polimeri”);

–        Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag;

–        Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Unipetrol a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka);

–        Kaučuk a.s., stabbilita f’Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka);

–        Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “Stomil”).

3        Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe huma kkontrollati kompletament, direttament jew indirettament, minn Dow Chemical (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dow”) (premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        L-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA (iktar ’il quddiem “EniChem SpA”). Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-gomma butadiene u mal-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija proprjetà tagħha fil-100 %. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri fil-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial SpA (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tuża l-isem “EniChem” b’riferiment għal kull kumpannija proprjetà ta’ Eni (iktar ’il quddiem “EniChem”) (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Shell Nederland Chemie hija sussidjarja ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha hija kkontrollata totalment minn Shell Petroleum (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Kaučuk inħolqot fl-1997, wara l-amalgamazzjoni bejn Kaučuk Group a.s. u Chemopetrol Group a.s.. Fil-21 ta’ Lulju 1997, Unipetrol akkwistat l-attiv, drittijiet u obbligi kollha tal-impriżi li amalgamaw. Unipetrol iżżomm 100 % mill-ishma ta’ Kaučuk (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Tavorex s.r.o. (iktar ’il quddiem “Tavorex”), stabbilita fir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat lil Kaučuk (u lill-predeċessur tagħha Kaučuk Group) fl-esportazzjoni li saret bejn l-1991 sat-28 ta’ Frar 2003. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, sa mill-1996, Tavorex irrappreżentat lil Kaučuk waqt il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lill-produttriċi Pollakka Chemical Company Dwory S.A. (iktar ’il quddiem “Dwory”) fl-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni għal madwar 30 sena, tal-inqas sas-sena 2001. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lil Dwory, bejn l-1997 u l-2000, waqt il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-ksur dam għall-perijodu mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Bayer, Eni u Polimeri), mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999 (għal Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie), mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Chemical), mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 Novembru 2001 (għal Dow Deutschland), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Unipetrol u Kaučuk), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000 (għal Stomil), mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 (għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft) u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal-Dow Europe) (premessi 476 sa 485 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”) huma gomom sintetiċi li jintużaw essenzjalment fil-produzzjoni ta’ tajers. Dawn iż-żewġ prodotti huma reċiprokament sostitwibbli u jistgħu jiġu sostitwiti wkoll b’gomom sintetiċi oħra kif ukoll b’gomma naturali (premessi 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Minbarra l-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm produtturi oħra li jinsabu fl-Asja u fil-Lvant tal-Ewropa li biegħu kwantitajiet limitati ta’ GB u GSB fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, parti kbira mill-GB hija prodotta direttament mill-produtturi l-kbar tat-tajers (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kassett (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-14 ta’ Jannar 2003, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju għal dak li jirrigwarda l-GB. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kassett. Bayer ipprovdiet ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat GB tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lil Bayer bid-deċiżjoni tagħha li tagħtiha l-immunità kundizzjonali mill-multi (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-bini ta’ Dow Deutschland & Co. (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Waqt dik il-laqgħa, saret preżentazzjoni orali ta’ kif jaħdem l-akkordju għal GB u għal GSB. Din il-preżentazzjoni orali ġiet irrekordjata. Infetaħ ukoll fajl li fih iddaħlu dokumenti li jirrigwardaw l-akkordju (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis fil-multa ta’ bejn wieħed u ieħor 30 sa 50 % (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura u bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – ħlief għal Unipetrol – kif ukoll lil Dwory. L-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata wkoll fil-konfront ta’ Tavorex, iżda ma ġietx notifikata lilha, inkwantu Tavorex kienet ilha falluta mix-xahar ta’ Ottubru 2004. Il-proċedura li kienet tikkonċernaha ġiet għaldaqstant magħluqa (premessi 49 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-impriżi kkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma kellhom ukoll aċċess għall-fajl, fil-forma ta’ CD‑ROM, u għad-dikjarazzjonijiet orali u għad-dokumenti relatati magħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Manufacture française des pneumatiques Michelin (iktar ’il quddiem “Michelin”) talbet li tintervjeni. Hija ppreżentat kummenti bil-miktub fit-13 ta’ Jannar 2006 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward l-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Michelin ressqet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal Stomil, kif ukoll Michelin, ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fl-akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fil-konfront tagħha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċedura fil-konfront ta’ Syndial (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, għalkemm inizjalment kienu ntużaw żewġ numri ta’ każijiet differenti (wieħed għal GB u l-ieħor għal GSB) (COMP/E-1/38.637 u COMP/E-1/38.638), il-Kummissjoni użat, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, numru uniku (COMP/F/38.638) (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

27      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE, billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB:

a)      Bayer, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

b)      Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Dow Deutschland, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001; Dow Deutschland Anlagengesellschaft, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002; Dow Europe, mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002;

ċ)      Eni, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Polimeri, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

d)      Shell Petroleum, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland Chemie, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999;

e)      Unipetrol, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002; Kaučuk, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002;

f)      Stomil, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000.

28      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkulat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

29      L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-multi li ġejjin:

a)      Bayer: EUR 0;

b)      Dow Chemical: EUR 64 575 miljun, li minnhom:

i)      EUR 60.27 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland;

ii)      EUR 47 355 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe;

ċ)      Eni u Polimeri, in solidum: EUR 272.25 miljun;

d)      Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie, in solidum: EUR 160 875 miljun;

e)      Unipetrol u Kaučuk, in solidum: EUR 17.55 miljun;

f)      Stomil: EUR 3.8 miljun.

30      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordna lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 li jtemmu immedjatament il-ksur deskritt f’dan l-istess artikolu, jekk huma ma għamlux dan diġà, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 jew kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett ekwivalenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2007, Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie (iktar ’il quddiem flimkien “Shell”) ippreżentaw din il-kawża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2009, N. Wahl ġie nominat biex jikkompleta l-Awla sussegwentement għall-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha.

33      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L‑Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2009.

35      Shell Petroleum titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla kompletament id-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija indirizzata lilha;

–        sussidjarjament:

–        tannulla l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        jew tnaqqas l-ammont tal-multa inkwantu mhuwiex xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Shell Nederland titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla kompletament id-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija indirizzata lilha;

–        sussidjarjament:

–        tannulla l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        jew tnaqqas l-ammont tal-multa inkwantu mhuwiex xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Shell Nederland Chemie titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqas l-ammont tal-multa inkwantu mhuwiex xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

39      Shell tinvoka erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Shell tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni imputat il-ksur lil Shell Petroleum u lil Shell Nederland. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Shell tikkontesta ż-żieda ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa, li ġiet applikata minħabba reċidiva. Permezz tat-tielet motiv tagħha, Shell issostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, Shell issostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa.

40      Preliminarjament, Shell tirrileva li, fl-iskritturi tagħha, il-Kummissjoni tindika li hija ma tikkontestax il-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-grad ta’ involviment tagħha fl-akkordju. Bl-istess mod, b’riferiment għad-deċiżjoni kkontestata u għad-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer, il-Kummissjoni tindika li Shell kellha rwol predominanti fid-diskussjonijiet li kienu intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet kemm tal-GB u tal-GSB. Dawn l-allegazzjonijiet jagħtu lil wieħed x’jifhem li Shell tammetti li kellha rwol predominanti fil-ksur. Issa, dan ma huwiex il-każ, anki jekk Shell tirrikonoxxi li Shell Nederland Chemie kisret l-Artikolu 81 KE. Shell ikkontestat, b’mod partikolari, l-affermazzjonijiet ta’ Bayer matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma siltet ebda konklużjoni legali mill-affermazzjonijiet ta’ Bayer.

1.     Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Shell Petroleum u lil Shell Nederland

41      Shell issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta imputat il-ksur lil Shell Petroleum u lil Shell Nederland.

42      L-ewwel motiv ta’ Shell jinqasam fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Shell issostni li l-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat għall-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kumpannija parent. Fil-kuntest tat-tieni parti, Shell issostni li, fi kwalunkwe każ, Shell Petroleum u Shell Nederland irribattew il-preżunzjoni li kienet teżisti kontrihom. Fil-kuntest tat-tielet parti, Shell tirreferi għall-konsegwenzi tal-iżball li suppost wettqet il-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ imputabbiltà tal-ksur

–       L-argumenti tal-partijiet

43      Shell issostni li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lil Shell Nederland u lil Shell Petroleum ma tikkunsidrax il-fatt li Shell Nederland Chemie (li pparteċipat direttament fil-ksur) għandha personalità ġuridika separata.

44      Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni (T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 60), il-Kummissjoni għandha twieġeb għal żewġ mistoqsijiet. L-ewwel nett, liema impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, wettqet il-ksur? Imbagħad, liema persuna fiżika jew ġuridika hija destinatarja tad-deċiżjoni u li lilha jista’ jiġi imputat il-ksur? Il-kunċett ta’ unità ekonomika huwa rilevanti għall-ewwel mistoqsija, iżda mhux għat-tieni waħda. Jekk il-kunċett ta’ impriża kellu jkun deċiżiv biex tiġi imputata responsabbiltà, il-ksur imwettaq minn kumpannija li tappartjeni lil grupp jiġi dejjem u awtomatikament imputat lil kumpannija parent li tkun fl-ogħla post fil-ġerarkija tal-grupp.

45      Skont Shell, l-aġir tas-sussidjarji jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent jekk ikunu jeżistu “ċerti ċirkustanzi” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 135). Dan ifisser li l-kumpannija parent trid tkun effettivament għamlet użu mill-influwenza deċiżiva tagħha fuq is-sussidjarja tagħha f’dak li jikkonċerna l-aġir ta’ din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 137; tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il‑Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 45, u tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 16). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 50) ma turix approċċ differenti f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’din il-kawża, l-eżistenza ta’ “ċerti ċirkustanzi” li ppermettew li r-responsabbiltà għall-ksur tiġi imputata lill-kumpannija parent. Barra minn hekk, fil-punt 29 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stora”), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali setgħet leġittimament tippreżumi li l-kumpannija parent eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, “b’mod partikolari” wara li kkonstatat li, waqt il-proċedura amministrattiva, il-kumpannija parent ippreżentat lilha nnifisha bħala li hija l-unika interlokutriċi tal-Kummissjoni. Minn dan Shell tikkonkludi li fin-nuqqas ta’ provi oħra, ma teżistix preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

46      Għal Shell, ksur imwettaq minn sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tal-kumpannija parent jista jiġi imputat lill-istess kumpannija parent biss jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi speċifiċi li juru li din il-kumpannija parent verament eżerċitat l-influwenza tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Hija l-Kummissjoni li għandha turi dan il-fatt u li għandha tipproduċi l-provi rilevanti f’dan is-sens. Shell iżżid tgħid li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II 947), tikkonferma li l-pussess ta’ 100 % mill-kapital ta’ sussidjarja mill-kumpannija parent ma jwassalx awtomatikament għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova, iżda li l-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-aġir ta’ sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tagħha hija ġġustifikata biss jekk ikun hemm ċerti ċirkustanzi li juru li l-imsemmija kumpannija parent eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

47      Bil-fatt li imputat il-ksur lil Shell Petroleum u lil Shell Nederland abbażi biss tal-preżunzjoni li, minħabba s-sehem dirett jew indirett tagħhom ta’ 100 % f’Shell Nederland Chemie, huma kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma bbażat ruħha fuq punti ta’ fatt tali li juru l-imsemmija influwenza, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.

48      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li meta kumpannija parent tkun proprjetarja ta’ 100 % mill-kapital ta’ sussidjarja, teżisti preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli għall-aġir illegali ta’ sussidjarja jekk din tal-aħħar ma tiddeċidix b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għall-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni (premessi 333 u 334 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tindika, ukoll, li hija tista’ tippreżumi li sussidjarja li tkun 100 % proprjetà ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent tagħha, mingħajr ma jkollha tivverifika jekk dik il-kumpannija parent eżerċitatx effettivament dik is-setgħa. Hija dik il-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha li għandha tirribatti din il-preżunzjoni billi tipprovdi provi li juru li s-sussidjarja ddeċidiet b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq flok applikat l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha, b’mod li huma evitaw li jiġi applikat il-kunċett ta’ impriża (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata)

50      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li Shell Nederland Chemie hija responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur. Hija tippreċiża li, matul it-tul tal-ksur, Shell Nederland Chemie kienet 100 % proprjetà ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha kienet 100 % proprjetà ta’ Shell Petroleum. Għaldaqstant, wieħed jista’ jippreżumi li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Din il-preżunzjoni hija msaħħa, f’dan il-każ, bir-rabtiet li jgħaqqdu dawn it-tliet kumpanniji msemmija iktar ’il fuq. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun indirizzata lil Shell Nederland Chemie, Shell Nederland u Shell Petroleum, li għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur (premessi 402 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      L-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Shell hija bbażata, essenzjalment, fuq il-premessa legali li ma teżistix preżunzjoni li kumpannija parent li tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha.

52      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, impoġġi f’dak il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur. Il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu inekwivokament jiġi imputat lil persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna. Jeħtieġ ukoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika wkoll f’liema kapaċità l-persuna ġuridika tkun qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 sa 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija preċedentement. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, punt 45 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija qabel għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Shell, teżisti preżunzjoni konfutabbli li kumpannija parent li tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha. Il-premessa legali ta’ Shell hija għaldaqstant żbaljata.

56      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-konfutazzjoni ta’ preżunzjoni mressqa minn Shell Petroleum u Shell Nederland

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ġustifikata timputa l-ksur lil Shell Nederland u lil Shell Petroleum abbażi tal-preżunzjoni li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, Shell issostni li din il-preżunzjoni ġiet ribattuta. Is-sentenza AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, tikkonferma li l-kriterji deċiżivi biex tiġi imputata lil kumpannija parent ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja huma l-pussess tal-kapital, il-fatt tal-għoti ta’ struzzjonijiet u l-għarfien dwar il-ksur.

58      Filwaqt li tirreferi għat-tweġibiet għall-ewwel u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija hemżet bħala anness, Shell issostni li, matul il-perijodu kkonċernat bil-ksur, la Shell Nederland u lanqas Shell Petroleum ma eżerċitaw, fil-fatt, influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ Shell Nederland Chemie.

59      Fir-rigward ta’ Shell Nederland, din hija kumpannija holding li, fiż-żmien tal-ksur, kellha azzjonijiet f’iktar minn 20 sussidjarja. Hija ma kinitx materjalment f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-operazzjonijiet kummerċjali ta’ dawn is-sussidjarji kollha.

60      Fir-rigward ta’ Shell Petroleum, fil-mument tal-ksur din kienet waħda miż-żewġ kumpanniji holding prinċipali tal-grupp, li kellha holding ta’ 95 % jew iktar f’iktar minn 500 kumpannija taħt il-holding. Shell ipprovdiet, f’dan ir-rigward, lista ta’ 283 holding dirett li kellha Shell Petroleum fil-31 ta’ Diċembru 1996. Ir-rwol ta’ Shell Petroleum fir-rigward tas-sussidjarji tagħha kien limitat biex tistabbilixxi għanijiet finanzjarji, biex toħloq sinerġiji f’termini ta’ spejjeż bejn id-diversi attivitajiet u biex tfassal strateġija globali u ġenerali. Shell tipprovdi, f’dan ir-rigward, gwida ta’ riferiment tal-istruttura organizzattiva tal-grupp li tippreċiża, b’mod partikolari, li “l-kumpanniji holding tal-grupp jieħdu ħsieb prinċipalment il-kwistjonijiet ta’ finanzjament globali u dawk marbutin mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti” u “jirċievu dividendi [...], iżda ma humiex involuti f’ebda attività operattiva”. Għaldaqstant ma tista’ tiġi imputata ebda responsabbiltà lill-kumpannija parent, peress li din kienet tistabbilixxi biss il-linji prinċipali tal-istrateġija ġenerali tal-grupp, mingħajr ma teżerċita influwenza determinanti fuq l-attivitajiet tas-sussidjarja li topera fis-suq li fih twettaq il-ksur.

61      Skont Shell, fiż-żmien tal-ksur, il-kumpanniji operazzjonali li jappartjenu fil-qasam tal-attivitajiet kimiċi, fosthom Shell Nederland Chemie, kienu joperaw b’mod essenzjalment awtonomu, filwaqt li jirċievu s-sostenn tal-kumpanniji tas-servizzi li jaqgħu taħt dan l-istess qasam ta’ attivitajiet (f’dan il-każ Shell Chemicals Europe Ltd u Shell Chemicals Ltd). F’dan il-kuntest, ir-rwoli ta’ Shell Nederland u ta’ Shell Petroleum kienu limitati ħafna.

62      Ir-rwol limitat ta’ Shell Nederland u ta’ Shell Petroleum fir-rigward ta’ Shell Nederland Chemie huwa rifless ukoll fil-minuti tal-laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji li nżammu matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur. Shell ippreżentat dawn il-minuti quddiem il-Qorti Ġenerali. L-attivitajiet dwar il-GB u l-GSB jissemmew b’mod qasir ħafna. Shell iżżid tgħid li hija tista’ tippreżenta dawn il-minuti quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li huma ma jagħmlux ħlief jissostanzjaw l-argumenti li diġà tressqu matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-fatt li l-kwistjoni tat-trasferiment tal-attivitajiet dwar il-GB u l-GSB kienet ġiet diskussa mill-bord tad-diretturi ta’ Shell Nederland bl-ebda mod ma jista’ jikkostitwixxi prova li din il-kumpannija – u terġa’ inqas Shell Petroleum – kienet implikata fl-aġir operattiv tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari Shell Nederland Chemie.

63      Shell iżżid tgħid li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni (T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 312), imsemmija mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, kienet tikkonċerna lil Shell International Chemical Company Ltd, jiġifieri waħda mill-kumpanniji ta’ servizzi li assistew lill-kumpanniji operazzjonali tal-grupp u mhux, bħal f’dan il-każ, sempliċi kumpannija holding li ma eżerċitat ebda influwenza fuq l-aġir kummerċjali tal-kumpannija operazzjonali implikata fil-ksur.

64      Fl-aħħar nett, il-fajl tal-Kummissjoni ma fih ebda prova li minnha jirriżulta li, ħlief għaż-żewġ impjegati ta’ Shell Nederland Chemie implikati fil-ksur, kien hemm xi membru tal-persunal tal-grupp Shell, u terġa’ inqas tal-kumpanniji Shell Nederland u Shell Petroleum, li kien involut fil-ksur, jew anki kien informat bih. Kieku xi persuna fi ħdan Shell Petroleum jew f’Shell Nederland kienet ġiet informata bil-ksur, hija kienet taġixxi fuqu immedjatament. Shell iżżid tgħid li ma hemmx dubju li Shell Petroleum u Shell Nederland kienu jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq Shell Nederland Chemie biex iwaqqfu l-ksur kieku huma kellhom għarfien tiegħu. Dan ma jfissirx, madankollu, li huma influwenzaw effettivament l-aġir ta’ Shell Nederland Chemie fis-suq ikkonċernat matul il-perijodu tal-ksur.

65      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li l-elementi mressqa minn Shell ma humiex suffiċjenti biex tirribatti l-preżunzjoni li teżisti f’dan il-każ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

66      Għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li, minħabba l-pussess dirett jew indirett tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha, Shell Petroleum eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tagħhom.

67      Għaldaqstant kienet Shell li kellha tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li l-imsemmija sussidjarji kienu jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu b’tali mod li ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika magħha u, għalhekk, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

68      B’mod iktar partikolari, kienet Shell li kellha tressaq kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn is-sussidjarji tagħha li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65).

69      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-elementi mressqa minn Shell huma intiżi essenzjalment li jissostanzjaw li, fid-dawl tar-rwol mogħti lill-kumpanniji Shell Nederland u Shell Petroleum, dawn ma setgħux jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-operazzjonijiet kummerċjali ta’ Shell Nederland Chemie, b’mod partikolari fis-suq li fih twettaq il-ksur. B’mod iktar speċifiku, ħadd mill-impjegati ta’ Shell Nederland u ta’ Shell Petroleum ma kien involut fil-ksur, u lanqas kellhom għarfien dwaru.

70      Għalhekk ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur, bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja u inqas u inqas ma hija implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punti 58 u 83). B’mod partikolari, il-fatt li Shell Petroleum hija biss holding u mhux operazzjonali, li ftit li xejn tintervjeni fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, ma jistax ikun biżżejjed biex jeskludi li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji msemmija billi tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tikkonsolida l-holdings f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-uniformità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il‑Kummissjoni, T‑168/05, Ġabra p. II‑180, punt 76).

71      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ssostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-preżunzjoni li għandhom kontrihom il-kumpanniji parents hija msaħħa f’dan il-każ bir-rabtiet li jgħaqqdu lil Shell Nederland Chemie u lil Shell Nederland u Shell Petroleum, rispettivament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrileva li ċerti impjegati ta’ Shell Nederland Chemie kienu jwieġbu għall-għemil tagħhom ma’ impjegati oħra ta’ Shell Nederland u ta’ Shell Petroleum. Shell ma kkontestatx dawn l-elementi quddiem il-Qorti Ġenerali.

72      Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni ta’ Shell fejn tgħid li, li kieku persuna fi ħdan Shell Petroleum jew Shell Nederland kienet ġiet informata bi ksur, hija kienet taġixxi immedjatament fuqu, ma hijiex tali li turi l-awtonomija ta’ Shell Nederland Chemie. Min-naħa l-oħra, din l-affermazzjoni hija ta’ natura tali li tikkorrobora l-preżunzjoni li l-kumpanniji parent eżerċitaw, f’dan il-każ, influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħhom.

73      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-argumenti ta’ Shell ma jistgħux jikkontestaw il-fatt li Shell Petroleum u s-sussidjarji tagħha setgħu jitqiesu bħala entità ekonomika waħda. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-konsegwenzi tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Shell tenfasizza li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija indirizzata lil Shell Nederland jew lil Shell Petroleum, jaffettwa l-ammont tal-multa.

75      Kieku l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija indirizzata lil Shell Nederland u lil Shell Petroleum, jew lil Shell Petroleum biss, l-annullamenti msemmija jkollhom effett fuq l-applikazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni dissważiv (ibbażat fid-deċiżjoni kkontestata fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Shell Petroleum) u ta’ żieda minħabba reċidiva. Konsegwentement, il-multa għandha titnaqqas fir-rigward ta’ Shell Nederland Chemie, jew ta’ Shell Nederland Chemie u ta’ Shell Nederland, skont il-każ.

76      Barra minn hekk, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija indirizzata lil Shell Nederland u lil Shell Petroleum, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Shell Nederland Chemie ma jistax jeċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul is-sena finanzjarja ta’ qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

77      Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Meħud kont tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni parti, hija ssostni li ma wettqitx żball meta imputat il-ksur lil Shell Nederland u lil Shell Petroleum u bil-fatt li ffissat, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża li lilha ġie imputat il-ksur.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

78      It-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Shell hija bbażata fuq l-ipotesi li l-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ewwel u t-tieni parti tal-istess motiv.

79      Peress li l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv imqajjem minn Shell ġew miċħuda bħala infondati, it-tielet parti tal-istess motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

80      Għaldaqstant, l-ewwel motiv imqajjem minn Shell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq iż-żieda mhux ġustifikata tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva

81      Shell issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 meta żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa li ġie imposta lilha, minħabba reċidiva.

82      It-tieni motiv ta’ Shell jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Shell issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest tat-tieni parti, Shell issostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skont l-Artikolu 253 KE.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Shell tirrikonoxxi li la l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-linji gwida ma jipprevedu terminu massimu li jippermetti lill-Kummissjoni li tikkonstata li impriża kienet saret reċidiva. Madankollu, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331), u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro ta’ din is-sentenza (Ġabra p. I‑1337), Shell issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ eżaminat.

84      F’dan ir-rigward, Shell tenfasizza li l-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.149 – Polypropylene) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Polypropylene”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC II”), imsemmija mill-Kummissjoni biex tissostanzja l-analiżi tagħha dwar ir-reċidiva, twettqu iktar minn 20 sena ilu u waqfu fi tmiem is-sena 1983. Barra minn hekk, iż-żewġ deċiżjonijiet inizjali tal-Kummissjoni f’dawn iż-żewġ kawżi jirrigwardaw it-tieni nofs tas-snin 80.

85      Fit-tieni lok, Shell uriet lill-Kummissjoni li hija kienet biddlet l-aġir tagħha wara l-ksur li wassal għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. B’mod partikolari, fl-1992 Shell introduċiet programm li jirrigwarda l-osservanza tar-regoli li jipprojbixxu l-akkordji. Shell tirreferi, f’dan ir-rigward, għal diversi dokumenti pprovduti lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li jiddeskrivu l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-programm implementat. Shell ma kellhiex tittollera l-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mwettqa mill-impjegati tagħha u kellha tieħu miżuri dixxiplinarji serji fil-każ li jseħħ tali ksur. It-twaqqif ta’ programm ta’ kondotta wara l-ksur preċedenti u l-implementazzjoni stretta tal-programm imsemmi juru b’mod ċar li Shell ma injoratx il-multi li kienu ġew imposti fuqha preċedentement, iżda, min-naħa l-oħra, li hija għamlet l-isforzi kollha possibbli biex tevita li jseħħ ksur simili. Hija tenfasizza li l-ksur preżenti huwa imputabbli lil aġir malizzjuż min-naħa ta’ żewġ impjegati li aġixxew għal rashom, li, fuq kollox, kienu ġew imħarrġa fir-rigward tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Shell tenfasizza, f’dan ir-rigward, li teżisti differenza bejn ir-responsabbiltà ta’ impriża fil-kuntest ta’ ksur – ħaġa li Shell ma tikkontestax fir-rigward ta’ Shell Nederland Chemie – u ż-żieda tal-multa minħabba reċidiva. L-implementazzjoni, b’mod partikolari, ta’ programmi intiżi għall-osservazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ma twassalx, kif issostni l-Kummissjoni, biex tillibera lill-kumpanniji parent mir-responsabbiltà tagħhom.

86      Fit-tielet lok, l-impenn sinċier ta’ Shell biex tikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni jintwera wkoll bil-fatt li hija ma waqfitx tikkollabora mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni kollha. Shell marret lil hinn mid-dmir ta’ kooperazzjoni tagħha li normalment huwa meħtieġ f’din it-tip ta’ proċedura. B’mod partikolari, għalkemm hija biegħet l-attivitajiet tagħha relatati mal-GB u mal-GSB lil Dow Chemical fl-1999, għalkemm wieħed mill-impjegati kkonċernati rtira fl-1997 u għalkemm l-ieħor telaq għalissa minn mal-impriża, Shell għamlet investigazzjonijiet idettaljati biex tipprovdi ħafna elementi lill-Kummissjoni. Din tal-aħħar, fil-fatt, użat ħafna t-tweġiba ta’ Shell għall-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari biex tikkorrobora l-fajl tagħha fil-kuntest tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid-deċiżjoni kkontestata, hija ħadet ukoll siltiet twal mid-dikjarazzjoniijiet magħmula minn Shell bħala provi tal-ksur. Shell ikkollaborat fil-parti l-kbira f’mument fejn “l-introduzzjoni ta’ talba għal klemenza ma [kinitx tippermettilha] li tinvoka l-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ammissjoni tal-fatti tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata). Shell iżżid tgħid li, fl-iskritturi tagħha, il-Kummissjoni tipprova timminimizza l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, tat-trasferiment tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB lil Dow Chemical fl-1999 u l-iskoperta tardiva tal-ksur internament, Shell issostni li hija offriet kooperazzjoni sħiħa lill-Kummissjoni. Bl-istess mod, wara li rċeviet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Shell irrikonoxxiet il-ksur imwettaq minn Shell Nederland Chemie. Barra minn hekk, Shell tinsisti li tenfasizza li l-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest taż-żieda minħabba reċidiva hija distinta minn dik dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

87      Il-preżenza eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li jagħmluh differenti b’mod partikolari mill-kawża li tat lok għas-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, kellha twassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li ma kienx hemm biżżejjed elementi li jikkonfermaw it-tendenza ta’ Shell biex tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni.

88      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Shell tikkunsidra li żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa, minħabba reċidiva, għandha titqies li hija sproporzjonata u tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward jew, sussidjarjament, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Shell għandu jitnaqqas.

89      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li l-elementi ta’ din il-kawża kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      Il-punt 2 tal-linji gwida jsemmi, bħala eżempju ta’ ċirkustanzi aggravanti, il-“ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”.

91      Il‑kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill‑ġdid wara li kienet ġiet sanzjonata għal ksur li jixxiebah (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II-4071, punt 284).

92      Ir-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 91 u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni,punt 83 iktar ’il fuq, punt 26).

93      Il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna l-għażla ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li jridu obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mill-imsemmija setgħa tal-Kummissjoni u din tal-aħħar ma tistax tkun marbuta minn eventwali terminu ta’ preskrizzjoni għal tali konstatazzjoni (sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar’il fuq, punti 37 u 38).

94      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li Shell kienet diġà destinatarja ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju (jiġifieri d-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, punt 84 iktar ’il fuq). Dan juri li l-ewwel multi ma kinux suffiċjenti biex Shell tbiddel l-aġir tagħha. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ir-reċidiva tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika żieda ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa ta’ Shell (premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rilevat li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata beda ftit iktar minn għaxar snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropylene u inqas minn sentejn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni PVC II. Ir-ripetizzjoni min-naħa ta’ Shell ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, b’mod partikolari ftit żmien wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni PVC II, fejn din l-aħħar deċiżjoni ġiet adottata inqas minn għaxar snin wara d-deċiżjoni Polypropylene, turi t-tendenza ta’ Shell li ma tapplikax il-konsegwenzi adegwati tal-konstatazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 355, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 464). Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża fuq id-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II sabiex tikkonstata r-reċidiva ta’ Shell fil-kuntest ta’ din il-kawża, u dan mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali invokat minn Shell.

96      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-miżuri adottati minn Shell bil-għan li tosserva d-dritt tal-kompetizzjoni, dawn ma jistgħux jaffettwaw ir-realtà tal-ksur li seħħ u r-reċidiva li ġiet ikkonstata f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 52). Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ programm ta’ konformità mill-impriża kkonċernata ma tobbligax lill-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-multa minħabba dan il-fatt (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punti 266 u 267, u BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ effettività tal-miżuri interni meħuda minn impriżi sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 144). F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri adottati minn Shell ma wassluhiex biex tirraporta l-akkordju, peress li hija aċċettat li tikkoopera biss malli ġiet informata bl-eżistenza tal-ilmenti mressqa kontriha.

97      Fit-tielet lok, fl-istess sens, il-kooperazzjoni ta’ Shell matul il-proċedura amministrattiva ma tistax tneħħi n-natura ta’ ċirkustanza aggravanti li għandha r-reċidiva tagħha. Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn Shell f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

98      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Shell li ż-żieda applikata hija sproporzjonata, għandu jitfakkar li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali u li hija ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża. Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha. Issa, ir-reċidiva hija ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, ir-reċidiva tikkostitwixxi l-prova li s-sanzjoni preċedentement imposta ma kinitx suffiċjentement dissważiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 293; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar’il fuq, punt 348, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T-53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 398). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tista’, billi tiffissa rata ta’ żieda minħabba reċidiva, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jikkonfermaw il-propensità tal-impriża kkonċernata li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż iż-żmien li jkun għadda bejn il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Outokumpu u Luvata vs Il‑Kummissjoni, T‑122/04, Ġabra p. II‑1135, punt 62). F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ksur inkwistjoni huwa t-tielet tal-istess tip li minħabba fih Shell hija destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-ksur inkwistjoni fid-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II kellhom l-għan, l-istess bħal dak li wassal għal din il-kawża, li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim tas-sehem mis-suq. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-ksur inkwistjoni beda inqas minn sentejn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni PVC II. Issa, minkejja l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, Shell ippersistiet, fil-viċin, b’aġir li jikkostitwixxi ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda wieħed mill-elementi invokati ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li ż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa ta’ 50 % sabiex torjenta l-aġir ta’ Shell lejn l-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni, hija sproporzjonata.

99      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Kieku l-Qorti Ġenerali kellha tqis li ż-żieda ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa ma tiksirx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, Shell issostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skont l-Artikolu 253 KE.

101    Shell tenfasizza, f’dan ir-rigward, li hija kienet indikat, fit-tweġiba tagħha għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li żieda fl-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva hija inutli u mhux raġonevoli, fid-dawl tat-twaqqif u implementazzjoni stretta ta’ programm li jikkonċerna l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni.

102    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli twieġeb għall-argumenti invokati minn Shell. Flok dan, fil-premessi 488 u 489 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat diversi kwistjonijiet oħra li ma tqajjmux minn Shell. Din tal-aħħar issostni li l-Kummissjoni, fil-fatt, wieġbet għall-argumenti mressqa minn ċerti impriżi li jappartjenu lill-grupp tagħha fil-kuntest ta’ kawża oħra. Shell tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessi 337 u 338 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Ottubru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/F/38.456 – Bitum – il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Bitum”) mehmuża bħala anness mar-rikors. Il-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li twieġeb, skont il-każ, għall-argumenti kollha tal-partijiet ma jbiddilx din il-konklużjoni.

103    Il-fatt li l-Kummissjoni injorat kompletament l-argumenti li Shell effettivament ressqet fit-tweġibiet tagħha għall-ewwel u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-osservazzjonijiet tagħha ta’ qabel is-seduta u trattat, min-naħa l-oħra, l-argumenti invokati fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-deċiżjoni Bitum huwa ekwivalenti għal nuqqas ta’ motivazzjoni li jmur kontra l-Artikolu 253 KE. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward.

104    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali riflessi fl-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

105    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

106    Ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 73, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 463).

107    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni identifikat b’mod ċar, fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li ppermettewlha li tikkonstata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fil-konfront ta’ Shell. Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżuri adottati minn Shell biex tosserva d-dritt tal-kompetizzjoni, dawn ma humiex rilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-eżistenza tal-ksur u tar-reċidiva (ara l-punt 96 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni, ma wieġbitx għall-argumenti mressqa minn Shell f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva ma jistax jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni rigward l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed jekk tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma importanti fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Arkema vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni semmiet raġunijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-akkordju dwar il-GB u l-GSB, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-fatt, jekk wieħed jippreżumi li ġie stabbilit, ma huwiex tali li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li din kienet motivata suffiċjentement skont id-dritt, kif għadu kif ġie kkonstatat.

108    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

109    Shell issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 meta applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni biex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa.

110    It-tielet motiv ta’ Shell jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Shell issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest tat-tieni parti, Shell issostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

111    Shell tfakkar li l-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa f’dak li jikkonċernaha (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata). Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni użat id-dħul mill-bejgħ ta’ Shell Petroleum għas-sena 2005, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 246 549 biljun.

112    Issa, fid-deċiżjoni Bitum il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-istess dħul mill-bejgħ ta’ Shell Petroleum għas-sena 2005, iżda ddeċidiet li tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tnejn.

113    Din id-differenza tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Shell tindika, f’dan ir-rigward, li s-sitwazzjonijiet li jikkaratterizzaw din il-kawża u dik li tat lok għad-deċiżjoni Bitum huma paragunabbli, peress li ż-żewġ deċiżjonijiet ġew adottati fl-2006 b’xahrejn u nofs żmien bejniethom, li l-ksur ġie imputat lil Shell Petroleum u li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni huwa bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ din tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li, fid-dawl tad-daqs tagħha, il-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv. Peress li fiż-żewġ każijiet, l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat irid ikun ibbażat fuq id-daqs tal-impriża u peress li l-impriża li għandha tiġi sanzjonata hija l-istess, tali trattament differenti ma huwiex oġġettivament ġustifikat. Shell iżżid tgħid li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplika anki Fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun applikat korrettement il-linji gwida. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-każ ineżami hija eċċezzjonali u, għaldaqstant, għadha ma ġietx ittrattata mill-qorti tal-Unjoni.

114    Ir-riferiment qasir magħmul mill-Kummissjoni għaċ-“ċirkustanzi tal-każ ineżami” ma jistax jiġġustifika trattament differenti. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li żżid l-ammont tal-multa f’fażi separata fil-proċess tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għandha tkun ibbażata esklużivament fuq id-daqs tal-impriża li hija għandha l-intenzjoni li tissanzjona. Ir-raġuni wara dan ir-raġunament hija li impriża li għandha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa imposta fuqha. F’dan ir-rigward, b’kuntrast għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, Shell hija wkoll, kif tgħid id-deċiżjoni Bitum, l-ikbar impriża li wettqet ksur. Iktar minn hekk, id-“differenzi li jirrigwardaw id-daqs globali” bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fiż-żewġ kawżi ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni differenti fil-konfront ta’ Shell. Fil-fatt, fiż-żewġ kawżi, l-impriżi li fil-konfront tagħhom ġie applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ wieħed kellhom dħul mill-bejgħ inqas minn EUR 10 biljun. Fiż-żewġ każijiet, l-ikbar impriża li ġiet ikkonstatata li pparteċipat fil-ksur hija Shell, bi dħul mill-bejgħ fl-ammont ta’ EUR 246 549 biljun.

115    Għal dawn ir-raġunijiet, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata jew, sussidjarjament, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Shell għandu jitnaqqas billi jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tnejn flok tlieta.

116    Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għall-ewwel motiv, Shell iżżid tgħid li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta għall-multa li għandha tiġi imposta fuq Shell Nederland Chemie hija sproporzjonata u tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jekk il-ksur ma jistax jiġi imputat lil Shell Nederland jew lil Shell Petroleum. F’dak il-każ, l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ nett dinji ta’ Shell Nederland għas-sena 2005 (EUR 25 041 biljun) jew fuq dak ta’ Shell Nederland Chemie għall-istess sena (EUR 1 186 biljun). Dan jimplika li ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ma għandu jiġi applikat għall-multa li għandha tiġi imposta lil Shell Nederland Chemie jew lil Shell Nederland Chemie u Shell Nederland, jew, l-iktar, fattur ta’ 1.5.

117    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni jintużaw biex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fid-daqs globali u li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat f’dan il-każ għal Shell ma huwiex sproporzjonat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

118    Il-linji gwida jipprovdu li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq u d-daqs ġeografiku tiegħu, huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida).

119    Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li hija tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi l-obbligu li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika, fir-rigward tal-kompetizzjoni, il-prinċipji stabbiliti mit-trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 u 106; sentenzi ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 166, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 169).

120    Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, min-naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra ta’ akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, ta’ multa proporzjonalment ogħla minn dik li tissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 241 u 243; ara, wkoll, is-sentenzi ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 170, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 235).

121    Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, ir-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa f’akkordju sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punti 85 u 86, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, C‑57/02 P, Ġabra p. I‑6689, punti 74 u 75); ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 17).

122    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tfittex fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tal-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Minn dan isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet “multiplikatur ta’ dissważjoni” li bih tkun ġiet miżjuda l-multa imposta fuq impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punti 23 u 24).

123    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li, qabelxejn, fid-deċiżjoni kkontestata, fi ħdan il-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala ta’ sanzjonijiet kienet tippermetti li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi f’livell li jiżgura n-natura suffiċjentement dissważiva tagħhom, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża. Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati, li sar fis-sena 2005, il-Kummissjoni rrilevat li kien hemm differenza kbira fid-daqs bejn Kaučuk (EUR 2 718 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u Stomil (EUR 38 miljun ta’ dħul mill-bejgħ), min-naħa waħda, u l-impriżi kkonċernati l-oħra, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari Bayer (EUR 27 383 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), jiġifieri l-ewwel waħda mill-impriżi ta’ daqs kbir imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Abbażi ta’ dan, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellu jiġi impost ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv fuq Kaučuk u Stomil u, fir-rigward ta’ Bayer, kien xieraq li jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5. Fl-aħħar nett, dejjem abbażi ta’ dan u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni imponiet koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.75 lil Dow (EUR 37 221 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), ta’ 2 lil EniChem (EUR 73 738 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u ta’ 3 lil Shell (EUR 246 549 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    L-argumenti ta’ Shell huma bbażati essenzjalment fuq il-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat f’dan il-każ ma kellux jeċċedi dak adottat fid-deċiżjoni Bitum, u dan minħabba l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

125    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u hija ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra, p. I‑1843, punt 82). Isegwi li Shell ma tistax tinvoka l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123).

126    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, Ġabra p. I‑2681, punt 25; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 152).

127    Issa, f’dan il-każ, Shell ma hijiex iġġustifikata ssostni li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma identiċi. Ċertament huwa minnu li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża huwa element rilevanti għall-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv u li, f’dan ir-rigward, id-dħul mill-bejgħ ta’ Shell ikkonstatat fid-deċiżjoni Bitum huwa identiku għal dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bdiet billi tistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv li japplikaw għal Kaučuk u Stomil, billi kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kellu jiġi applikat kontrihom ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni. Fuq din il-bażi, u filwaqt li pproċediet b’paragun tad-daqsijiet tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni stabbilixxiet koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv li japplika għall-impriżi l-oħra, u b’mod partikolari, għal Shell. Minn dan jirriżulta li l-iffissar, f’dan il-każ, tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv isir, min-naħa waħda, abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, abbażi tad-daqs relattiv ta’ kull impriża. Issa, id-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata huwa differenti minn dak tal-impriżi milquta bid-deċiżjoni Bitum. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ġew stabbiliti inizjalment abbażi ta’ impriżi ta’ daqs iżgħar. Shell ma ressqitx argumenti speċifiċi biex tikkontesta l-metodu magħżul mill-Kummissjoni, u lanqas il-koeffiċjenti adottati f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Shell fejn tgħid li, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tad-deċiżjoni Bitum, hija kienet l-ikbar impriża, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-differenza fid-dħul mill-bejgħ globali bejn Shell u l-impriża li ppreċedietha kienet ħafna ikbar f’din il-kawża, u dan kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u, sussegwentement, li l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni li servew ta’ bażi għall-paragun relattiv bejn l-impriżi kkonċernati kienu differenti fiż-żewġ deċiżjonijiet.

128    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kawża li tat lok għad-deċiżjoni Bitum, il-Kummissjoni kkonstatat, l-istess bħal f’dan il-każ, li l-ksur inkwistjoni kien serju ħafna (premessa 316 tad-deċiżjoni Bitum). Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fid-deċiżjoni Bitum, li l-ksur inkwistjoni kien jikkonċerna Stat Membru wieħed biss, li l-valur tas-suq kien relattivament baxx (jiġifieri EUR 62 miljun għas-sena 2001, li hija l-aħħar sena sħiħa tal-ksur) u li n-numru ta’ parteċipanti fl-akkordju kien kbir (erbatax-il impriża) (premessa 317 tad-deċiżjoni Bitum). Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex preżenti f’dan il-każ.

129    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jintlaqa’.

130    Inkwantu l-motiv ta’ Shell li huwa intiż li jikkontesta l-proporzjonalità tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni kkonstatat huwa bbażat ukoll fuq paragun mad-deċiżjoni Bitum u fin-nuqqas ta’ argumenti iktar sostanzjati, dan il-motiv għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

131    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tat-tielet motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

132    Fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta ma jiksirx il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, Shell issostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 253 KE. Fil-fatt, filwaqt li tagħmel riferiment għaċ-“ċirkustanzi tal-każ” biex tapplika l-imsemmi koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, il-Kummissjoni tonqos milli tindika liema huma ċ-ċirkustanzi msemmija, u kif huma jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta u b’liema mod dawn huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għad-deċiżjoni Bitum, b’mod li dawn iż-żewġ kawżi jistħoqqilhom trattament differenti mill-aspett ta’ dissważjoni. Minn dan, Shell tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

133    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda. Hija tindika, b’mod partikolari, li jeżistu differenzi oġġettivi bejn din il-kawża u dik li tat lok għad-deċiżjoni Bitum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindika r-raġunijiet li għalihom l-ammont magħżul għall-kalkolu tal-multa ma kienx l-istess f’din il-kawża.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

134    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni indikat li, biex tiżgura natura suffiċjentement dissważiva tal-multa, hija tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni użat id-dħul mill-bejgħ globali tas-sena 2005 tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet paragun bejn id-daqs rispettiv tad-diversi impriżi għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ Shell, il-Kummissjoni indikat li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża huwa diversi drabi ikbar minn dak ta’ kwalunkwe impriża oħra kkonċernata. Minn dan jirriżulta li l-elementi li ppermettew lill-Kummissjoni li tiffissa l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni tal-multa imposta fuq Shell jirriżultaw b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

135    Il-fatt li l-Kummissjoni għamlet riferiment, barra minn hekk, għaċ-“ċirkustanzi tal-każ ineżami” ma jistax jikkonfuta din il-konklużjoni. Fil-fatt, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu għal elementi oħra ħlief id-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati biex tiffissa l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, ħaġa li l-Kummissjoni kkonfermat ukoll waqt is-seduta. Barra minn hekk, l-espressjoni “ċirkustanzi tal-każ ineżami” tista’ tinftiehem perfettament li tirreferi, ġustament, għad-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati.

136    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment għall-kawża li tat lok għad-deċiżjoni Bitum, u peress li dik il-kawża u l-kawża ineżami huma bbażati fuq sitwazzjonijiet fattwali differenti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati (ara l-punti 127 u 128 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tindika r-raġunijiet li għalihom il-koeffiċjent ta’ multipliazzjoni b’għan dissważiv ma kienx identiku.

137    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni parti tat-tielet motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa

138    Shell issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 meta ffissat b’mod żbaljat l-ammont inizjali tal-multa fejn din tikkonċernaha.

139    Ir-raba’ motiv ta’ Shell jinqasam f’erba’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Shell issostni li l-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti u mhux ġustifikat, l-ammonti inizjali tal-multi. Fil-kuntest tat-tieni parti, Shell issostni li l-ammonti inizjali tal-multi magħżula mill-Kummissjoni ma humiex preċiżi. Fil-kuntest tat-tielet parti, Shell tindika li l-ammont inizjali kkkonstatat fil-konfront tagħha jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-kuntest tar-raba’ parti, Shell issostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni mhux ġustifikata ta’ trattament differenti tal-ammonti inizjali tal-multa

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Shell issostni li, skont il-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti l-ammonti inizjali tal-multi biex “tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Madankollu, il-Kummissjoni tikkontradixxi l-pożizzjoni tagħha li ġiet espressa fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn tgħid li “huwa impossibbli li jitkejjel l-impatt reali fis-suq taż-ŻEE mill-kumplessi ta’ ftehim li jikkostitwixxu l-ksur” u konsegwentement, hija “ma hijiex ser tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt fis-suq biex tistabbilixxi l-multi applikabbli f’dan il-każ [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Kif ammettiet il-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, it-trattament differenti tal-ammonti inizjali tal-multi huwa bbażat fuq il-fatt li l-“kapaċità ekonomika reali” li “tikkawża dannu kbir lill-kompetizzjoni” hija iktar għolja meta l-volum tal-bejgħ (u s-sehem mis-suq korrispondenti) ta’ impriża partikolari, fis-suq rilevanti, jkun ikbar.

141    Shell tfakkar, f’dan ir-rigward, l-elementi ta’ informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li juru n-nuqqas ta’ impatt fis-suq. La fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pproduċiet xi prova speċifika li turi li l-ftehim jew il-prattiki miftiehma kellhom impatt fis-suq.

142    Barra minn hekk, l-affermazzjoni li l-“ftehim antikompetittivi ġew implementati mill-produtturi u din l-implementazzjoni kellha effettivament impatt fis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata) tibqa’ essenzjalment infondata. Ma teżisti ebda prova speċifika, li tissemma fid-deċiżjoni kkontestata jew li tinsab fil-fajl, li turi li l-ftehim jew il-prattiki miftiehma ġew implementati u kellhom impatt fis-suq.

143    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi differenza bejn l-ammonti inizjali tal-multi, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt reali tal-ksur fuq il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni kienet obbligata, bil-kontra, li tagħżel l-istess ammont inizjali tal-multa għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tan-natura oġġettiva tal-ksur. F’dan il-każ, Shell tirrileva li l-Kummissjoni ffissat, għal Stomil, ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 5.5 miljun. Xejn ma jiġġustifika li għal Shell jiġi stabbilit ammont inizjali tal-multa li jkun ogħla.

144    Fi kwalunkwe każ, bl-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi, il-Kummissjoni tat piż wisq importanti lill-impatt preżunt – iżda mhux stabbilit – li kull parteċipant fl-akkordju kellu fuq il-ksur. Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, il-gravità oġġettiva tal-ksur hija l-element prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit l-ammont inizjali tal-multa. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għażlet, għal Shell, ammont inizjali tal-multa ħames darbiet ogħla minn dak li hija ffissat għall-multa imposta fuq Stomil. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-multa imposta fuq Shell għandha titnaqqas b’mod sostanzjali.

145    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda. Hija tindika, b’mod partikolari, li Shell tidher li qiegħdha tfixkel it-trattament differenti mal-konstatazzjoni tal-impatt tal-ksur.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

146    Il-linji gwida jiddistingwu l-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida). Barra minn hekk, id-differenza magħmula bejn l-impriżi tikkonsisti f’li tiġi ddeterminata, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Punt 1 A tal-linji gwida, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju bl-għan tal-klassifikazzjoni tagħha fil-kategorija adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 225; ara wkoll is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 360).

147    F’dan il-każ, wara li kkonstatat li l-ksur inkwistjoni kien serju ħafna (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti l-impriżi kkonċernati skont id-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom ta’ GB u GSB għas-sena 2001, li hija l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ħlief għal Shell (sena 1998) u Stomil (sena 1999). Il-Kummissjoni kklassifikat lill-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji, fejn Shell kienet fit-tielet waħda (multa f’ammont inizjali ta’ EUR 27.5 miljun) (premessi 465 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

148    Shell issostni prinċipalment, li l-Kummissjoni wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li, fl-istess ħin, hija indikat li kien impossibbli li jitkejjel l-impatt reali tal-ksur.

149    Issa, għandha ssir distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju, u l-impatt konkret tal-ksur imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida. F’dan l-aħħar każ, l-impatt konkret tal-ksur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, meta dan jista’ jitkejjel, biex issir il-klassifikazzjoni tal-ksur fi ksur ftit serju, serju jew serju ħafna. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, min-naħa tagħha, biex isir bilanċ tal-ammonti skont il-gravità tal-ksur.

150    Għaldaqstant, anki fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur li jista’ jitkejjel, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, u wara li tkun ikklassifikat il-ksur bħala ftit serju, serju jew serju ħafna, li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

151    Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn Shell f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

152    Fir-rigward tal-argumenti mressqa sussidjarjament, Shell issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni tat wisq importanza lill-“piż speċifiku” tal-impriżi membri fl-akkordju, meta pparagunat mal-gravità tal-ksur. Għaldaqstant, it-trattament differenti mogħti mill-Kummissjoni lill-impriżi kkonċernati ma huwiex ġustifikat meta l-gravità tal-ksur hija l-istess għal kollha kemm huma.

153    Għandu jiġi kkunsidrat li, bl-argumenti tagħha, Shell tinvoka, fil-fatt, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Issa, Shell ma tikkontestax l-eżistenza ta’ differenzi, xi kultant anki kunsiderevoli, bejn l-impriżi fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom tal-GB u l-GSB, għas-snin ikkonstatati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mis-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, li l-Kummissjoni tista’ tiżen l-ammont tal-multa biex tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-aġir ta’ kull impriża li jikkostitwixxi ksur.

154    Għaldaqstant, meta ffissat l-ammont inizjali tal-multa f’livell ogħla għal impriżi li għandhom sehem mis-suq relattivament ikbar mill-oħrajn fis-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-influwenza effettiva li l-impriża kienet teżerċita f’dan is-suq. Fil-fatt, dan l-element huwa l-espressjoni tal-livell ta’ responsabblità ogħla ta’ impriżi li għandhom sehem mis-suq relattivament ikbar minn dak tal-oħrajn fis-suq għad-dannu li jsir lill-kompetizzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-konsumaturi meta jiġi konkluż akkordju sigriet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 230).

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa minn Shell sussidjarjament għandhom jiġu miċħuda.

156    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tar-raba’ motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-iffissar mhux preċiż tal-ammonti inizjali tal-multi

–       L-argumenti tal-partijiet

157    Kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ġustifikata li tagħti trattament differenti lill-ammonti inizjali tal-multi, Shell issostni li, fi kwalunkwe każ, l-ammonti magħżula mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-ammont inizjali magħżul għal Shell, imorru kontra l-linji gwida. B’mod partikolari, Shell issostni li l-Kummissjoni kellha tikklassifika dan il-ksur bħala serju, fis-sens tal-linji gwida, u mhux bħala serju ħafna.

158    B’dan il-mod, Shell tindika li l-ksur ikkonċernat ma kienx jikkostitwixxi, strettament, akkordju organizzat li bih l-impriżi kompetituri jiftiehmu fuq il-prezzijiet tal-bejgħ u fuq it-tqassim tas-sehem mis-suq, jissorveljaw reċiprokament il-politika tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet u tal-bejgħ, jimplementaw mekkaniżmu ta’ kumpens sabiex jiżguraw l-osservanza tal-akkordju u jissanzjonaw l-aġir li ma jsegwix il-miri ta’ prezzijiet. Min-naħa l-oħra, il-ftehim inkwistjoni kienu ġew konklużi f’kuntest informali, normalment wara skambji bilaterali jew trilaterali, iktar milli f’kuntest ta’ laqgħa uffiċjali li tiġbor il-grupp ta’ parteċipanti kollu. Barra minn hekk, il-ksur ma kellux impatt fis-suq. F’dan ir-rigward, Shell tirrileva li l-premessi 134 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, bl-ebda mod ma jipprovaw li l-akkordju ġie implementat. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ sanzjoni u l-fatt li l-impriżi kkonċernati lmentaw fuq xulxin li ma osservawx il-ftehim inkwistjoni ma jagħmlux ħlief isaħħu l-konklużjoni li dawn il-ftehim, effettivament, ma ġewx implementati.

159    Barra minn hekk, b’riferiment għal tliet deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni f’kawżi oħrajn, Shell issostni li l-Kummissjoni kklassifikat fil-kategorija tal-ksur serji, ksur li għandu grad ta’ sofistikazzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dak tal-ksur inkwistjoni.

160    Minn dan Shell tikkonkludi li, fil-każ ta’ ksur serju, l-ammont inizjali tal-multa ma jistax jeċċedi EUR 20 miljun. Għaldaqstant, billi ffissat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Shell għall-ammont ta’ EUR 27.5 miljun, il-Kummissjoni kisret il-linji gwida.

161    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-akkordji sigrieti, bħal dak ineżami, jikkostitwixxu l-ksur l-iktar serji, b’mod li huwa korrett li dan il-ksur jiġi kklassifikat bħala serju ħafna. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li tiġi evalwata l-implementazzjoni jew l-impatt ta’ akkordju sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur serju ħafna.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

162    Il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 465, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241).

163    Fost l-elementi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fil-konklużjoni tal-akkordju, il-profitt li huma setgħu jieħdu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Barra minn hekk, il-linji gwida jipprevedu, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fis-suq meta dan jista’ jkun ikkalkulat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa għalhekk ikklassifikat fi tliet kategoriji, li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida).

165    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, issostni, l-ewwel nett, li l-impriżi kkonċernati kkonkludew ftehim li jirrigwarda l-miri ta’ prezzijiet kif ukoll it-tqassim tas-suq u skambjaw data kummerċjali sensittiva. Għall-Kummissjoni, dawn il-prattiki huma, min-natura tagħhom, ksur serji ħafna (premessa 461 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni tindika li ma huwiex possibbli li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju fis-suq taż-ŻEE. Il-Kummissjoni żżid tgħid ukoll li, anki jekk ma huwiex possibbli li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju, il-ftehim inkwistjoni ġew implementati mill-impriżi kkonċernati u kellhom, għaldaqstant, effett fis-suq. Il-Kummissjoni tikkonkludi billi tippreċiża li hija mhux ser tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt fis-suq biex tistabbilixxi l-ammont tal-multi (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-ksur ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

166    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, Shell ma tikkontestax l-għan illegali tal-akkordju, kif imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida li ftehim jew prattiki miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ sehem mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi l-impatt konkret tal-ksur fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 75; ara, wkoll, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178 u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 345). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħidhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 103, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 147).

167    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni kienu, min-natura tagħhom, ksur serji ħafna.

168    Fit-tieni lok, b’kuntrast ma’ dak li essenzjalment issostni Shell, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-multipliċità u s-simultanjetà tal-għanijiet segwiti mill-akkordju, u anki jekk dan l-akkordju kien ikkaratterizzat minn livell baxx ta’ formalità, huwa jagħti prova ta’ grad għoli ta’ elaborazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 149).

169    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni invokata minn Shell, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li Shell ma wrietx kif is-sitwazzjoni fattwali u legali li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija paragunabbli għal dik tad-deċiżjonijiet preċedenti invokati. Iktar minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni ċirkustanzjali tal-kawżi, b’mod partikolari l-prattiki antikompetittivi kkonċernati, ma humiex identiċi.

170    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni parti tar-raba’ motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

–       L-argumenti tal-partijiet

171    Jekk wieħed jippreżumi li l-ksur għandu jiġi kklassifikat bħala serju ħafna, fis-sens tal-linji gwida, Shell issostni li l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 27.5 miljun huwa sproporzjonat u jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fid-dawl tan-natura mhux strutturata tal-akkordju u n-nuqqas tal-impatt fis-suq, Shell issostni li l-ammonti inizjali tal-multi stabbiliti għal EniChem (EUR 55 miljun), l-ewwel attriċi fis-suq, u għaliha (EUR 27.5 miljun) ma jistgħux jiġu ġġustifikati billi ssir biss il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ksur serju ħafna u billi jsir riferiment biss għad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (Shell tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessi 465 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

172    In-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 55 miljun, imposta fuq EniChem, tidher iktar evidenti meta dan l-ammont jiġi pparagunat mal-ammonti inizjali stabbiliti mill-Kummissjoni f’kawżi simili li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li fihom il-ksur kien ħafna iktar sistematiku u strutturat jew li fihom kien hemm provi manifesti li dak il-ksur kellu impatt fis-suq. Shell tirreferi, f’dan ir-rigward, għal tliet deċiżjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni.

173    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ammonti inizjali tal-multi ta’ EUR 55 miljun għal EniChem u ta’ EUR 27.5 miljun għal Shell huma manifestament sproporzjonati u jmorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

174    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda. Hija tirrileva li l-ammonti inizjali tal-multi imposti fil-kawżi msemmija minn Shell jirriżultaw minn elementi speċifiċi għal kull każ. Kif tfakkar il-ġurisprudenza, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq; BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa ta’ Shell kien proporzjonat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

175    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il‑Kummissjoni, T‑260/94, Ġabra p. II-997, punt 144, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II-4653, punt 201). Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha f’dan ir-rigward tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar ’il fuq, punt 106; tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punti 416 sa 418, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1541).

176    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-ksur inkwistjoni tqies mill-Kummissjoni, ġustament, bħala li huwa serju ħafna (ara l-punti 162 sa 170 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-impriżi kkonċernati ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ assenza ta’ aggressjoni u li jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti. Barra minn hekk, l-akkordju inkwistjoni jkopri t-territorju taż-ŻEE kollu.

177    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 A tal-linji gwida, l-ammont tal-multa kontemplat għal ksur serju ħafna huwa ogħla minn EUR 20 miljun u għandu jiġi rrilevat li l-ammont inizjali tal-multa adottata għal Shell jirriżulta minn ċertu numru ta’ elementi, b’mod partikolari mill-ammont ta’ bejgħ ta’ GB u ta’ GSB magħmul minn din l-impriża fit-territorju taż-ŻEE fl-1998 (jiġifieri EUR 86.66 miljun) (premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata).

178    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-ammont tal-multa stabbilita għal Shell ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fejn dan il-limitu huwa intiż li jevita li l-impriża kkonċernata titpoġġa fl-impossibbiltà li tħallas il-multa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 119).

179    Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura mhux strutturata tal-akkordju u tal-assenza ta’ impatt fis-suq, għandu jitfakkar li dawn l-elementi ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ksur inkwistjoni kien wieħed serju ħafna (ara l-punti 162 sa 170 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami. F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u tal-elementi msemmija fil-punti 176 sa 178 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ssostni li ċ-ċirkustanzi allegati minn Shell, anki jekk wieħed jippreżumi li ġew ipprovati, ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ammont inizjali tal-multa adottat mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat.

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ argumenti iktar iddettaljati, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 27.5 miljun adottat għal Shell imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

181    Fir-rigward tal-fatt li l-ammonti inizjali tal-multi adottati f’dan il-każ huma ogħla minn dawk adottati f’kawżi oħra li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u li, minħabba dan il-fatt, inkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li hija tkun għamlet preċedentement. Minn dan isegwi li Shell ma tistax tinvoka l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq). Barra minn hekk u għall-finijiet ta’ kompletezza, Shell ma wrietx kif is-sitwazzjoni fattwali u legali li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija paragunabbli ma’ dik tad-deċiżjonijiet preċedenti msemmija.

182    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet parti tar-raba’ motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

183    Jekk wieħed jippreżumi li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ffissat l-ammont inizjali tal-multa, Shell issostni li r-riferiment qasir li sar mill-Kummissjoni għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ksur serju ħafna u għad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni ma huwiex biżżejjed biex jispjega l-għażla ta’ ammont inizjali ħafna iktar ogħla minn dawk adottati f’kawżi oħra reċenti paragunabbli.

184    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward, jew sussidjarjament, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Shell għandha titnaqqas b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura mhux strutturata tal-ksur u n-nuqqas ta’ impatt tiegħu fuq is-suq.

185    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda. Hija tfakkar li r-rekwiżiti ta’ formalità sostanzjali li jikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni jkunu sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni ssodisfat dawn ir-rekwiżiti fil-premessi 465 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha b’paragun ma’ deċiżjonijiet preċedenti oħra.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

186    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li l-premessi 461 sa 464 tad-deċiżjoni kkontestata fihom l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur inkwistjoni kien serju ħafna. Barra minn hekk, għar-raġunijiet espressi fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, id-deċiżjonijiet preċedenti invokati minn Shell insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha ma jippermettux li tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li timmotiva l-fatt li l-ammonti inizjali tal-multi adottati f’din il-kawża kienu ogħla minn dawk adottati f’kawżi li taw lok għal deċiżjonijiet preċedenti.

187    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv imqajjem minn Shell għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

188    Għaldaqstant, il-motivi intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

2.     Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

189    Inkwantu l-motivi mqajma minn Shell tressqu insostenn tal-kapijiet ta’ talbiet intiżi għat-tibdil fl-ammont tal-multa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, dawn il-motivi ma humiex ġustifikati u, konsegwentement, ma jistgħux iwasslu għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Dawn il-kapijiet ta’ talbiet għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

190    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, hekk kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Shell Petroleum NV, Shell Nederland BV u Shell Nederland Chemie BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

                              Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Shell Petroleum u lil Shell Nederland

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ imputabbiltŕ tal-ksur

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-konfutazzjoni ta’ preżunzjoni mressqa minn Shell Petroleum u Shell Nederland

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-konsegwenzi tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq iż-żieda mhux ġustifikata tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalitŕ

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalitŕ

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-iffissar żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni mhux ġustifikata ta’ trattament differenti tal-ammonti inizjali tal-multa

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-iffissar mhux preċiż tal-ammonti inizjali tal-multi

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż





* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.