Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-61/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. von Rintelen, K. Walkerová, G. Koleva)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, peress li naqset milli tadotta, sa mhux iktar tard mit-18 ta’ Settembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu 1 , jew, fi kwalunkwe każ, peress li naqset milli tinnotifika tali liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 14 089.60 għal kull jum b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

1. Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sat-18 ta’ Settembru 2016. Huma għandhom jinnotifikawhom minnufih lill-Kummissjoni. Fl-assenza ta’ notifika tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika tal-Bulgarija tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 14 089.60 għal kull jum. L-ammont tal-pagamenti ta’ penalità huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-gravità u tat-tul tal-ksur, kif ukoll fuq il-bażi tal-effett dissważiv u tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.

____________

1     ĠU 2014, L 257, p. 135.